Language of document : ECLI:EU:T:2010:549

Kawża T-369/08

European Wire Rope Importers Association (EWRIA) et

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Dumping — Importazzjoni ta’ kejbils tal-ħadid u tal-azzar li joriġinaw miċ-Ċina, mill-Indja, mill-Afrika t’Isfel, mill-Ukraina u mir-Russja — Rifjut li ssir reviżjoni parzjali interim tad-dazju antidumping impost”

Sommarju tas-sentenza

1.      Rikors għal annullament — Atti li jistgħu jiġu kkontestati — Kunċett — Atti li jipproduċu effetti legali vinkolanti — Ittra tal-Kummissjoni li tħabbar ir-rifjut tagħha li tagħmel reviżjoni parzjali interim ta’ dazju antidumping

(Artikolu 230 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 11(3) u (6))

2.      Proċedura — Rikors promotur — Rekwiżiti proċedurali

(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, Artikolu 44(1)(ċ))

3.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura ta’ reviżjoni parzjali interim ta’ dazju antidumping

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikolu 11(3))

4.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Proċedura ta’ reviżjoni parzjali interim ta’ dazju antidumping

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96, Artikoli 11(3) u 21(1))

5.      Politika kummerċjali komuni — Protezzjoni kontra l-prattiki ta’ dumping — Risposta tal-Kummissjoni għal talbiet għal pariri tekniċi preliminari li ma tikkostitwixxix deċiżjoni — Ksur tal-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi — Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 384/96)

1.      Sabiex jiġi ddeterminat jekk ittra tal-Kummissjoni li tirrispondi għal talba għal reviżjoni interim parzjali, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 384/96, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, tikkostitwixxix deċiżjoni fis-sens tal-Artikolu 230 KE, għandu jiġi vverifikat jekk, fid-dawl tal-kontenut tagħha, tal-intenzjoni tal-Kummissjoni u tal-kuntest li fih din saret, din l-istituzzjoni stabbilixxietx b’mod definittiv, permezz ta’ dan l-att, il-pożizzjoni tagħha fuq l-imsemmija talba għal rieżami.

Meta l-ittra tal-Kummissjoni tinforma lir-rikorrenti li ma huwiex possibbli li, abbażi tal-informazzjoni li hija ppreżentat, jiġi konkluż li reviżjoni interim parzjali għandha tinbeda wara ittra tar-rikorrenti li permezz tagħha din tal-aħħar tinforma lill-Kummissjoni bl-intenzjoni tagħha li ma tikkompletax it-talba għal reviżjoni minħabba l-fatt li l-imsemmija talba fiha provi suffiċjenti, huwa ċar li deċiżjoni kienet ittieħdet fuq it-talba msemmija.

Fil-fatt, kuntrarjament għas-sitwazzjoni fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi, wara konsultazzjoni mal-Kumitat Konsultattiv skont l-Artikolu 11(6) tar-Regolament Bażiku, li tagħmel reviżjoni interim, ir-rifjut li tinbeda tali reviżjoni fin-nuqqas ta’ provi suffiċjenti ma jikkostitwixxix att preliminari jew preparatorju, billi dan ma huwiex ser jiġi segwit minn ebda att ieħor li jista’ jagħti lok għal rikors għal annullament.

Ma huwiex rilevanti f’dan ir-rigward li r-rikorrenti tista’ tibqa’ tipprovdi lill-Kummissjoni informazzjoni addizzjonali li tista’ twassal lil din tal-aħħar li tirrivedi l-pożizzjoni tagħha. Il-fatt li tiġi pprovduta l-imsemmija informazzjoni ma għandu ebda impatt fuq il-fatt li l-ewwel talba għal reviżjoni issa ġiet miċħuda. Barra minn hekk, in-natura ta’ din id-deċiżjoni ma’ tistax tiġi kkontestata mis-sempliċi fatt li din l-evalwazzjoni ssir biss mid-dipartimenti tal-Kummissjoni, u mhux mill-Kummissjoni stess, peress li hija tipproduċi biss effeti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tar-rikorrenti u tikkostitwixxi att li jista’ jiġi kkontestat, skont l-Artikolu 230 KE.

