Language of document :

Appell ippreżentat fis-7 ta' Frar 2011 minn Erika Lenz mis-sentenza mogħtija fl-14 ta' Diċembru 2010 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-80/09, Lenz vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-78/11 P)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Erika Lenz (Osnabrück, il-Ġermanja) (rappreżentanti: V. Lenz u J. Römer, avukati)

Appellata: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tal-appellanti

tannulla fl-intier tagħha s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-14 ta' Diċembru 2010 fil-Kawża F-80/09;

tilqa' t-talbiet kollha li ġew ippreżentati fl-ewwel istanza;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħha, l-appellanti tinvoka erba' aggravji.

L-ewwel aggravju: żnaturament tal-fatti fil-punt 29 tas-sentenza appellata u ksur tar-Regoli tal-Proċedura

L-appellanti takkuża lit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku bil-fatt li huwa ddeskriva l-"ġustifikazzjoni" tal-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata bħala tali u aċċettaha wkoll, minkejja li din ma kinitx ġiet prodotta bil-Ġermaniż u għalhekk ma kinitx rikonoxxuta b'mod espliċitu mill-appellanti. F'dan ir-rigward, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kiser l-Artikolu 29 tar-Regoli tal-Proċedura tiegħu kif ukoll ir-Regolament tal-Kunsill Nru 1, tal-15 ta' April 1958, li jistabbilixxi l-lingwi li għandhom jintużaw mill-Komunità Ekonomika Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 3). Fil-fehma tal-appellanti, il-punt 29 tas-sentenza appellata jinkludi mhux biss difett proċedurali iżda wkoll żnaturament tal-fatti.

It-tieni aggravju: żnaturament tax-xogħol ta' Heilpraktiker fil-Ġermanja

Huwa allegat li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żnatura l-fatti tax-xogħol mediku ta' Heilpraktiker fil-Ġermanja.

It-tielet aggravju: żnaturament tal-fatti fiċ-ċitazzjoni ta' xhud

L-appellanti ssostni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku żnatura l-fatti li kellhom jagħtu lok għaċ-ċitazzjoni tax-xhud. Fil-punti 20 u 45 tas-sentenza appellata, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sostna b'mod żbaljat li r-rikors kien jirrigwarda rimbors lix-xhud ikkonċernata. Madankollu, skont l-appellanti, dan kien jikkonċerna x-xhieda ta' fatti li seħħew f'perijodu li matul tiegħu x-xhud kienet koperta mis-sistema komuni ta' assigurazzjoni għall-mard tal-Unjoni Ewropea.

Ir-raba' aggravju: nuqqas ta' fatti fis-sentenza

-     F'dan ir-rigward, l-appellanti tallega li s-sentenza appellata ma tinkludix ċerti argumenti li saru mill-partijiet fil-proċeduri orali quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku u li konsegwentement tali argumenti ma ġewx eżaminati.

____________