Language of document : ECLI:EU:C:2012:377

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

PEDRO CRUZ VILLALÓN

ippreżentati fil-21 ta’ Ġunju 2012 (1)

Kawża C‑173/11

Football Dataco Ltd

Scottish Premier League Ltd

Scottish Football League

PA Sport UK Ltd

vs

Sportradar GmbH


Sportradar AG

[talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Court of Appeal (England & Wales) (Civil Division) (ir-Renju Unit)]

“Direttiva 96/9/KE — Protezzjoni legali ta’ databases — Kunċetti ta’ estrazzjoni u ta’ użu mill-ġdid — Lokalizzazzjoni tal-użu mill-ġdid”





1.        Fil-kuntest tal-proċedura li għandha bħala suġġett id-dritt sui generis stabbilit mill-Artikolu 7 tad-Direttiva 96/9/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-11 ta’ Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta’ databases (2) il-Court of Appeal tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja jekk użu partikolari tal-kontenut ta’ database protetta minn dan id-dritt għandux jiġi kkwalifikat bħala każ ta’ “estrazzjoni” jew bħala każ ta’ “użu mill-ġdid” u, ladarba jiġi kkwalifikat, fejn għandu jiġi kkunsidrat li seħħ.

2.        Din id-domanda preliminari tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar il-problema tal-lokalizzazzjoni tal-atti ta’ ksur tal-imsemmi dritt sui generis. Skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-qasam tal-komunikazzjoni permezz tal-internet, se nillimita ruħi biex nipproponi soluzzjoni adegwata għall-partikolaritajiet ta’ dan il-mezz u, b’mod partikolari, għall-katergoriji kunċettwali użati fid-Direttiva 96/9 stess, u mhux nittratta kwistjonijiet oħrajn, bħal b’mod partikolari, il-ġurisdizzjoni, li fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju ta’ tistaqsix dwarha.

I –    Il-kuntest ġuridiku

A –    Id-dritt tal-Unjoni

3.        Fil-Kapitolu II (“Drittijiet ta’ Awtur”) tad-Direttiva 96/9, taħt it-Titolu “Atti soġġetti għal restrizzjoni”, l-Artikolu 5 jipprovdi:

“L-awtur ta’ database, dwar dak li għandu x’jaqsam mal-forma espressiva tad-database li tista’ tkun protetta bid-dritt ta’ l-awtur, għandu jkollu d-dritt esklussiv li jagħmel jew li jawtorizza:

[…]

d)      kull komunikazzjoni, wirja jew eżekuzzjoni għall-pubbliku;

[…]”

4.        Fil-Kapitolu III (“Dritti sui generis”) tad-Direttiva 96/9, taħt it-Titolu “Għan tal-protezzjoni”, l-Artikolu 7 jipprovdi dan li ġej:

“1.      Stati Membri għandhom jipprovdu għal dritt għal min jagħmel database li juri li jkun sar investiment sostanzjali kwalitattiv u/jew kwantitattiv fil-kisba, verifika jew preżentazzjoni tal-kontenut biex ma titħalliex li ssir estrazzjoni u/jew użu mill-ġdid tiegħu kollu jew parti sostanzjali minn, valutat b’mod kwalitattiv u/jew kwantitattiv, tal-kontenut ta’ dik id-database.

2.      Għall-iskopijiet ta’ dan l-Artikolu:

a)      ‘estrazzjoni’ tfisser it-trasferiment permanenti jew temporanju tal-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database lil apparat ieħor b’kull mezz jew f’kull forma;

b)      ‘użu mill-ġdid’ tfisser kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku l-kontenut kollu jew parti sostanzjali minnu ta’ database permezz tad-distribuzzjoni ta’ kopji, kiri, trasmissjoni on-line jew modi oħra ta’ trasmissjoni. L-ewwel bejgħ fil-Komunità ta’ kopja tad-database mit-titulari tad-dritt jew bil-kunsens tiegħu jeżawrixxi d-dritt li jkun hemm kontroll tal-bejgħ mill-ġdid ta’ dik il-kopja fil-Komunità;

      Self pubbliku mhux att ta’ estrazzjoni jew użu mill-ġdid.

[…]”

B –    Id-dritt nazzjonali

5.        Id-Direttiva 96/9 ġiet trasposta fir-Renju Unit permezz tar-riforma tal-Copyright Design and Patents Act 1988 (Att dwar il-Copyright u l-Brevetti) magħmula skont il-Copyright and Rights in Database Regulations 1997 (Regolamenti dwar il-Copyright u Drittijiet dwar id-databases) (SI 1997/3032). Il-kontenut tal-liġi Brittanika jaqbel ma’ dak tad-Direttiva.

II – Il-Fatti

6.        Football Dataco Ltd, Scottish Premier League Ltd, Scottish Football League u PA Sport UK Ltd (iktar ’il quddiem, “Football Dataco et”), il-kumpanniji rikorrenti fil-proċeduri inkwistjoni, huma responsabbli għall-organizzazzjoni tal-kampjonati tal-futbol Ingliż u dak Skoċċiż. L-ewwel waħda hija responsabbli għall-ħolqien u l-ġestjoni tad-data u tad-drittijiet ta’ proprjetà intellettwali fir-rigward ta’ dawn il-kampjonati u tippretendi, skont id-dritt Ingliż, dritt sui generis għad-database li jismu “Football Live”.

