Language of document : ECLI:EU:T:2022:833

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

21 ta’ Diċembru 2022 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Skema qafas intiża li tagħti appoġġ għall-ispejjeż fissi mhux koperti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 fil-Ġermanja – Deċiżjoni li ma jitqajmux oġġezzjonijiet – Qafas temporanju tal-għajnuna mill-Istat – Eżami individwali tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata – Miżura intiża li tirrimedja disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru – Proporzjonalità”

Fil-Kawża T‑260/21,

E. Breuninger GmbH & Co., stabbilita fi Stuttgart (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Velte u W. Meilicke, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn V. Bottka, G. Braga da Cruz u C. Kovács, bħala aġenti,

konvenuta,

sostnuta minn

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn P.‑L. Krüger u J. Möller, bħala aġenti,

intervenjenti,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn V. Tomljenović, President, F. Schalin, P. Škvařilová-Pelzl, I. Nõmm (Relatur) u D. Kukovec, Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑14 ta’ Settembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, E. Breuninger GmbH & Co, titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2020) 8318 final tal‑20 ta’ Novembru 2020 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.59289 (2020/N) – Il-Ġermanja COVID‑19 – Appoġġ favur spejjeż fissi mhux koperti (ĠU 2022, C 124, p. 1), kif emendata bid-Deċiżjoni C(2021) 1066 final tal-Kummissjoni tat‑12 ta’ Frar 2021 dwar l-għajnuna mill-Istat SA.61744 (2021/N) – Komunikazzjoni kollettiva ta’ emenda li tadatta l-iskemi ta’ għajnuna awtorizzati bis-saħħa tal-Qafas Temporanju, b’mod partikolari wara l-ħames emenda tal-Qafas Temporanju (ĠU 2021, C 77, p. 18) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

 Ilfatti li wasslu għallkawża

2        Ir-rikorrenti hija l-kumpannija operattiva tal-grupp E. Breuninger, li hija attiva, b’mod partikolari, fis-settur tal-ħwejjeġ kif ukoll fid-distribuzzjoni ta’ ħwejjeġ, ta’ fwejjaħ, ta’ prodotti kożmetiċi u ta’ prodotti għall-kura tal-ġisem, ta’ għamara, ta’ oġġetti tad-dar u ta’ dekorazzjoni.

3        Fid‑19 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni intitolata “Qafas Temporanju għal miżuri ta’ għajnuna mill-Istat biex jingħata sostenn lill-ekonomija matul it-tifqigħa preżenti tal-COVID‑19” (ĠU 2020, C 91 I, p. 1, iktar ’il quddiem il-“Qafas Temporanju”), li ġiet emendata, l-ewwel darba, fit‑3 ta’ April 2020 (ĠU 2020, C 112 I, p. 1), it-tieni darba, fit‑8 ta’ Mejju 2020 (ĠU 2020, C 164, p. 3), it-tielet darba, fid‑29 ta’ Ġunju 2020 (ĠU 2020, C 218, p. 3), u r-raba’ darba, fit‑13 ta’ Ottubru 2020 (ĠU 2020, C 340 I, p. 1).

4        Il-paragrafi 17 sa 19 tal-punt 2 tal-Qafas Temporanju, intitolat “L-applikabbilta tal-Artikolu 107(3)(b) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea”, huma fformulati kif ġej:

“17.      Skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE l-Kummissjoni tista’ tiddikjara li għajnuna li ‘tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru’ tkun kompatibbli mas-suq intern. F’dan il-kuntest, il-qrati tal-Unjoni ddeċidew li t-taħwid irid ikun jaffettwa l-ekonomija kollha kemm hi jew inkella lil parti importanti tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat, u mhux biss l-ekonomija ta’ wieħed mir-reġjuni tiegħu jew ta’ partijiet mit-territorju tiegħu. Barra minn hekk, dan huwa konformi mal-ħtieġa ta’ interpretazzjoni stretta ta’ kwalunkwe dispożizzjoni eċċezzjonali bħall-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE. Il-Kummissjoni applikat din l-interpretazzjoni b’mod konsistenti fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħha […].

18.      Meta wieħed iqis li l-effetti tat-tifqigħa tal-COVID‑19 jolqtu lill-Istati Membri kollha u li l-miżuri ta’ trażżin li jittieħdu mill-Istati Membri jaffettwaw lill-impriżi, il-Kummissjoni tikkunsidra li l-għajnuna mill-Istat tkun iġġustifikata u tkun tista’ tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE, għal perjodu limitat, fejn tintuża biex tirrimedja tnaqqis tal-likwidità għall-impriżi u biex jiġi żgurat li t-tħarbit ikkawżat mit-tifqigħa tal-COVID‑19 ma jimminax il-vijabbiltà tagħhom, speċjalment tal-SMEs.

19.      F’din il-Komunikazzjoni l-Kummissjoni qiegħda tistabbilixxi l-kundizzjonijiet ta’ kompatibbiltà li se tapplika fil-prinċipju għall-għajnuna li tingħata mill-Istati Membri skont l-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE. Għaldaqstant l-Istati Membri jridu juru li l-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat li jiġu nnotifikati lill-Kummissjoni skont din il-Komunikazzjoni jkunu meħtieġa, xierqa u proporzjonati biex jirrimedjaw tħarbit serju fl-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat u li l-kundizzjonijiet kollha f’din il-Komunikazzjoni jiġu rrispettati bis-sħiħ.”

5        Il-Komunikazzjoni li tagħmel ir-raba’ emenda għall-Qafas Temporanju tispeċifika, fil-paragrafu 11 tagħha:

“[B]’riżultat tat-tifqigħa tal-COVID‑19, ħafna impriżi temporanjament jiffaċċjaw domanda aktar baxxa li ma tippermettilhomx ikopru parti mill-ispejjeż fissi tagħhom. F’ħafna każijiet, id-domanda hija mistennija li tirkupra fix-xhur li ġejjin, filwaqt li jista’ ma jkunx effiċjenti li dawk l-impriżi jnaqqsu n-numru tal-impjegati tagħhom jekk dan ikun jinvolvi spejjeż sinifikanti ta’ ristrutturar. L-appoġġ għal dawn l-impriżi b’kontribuzzjoni għal parti mill-ispejjeż fissi tagħhom fuq bażi temporanja jista’ jkun mod effiċjenti biex jitnaqqas id-distakk, u b’hekk jiġi evitat id-deterjorament tal-kapital tagħhom, tinżamm l-attività kummerċjali tagħhom u jingħataw pjattaforma b’saħħitha li minnha jistgħu jirkupraw.”

6        Il-Komunikazzjoni li tagħmel ir-raba’ emenda għall-Qafas Temporanju introduċiet il-punt 3.12 fil-Qafas Temporanju, intitolat “Għajnuna fil-forma ta’ appoġġ għal spejjeż fissi mhux koperti”, li fih il-paragrafi 86 u 87, ifformulati kif ġej:

“86.      L-Istati Membri jistgħu jipprevedu li jikkontribwixxu għall-ispejjeż fissi mhux koperti ta’ dawk l-impriżi li għalihom it-tifqigħa tal-COVID‑19 irriżultat fis-sospensjoni jew fit-tnaqqis tal-attività tan-negozju tagħhom.

