Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Frar 21012 - Beco vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-81/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Beco Metallteile-Handels GmbH (Spaichingen, il-Ġermanja) (rappreżentant: T. Pfeiffer, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2011 fil-Każ C(2011) 9112 finali u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li t-talba tagħha għar-rimbors tad-dazju antidumping, li ġiet miċħuda bid-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Diċembru 2011, kuntrarjament għall-opinjoni tal-Kummissjoni, ġiet ippreżentata fit-terminu stabbilit u għalhekk kienet ammissibbli.

F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti tindika li t-talba ġiet ippreżentata fit-terminu ta' sitt xhur previst fl-Artikolu 11(8) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea 2. Skont din id-dispożizzjoni, it-talba għal rimbors tippresupponi li l-applikant ikun ħallas id-dazju stabbilit. Kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, it-terminu ta' sitt xhur previst fl-Artikolu 11(8) tar-Regolament Nru 384/96 ma jistax jiskadi qabel ma t-talba għal rimbors tkun ammissibbli.

Mill-Avviż tal-Kummissjoni dwar il-ħlas lura ta' dazji anti-dumping, tad-29 ta' Mejju 2002,  jirriżulta wkoll li "[a]pplikazzjonijiet jistgħu jitressqu biss fir-rigward ta' transazzjonijiet li għalihom id-dazji anti-dumping tħallsu kollha" [punt 2.1(b) tal-Avviż). Skont ir-rikorrenti, dan l-avviż jipprovdi ukoll espliċitament li huwa biss l-importatur li "jista' juri li ħallas dazji anti-dumping, kemm direttament kif ukoll indirettament, għal importazzjoni speċifika" li jista' jitlob rimbors [punt 2.2(a) tal-Avviż].

Ir-rikorrenti ssostni wkoll li d-deċiżjoni tat-13 ta' Diċembru 2011 tippreġudika l-aspettattivi leġittimi li hija seta' jkollha abbażi tal-Avviż tal-Kummissjoni tad-29 ta' Mejju 2001 u tikser il-prinċipju ta' bona fide.

Barra minn hekk, ir-rikorrenti tilmenta li d-deċiżjoni tat-13 ta' Diċembru 2011 tikser il-prinċipju ta' ċertezza legali.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96, tat-22 ta' Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 11, Vol. 10, p. 45)

2 - Avviż tal-Kummissjoni, tad-29 ta' Mejju 2002, dwar il-ħlas lura ta' dazji anti-dumping (ĠU C 179, 16.07.2008)