7.        Id-database inkwistjoni huwa ġabra ta’ data dwar il-partiti tal-futbol filwaqt li jkunu qed jintlagħbu (riżultat, numru tal-plejers, ammonizzjonijiet u tkeċċijiet, fawls, sostituzzjonijiet). Id-data tinġabar prinċipalment minn ex-plejers professjonali li jaġixxu b’mod indipendenti minn Football Dataco et, fejn għal dan il-għan jassistu għall-partiti. Football Dataco et isostnu li l-kisba u/jew il-verifika tal-informazzjoni rċevuta mhux biss titlob investiment kunsiderevoli, iżda wkoll, barra minn hekk, din teħtieġ kapaċità, sforz, dixxerniment kif ukoll xogħol intellettwali kunsiderevoli min-naħa ta’ persunal b’esperjenza.

8.        Min-naħa l-oħra, il-kumpannija Ġermaniża Sportradar GmbH ixxandar b’mod dirett, permezz tal-internet, ir-riżultati u statistika oħra tal-partiti tal-kampjonat Ingliż. Dan is-servizz jismu Sport Live Data.

9.        B’mod partikolari, Sportradar GmbH għandha paġna tal-internet li jisimha betradar.com. Il-kumpanniji tal-imħatri li huma klijenti ta’ Sportradar GmbH allegatament għandhom kuntratti mal-kumpannija Svizzera Sportradar AG, li hija l-kumpannija parent ta’ Sportradar GmbH. Fost dawn il-kumpanniji hemm il-kumpannija Britannika bet365 u l-kumpannija Stan James, fejn din tal-aħħar hija rreġistrata Ġibiltà. It-tnejn li huma joffru servizzi ta’ mħatri intiżi għas-suq Britanniku. Il-paġni web tagħhom rispettivi għandhom links għal betradar.com. L-għażla Live Score tagħti aċċess għal informazzjoni li tidher taħt titolu li jinsab matul l-iskrin bl-isem bet365 jew Stan James, minn fejn il-Court of Appeal tiddeduċi li l-pubbliku tar-Renju Unit huwa għan importanti tar-rikorrenti.

10.      Fit-23 ta’ April 2010, Football Dataco et, filwaqt li allegaw li l-informazzjoni pprovduta fuq Sport Live Data kienet meħuda minn Football Live, talbu mingħand Sportradar, quddiem il-High Court of England and Wales, kumpens għad-danni minħabba ksur tad-dritt sui generis tagħhom fuq id-database Football Live.

11.      Sportradar ikkuntestat il-ġurisdizzjoni tal-qorti Brittannika u ressqet quddiem il-Landgericht Gera (il-Ġermanja) ilment formali fejn allegat li l-attivitajiet tagħha ma jiksru l-ebda dritt tal-proprjetà intellettwali ta’ Football Dataco et.

12.      Il-High Court iddikkjarat li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba ta’ Football Dataco et sa fejn din hija intiża sabiex tikseb ir-responsabbiltà in solidum ta’ Sportradar u l-klijenti tagħha li jużaw il-paġna tal-internet tagħha fir-Renju Unit, iżda ddikkjarat li ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar ir-responsabbiltà prinċipali ta’ Sportradar. Id-deċiżjoni tal-High Court ġiet appellata miż-żewġ partijiet quddiem il-Court of Appeal, li issa għamlet il-preżenti domanda preliminari.

III – Id-domanda preliminari

13.      Id-domanda preliminari tal-Court of Appeal hija s-segwenti:

“Meta parti taplowdja data minn database protetta mid-dritt sui generis taħt id-Direttiva 96/9/KE (iktar ’il quddiem “id-Direttiva Database”) fuq il-web server ta’ din il-parti li jinsab fi Stat Membru A u bħala risposta għat-talbiet minn utent fi Stat Membru B il-web server jibgħat din id-data lill-kompjuter tal-utent sabiex id-data tinħażen fil-memorja ta’ dan il-komputer u tintwera fuq l-iskrin tiegħu,

a)      l-att li bih tintbagħat id-data huwa att ta’ “estrazzjoni” jew ta’ “użu mill-ġdid” minn din il-parti?

b)      l-att ta’ estrazzjoni u/jew ta’ użu mill-ġdid minn din il-parti jseħħ

i)      fi Stat Membru A biss

ii)      fi Stat Membru B biss

iii)      jew kemm fi Stat Membru A kif ukoll fi Stat Membru B?”

14.      Il-Court of Appeal tqis li ma huwiex xieraq li tesprimi l-opinjoni tagħha f’dan ir-rigward, u sempliċement esponiet l-argumenti tal-partijiet (punt 45 tad-digriet tar-rinviju).

IV – Il-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja

15.      Id-domanda preliminari ġiet irreġistrata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-8 ta’ April 2011.

16.      Il-Gvern Spanjol u dak Portugiż kif ukoll il-partijiet fil-proċedura inkwistjoni u l-Kummissjoni ppreżentaw l-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom.