87.      Jekk dawn il-miżuri jikkostitwixxu għajnuna, il-Kummissjoni se tikkunsidrahom kompatibbli mas-suq intern abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) tat-TFUE dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

a.      L-għajnuna tiġi konċessa mhux aktar tard mit‑30 ta’ Ġunju 2021 u tkopri spejjeż fissi mhux koperti mġarrba matul il-perjodu bejn l‑1 ta’ Marzu 2020 u t‑30 ta’ Ġunju 2021, inklużi dawk l-ispejjeż imġarrba f’parti minn dak il-perjodu (‘perjodu eliġibbli’);

b.      L-għajnuna tiġi konċessa abbażi ta’ skema lil impriżi li jsofru minn tnaqqis fil-fatturat matul il-perjodu eliġibbli ta’ mill-inqas 30 % meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2019 […]

c.      L-ispejjeż fissi mhux koperti huma l-ispejjeż fissi mġarrba minn impriżi matul il-perjodu eliġibbli li mhumiex koperti mill-kontribuzzjoni tal-profitt (jiġifieri d-dħul bl-ispejjeż varjabbli mnaqqsa) matul l-istess perjodu u li mhumiex koperti minn sorsi oħrajn, bħal assigurazzjoni, miżuri ta’ għajnuna temporanji koperti minn din il-Komunikazzjoni jew appoġġ minn sorsi oħrajn [; l]-intensità tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż 70 % tal-ispejjeż fissi mhux koperti, ħlief għall-kumpaniji mikro u żgħar (fis-sens tal-Anness I tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa), fejn l-intensità tal-għajnuna ma għandhiex taqbeż 90 % tal-ispejjeż fissi mhux koperti[; g]ħall-fini ta’ dan il-punt, it-telf tal-impriżi mir-rapporti tal-introjtu tagħhom matul il-perjodu eliġibbli […] jitqies li jikkostitwixxi spiża fissa mhux koperta[; l]-għajnuna skont din il-miżura tista’ tiġi konċessa abbażi tat-telf imbassar, filwaqt li l-ammont finali tal-għajnuna għandu jiġi determinat wara r-realizzazzjoni tat-telf abbażi ta’ kontijiet awditjati jew, b’ġustifikazzjoni xierqa pprovduta mill-Istat Membru lill-Kummissjoni (pereżempju b’rabta mal-karatteristiċi jew id-daqs ta’ ċertu tip ta’ impriżi) abbażi tal-kontijiet tat-taxxa[; k]ull pagament li jaqbeż l-ammont finali tal-għajnuna għandu jiġi rkuprat;

d.      F’kull każ, l-għajnuna ġenerali ma għandhiex taqbeż EUR 3 miljun għal kull impriża. L-għajnuna tista’ tiġi konċessa fil-forma ta’ għotjiet diretti, garanziji u self dment li l-valur nominali totali ta’ dawn il-miżuri jibqa’ taħt il-limitu globali ta’ EUR 3 miljun għal kull impriża. iċ-ċifri kollha użati jridu jkunu grossi, jiġifieri, qabel kull tnaqqis ta’ taxxa jew imposti oħra;

e.      L-għajnuna skont din il-miżura ma għandhiex tiġi akkumulata ma’ għajnuna oħra għall-istess kostijiet eliġibbli;

f.      L-għajnuna ma tistax tiġi konċessa lil impriżi li diġà kienu f’diffikultà (fis-sens tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa […] fil‑31 ta’ Diċembru 2019[; b]’deroga għal dan ta’ hawn fuq, l-għajnuna tista’ tingħata lill-impriżi mikro jew żgħar (fis-sens tal-Anness I tar-Regolament għall-Eżenzjoni Ġenerali Sħiħa) li kienu diġà f’diffikultà fil‑31 ta’ Diċembru 2019, sakemm ma jkunux soġġetti għal proċedura ta’ insolvenza kollettiva skont il-liġi nazzjonali, u ma jkunu rċevew l-ebda għajnuna għas-salvataġġ […] jew għajnuna għar-ristrutturar […]”

7        Fis‑17 ta’ Novembru 2020, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni, konformement mal-Artikolu 108(3) TFUE, skema ta’ għajnuna mmirata biex tagħti appoġġ għal spejjeż fissi mhux koperti fil-kuntest tal-pandemija tal-COVID‑19 fit-territorju tagħha.

8        Fl‑20 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C(2020) 8318 final.

9        Fid-Deċiżjoni C(2020) 8318 final, l-ewwel, il-Kummissjoni ddeskriviet il-karatteristiċi essenzjali tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata, li minnhom jirriżulta, b’mod partikolari, li miżuri ta’ għajnuna individwali jistgħu jingħataw biss lill-impriżi li jkunu sofrew telf ta’ dħul mill-bejgħ tagħhom ta’ mill-inqas 30 % (premessa 17). It-tieni, hija enfasizzat li l-iskema nnotifikata kienet taqa’ taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn kienet tati vantaġġ selettiv lill-benefiċjarji tagħha u, konsegwentement, wasslet għal distorsjoni tal-kompetizzjoni (premessi 31 sa 33). It-tielet, hija ddeċidiet li l-iskema ta’ għajnuna msemmija kienet kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE billi rreferiet għall-kriterji stabbiliti fil-paragrafu 87 tal-Qafas Temporanju tagħha (premessi 35 sa 41). Għalhekk ma qajmet ebda oġġezzjoni għal din l-iskema ta’ għajnuna.

10      L-iskema ta’ għajnuna awtorizzata bid-Deċiżjoni C(2020) 8318 final kienet tikkonċerna għajnuna li l-ammont tagħha kien limitat għal EUR 3 miljuni għal kull impriża (premessa 20).

11      Fit‑28 ta’ Jannar 2021, il-Kummissjoni għamlet il-ħames emenda għall-Qafas Temporanju tagħha (ĠU 2021, C 34, p. 6), li, b’mod partikolari, emendat il-paragrafu 87(d) tagħha billi żiedet il-limitu massimu tal-għajnuna għal EUR 10 miljuni għal kull impriża. Hija emendat ukoll il-paragrafu 87(a) billi estendiet il-perijodu inkluż inizjalment bejn l‑1 ta’ Marzu 2020 u t‑30 ta’ Ġunju 2021 sal‑31 ta’ Diċembru 2021.

12      Fit‑2 ta’ Frar 2021, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni b’emenda għall-iskema ta’ għajnuna tagħha, li tikkonsisti fiż-żieda tal-limitu ta’ għajnuna għal EUR 10 miljuni u fl-estensjoni tagħha sal‑31 ta’ Diċembru 2021.

13      Bid-Deċiżjoni C(2021) 1066 final, il-Kummissjoni approvat diversi emendi li saru mill-Ġermanja għal skemi ta’ għajnuna nnotifikati, inkluża dik awtorizzata mid-Deċiżjoni C(2020) 8318 final (iktar ’il quddiem “l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża”).

14      Fid-Deċiżjoni C(2021) 1066 final, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, minn naħa, reġgħet adottat l-analiżi li tinsab fid-deċiżjonijiet preċedenti tagħha, bil-għan li tenfasizza l-eżistenza ta’ għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE u l-kompatibbiltà tagħha mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE (premessi 15 u 17) u, min-naħa l-oħra, qieset li l-estensjoni tat-tul tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata u approvata taħt il-Qafas Temporanju u ż-żieda fil-limitu massimu tagħha kienu kompatibbli mal-Artikolu 107(3)(b) TFUE (premessa 18).

 Ittalbiet talpartijiet

15      Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

16      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli u, sussidjarjament, infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

17      Waqt is-seduta, il-Kummissjoni indikat li kienet qiegħda tirtira t-talbiet tagħha dwar l-inammissibbiltà tar-rikors, liema fatt ġie nnotat fil-minuti tas-seduta.

