Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 taʼ Marzu 2013 - Sorinet Commercial Trust Bankers vs Il-Kunsill

(Kawża T-157/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Sorinet Commercial Trust Bankers Ltd (Kish Island, l-Iran) (rappreżentanti: L. Defalque u C. Malherbe, avukati)

Konvenuta: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-paragrafu I.I.12 (taħt it-titolu "Entitajiet") fl-Anness tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/829/PESK, tal-21 ta' Diċembru 2012, li temenda d-Deċiżjoni 2010/413/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran;

tannulla l-paragrafu I.I.12 (taħt it-titolu "Entitajiet") fl-Anness Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 1264/2012, tal-21 ta' Diċembru 2012, li jimplimenta r-Regolament (UE) Nru 267/2012 dwar miżuri restrittivi kontra l-Iran; u,

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż tar-rikorrenti għal dan ir-rikors.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba' motivi.

L-ewwel motiv, jallega li l-Kunsill ma osservax l-obbligu tal-motivazzjoni. Il-motivazzjoni tad-deċiżjoni u tar-riżoluzzjoni kkontestati hija vaga u ġenerali u ma tindikax ir-raġuni speċifika u attwali li abbażi tagħha, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali wiesa' tiegħu, il-Kunsill ikkunsidra li r-rikorrenti għandha tiġi ssuġġettata għall-miżuri restrittivi kkontestati.

It-tieni motiv, jallega li l-Kunsill kiser id-drittijiet tad-difiża, id-dritt ta' smigħ xieraq u d-dritt għal protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti la ġiet informata u lanqas innotifikata dwar xi prova possibbli prodotta kontrieha sabiex tiġi ġġustifikata l-miżura li kkawżatilha preġudizzju. Il-Kunsill la ta lir-rikorrenti aċċess għal fajl tagħha u lanqas ipprovdielha d-dokumenti mitluba (inkulża informazzjoni preċiża u ppersonalizzata li tiġġustifika l-miżuri restrittivi kkontestati) u lanqas żvelalha l-provi possibli prodotti kontra tagħha. Ir-rikorrenti ġiet miċħuda smigħ mill-Kunsill meta r-rikorrenti talbet espliċitament li tinstema'. Il-ksur tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti imsemmi iktar 'il fuq - prinċipalment in-nuqqas ta' informazzjoni lir-rikorrenti dwar il-provi prodotti kontrieha - jirriżulta fi ksur tad-dritt għall-protezzjoni ġudizzjarja effettiva tar-rikorrenti.

It-tielet motiv, jallega li l-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni meta adotta l-miżuri restrittivi kontra r-rikorrenti. Ir-raġunijiet li bbaża ruħu fuqhom il-Kunsill kontra r-rikorrenti ma jikkostitwixxux motivazzjoni adegwata għad-deċiżjoni. Barra dan, il-Kunsill ma pproduċiex la provi u lanqas informazzjoni sabiex jiġu stabbiliti r-raġunijiet invokati minnu sabiex jiġġustifika l-miżuri restrittivi kkontestati, li huma bbażati fuq sempliċi allegazzjonijiet.

Ir-raba' motiv, jallega li l-miżuri restrittivi kkontestati huma vvizzjati u kkontaminati mill-illegalità dovuta għad-difetti fl-evalwazzjoni tal-Kunsill qabel l-adozzjoni tagħhom. Il-Kunsill ma wettaqx evalwazzjoni ġenwina taċ-ċirkostanzi tal-każ, iżda llimita ruħu li jsegwi r-rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti u adotta l-proposti sottomessi mill-Istati Membri.

____________