17.      Wara li ġie deċiż li tinżamm seduta, il-partijiet ġew mistiedna mill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiffokaw l-argumenti tagħhom fuq żewġ kwistjonijiet:

–        X’inhi r-relazzjoni bejn il-kwistjoni tal-lokalizzazzjoni tal-atti ta’ fejn tintbagħat id-data li tirreferi għalihom il-qorti tar-rinviju, min-naħa, u l-kwistjonijiet tal-liġi applikabbli fil-kawża prinċipali kif ukoll tal-qorti li għandha ġurisdizzjoni territorjali skont, rispettivament, ir-Regolament Ruma II u r-Regolament Brussell I, min-naħa l-oħra?

–        X’inhi r-relevanza possibbli għall-każ preżenti tal-iżviluppi fil-ġurisprudenza li tinsab fil-punti 61 sa 67 tas-sentenza L’Oréal (3), 61 sa 94 tas-sentenza Pammer y Alpenhof (4) u tal-punti 45 sa 52 tas-sentenza eDate Advertising et (5)?

18.      Fis-seduta, li nżammet fit-8 ta’ Marzu 2012, dehru l-Gvern Belġjan u dak Portugiż, kif ukoll il-partijiet f’din il-kawża u l-Kummissjoni.

V –    L-argumenti tal-partijiet

19.      Football Dataco et isostnu, fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari tal-Court of Appeal, li l-att fejn tintbagħat data fil-kompjuter ta’ utent jikkostitwixxi fl-istess ħin kemm att ta’ estrazzjoni — minħabba t-trasferiment, minn mezz għal ieħor, ta’ data li ġejja, oriġinarjament, minn bażi protetta — kif ukoll att ta’ użu mill-ġdid — minħabba t-trażmissjoni tal-imsemmija data lill-pubbliku.

20.      Fir-rigward tat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju, Football Dataco et isostnu li l-atti ta’ Sportradar għandhom jiġu kkunsidrati li seħħew fir-Renju Unit, peress li dan huwa l-Istat Membru li dawn l-atti kienu indirizzati lejh. Għaldaqstant, skont dawn, tapplika l-imsemmija “teorija tal-komunikazzjoni”, adottata kemm mid-Direttiva 2001/29 (6) kif ukoll mit-Trattat tal-WIPO (7) kif ukoll mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza L’Oréal, imsemmija iktar ’il fuq.

21.      Il-Gvern Spanjol jaqbel essenzjalment mal-pożizzjoni ta’ Football Dataco et, filwaqt li jsostni li, skont hu, l-attività inkwistjoni tinkludi estrazzjoni, li ssir fl-Istat A, fejn tinsab id-database fejn tiġi uploaded id-data minn database protetta, u użu mill-ġdid, li jseħħ fl-Istat B fejn jinsab l-utent li jirċievi din id-data fuq it-talba tiegħu.

22.      Il-Gvern Portugiż jenfasizza li, fil-każ preżenti, id-data setgħet inkisbet mingħajr l-użu tad-database protetta. Għaldaqstant, sa fejn ma jistax ikun hemm ċertezza dwar jekk dan huwiex il-każ, jista’ jingħad biss li dawn huma atti ta’ użu mill-ġdid, liema, barra minn hekk, seħħew fiż-żewġ Stati Membri.

23.      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, issostni li l-kwistjoni għandha tiġi estiża għall-att tal-upload tad-data qabel ma tintbagħat, fis-sens li huwa dan li jikkostitwixxi l-estrazzjoni, filwaqt li l-att fejn tintbagħat jikkostitwixxi l-użu mill-ġdid. Fir-rigward tal-post fejn iseħħu dawn l-atti, il-Kummissjoni tallega li huwa irrilevanti għall-kwalifika legali tagħhom u li, jekk ikun il-każ, dan ikun ta’ interess biss wara dawn il-proċedimenti inkwistjoni, meta tkun għad trid tiġi deċiża l-liġi applikabbli għall-każ.

24.      Fl-aħħar nett, Sportradar illimitat ruħha għall-kwistjoni tal-post fejn seħħew l-atti eżaminati, filwaqt li ssostni li għall-eżaminazzjoni ta’ dan il-post għandha tiġi evalwata l-imsemmija “teorija tax-xandir”. Fil-fehma tagħha, din hija t-teorija adottata mid-Direttiva 96/9, il-Konvenzjoni ta’ Berna (8), id-Direttiva 89/52 (9), id-Direttiva 93/83 (10) kif ukoll id-Direttiva 2001/29. Il-konsegwenza ta’ dan l-approċċ hija li kemm l-att fejn tintbagħat id-data kif ukoll l-upload minn qabel jikkostitwixxu l-użu mill-ġdid li jsir biss fl-Istat Membru fejn jinsab is-server minn sar l-upload tad-data protetta.