18      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

 Fiddritt

19      Insostenn tar-rikors, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi bbażati fuq il-ksur, rispettivament, tal-Artikolu 107 u tal-Artikolu 108(2) TFUE.

 Fuq lewwel motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 107 TFUE

20      Ir-rikorrenti essenzjalment tikkunsidra li l-Kummissjoni żbaljat meta qieset li l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża setgħet tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern, abbażi tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Dan il-motiv huwa artikolat f’żewġ partijiet.

21      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata tmur kontra l-prinċipju ta’ proporzjonalità, sa fejn tapprova skema ta’ għajnuna bbażata fuq kriterju ta’ eliġibbiltà bbażat fuq id-dħul mill-bejgħ tal-impriża (iktar ’il quddiem il-“kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni”). Permezz tat-tieni parti, hija ssostni li l-Kummissjoni naqset mill-obbligu tagħha li twettaq eżami individwali tal-iskema ta’ għajnuna nnotifikata u mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni.

22      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, titlob li dan il-motiv jiġi miċħud.

23      Skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, tista’ tiġi kkunsidrata “bħala kompatibbli mas-suq intern […] għajnuna maħsuba […] sabiex tirrimedja taħwid serju fl-ekonomija ta’ Stat Membru”.

24      Skont il-ġurisprudenza, mill-istruttura ġenerali tat-Trattat jirriżulta li l-proċedura prevista fl-Artikolu 108 TFUE qatt ma għandha twassal għal riżultat li jkun kuntrarju għad-dispożizzjonijiet speċifiċi tat-Trattat. Għalhekk, għajnuna mill-Istat li, b’uħud mill-modalitajiet tagħha, tikser dispożizzjonijiet oħra tat-Trattat ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni. Bl-istess mod, għajnuna mill-Istat li, b’uħud mill-modalitajiet tagħha, tikser il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma tistax tiġi ddikjarata kompatibbli mas-suq intern mill-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punti 50 u 51, u tat‑22 ta’ Settembru 2020, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, C‑594/18 P, EU:C:2020:742, punt 44).

25      Ta’ min ifakkar li l-Kummissjoni tgawdi, għall-applikazzjoni tal-Artikolu 107(3) TFUE, minn diskrezzjoni wiesgħa, li l-eżerċizzju tagħha jinvolvi evalwazzjonijiet kumplessi ta’ natura ekonomika u soċjali (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 80 u l-ġurisprudenza ċċitata), b’tali mod li l-istħarriġ ġudizzjarju għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni kif ukoll dik tal-eżattezza materjali tal-fatti, tal-assenza ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 78 u l-ġurisprudenza ċċitata).

 Fuq lewwel parti, ibbażata fuq ksur talprinċipju ta’ proporzjonalità

26      Ir-rikorrenti hija essenzjalment tal-fehma li l-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni huwa sproporzjonat u li jagħti lok għal inugwaljanza fit-trattament b’detriment għall-impriżi li għandhom diversi attivitajiet, li minnhom uħud biss ġew affettwati mill-pandemija tal-COVID‑19. B’hekk, sa fejn dan il-kriterju jirriżulta li jeskludihom jew li jnaqqas il-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, huwa jobbligahom jirrikorru għall-finanzjament trażversali tal-attivitajiet affettwati tagħhom, għall-kuntrarju tal-kompetituri tagħhom attivi esklużivament fil-kummerċ fiżiku bl-imnut, li setgħu bbenefikaw bis-sħiħ minn din l-iskema.

27      Il-Kummissjoni u r-Repubblika Federali tal-Ġermanja jsostnu li din il-parti ta’ dan il-motiv hija infondata. Il-Kummissjoni ssostni wkoll, b’mod preliminari, li din il-parti ta’ dan il-motiv għandha tiġi miċħuda sa mill-bidu nett għar-raġuni li ebda eċċezzjoni ta’ illegalità, fis-sens tal-Artikolu 277 TFUE, ma tressqet mir-rikorrenti kontra l-Qafas Temporanju li tagħha d-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi applikazzjoni.

–       Fuq leċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mressqa millKummissjoni, ibbażata fuq lassenza ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa kontra lQafas Temporanju

28      Il-Kummissjoni, l-ewwel, issostni li d-deċiżjoni kkontestata applikat korrettament il-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni, li jidher fil-paragrafu 87 tal-Qafas Temporanju, it-tieni, issostni li r-rikorrenti ma qajmet ebda eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward ta’ dan il-qafas u, it-tielet, tiddeduċi minn dan li l-validità tiegħu għandha tiġi preżunta u ma tistax titqiegħed inkwistjoni meta tiġi kkontestata l-fondatezza tad-deċiżjoni kkontestata.

29      Tali argument ma jistax jiġi sostnut.

30      Fl-ewwel lok, filwaqt li huwa minnu li r-rikors ma fih ebda riferiment espliċitu għal eċċezzjoni ta’ illegalità jew għall-Artikolu 277 TFUE, għandu jitfakkar li ma jeżisti ebda rekwiżit fid-dritt tal-Unjoni ta’ invokazzjoni formali ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità. Fil-fatt, il-ġurisprudenza tippermetti li jiġi kkunsidrat li eċċezzjoni ta’ illegalità tqajmet impliċitament, sa fejn jirriżulta b’mod relattivament ċar mir-rikors li r-rikorrenti fil-fatt qiegħda tagħmel tali lment (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑27 ta’ Novembru 2018, Mouvement pour une Europe des nations et des libertés vs Il‑Parlament, T‑829/16, EU:T:2018:840, punt 66 u ġurisprudenza ċċitata).

31      Dan huwa l-każ hawnhekk.

32      L-ewwel, ċerti siltiet tar-rikors iqiegħdu direttament inkwistjoni l-validità tal-paragrafu 87 tal-Qafas Temporanju. Għalhekk huwa enfasizzat li l-“kriterju stabbilit fil-[paragrafu] 87(b) tal-Qafas Temporanju fil-verżjoni tar-raba’ emenda tiegħu […] ma huwiex kriterju xieraq għat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni”. Bl-istess mod, fih huwa sostnut li l-paragrafu 87(c) tal-Qafas Temporanju huwa fl-oriġini ta’ “differenza mhux ġustifikata fit-trattament”.

33      It-tieni, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-kawża, l-eżistenza ta’ kontestazzjoni inċidentali tal-validità tal-Qafas Temporanju mir-rikorrenti tirriżulta wkoll u neċessarjament mill-argumenti kollha tagħha taħt din il-parti ta’ dan il-motiv. Fil-fatt, kemm l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kif ukoll id-deċiżjoni kkontestata li tapprovaha tennew kriterju ta’ eliġibbiltà li joriġina mill-punt 87 tal-Qafas Temporanju. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx ma tifhimx li l-argument tar-rikorrenti, ibbażat fuq l-illegalità ta’ din id-deċiżjoni minħabba n-natura sproporzjonata ta’ dan il-kriterju, qiegħdet ukoll inkwistjoni l-validità ta’ dan il-paragrafu.

34      Fit-tieni lok, u fi kwalunkwe każ, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li, fl-assenza ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mressqa kontra l-kriterju li joriġina mill-punt 87 tal-Qafas Temporanju, il-fondatezza ta’ dan il-kriterju ma tistax titqiegħed inkwistjoni mir-rikorrenti, hija tifhem ħażin il-portata legali tal-atti, bħall-imsemmi qafas, li hija tadotta bil-għan li tillimita s-setgħa diskrezzjonali tagħha.