(ara l-punti 34-38, 40, 42, 43)

2.      Mill-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li kull rikors promotur għandu jindika s-suġġett tal-kawża u sunt tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali li tiddeċedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra sabiex issostniha. Bl-għan li tkun żgurata ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni xierqa tal-ġustizzja, huwa meħtieġ li sabiex rikors ikun ammissibbli, il-punti essenzjali ta’ fatti u ta’ liġi li fuqhom ikun ibbażat ir-rikors għandhom jirriżultaw, għall-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test tar-rikors innifsu.

F’dan ir-rigward, għalkemm it-test tar-rikors jista’ jiġi sostnut u kkompletat b’riferimenti għal siltiet partikolari minn dokumenti li jkunu annessi miegħu, riferiment globali għal dokumenti oħra, anki jekk annessi mar-rikors, ma jistax jikkumpensa għan-nuqqas tal-elementi essenzjali tal-argument ġuridiku, li għandhom jinsabu fir-rikors. Barra minn hekk, ma huwiex il-kompitu tal-Qorti Ġenerali li toqgħod tfittex u tidentifika, fl-annessi, il-motivi u l-argumenti li tista’ tikkunsidra bħala li jikkostitwixxu l-bażi tar-rikors, peress li dawn l-annessi għandhom funzjoni purament probatorja u strumentali. Minħabba dan il-fatt, ir-rikors għandu jispjega l-kontenut tal-motiv li fuqu huwa bbażat ir-rikors, b’mod li sempliċi evokazzjoni astratta ma tissodisfax ir-rekwiżiti tar-regoli tal-proċedura.

(ara l-punti 48, 49)

3.      Fil-qasam tal-miżuri ta’ protezzjoni tal-kummerċ, l-istituzzjonijiet igawdu minn marġni ta’ diskrezzjoni wiesa’ minħabba l-kumplessità tas-sitwazzjonijiet ekonomiċi, politiċi u ġuridiċi li huma jkollhom janalizzaw. Dan jgħodd ukoll għall-evalwazzjonijiet tekniċi kumplessi magħmula mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni.

B’hekk, il-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa sabiex tiddetermina n-neċessità taż-żamma ta’ miżuri antidumping, fil-kuntest tal-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 384/96, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, kif ukoll għall-finijiet li tiddetermina jekk talba għal reviżjoni interim għandhiex provi suffiċjenti li tistabbilixxi n-neċessità għal tali reviżjoni.

Fl-istess qasam, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ evalwazzjonijiet ta’ istituzzjonijiet mill-qorti tal-Unjoni huwa għaldaqstant limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli tal-proċedura, tal-korrettezza materjali tal-fatti adottati sabiex issir l-għażla kkontestata, tan-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew tan-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter.

Rigward tibdil ta’ ċirkutanzi li jistgħu jiġġustifikaw l-esklużjoni ta’ prodott speċifiku mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, fil-kuntest tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ talba għal reviżjoni interim ta’ dazju antidumping impost, skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament Nru 384/96, l-imsemmi regolament ma jispeċifikax kif il-prodott għandu jiġi stabbilit jew il-firxa ta’ prodotti li jistgħu jkunu suġġett ta’ investigazzjoni ta’ dumping lanqas ma jirrikjedi klassifikazzjoni kumplessa. Dik is-setgħa ta’ diskrezzjoni għandha tiġi eżerċitata każ b’każ abbażi tal-fatti kollha rilevanti. Għall-finijiet tad-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat, l-istituzzjonijiet jistgħu jikkunsidraw bosta fatturi, bħall-karatteristiċi fiżiċi, tekniċi u kimiċi tal-prodotti, l-użu tagħhom, l-interkambjabbiltà tagħhom, il-perċezzjoni li l-konsumaturi għandhom tagħhom, il-mezzi ta’ distribuzzjoni, il-proċess tal-manifattura, l-ispejjeż tal-produzzjoni u l-kwalità. Fi kwalunkwe każ, anki jekk id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat tista’ tikkorrispondi għal klassifikazzjoni bħal dik li saret f’regola Komunitarja, id-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat mill-miżuri antidumping ma tistax tiddependi minn tali klasisfikazzjoni.