25.      Fir-rigward taż-żewġ kwistjonijiet li l-Qorti tal-Ġustizzja talbet lill-partijiet jikkonċentraw ruħhom dwarhom fis-sottomissjonijiet tagħhom matul is-seduta, dawn kollha jaqblu li l-kwistjoni tal-lokalizzazzjoni tal-att fejn tintbagħat id-data hija fundamentali sabiex jiġu identifikati kemm il-qorti nazzjonali li għandha ġurisdizzjoni kif ukoll id-dritt sostantiv applikabbli. Huwa għalhekk li l-argument bejn il-partijiet jiffoka sa mill-bidu fuq l-identifikazzjoni tal-post fejn sar il-ksur tad-drittijiet sui generis eżistenti. F’dan ir-rigward kollha kemm huma sostnew il-pożizzjoni tagħhom sostnuta fl-osservazzjonijiet bil-miktub, ħlief għall-Kummissjoni, li matul is-seduta sostniet li f’dan il-każ kien hemm kemm estrazzjoni kif ukoll użu mill-ġdid u li t-tnejn li huma seħħew kemm fl-Istat A kif ukoll fl-Istat B, fejn, fil-fehma tagħha, hija fundamentali d-distinzjoni bejn l-att illegali minn naħa, u d-dannu minn innifsu min-naħa l-oħra.

26.      Fl-aħħar nett, matul is-seduta, kemm il-Gvern Belġjan kif ukoll il-Gvern Portugiż qablu li “Football Live” ma hijiex “database” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9, peress li la l-kontenut u lanqas il-konfigurazzjoni tagħha ma jissodisfaw ir-rekwiżiti neċessarji sabiex din id-database tingħata l-protezzjoni garantita minn din id-direttiva.

VI – Evalwazzjoni

A –    Kunsiderazzjonijiet preliminari

27.      Inħoss, li sabiex jinftiehmu fit-termini ġusti s-sens u l-portata tad-domandi magħmula mill-Court of Appeal id-dikjarazzjonijiet li jinsabu fid-digriet tal-Court of Appeal li jippreċedi u jakkumpanja t-talba għal deċiżjoni preliminari tal-istess data huma informattivi ħafna.

28.      L-imsemmi digriet jikkonkludi bid-dikjarazzjoni (a) li l-Court of Appeal ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi dwar it-talba dwar ksur tad-drittijiet tal-proprjetà intellettwali (liema kwistjoni hija kkunsidrata fil-punti 16 sa 18 tad-digriet tar-rinviju); (b) li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi t-talba għar-responsabbiltà in solidum ta’ Sportradar (liema kwistjoni hija kkunsidrata fil-punti 19 sa 39 tad-digriet tar-rinviju); u (ċ) li ma ħadet l-ebda deċiżjoni finali dwar il-ġurisdizzjoni tal-ewwel qorti li tiddeċiedi dwar it-talba mressqa kontra l-konvenuti individwalment.

29.      Ma hemm xejn fid-digriet tar-rinviju li jikkorrispondi b’mod ċar mad-dikjarazzjoni finali. Minflok, mill-punt 40 id-digriet tar-rinviju jistabbilixxi dak li jista’ jiġi kkunsidrat bħala raġunijiet insostenn tad-domandi kif finalment ġew ifformulati, jiġifieri fir-rigward tat-termini “estrazzjoni” u “użu mill-ġdid” (punti 40 u 41), iżda fuq kollox jipprovdi deskrizzjoni wiesgħa tal-pożizzjoni tal-partijiet fir-rigward tat-teoriji tat-“trażmissjoni” u tal-“komunikazzjoni” (punti 42 sa 46), u jikkonkludi bil-formulazzjoni diretta tad-domandi kif iċċitati iktar ’il fuq.

30.      L-ewwel waħda mill-imsemmija domandi tirreferi għall-kwalifika legali li għandha tingħata, fid-dawl tad-Direttiva 96/9, lil att legali li l-Court of Appeal tiddeskrivi fid-dettall kif ġej: l-att fejn “tintbagħat”, minn min iħaddem server li jinsab fi Stat Membru, għall-kompjuter ta’ utent li jinsab fi Stat Membru ieħor, fuq talba preliminari ta’ dan l-utent, informazzjoni miksuba minn database protett minn dritt sui generis.

31.      Id-domanda ma tirrigwardax, għaldaqstant, id-database Football Live — li għandha titqies li tikkostitwixxi “database” fis-sens tal-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 96/9 — u lanqas id-drittijiet li abbażi tad-direttiva jsostnu li għandhom Football Dataco et. Għalhekk, fil-fehma tiegħi, hija irrilevanti l-kunsiderazzjoni tat-talba tal-Gvern Belġjan u dak Portugiż li jiġi kkunsidrat mill-ġdid jekk Football Live hijiex database protetta mid-Direttiva 96/9.

32.      Din il-kwistjoni dwar jekk Football Dataco et għandhomx dritt sui generis fuq id-database Football Live ma hijiex suġġett ta’ diskussjoni f’dawn il-proċeduri preżenti.

33.      Pjuttost, jaqbel li jitfakkar li, kif jingħad fil-punt 19 tad-digriet tar-rinviju, dak li Sportradar tikkontesta fil-kawża prinċipali hija l-ġurisdizzjoni tal-qrati tar-Renju Unit sabiex jiddeċiedu dwar il-ksur tad-dritt sui generis kif allegat minn Football Dataco et fir-rikors ippreżentat individwalment kontriha.