35      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-atti ġuridiċi tal-Unjoni għandhom preżunzjoni ta’ legalità u għalhekk jipproduċu effetti legali sakemm ma jkunux ġew irtirati, annullati fil-qafas ta’ rikors għal annullament jew iddikjarati invalidi wara rinviju għal deċiżjoni preliminari jew eċċezzjoni ta’ illegalità jew sakemm ma kinux suġġetti għal sospensjoni tal-eżekuzzjoni jew ta’ miżuri provviżorji oħra mill-qorti tal-Unjoni skont l-Artikoli 278 u 279 TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Ġunju 2012, CIVAD, C‑533/10, EU:C:2012:347, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat‑2 ta’ April 2020, Il‑Kummissjoni vs Il‑Polonja, L‑Ungerija u Ir‑Repubblika Ċeka (Mekkaniżmu temporanju għar-rilokazzjoni ta’ applikanti għal protezzjoni internazzjonali), C‑715/17, C‑718/17 u C‑719/17, EU:C:2020:257, punt 140). L-osservanza ta’ din il-preżunzjoni ta’ legalità tista’ tipprekludi l-eżami tal-fondatezza ta’ deċiżjoni li tikkostitwixxi s-sempliċi applikazzjoni ta’ att ta’ portata ġenerali li l-validità tiegħu ma hijiex ikkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑21 ta’ Diċembru 2021, P. Krücken Organic vs Il‑Kummissjoni, C‑586/20 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:1046, punt 69, u tat‑2 ta’ Frar 2012, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑469/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:50, punt 57). B’hekk, huma biss l-atti tal-istituzzjonijiet, tal-korpi u tal-organi tal-Unjoni li huma definittivi u jipproduċu effetti legali fil-konfront ta’ terzi u li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament li jibbenefikaw minn din il-preżunzjoni. Dan ma huwiex il-każ ta’ att li permezz tiegħu l-Kummissjoni tadotta regoli ta’ kondotta bil-għan li tillimita l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha.

36      Huwa minnu li l-awtolimitazzjoni mill-Kummissjoni tal-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tagħha timplika li hija ma tistax, bħala prinċipju, titbiegħed mir-regoli li hija stabbilixxiet għaliha nnifisha, taħt piena li tiġi ssanzjonata, jekk ikun meħtieġ, għal ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt bħall-ugwaljanza fit-trattament (ara s-sentenza tad‑29 ta’ Lulju 2019, Bayerische Motoren Werke u Freistaat Sachsen vs Il‑Kummissjoni, C‑654/17 P, EU:C:2019:634, punt 82 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, l-adozzjoni ta’ tali regoli ma teżentax lill-Kummissjoni milli twettaq eżami individwali taċ-ċirkustanzi tal-każ, li jista’ jwassalha biex ma tapplikax l-imsemmija regoli jekk l-ispeċifiċitajiet tal-każ hekk jeħtieġu (ara, f’dan is-sens is- sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, Kotnik et, C‑526/14, EU:C:2016:570, punt 41). Minn dan isegwi li, kuntrarjament għall-atti legali msemmija fil-punt 35 iktar ’il fuq, l-atti li permezz tagħhom il-Kummissjoni sempliċement tadotta regola ta’ mġiba ma jipproduċux, fihom innifishom, effetti legali vinkolanti.

37      Din l-assenza ta’ effetti legali intrinsiċi vinkolanti hija partikolarment importanti fid-dawl tan-natura tas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni fil-qasam tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. L-ammissjoni li l-qafas temporanju fih innifsu jipproduċi effetti ġuridiċi vinkolanti u għandu preżunzjoni ta’ legalità għalhekk ikun ifisser li jiġi rrikonoxxut li għandu l-istess natura ġuridika ta’ regolament, att li l-Kummissjoni ma hijiex kompetenti li tadotta taħt it-taqsima tat-Trattat FUE dwar l-“għajnuna mill-Istati”, barra mill-każijiet previsti fl-Artikolu 108(4)TFUE.

38      Minn dan isegwi li, minkejja l-fatt li l-kriterju ta’ eliġibbiltà applikat mill-Kummissjoni joriġina mill-paragrafu 87 tal-Qafas Temporanju u fl-assenza stess ta’ eċċezzjoni ta’ illegalità mqajma kontra dan il- paragrafu, ir-rikorrenti tibqa’ intitolata tikkontesta l-mod kif il-Kummissjoni għamlet użu, fid-deċiżjoni kkontestata, mis-setgħa diskrezzjonali li hija tislet mill-Artikolu 107(3)(b) TFUE, meta ddikjarat l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kompatibbli u, f’dan il-kuntest, il-fondatezza tal-kriterju ta’ eliġibbiltà li hija applikat.

–       Fuq ilportata talargumenti tarrikorrenti

39      Permezz tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv, ir-rikorrenti ssostni li l-kriterju ta’ eliġibbiltà stabbilit fil-paragrafu 87(b) u (c) tal-Qafas Temporanju, applikat fl-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u approvat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata huwa sproporzjonat. Hija tinvoka diversi lmenti f’dan ir-rigward u tirreferi wkoll għal ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

40      B’mod iktar speċifiku, ir-rikorrenti tikkontesta l-użu, fil-paragrafu 87(b) u (c) tal-Qafas Temporanju, bħala kriterju ta’ eliġibbiltà tal-għajnuna għall-ispejjeż fissi mhux koperti, ta’ telf tad-dħul mill-bejgħ stmat fil-livell tal-impriża, iktar milli fil-livell tas-sempliċi attivitajiet milquta mill-pandemija tal-COVID‑19.

41      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li t-teħid inkunsiderazzjoni ta’ telf tad-dħul mill-bejgħ fil-livell tal-impriża jirriżulta mill-paragrafu 87(b) tal-Qafas Temporanju, li jispeċifika li l-għajnuna tingħata fuq il-bażi ta’ skema ta’ sostenn ta’ “impriżi li jsofru minn tnaqqis fil-fatturat matul il-perjodu eliġibbli ta’ mill-inqas 30 % meta mqabbel mal-istess perjodu [inkluż bejn l‑1 ta’ Marzu 2020 u t‑30 ta’ Ġunju 2021]”. Dan jirriżulta wkoll mill-paragrafu 87(c) ta’ dan il-qafas sa fejn jeskludi mid-definizzjoni ta’ “spejjeż fissi mhux koperti” l-ispejjeż koperti mill-kontribuzzjoni għall-profitt jew minn sorsi oħra.

42      Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, imfakkar fl-Artikolu 5(4) TUE, jeħtieġ li l-atti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma jaqbżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u meħtieġ għall-kisba tal-għanijiet leġittimi segwiti mil-leġiżlazzjoni inkwistjoni (sentenza tas‑17 ta’ Mejju 1984, Denkavit Nederland, 15/83, EU:C:1984:183, punt 25), peress li, meta tiġi offruta għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintuża dik l-inqas restrittiva u li l-inkonvenjenti kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati għall-għanijiet segwiti (sentenza tat‑30 ta’ April 2019, L‑Italja vs Il‑Kunsill (Kwota tas-sajd tal-pixxispad tal-Mediterran), C‑611/17, EU:C:2019:332, punt 55).

