Language of document :

Rikors ippreżentat fl-14 taʼ Marzu 2013 - Et Solar Industry et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-153/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Et Solar Industry Ltd (Taizhou City, iċ-Ċina); Et Energy Co. Ltd (Taizhou City); u Dotec Electric Co. Ltd (Taizhou City) (rappreżentant: R. MacLean, solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara r-rikors bħala ammissibbli;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tinsab fl-ittra tat-3 ta' Jannar 2013, li tindika li t-talba tar-rikorrenti sabiex jiksbu l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq (iktar ʼil quddiem, "MET") ma hijiex ser tkompli tiġi eżaminata;

tikkundanna lill-konvenuta u kwalunkwe intervenjent għall-ispejjeż ta' din il-proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi.

Bl-ewwel motiv tagħhom, huma jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għaliex il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni billi kisret u ma rrispettatx id-dritt tar-rikorrenti għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tagħhom kif ukoll il-prinċipju ta' proporzjonalità, u b'hekk, ċaħdet illegalment u mingħajr ġustifikazzjoni valida t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jiksbu l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq, fil-kuntest ta' investigazzjoni antidumping.

Bit-tieni motiv tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata għaliex il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni billi kisret il-prinċipji ta' ċertezza legali u ta' nuqqas ta' retroattività tad-dritt tal-Unjoni Ewropea, meta ċaħdet illegalment u mingħajr ġustifikazzjoni valida t-talba tar-rikorrenti għal MET u b'hekk ċaħdet mingħajr ġustifikazzjoni valida t-talba tar-rikorrenti intiża sabiex jiksbu l-istatus ta' impriża li topera f'ekonomija tas-suq, fil-kuntest ta' investigazzjoni antidumping.

____________