34.      Huwa wkoll paċifiku li l-informazzjoni “mibgħuta” tiġi minn Football Live u li “tintbagħat” minn server ta’ Sportradar li jinsab fi Stat Membru li ma huwiex ir-Renju Unit. Sa fejn issir din il-preżunzjoni, ma huwiex neċessarju, fil-fehma tiegħi, u kontra l-parir tal-Kummissjoni, li tiġi kkunsidrata l-kwalifikazzjoni legali tal-att ta’ introduzzjoni fis-server ta’ Sportradar tal-informazzjoni miksuba minn Football Live. Ir-risposta għal din id-domanda ma tikkontribwixxi bl-ebda mod għal dak li l-Court of Appeal tistaqsi lill-Qorti tal-Ġustizzja, li jirreferi biss għall-att fejn tintbagħat lill-kompjuter ta’ utenti li jinsabu fir-Renju Unit informazzjoni li ma hemmx dubju dwar in-natura, il-kisba u l-oriġini tagħha.

35.      It-tieni domanda li saret hija dwar il-lokalizzazzjoni tal-att fejn “tintbagħat” l-informazzjoni la darba dan jiġi kkwalifikat. Skont il-Kummissjoni, id-determinazzjoni tal-post fejn isir l-att fejn “tintbagħat” l-informazzjoni huwa rrilevanti għall-kwalifikazzjoni ta’ dan tal-aħħar. Bla dubju, dan huwa l-każ. Madankollu, dan minnu nnifsu ma huwiex konkludenti. Il-Court of Appeal tqajjem il-kwistjoni dwar il-post fejn “tintbagħat” l-informazzjoni, probabbilment għaliex, huwa biss b’din l-informazzjoni li tkun f’pożizzjoni li tiddetermina liema hija l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kawża fil-proċedimenti inkwistjoni, li hija kwistjoni li, kif deher mis-seduta, tikkostitwixxi waħda mill-aspetti tal-kawża (punti 19 sa 20 tad-digriet tar-rinviju).

36.      Minkejja dan, ma jistax ma jiġix ikkunsidrat li l-Court of Appeal hija preċiża ħafna fil-formulazzjoni taż-żewġ domandi preliminari li għamlet lill-Qorti tal-Ġustizzja. Dejjem qagħdet attenta li tirreferi d-dubji tagħha għall-att fejn tintbagħat l-informazzjoni li jsir minn Sportradar, u staqsiet, fl-ewwel lok, għall-kwalifikazzjoni ta’ dan l-att bħala “estrazzjoni” jew “użu mill-ġdid” u, sussegwentement, għall-post fejn dan l-att iseħħ konkretament. Fil-fehma tiegħi, billi evitat kwalunkwe riferiment għad-dannu kkawżat minn dan l-att, il-qorti tar-rinviju riedet li jiġi eskluż mill-kunsiderazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja l-iżvilupp tal-konsegwenzi li jirriżultaw mill-identifikazzjoni tal-post fejn iseħħ l-att fejn tintbagħat l-informazzjoni. Se nillimita ruħi, għaldaqstant, għall-kwistjoni dwar il-lokalizzazzjoni ta’ dan l-att konkret, mingħajr ma nestendi għall-konsegwenzi relativi li jistgħu jirriżultaw minn din ir-risposta, li hija l-qorti tar-rinviju li għandha tiddeċiedi.

37.      Min-naħa l-oħra, nikkunsidra li mill-informazzjoni li tirriżulta mill-proċess tal-kawża prinċipali ma jirriżultax li l-Court of Appeal tantiċipa dubji dwar l-identifikazzjoni tad-dritt applikabbli għall-każ inkwistjoni ladarba tiġi ddeterminata l-qorti li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi l-kawża prinċipali. Dan ma kienx suġġett li ġie argumentat lanqas waqt is-seduta, u għalhekk, fil-fehma tiegħi, ma huwiex xieraq li l-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar dan.

B –    Il-kwalifikazzjoni legali tal-att fejn tintbagħat, minn min iħaddem is-server li jinsab fi Stat Membru, lil kompjuter ta’ utent li jinsab fi Stat Membru ieħor, fuq talba preliminari ta’ dan l-utent, informazzjoni miksuba minn database protetta minn dritt sui generis. Aspetti oġġettivi u suġġettivi

38.      Ir-risposta għal din l-ewwel domanda tista’ tittieħed mingħajr diffikultajiet, fil-fehma tiegħi, mill-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja mogħtija f’diversi sentenzi relativament reċenti (11).

39.      Fid-dawl tal-imsemmija ġurisprudenza, il-kunċetti ta’ “estrazzjoni” u ta’ “użu mill-ġdid”, fid-dimensjoni oġġettiva tagħhom, “għandhom jiġu interpretati fis-sens li jirreferu għal kull att li jikkonsisti, rispettivament, fl-appropjazzjoni jew fit-tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, mingħajr il-kunsens tal-persuna li tkun bniet id-database, tar-riżultati tal-investiment ta’ din il-persuna li b’hekk iwassal sabiex din tal-aħħar tkun imċaħħda mid-dħul li kellu jagħmel tajjeb għall-investiment magħmul” (The British Horseracing Board, iċċitata iktar ’il fuq, punt 51).