43      L-osservanza tal-prinċipju ta’ proporzjonalità minn miżura għalhekk tinkludi tliet komponenti. L-ewwel komponenti tirrigwarda n-natura xierqa tagħha, jiġifieri l-kapaċità tagħha li tilħaq l-għan leġittimu segwit. It-tieni komponenti tikkonċerna n-neċessità tagħha u timplika li l-imsemmi għan leġittimu ma jistax jintlaħaq b’mezzi inqas restrittivi iżda ugwalment xierqa (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑26 ta’ Settembru 2013, Dansk Juristog Økonomforbund, C‑546/11, EU:C:2013:603, punt 69). Fl-aħħar nett, it-tielet komponenti, xi drabi deskritta bħala “proporzjonalità fis-sens strett”, tirrigwarda l-proporzjonalità tagħha, jiġifieri l-assenza ta’ żvantaġġi sproporzjonati fir-rigward tal-għanijiet segwiti (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Marzu 2013, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni, T‑370/11, EU:T:2013:113, punt 89, u tas‑26 ta’ Settembru 2014, Romonta vs Il‑Kummissjoni, T‑614/13, EU:T:2014:835, punt 74).

44      Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tidher ukoll li qiegħda tqajjem ilment ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament. Fil-fatt, hija ssostni li l-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni kien is-sors ta’ inugwaljanza fit-trattament, b’detriment għall-impriżi li ċerti attivitajiet tagħhom ma ġewx affettwati mill-pandemija tal-COVID‑19, billi obbligahom jirrikorru għal finanzjament trażversali tal-attivitajiet tagħhom affettwati mill-fatt li huma ma setgħux jibbenefikaw, jew setgħu jibbenefikaw biss sa ċertu punt, mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, approvata mill-Kummissjoni.

45      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeħtieġ li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati bl-istess mod sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenza tal‑15 ta’ April 2008, Nuova Agricast, C‑390/06, EU:C:2008:224, punt 66; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2018, Montero Mateos, C‑677/16, EU:C:2018:393, punt 49).

46      L-elementi li jikkaratterizzaw sitwazzjonijiet differenti u għalhekk in-natura paragunabbli tagħhom għandhom, b’mod partikolari, jiġu ddeterminati u evalwati fid-dawl tal-għan u tal-iskop tal-att tal-Unjoni li jistabbilixxi d-distinzjoni inkwistjoni. Għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni wkoll il-prinċipji u l-għanijiet tal-qasam li taħtu jaqa’ l-att inkwistjoni (sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et, C‑127/07, EU:C:2008:728, punt 26).

47      Għandu jiġi kkonstatat li tali argument magħmul kontra deċiżjoni li tapplika l-Artikolu 107(3)(b) TFUE jingħaqad mal-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità fid-diversi komponenti tiegħu.

48      Fil-fatt, l-Artikolu 107(3)(b) TFUE jippermetti deroga mill-prinċipju ġenerali ta’ inkompatibbiltà mas-suq intern tal-għajnuna mill-Istat iddikjarat fl-Artikolu 107(1) TFUE. Minn naħa, jirriżulta li l-għan tiegħu huwa li jagħmilha possibbli li tiġi ddikjarata kompatibbli għajnuna mill-Istat li, bid-definizzjoni tagħha stess, timplika l-għoti ta’ vantaġġ selettiv lil ċerti impriżi, li jista’ jiġi kkwalifikat bħala diskriminatorju (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Diċembru 2016, Il‑Kummissjoni vs World Duty Free Group et, C‑20/15 P u C‑21/15 P, EU:C:2016:981, punti 54 u 55) u, min-naħa l-oħra, li għandu jiġi interpretat b’mod strett (ara s-sentenza tad‑9 ta’ April 2014, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, T‑150/12, mhux ippubblikata, EU:T:2014:191, punt 146 u l-ġurisprudenza ċċitata).

49      Għaldaqstant, il-fatt li l-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni jirriżulta f’differenza fit-trattament bejn l-impriżi skont jekk l-attivitajiet tagħhom kollha jew parti minnhom ġewx affettwati mill-pandemija tal-COVID‑19 ma jimplikax, fih innifsu, l-illegalità tagħha. Min-naħa l-oħra, jeħtieġ li jiġi vverifikat jekk din id-differenza fit-trattament hijiex iġġustifikata taħt l-Artikolu 107(3)(b) TFUE, li jippresupponi li l-imsemmi kriterju huwa meħtieġ, xieraq u proporzjonat biex jirrimedja disturb gravi tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat.

–       Fuq lilment li jikkontesta nnatura xierqa talkriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni

50      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni ma jistax jilħaq l-għan tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, peress li joħloq distorsjoni fil-kompetizzjoni mingħajr ma jtaffi l-effetti tal-pandemija tal-COVID‑19 u huwa kuntrarju għall-paragrafu 11 tal-Komunikazzjoni li tagħmel ir-raba’ emenda lill-Qafas Temporanju, li tirreferi għall-ħtieġa li jiġi evitat id-deterjorament tal-fondi proprji tal-impriżi. F’dan ir-rigward, hija ssostni li l-effetti ta’ din il-pandemija fuq il-kummerċ fiżiku bl-imnut kienu tali li ma jistax jiġi eskluż li impriżi li ma bbenefikawx mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża minħabba l-eżerċizzju ta’ attivitajiet oħra, jirtiraw minn dan.

51      Argument bħal dan ma jistax jiġi segwit.

52      L-ewwel, ma huwiex ikkontestat li l-pandemija tal-COVID‑19 ikkawżat disturb gravi tal-ekonomija Ġermaniża. Għalhekk taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

53      It-tieni, mill-paragrafu 18 tal-Qafas Temporanju, riprodott fil-punt 4 iktar ’il fuq, jidher li l-għan ta’ dan il-qafas huwa li jagħmel għajnuna kompatibbli mas-suq intern, u b’mod partikolari għajnuna fil-forma ta’ appoġġ għall-ispejjeż fissi mhux koperti, li għandhom l-għan li jindirizzaw in-nuqqas ta’ likwidità li jaffaċċjaw l-impriżi minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, u li jiżguraw li d-disturbi kkawżati minnhom ma jikkompromettux il-vijabbiltà tagħhom.

54      Bl-istess mod, mill-paragrafu 11 tal-Komunikazzjoni li tagħmel ir-raba’ emenda għall-Qafas Temporanju, riprodott fil-punt 5 iktar ’il fuq, jirriżulta li s-sostenn lill-impriżi li ma jistgħux ikopru temporanjament parti mill-ispejjeż fissi tagħhom għandu l-għan li jiżgura l-kontinwità tagħhom, filwaqt li jevita d-deterjorament tal-fondi proprji tagħhom, li jippermettulhom iżommu l-attività kummerċjali tagħhom billi joffrulhom pjattaforma b’saħħitha li minnha jistgħu jirkupraw.

55      It-tielet, għandu jiġi rrilevat li tali għan, li jinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni tad-diffikultà li impriża jista’ jkollha biex tkopri l-ispejjeż fissi tagħha minħabba l-pandemija tal-COVID‑19, huwa konsistenti mal-għan tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE u jifforma parti mill-applikazzjoni tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li l-Kummissjoni tislet minn din id-dispożizzjoni, imfakkar fil-punt 25 iktar ’il fuq.

56      Ir-raba’, għandu jiġi kkonstatat li kriterju li jwassal biex l-impriżi li d-dħul mill-bejgħ tagħhom naqqas b’iktar minn perċentwali ta’ 30 % minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 ikunu jistgħu jiksbu għajnuna finanzjarja huwa kompletament konformi mal-implimentazzjoni tal-għan, imfakkar fil-punti 53 u 54 iktar ’il fuq, li tiġi żgurata l-vijabbiltà u l-kontinwità tal-impriżi matul il-pandemija msemmija.

