Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Marzu 2018 – Kim et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni

(Kawża T-533/15 u T-264/16) 1

(“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda kontra l-Korea ta’ Fuq bl-għan li tiġi prekluża l-proliferazzjoni nukleari – Lista tal-persuni u entitajiet li għalihom japplika l-iffriżar ta’ fondi u ta’ riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti – Prova tal-fondatezza tal-inklużjoni fil-lista – Obbligu ta’ motivazzjoni”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti fil-Kawża T-533/15: Il-Su Kim (Pjongjang, il-Korea ta’ Fuq) u l-ħames rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness tas-sentenza (rappreżentanti: M. Lester, S. Midwinter, QC, T. Brentnall u A. Stevenson, solicitors)

Rikorrenti fil-Kawża T-264/16: Korea National Insurance Corporation (Pjongjang) (rappreżentanti: M. Lester, S. Midwinter, T. Brentnall u A. Stevenson)

Konvenuti: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea (rappreżentanti: inizjalment minn A. de Elera San Miguel Hurtado u A. Vitro, sussegwentement minn A. Vitro u F. Naert, aġenti), Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: fil-Kawża T-533/15 L. Havas, S. Bartelt u D. Gauci, aġenti u fil-Kawża T-264/16 L. Havas u S. Bartelt, aġenti, sussegwentement fil-Kawża T-533/15 L. Havas u D. Gauci, aġenti, u fil-Kawża T-264/16 L. Havas, aġenti)

Intervenjent insostenn tal-konvenuti fil-Kawża T-533/15: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (rappreżentanti: inizjalment minn V. Kaye, sussegwentment minn S. Brandon, sussegwentement minn S. Brandon u C. Crane, u fl-aħħar nett minn S. Brandon, aġenti)

Suġġett

Fil-Kawża T-533/15, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/1066 tat-2 ta’ Lulju 2015 li temenda d-Deċiżjoni 2013/183/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU 2015, L 174, p. 25), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/1062 tat-2 ta’ Lulju 2015 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU 2015, L 174, p. 16), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/475 tal-31 ta’ Marzu 2016 li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/183/PESK dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea (ĠU 2016, L 85, p. 34), tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/659 tas-27 ta’ April 2016 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 329/2007 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea (ĠU 2016, L 114, p. 9), tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2016/849 tas-27 ta’ Mejju 2016 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea u li tħassar id-Deċiżjoni 2013/183/PESK (ĠU 2016, L 141, p. 79), u kwalunkwe regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill relatat sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti u, fil-Kawża T-264/16, talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-Deċiżjoni 2016/475, tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/659, tad-Deċiżjoni 2016/849 u ta’ kwalunkwe regolament ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill relatat, sa fejn dawn l-atti jikkonċernaw lir-rikorrenti.

Dispożittiv

Ir-rikorsi huma miċħuda.

Fil-Kawża T-533/15, Kim Il-Su u r-rikorrenti l-oħra li isimhom jidher fl-anness huma kkundannati għall-ispejjeż, bl-eċċezzjoni ta’ dawk sostnuti mir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq.

Fil-Kawża T-264/16, Korea National Insurance Corporation hija kkundannata għall-ispejjeż.

Fil-Kawża T-533/15, ir-Renju Unit għandu jbati l-ispejjeż rispettivi tiegħu.

____________

1     ĠU C 381, 16.11.2015.