40.      Barra minn hekk, dawn huma kunċetti li “ma jistgħux ikunu limitati għall-każijiet ta’ estrazzjoni u ta’ użu mill-ġdid imwettqa direttament mid-database oriġinali, limitazzjoni li twassal sabiex il-persuna li tkun għamlet id-database titħalla mingħajr protezzjoni fir-rigward ta’ atti mhux awtorizzati ta’ kkupjar imwettqa minn kopja tad-database tagħha.” (The British Horseracing Board Ltd, iċċitata iktar ’il fuq, punt 52). Konsegwentement, “[i]l-kunċetti ta’ estrazzjoni u ta’ użu mill-ġdid ma jeżiġux aċċess dirett għad-database kkonċernata” (The British Horseracing Borrad, iċċitata iktar ’il fuq, punt 53).

41.      Fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, limitata għall-att fejn “tintbagħat” lill-kompjuter tal-utent, fuq talba preliminari ta’ dan tal-aħħar, informazzjoni miksuba minn database protett minn dritt sui generis, huwa evidenti li dan huwa att li jagħmel parti, bħala element kostituttiv neċessarju, minn proċess ta’ tqegħid għad-dispożizzjoni tal-pubbliku li, fid-dawl tal-ġurisprudenza stabbilita f’The British Horseracing Board, jikkostitwixxi użu mill-ġdid fis-sens tal-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 96/9.

42.      Fil-fatt, l-“użu mill-ġdid” li tirreferi għalih id-Direttiva 96/9 jista’ jinftiehem biss, fil-kuntest tal-komunikazzjoni bl-internet, bħala att normalment kumpless magħmul mill-aġir neċessarju sabiex iseħħ l-effett tat-“tqegħid għad-dispożizzjoni” jiġifieri l-“użu mill-ġdid”, skont it-termini użati mid-direttiva. L-att fejn tintbagħat l-informazzjoni minn Sportradar li tirreferi għalih il-Court of Appeal jagħmel parti minn dan l-att komplet bħala wieħed mill-komponenti neċessarji tiegħu u, għaldaqstant, sa fejn huwa rilevanti għal dan il-każ, għandu jiġi konkluż li jagħmel parti min-natura tal-“użu mill-ġdid”.

43.      F’dan il-punt jidhirli li jaqbel li nerġa’ mmur għaċ-ċirkustanzi li taw lok għal din it-talba għal deċiżjoni preliminari. B’hekk jkun jista’ jinftiehem id-dubju tal-qorti tar-rinviju fir-rigward tal-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar att konkret: fejn “tintbagħat” informazzjoni minn Sportradar.

44.      Qabelxejn, jaqbel li jitfakkar li l-Court of Appeal ma għandha l-ebda dubju dwar il-ġurisdizzjoni tagħha biex tiddeċiedi dwar it-talba mressqa minn Football Dataco et, in solidum, kontra Sportradar u l-klijenti tagħha stabbiliti fir-Renju Unit. Kuntrarjament, għandha dubju dwar il-ġurisdizzjoni tagħha sabiex tiddeċiedi dwar it-talba mressqa minn Football Dataco et b’mod individwali, kontra Sportradar.

45.      Fil-fehma tiegħi, huwa ċar li s-serje ta’ atti, li tibda minn Sportradar, tispiċċa bit-tqegħid għad-dispożizzjoni ta’ individwi, permezz tal-kumpanniji ta’ mħatri li jkunu kkonkludew kuntratti ma’ dik il-kumpannija, tad-data ta’ Football Live, tikkostitwixxi preżunzjoni tipika ta’ “użu mill-ġdid”.

46.      Minkejja dan, sa fejn it-talba fil-kawża prinċipali hija diretta unikament kontra Sportradar, il-qorti tar-rinviju tqajjem il-kwistjoni dwar jekk l-aġir individwali ta’ din il-kumpannija li jaqa’ f’dik is-serje ta’ atti u li, b’hekk, jaqa’ taħt il-kwalifikazzjoni legali għal tali aġir, għandux hu waħdu, indipendentement minn tali kwalifika, entità u awtonomija biżżejjed sabiex jaqa’ taħt kwalifikazzjoni separata.

47.      Fil-fehma tiegħi, huwa ċar li r-risposta għandha tkun fin-negattiv. Il-fatt li, f’każijiet bħal dak li wassal għall-kawża prinċipali, l-“użu mill-ġdid” ikun ir-riżultat ta’ serje ta’ atti imputabbli lil suġġetti differenti ma jimplikax li l-ebda wieħed minn dawn l-atti ma għandu jiġi kkunsiderat waħdu bħala att ta’ “użu mill-ġdid” fis-sens u bil-konsegwenzi tad-Direttiva 96/9. Huwa ċar li kull wieħed minn dawn l-atti jagħmel sens bħala parti minn dan l-att komplet, u għaldaqstant, jista’ biss jingħata l-kwalifikazzjoni li tingħata lill-att inkwistjoni.

48.      Konsegwentement, u bħala l-ewwel konklużjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għall-ewwel domanda tkun fis-sens li l-att fejn “tintbagħat” informazzjoni magħmula speċifikament minn Sportradar jikkostitwixxi “użu mill-ġdid” fis-sens tal-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 96/9.