57      Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-allegazzjoni tar-rikorrenti li ċerti impriżi li ma jibbenefikawx mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, jew sa ċertu punt, minħabba l-eżerċizzju ta’ attivitajiet mhux affettwati mill-pandemija tal-COVID‑19, bħall-kummerċ elettroniku, jistgħu jaslu biex jirtiraw mis-settur tal-bejgħ fiżiku bl-imnut.

58      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 107(3)(b) TFUE ma jeżiġix li l-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni tkun kapaċi, waħedha, tirrimedja d-disturb gravi tal-ekonomija tal-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, ladarba l-Kummissjoni tikkonstata r-realtà ta’ disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru, dan tal-aħħar jista’ jiġi awtorizzat, jekk il-kundizzjonijiet l-oħra stabbiliti f’dan l-artikolu jiġu wkoll issodisfatti, li jagħti għajnuna mill-Istat, fil-forma ta’ skemi ta’ għajnuna jew għajnuna individwali, li jikkontribwixxu biex jirrimedjaw id-disturb gravi msemmi. B’hekk jista’ jkun hemm diversi skemi ta’ għajnuna li, kull waħda min-naħa tagħhom, jikkontribwixxu għal dan il-għan. Għalhekk, ma jistax ikun meħtieġ li skema ta’ għajnuna, sabiex tkun validament ibbażata fuq din id-dispożizzjoni, tirrimedja fiha nnifisha disturb gravi tal-ekonomija ta’ Stat Membru.

59      Barra minn hekk, il-Kummissjoni setgħet, mingħajr ma tikser il-limiti tas-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li hija tgawdi skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 25 iktar ’il fuq, tikkunsidra li kien meħtieġ li tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-impriżi li parti sostanzjali tan-negozju tagħhom kienet ġiet affettwata mill-pandemija tal-COVID‑19, pjuttost milli kull attività milquta minn din il-pandemija, indipendentement mis-sitwazzjoni ġenerali tal-impriża.

60      Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq lilment li jikkontesta nnatura neċessarja talkriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni

61      Ir-rikorrenti ssostni li l-applikazzjoni ta’ kriterju alternattiv li jieħu inkunsiderazzjoni t-telf imġarrab fl-oqsma ta’ attività milquta mill-pandemija tal-COVID‑19, mingħajr teħid inkunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni tal-impriża kollha kemm hi, kienet tkun tista’ tikseb aħjar l-għan tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, peress li tali kriterju ma kienx ikollu l-effett restrittiv fuq il-kompetizzjoni li jirriżulta mill-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni. Hija tenfasizza li dan il-kriterju alternattiv ġie kkunsidrat mill-Kummissjoni f’deċiżjonijiet oħra.

62      Il-Kummissjoni twieġeb, b’mod partikolari, li hija ma kellhiex l-obbligu li tiddeċiedi b’mod astratt fuq il-miżuri alternattivi kollha li jistgħu jiġu previsti minflok l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Hija żżid li l-paragun magħmul mir-rikorrenti ma’ ċerti deċiżjonijiet li hija adottat minħabba l-pandemija tal-COVID‑19 huwa irrilevanti, peress li dawn id-deċiżjonijiet ma għandhomx l-istess bażi legali.

63      Huwa minnu li, bħala prinċipju, il-Kummissjoni ma għandhiex għalfejn tiddeċiedi fl-astratt fuq il-miżuri alternattivi kollha li jistgħu jiġu previsti, peress li, għalkemm l-Istat Membru kkonċernat għandu jesponi fid-dettall ir-raġunijiet li wasslu għall-adozzjoni tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibbiltà applikati, ma huwiex meħtieġ li jintwera b’mod pożittiv li ebda miżura oħra immaġinabbli, li minnha nnifisha hija ipotetika, ma tista’ tippermetti li jiġi żgurat l-għan imfittex bl-aħjar mod. Jekk l-imsemmi Stat Membru ma jkunx suġġett għal tali obbligu, rikorrent ma jkunx jista’ jitlob lill-Qorti Ġenerali tordna lill-Kummissjoni tissostitwixxi l-awtoritajiet nazzjonali f’dan il-kompitu ta’ tiftix normattiv sabiex teżamina kwalunkwe miżura alternattiva possibbli (ara s-sentenza tas‑6 ta’ Mejju 2019, Scor vs Il‑Kummissjoni, T‑135/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:287, punt 94 u l-ġurisprudenza ċċitata).

64      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li tali ġurisprudenza ma hijiex rilevanti fiċ-ċirkustanzi tal-każ. Fil-fatt, hija tistrieħ fuq is-suppożizzjoni doppja li, minn naħa, il-kriterji ta’ eliġibbiltà ta’ skema ta’ għajnuna huma mfassla mill-Istat Membru kkonċernat u, min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni hija obbligata biss li teżamina n-neċessità tagħhom fuq il-bażi tal-ispjegazzjonijiet ipprovduti minn dan l-Istat. Issa, f’dan il-każ, huwa paċifiku li, minn naħa, il-kriterju ta’ eliġibbiltà li jidher fl-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża effettivament joriġina mill-Qafas Temporanju tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, il-kriterju alternattiv previst mir-rikorrenti ġie applikat mill-Kummissjoni f’deċiżjonijiet oħra, għall-fini li jiġu ddikjarati kompatibbli ċerti skemi ta’ għajnuna li ġew adottati minħabba l-pandemija tal-COVID‑19.

65      Jibqa’ l-fatt li dan l-ilment ma jistax jirnexxi.

66      L-ewwel, kif ġie rrilevat fil-punti 25, 55 u 58 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni tgawdi minn setgħa diskrezzjonali wiesgħa meta timplimenta l-Artikolu 107(3)(b) TFUE. Huwa għalhekk biss fil-każ li l-kriterju alternattiv enfasizzat mir-rikorrenti juri b’mod ċar in-nuqqas ta’ ħtieġa tal-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni li dan l-ilment ikun jista’ jintlaqa’.

67      It-tieni, għandu jiġi osservat li l-kriterju alternattiv espost mir-rikorrenti huwa differenti mill-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni fid-dawl tal-portata tal-impatt baġitarju tiegħu għall-Istat Membru kkonċernat. Fil-fatt, dan jirriżulta fl-għoti ta’ riżorsi pubbliċi lil kwalunkwe impriża li sofriet telf minħabba l-pandemija, indipendentement mis-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tagħha. Għall-kuntrarju, il-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni jillimita l-impatti baġitarji ta’ tali għajnuna billi jeskludi jew jillimita l-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża fir-rigward ta’ impriżi li, minħabba sorsi oħra ta’ dħul, raw is-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tagħhom tiġi affettwata inqas mill-pandemija tal-COVID‑19.

68      It-tielet u konsegwentement, ir-rikorrenti tiżbalja billi ssostni, essenzjalment, li l-kriterju alternattiv li hija tressaq jikkostitwixxi miżura “ugwalment xierqa”, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 42 u 43 iktar ’il fuq, li juri li l-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni ma kienx meħtieġ.

69      Din il-konklużjoni ma hijiex invalidata mill-argument tar-rikorrenti li l-Kummissjoni aċċettat li jiġi applikat kriterju bbażat fuq l-oqsma ta’ attività milquta mill-pandemija tal-COVID‑19 f’żewġ deċiżjonijiet li ddikjaraw skemi ta’ għajnuna kompatibbli abbażi tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE.