B’hekk, l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrifjutat li tagħti bidu għal reviżjoni interim għandha tkun ibbażata fuq argumenti li juru li l-Kummissjoni, fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha dwar il-bidu tar-reviżjoni, wettqet evalwazzjoni żbaljata fuq il-fatturi li hija qieset rilevanti jew li hija messha ħadet inkunsiderazzjoni fatturi oħra iktar rilevanti li, fil-kuntest tar-reviżjoni, kienu jirrikjedu l-esklużjoni ta’ dan il-prodott mid-definizzjoni tal-prodott ikkonċernat.

(ara l-punti 77-79, 81-83, 87, 93)

4.      Mit-tieni u t-tielet sentenzi tal-Artikolu 21(1) tar-Regolament Nru 384/96, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, jirriżulta li l-istituzzjonijiet għandhom id-dritt li ma japplikawx miżuri antidumping determinati, anki jekk il-kundizzjonijiet l-oħra għall-impożizzjoni ta’ dazju antidumping huma sodisfatti, jiġifieri d-dumping, id-dannu u r-rabta kawżali, jekk huma jikkunsidraw li l-applikazzjoni ta’ tali miżuri ma huwiex fl-interess tal-Komunità. Issa, fil-każ ta’ għajbien gradwali tal-produzzjoni Komunitarja ta’ prodotti suġġetti għal miżuri antidumping, l-evalwazzjoni tal-interess Komunitarju hija d-determinazzjoni tan-neċessità li jinżammu l-miżuri antidumping ikkonċernati fil-kuntest ta’ reviżjoni abbażi tal-Artikolu 11(3) tal-imsemmi regolament.

(ara l-punt 107)

5.      Il-prinċipju tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi japplika għal kull persuna li tinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi tagħtiha assigurazzjonijiet preciżi, inkundizzjonati u konsistenti, li huma mnissla minn sorsi awtorizzati u affidabbli, tkun ħolqot fiha speranzi fondati. Madankollu, dawn l-assigurazzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-dispożizzjonijiet u mar-regoli applikabbli, peress li l-wegħdiet li ma jieħdux inkunsiderazzjoni dawn id-dispożizzjonijiet ma jistgħux joħolqu aspettattivi leġittimi fil-persuna kkonċernata.

Fil-kuntest tal-evalwazzjoni mill-Kummissjoni ta’ talba tgħal reviżjoni interim ta’ dazju antidumping skont ir-Regolament Nru 384/96, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea, tista tikkostitwixxi biss assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti reviżjoni interim li tkun miftuħa għar-risposta tal-Kummissjoni għal talbiet għal pariri tekniċi fuq bażi preliminari. Tali risposta ma tikkostitwixxix deċiżjoni formali jew informali min-naħa tagħha, peress li l-analiżi tal-fajl tista’ ssir biss abbażi ta’ argumenti u ta’ provi effettivi li jinsabu f’talba ppreżentata uffiċjalment u għaldaqstant ma tistax, fi kwalunkwe każ, toħloq l-ebda aspettattiva leġittima li reviżjoni interim ser tinbeda. Fil-fatt, ma jikkostitwixxix assigurazzjonijiet preċiżi, inkundizzjonati u konsistenti li reviżjoni ser issir il-fatt li l-Kummissjoni kienet ikkomunikat ċerti elementi jew kienet uriet li hija interessata mid-definizzjoni mill-ġdid tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri antidumping inkwistjoni jew li kienet ikkwalifikat l-argumenti tal-applikant bħala promettenti waqt tali kuntatti preliminari.

(ara l-punti 139, 141-143)