C –    Il-lokalizzazzjoni tal-att ta’ “użu mill-ġdid” tal-informazzjoni miksuba minn database protetta minn dritt sui generis

49.      Ir-risposta għat-tieni domanda magħmula mill-qorti tar-rinviju wasslet lill-partijiet sabiex ixaqilbu lejn waħda mit-teoriji klassiċi fil-qasam tal-komunikazzjoni: minn naħa, l-imsemmija “teorija tax-xandir”, li tgħid li l-att ta’ użu mill-ġdid iseħħ fejn jinsab is-server ta’ Sportradar minn fejn “tintbagħat” l-informazzjoni mitluba mill-klijenti taż-żewġ kumpanniji ta’ mħatri li jipprovdu s-servizz tagħhom fis-suq Britanniku. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija teorija tat-trażmissjoni jew ta’ riċezzjoni”, li tgħid li l-użu mill-ġdid iseħħ fir-Renju Unit, fejn il-klijenti Britanniċi tal-kumpanniji tal-imħatri bil-kuntratt ma’ Sportradar jirċievu, fuq talba preliminari tagħhom, fuq il-kompjuters tagħhom, l-informazzjoni trażmessa minn Sportradar minn post barra r-Renju Unit.

50.      Dan l-approċċ għall-problema juri li, fil-kuntest tal-internet, l-użu ta’ konstruzzjonijiet kunċettwali li oriġinaw fil-kuntest tax-xandir bir-radju huwa dubjuż. Dan huwa kuntest fejn liġi tal-Unjoni invokata mill-partijiet ma tadottax b’mod ċar waħda miż-żewġ alternattivi possibbli (12), jew tagħmel dan għaliex l-għan tagħha huwa preċiżament li tiggarantixxi attività identifikata ma’ waħda minnhom (13).

51.      F’dan il-każ, jaqbel li jkun hemm, kif għamlet il-Qorti tal-Ġustizzja, interpretazzjoni awtonoma, adattata għall-ispeċifiċitajiet tal-komunikazzjoni bl-internet u, b’mod partikolari, tal-liġi tal-Unjoni applikabbli għall-każ u li l-qorti tar-rinviju jkollha tiddeċiedi dwarha.

52.      Fl-ewwel lok dan il-każ huwa dwar il-komunikazzjoni bl-internet, fenomenu li l-partikolaritajiet tiegħu fil-kuntest tat-tixrid tal-informazzjoni diġà kelli l-okkażjoni li nittratta fir-rigward tal-ewwel domanda preliminari (14).

53.      Fit-tieni lok dan il-każ jirreferi għal liġi, id-Direttiva 96/9, li r-raġuni stess tagħha hija li twieġeb għan-nuqqas ta’ protezzjoni tad-drittijiet fuq id-databases fl-Istati Membri, kif tispjega l-ewwel premessa tagħha, b’mod li l-għan tal-leġiżlatur tal-Unjoni huwa li jipprovdi din il-protezzjoni permezz tar-rikonoxximent u tal-garanzija tal-imsejjħa drittijiet sui generis tal-awtur ta’ database minn aġir imsemmi fid-Direttiva stess bħall-“estrazzjoni ” u l-“użu mill-ġdid”, li fil-fatt huwa dak li huwa inkwistjoni f’dan il-każ.

54.      L-istess Direttiva 96/9, kif diġà għidt, tirreferi għall-kunċett tal-“użu mill-ġdid” bħala kategorija awtonoma u definita f’termini li, fil-fehma tiegħi, huma perfettament adegwati għan-neċessitajiet ta’ kostruzzjoni teorika meħtieġa mill-partikolaritajiet tal-komunikazzjoni ta’ data bl-internet.

55.      Fil-kuntest tal-internet il-kategoriji ta’ “xandir” u ta’ “reċezzjoni” jiksbu valur relattiv ħafna bħala kriterju sabiex tiġi ddeterminata l-“lokalizzazzjoni” tal-punti li bejniethom iseħħ l-att ta’ komunikazzjoni. Il-konfigurazzjoni fuq il-web ta’ mezz ta’ komunikazzjoni ta’ dimensjoni globali, li l-kontenut tiegħu huwa kostantement fi proċess ta’ rinnovament u li għadu sal-lum ikkaratterizzat minn grad notevoli ta’ livell ta’ resistenza għad-dixxiplina ta’ serje ta’ normi li, sabiex ikunu effettivi u adegwati, iridu jirriżultaw mill-volontà komuni tal-komunità internazzjonali tal-Istati, trendi inutli l-kategoriji bbażati fuq kunċetti li, bħaż-żmien u l-ispazju, għandhom sens ekwivoku fid-dinja tar-realtà virtwali.

56.      Il-Qorti tal-Ġustizzja sabet kriterju adegwat fl-idea tad-destinazzjoni tal-informazzjoni li tiċċirkula permezz tal-internet. Dan il-kriterju użatu kemm fis-sentenza L’Oréal (15) kif ukoll f’Pammer u Hotel Alpenhof (16).

57.      Fil-fehma tiegħi, skont dan il-kriterju jaqbel mal-intenzjoni tal-Artikolu 7(2)(b) tad-Direttiva 96/9, li jiddefinixxi l-“użu mill-ġdid” bħala “kull mod li jagħmel disponibbli lill-pubbliku” kontenut ta’ database protetta.