70      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-fatt li l-Kummissjoni setgħet, abbażi tal-Artikolu 107(2)(b) TFUE, li jikkonċerna għajnuna awtomatikament kompatibbli intiża biex tirrimedja d-danni kkawżati minn diżastri naturali jew avvenimenti straordinarji oħra, tawtorizza skemi ta’ għajnuna li jinvolvu kumpens għal telf imġarrab b’riżultat ta’ ordnijiet ta’ għeluq marbuta mal-pandemija tal-COVID‑19 mingħajr ma tittieħed inkunsiderazzjoni s-sitwazzjoni finanzjarja ġenerali tal-benefiċjarji, ma jimplikax li kellha ssegwi approċċ ekwivalenti meta tiġi applikata s-setgħa diskrezzjonali wiesgħa li jagħtiha l-Artikolu 107(3)(b) TFUE għall-finijiet tad-dikjarazzjoni ta’ għajnuna kompatibbli maħsuba biex tirrimedja disturb gravi fl-ekonomija ta’ Stat Membru.

–       Fuq lilment li jikkontesta nnatura proporzjonali talkriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni

71      Ir-rikorrenti essenzjalment issostni li l-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni huwa sproporzjonat fid-dawl tal-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni li kkawża lill-impriżi li minnhom ċerti attivitajiet biss ġew affettwati mill-pandemija tal-COVID‑19. Hija tosserva li kienet fl-obbligu li tappoġġja dawn l-attivitajiet, pjuttost milli tagħmel investimenti ġodda, b’differenza mill-kompetituri tagħha li bbenefikaw mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża. Hija tenfasizza, essenzjalment, li l-Kummissjoni ma setgħetx ma kinitx taf bil-portata tal-effetti restrittivi fuq il-kompetizzjoni li jirriżultaw mill-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni minn meta żdied il-limitu massimu għal EUR 10 miljuni permezz tal-Komunikazzjoni li għamlet il-ħames emenda għall-Qafas Temporanju.

72      Mingħajr ma jkun meħtieġ li tiddeċiedi fuq il-punt dwar jekk il-Kummissjoni kinitx obbligata tibbilanċja l-effetti pożittivi ta’ skema ta’ għajnuna kontenzjuża mal-effetti negattivi tagħha fuq iż-żamma ta’ kompetizzjoni mhux distorta fl-okkażjoni tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 107(3)(b) TFUE, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni, fi kwalunkwe każ, ma tax lok għall-effetti li jirrestrinġu l-kompetizzjoni li huma manifestament sproporzjonati meta mqabbla mal-għan, segwit mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, li tiġi żgurata l-vijabbiltà tal-impriżi affettwati mill-pandemija tal-COVID‑19.

73      Fil-fatt, ma jistax jiġi aċċettat li l-fatt li r-rikorrenti kellha tiddedika parti mir-riżorsi tagħha minn attivitajiet mhux affettwati mill-pandemija tal-COVID‑19 għall-finanzjament tal-attivitajiet affettwati minn din tal-aħħar, pjuttost milli tagħmel investimenti ġodda, taffettwa l-pożizzjoni kompetittiva tagħha b’tali mod li d-deroga prevista fl-Artikolu 107(3)(b) TFUE ma tistax tiġi applikata. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-kompetituri tar-rikorrenti li jibbenefikaw bis-sħiħ mill-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża huma wkoll obbligati jbatu parti mit-telf ikkawżat minn din il-pandemija peress li d-deċiżjoni kkontestata tipprovdi, skont il-paragrafu 87(c) tal-Qafas Temporanju, li l-intensità tal-għajnuna ma tistax taqbeż is-70 % tal-ispejjeż fissi mhux koperti, ħlief għall-impriżi mikro u żgħar li għalihom dan il-limitu huwa ta’ 90 % tal-ispejjeż imsemmija.

74      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li r-raġunament tar-rikorrenti jidher li huwa bbażat fuq is-suppożizzjoni li l-iskema ta’ għajnuna tippermetti lill-benefiċjarji tagħha jinvestu fl-iżvilupp tal-attivitajiet eżistenti tagħhom, jew f’attivitajiet ġodda, billi tipprovdilhom b’hekk vantaġġ kompetittiv meta mqabbel ma’ impriżi li l-mudell ekonomiku tagħhom jimplika li ma jibbenefikawx minnu, jew li jibbenefikaw minnu biss sa ċertu punt. Issa, tali premessa hija fil-fatt karenti peress li din l-iskema tippermetti biss lill-impriżi li, għall-kuntrarju tal-impriżi li fir-rigward tagħhom parti sostanzjali mill-attivitajiet tagħhom ma ġewx affettwati mill-pandemija tal-COVID‑19, iddgħajfu serjament minn din il-pandemija biex jiżguraw is-sopravivenza tagħhom. Għalhekk ma jistax raġonevolment jiġi kkonstatat li l-imsemmija skema ppermettitilhom jiżviluppaw l-attivitajiet tagħhom għad-detriment ta’ dawk tal-kompetituri tagħhom.

75      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, dan l-ilment għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, l-ewwel parti tal-ewwel motiv.

 Fuq ittieni parti, ibbażata fuq lassenza ta’ eżami individwali taliskema ta’ għajnuna kontenzjuża u fuq nuqqas ta’ motivazzjoni

76      Ir-rikorrenti, minn naħa, tfakkar li l-adozzjoni mill-Kummissjoni tal-Qafas Temporanju ma eżentatx lil din tal-aħħar milli twettaq eżami individwali tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża u, min-naħa l-oħra, tikkritika lil din l-istituzzjoni talli ma wettqitx tali eżami f’dan il-każ. Hija tirreferi, f’dan ir-rigward, għall-fatt li d-deċiżjoni kkontestata hija motivata esklużivament b’riferiment għal dan il-qafas u li hija nħarġet fi żmien tlett ijiem biss wara n-notifika ta’ din l-iskema ta’ għajnuna. Hija żżid li din id-deċiżjoni hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni, peress li, fiha, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tirreferi għal dan il-qafas.

77      Il-Kummissjoni, sostnuta mir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, issostni li hija wettqet eżami tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża li minnha rriżulta li ma kien hemm ebda raġuni biex titbiegħed mill-Qafas Temporanju. Barra minn hekk, hija tiċħad kull nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

78      Għar-raġunijiet esposti diġà fil-punti 36 u 37 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li huwa minnu li r-rikorrenti ġustament issostni li l-adozzjoni tal-Qafas Temporanju mill-Kummissjoni ma kienx jeżentaha milli twettaq eżami individwali tal-iskema ta’ għajnuna inkwistjoni.

79      Madankollu, ma jistax jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li l-Kummissjoni injorat l-obbligu tagħha li teżamina individwalment l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

80      L-ewwel, mill-punti 9 u 14 iktar ’il fuq jirriżulta li l-Kummissjoni, kemm fid-Deċiżjoni C(2020) 8318 final kif ukoll fid-Deċiżjoni C(2021) 1066 final, spjegat il-karatteristiċi tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

81      It-tieni, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, ir-rikorrenti ma turix l-eżistenza ta’ ċirkustanzi eċċezzjonali speċifiċi għall-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża li kienu jiġġustifikaw li l-Kummissjoni ma tapplikax il-paragrafu 87 tal-Qafas Temporanju. Fil-fatt, mill-eżami tal-ewwel parti ta’ dan il-motiv jirriżulta li d-diversi kritiki mressqa jikkonċernaw il-fondatezza tal-kriterju ta’ eliġibbiltà inkwistjoni kif jidher f’dan il-paragrafu u li ġie applikat fid-deċiżjoni kkontestata iżda li ma humiex speċifiċi għal din l-iskema ta’ għajnuna.