58.      Din il-formulazzjoni “jagħmel disponibbli lill-pubbliku”, fil-fehma tiegħi, tikkostitwixxi l-idea kunċettwali essenzjali sabiex tingħata risposta għad-domanda preliminari magħmula mill-qorti Britannika. F’dan is-sens, il-kunċett ta’ “użu mill-ġdid” jinkludi l-atti kollha li f’dan il-każ, sa mill-att fejn “tintbagħat” l-informazzjoni mingħand is-server ta’ Sportradar sa dawk tal-kumpanniji tal-imħatri, fejn l-aħħar att ikun l-aċċess tal-klijenti ta’ dawn l-aħħar kumpanniji għad-data mibgħuta.

59.      Fl-aħħar nett, sa fejn l-“użu mill-ġdid” normalment ma jkunx, fil-kuntest tal-internet, att uniku, iżda serje f’ordni partikolari ta’ diversi atti li, bl-għan li “titqiegħed għad-dispożizzjoni” data permezz ta’ komunikazzjoni bi struttura ta’ web u multipolari, iseħħu f’dan l-ambitu bħala r-riżultat tal-aġir ta’ individwi li jinsabu f’territorji differenti, għandu jinftiehem li l-“post” tal-“użu mill-ġdid” huwa dak ta’ kull wieħed mill-atti neċessarji sabiex iseħħ ir-riżultat li jirriżulta fih l-użu mill-ġdid, jiġifieri, it-“tqegħid għad-dispożizzjoni” tad-data protetta.

60.      Għaldaqstant, u bħala tieni konklużjoni, nipproponi lill-Qorti tal-Ġustizzja li r-risposta għat-tieni domanda tkun fis-sens li l-att ta’ użu mill-ġdid inkwistjoni seħħ f’sekwenza ta’ atti li seħħew f’diversi Stati Membri, fejn l-użu mill-ġdid seħħ f’kull wieħed minnhom.

VII – Konklużjoni

61.      Nipproponi għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi preliminari magħmula bil-mod kif ġej:

“1)      Meta parti tintroduċi fis-server tagħha tal-web li jkun jinsab fi Stat Membru A informazzjoni minn database protetta minn dritt sui generis fid-dawl tad-Direttiva 96/9/KE u, fuq talba ta’ utent li jkun jinsab fl-Istat Membru B, is-server tal-web jibgħat din l-informazzjoni għall-kompjuter tal-utent, b’mod li l-informazzjoni tibqa’ fil-memorja tal-kompjuter u tkun tista’ tidher fuq l-iskrin tiegħu, l-att fejn tintbagħat l-informazzjoni jikkostitwixxi att ta’ “użu mill-ġdid” minn din il-parti.

2)      L-att ta’ użu mill-ġdid li jitwettaq minn din il-parti jseħħ kemm fl-Istat Membru A kif ukoll fl-Istat Membru B.”


1 —      Lingwa oriġinali: l-Ispanjol.


2—      ĠU Edizzjoni Speciali bil-Malti, Kapitolu 13, Vol. 15, p. 459, iktar ’il quddiem id-“Direttiva 96/9”.


3—      Sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011 (C-324/09, Ġabra p. I-6011)


4—      Sentenza tas-7 ta’ Diċembru 2010 (C-585/08 u C-144/09, Ġabra p. I-12527).


5—      Sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2011 (C-509/09 u C-161/10, Ġabra p. I-10269).


6—      Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-22 ta’ Mejju 2001, dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà tal-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).


7—      Trattat tal-Organizzazzjoni Dinjija dwar il-Proprjetà Intellettwali (WIPO) adottat f’Genève, fl-20 ta’ Diċembru 1996, dwar id-drittijiet tal-awtur.


8—      Il-Konvenzjoni ta’ Berna għall-Ħarsien ta’ Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi (L-Att ta’ Pariġi, 1971).


9—      Direttiva tal-Kunsill 89/552/KEE, tat-3 ta’ Ottubru 1989, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri dwar it-twettiq ta’ attivitajiet ta’ xandir bit-televiżjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 224).


10—      Direttiva tal-Kunsill 93/83/KEE, tas-27 ta’ Settembru 1993, dwar il-koordinazzjoni ta’ ċerti regoli dwar id-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati ma’ drittijiet tal-awtur applikabbli għal xandir bis-satellita u ritrasmissjoni bil-cable (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 134).


11—      Sentenzi tad-9 ta’ Novembru 2004, The British Horseracing Board Ltd et (C-203/02, Ġabra p. I-10415), tad-9 ta’ Ottubru 2008, Directmedia Publishing GmbH (C-304/07, Ġabra p. I-7565), u tal-5 ta’ Marzu 2009, Apis-Hristovich EOOD (C-545/07, Ġabra p. I-1627).


12—      Dan huwa l-każ tad-Direttiva 2001/29, iċċitata iktar ’il fuq, li kemm Football Dataco et kif ukoll Sportradar jibbażaw l-argumenti tagħhom fuqha.


13—      Dan huwa l-każ tad-Direttiva 89/552, iċċitata iktar ’il fuq, li tadotta t-teorija tax-xandir sempliċement peress li l-għan tagħha huwa li tistabbilixxi “r-regoli minimi meħtieġa biex tiġi garantita l-libertà tat-trasmissjoni fix-xandir” (premessa tlettax).


14—      eDate Advertising, sentenza ċċitata iktar ’il fuq, konklużjonijiet ippreżentati fid-29 ta’ Marzu 2011, punti 42 sa 48.


15—      Punti 61 u 62.


16—      Punti 75 sa 93.