82      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-eżistenza ta’ impriżi b’mudell ekonomiku li jimplika li jwettqu kemm attivitajiet milquta mill-pandemija tal-COVID‑19 kif ukoll oħrajn ippreżervati minnha ma hijiex kunsiderazzjoni speċifika għall-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża li l-Kummissjoni kellha tieħu inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata. L-istess japplika għall-fatt li l-Komunikazzjoni li tagħmel il-ħames emenda għall-Qafas Temporanju żiedet il-limitu massimu għall-għajnuna mħallsa għal EUR 10 miljuni għal kull impriża.

83      It-tielet u konsegwentement, sa fejn ir-rikorrenti ma turi ebda ċirkustanza eċċezzjonali tali li timplika li l-Kummissjoni titbiegħed mir-regoli li hija kienet stabbilixxiet hija stess fil-Qafas Temporanju, il-fatt li setgħet tadotta deċiżjoni fi żmien tlett ijiem min-notifika tal-iskema ma jistax jitqies bħala indikazzjoni li tiżvela n-nuqqas ta’ eżami individwali tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża.

84      Ir-raba’, fl-assenza ta’ ċirkustanzi speċifiċi għall-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża, il-Kummissjoni ma marritx kontra l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi rreferiet, fid-deċiżjoni kkontestata, għar-raġunijiet li jidhru fil-Qafas Temporanju, sabiex tispjega r-raġunijiet għalfejn kienet iddeċidiet li tiddikjara l-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(b) TFUE.

85      Barra minn hekk, mill-evalwazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, minn naħa, ir-rikorrenti setgħet tifhem ir-raġunament espost fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, il-Qorti Ġenerali setgħet tivverifika l-fondatezza tiegħu, b’tali mod li għandu jiġi rrilevat li din id-deċiżjoni kienet immotivata biżżejjed skont id-dritt.

86      Fid-dawl ta’ dak li ntqal qabel, din il-parti għandha tiġi miċħuda u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud l-ewwel motiv kollu kemm hu.

 Fuq ittieni motiv, ibbażat fuq ilksur talArtikolu 108(2) TFUE

87      Ir-rikorrenti ssostni li, sa fejn il-kwistjoni tal-kompatibbiltà tal-iskema ta’ għajnuna kontenzjuża mas-suq intern qajmet diffikultajiet serji, il-Kummissjoni kellha obbligu li tibda l-proċedura ta’ investigazzjoni formali u li, għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata kisret id-drittijiet proċedurali tagħha taħt l-Artikolu 108(2) TFUE. Hija tikkunsidra, essenzjalment, li mill-ewwel motiv jirriżulta li l-Kummissjoni ma kkunsidratx l-impatt ta’ approċċ ibbażat fuq l-evalwazzjoni tal-effetti tal-pandemija tal-COVID‑19 fil-livell ta’ impriżi fir-rigward ta’ dawk li huma attivi f’diversi oqsma ta’ attività. Wara l-ħames emenda għall-Qafas Temporanju, il-Kummissjoni rrealizzat l-importanza tal-għoti ta’ għajnuna lill-impriżi l-kbar, iżda ma siltet ebda konsegwenzi minnha fl-okkażjoni tal-eżami tal-modifika tal-iskema ta’ għajnuna inizjali. Dan jiżvela eżami insuffiċjenti u mhux komplet u, għalhekk, l-eżistenza ta’ diffikultajiet serji tali li jwasslu għal dubji dwar il-kompatibbiltà tal-iskema kontenzjuża mas-suq intern. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tqis li dan il-motiv għandu kontenut indipendenti fir-rigward tal-ewwel wieħed.

88      Il-Kummissjoni ssostni li dan il-motiv, meta mqabbel mal-ewwel wieħed, ma għandux kontenut indipendenti, b’tali mod li ċ-ċaħda tal-ewwel motiv awtomatikament timplika ċ-ċaħda ta’ dan il-motiv.

89      Għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv, li jirrigwarda s-salvagwardja tad-drittijiet proċedurali tar-rikorrenti minħabba l-assenza ta’ ftuħ ta’ proċedura ta’ investigazzjoni formali min-naħa tal-Kummissjoni minkejja l-allegata eżistenza ta’ dubji serji, huwa fil-fatt ta’ natura sussidjarja, fl-eventwalità li l-Qorti Ġenerali ma tkunx eżaminat il-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li tali motiv huwa intiż li jippermetti li parti interessata titħalla, f’din il-kapaċità, tippreżenta rikors taħt l-Artikolu 263 TFUE, ħaġa li altrimenti tiġi miċħuda (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 48, u tas‑27 ta’ Ottubru 2011, L‑Awstrija vs Scheucher-Fleisch et, C‑47/10 P, EU:C:2011:698, punt 44). Issa, sa fejn dan il-motiv, relatat mal-fondatezza tal-evalwazzjoni tal-għajnuna bħala tali, ġie eżaminat, dan huwa nieqes mill-għan iddikjarat tiegħu.

90      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dan il-motiv ma għandux kontenut awtonomu. Fil-fatt, ir-rikorrenti tista’ tinvoka, għall-finijiet tal-preservazzjoni tad-drittijiet proċedurali li hija tgawdi fil-kuntest tal-proċedura ta’ investigazzjoni formali, biss motivi li jistgħu juru li l-evalwazzjoni tal-informazzjoni u tal-elementi li l-Kummissjoni kellha jew seta’ kellha matul il-fażi ta’ eżami preliminari tal-miżura nnotifikata, kellha tqajjem dubji dwar il-kompatibbiltà ta’ din tal-aħħar mas-suq intern (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑22 ta’ Diċembru 2008, Régie Networks, C‑333/07, EU:C:2008:764, punt 81; tad‑9 ta’ Lulju 2009, 3F vs Il‑Kummissjoni, C‑319/07 P, EU:C:2009:435, punt 35, u tal‑24 ta’ Mejju 2011, Il‑Kummissjoni vs Kronoply u Kronotex, C‑83/09 P, EU:C:2011:341, punt 59), bħan-natura insuffiċjenti jew inkompleta tal-eżami mwettaq mill-Kummissjoni matul il-proċedura ta’ eżami preliminari jew l-eżistenza ta’ lmenti minn terzi. Issa, għandu jiġi rrilevat li dan il-motiv jiġbor fil-qosor l-argumenti mqajma fil-kuntest tal-ewwel motiv mingħajr ma jenfasizza elementi speċifiċi relatati ma’ diffikultajiet serji possibbli.

91      Għaldaqstant, sa fejn l-ewwel motiv ġie eżaminat fuq il-mertu, ma hemmx lok li jiġi eżaminat dan il-motiv.

92      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud.

 Fuq lispejjeż

93      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali l-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

94      Peress li r-rikorrenti tilfet hemm lok li hija tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

95      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet intervenjenti fil-kawża għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom. Għalhekk, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      E. Breuninger GmbH & Co għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha u dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

3)      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

Tomljenović

Schalin

Škvařilová-Pelzl

Nõmm

 

      Kukovec

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil‑21 ta’ Diċembru 2022.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.