Language of document : ECLI:EU:C:2008:397

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla)

10 ta’ Lulju 2008 (*)

“Direttiva 2000/43/KE– Kriterji diskriminatorji għall-għażla tal-persunal – Oneru tal-prova – Sanzjonijiet”

Fil-kawża C‑54/07,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-arbeidshof te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Jannar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-6 ta’ Frar 2007, fil-proċeduri

Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding

vs

Firma Feryn NV,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (It-Tieni Awla),

komposta minn C. W. A. Timmermans, President tal-Awla, L. Bay Larsen, K. Schiemann, J. Makarczyk u J.-C. Bonichot (Relatur), Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Poiares Maduro,

Reġistratur: B. Fülöp, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat-28 ta’ Novembru 2007,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għas-Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding, minn C. Bayart, advocaat,

–        għall-Gvern Belġjan, minn L. Van den Broeck u C. Pochet, bħala aġenti,

–        għall-Irlanda, minn D. O’Hagan u P. McGarry, bħala aġenti,

–        għall-Gvern tar-Renju Unit, minn T. Harris, bħala aġent, assistita minn T. Ward, barrister, u de J. Eady, solicitor,

–        għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn M. van Beek u J. Enegren, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-12 ta’ Marzu 2008,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tikkonċerna l-interpretazzjoni tad- Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità [mir-razza jew mill-oriġini etnika] (ĠU L 180, p.22).

2        Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn is-Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding (Ċentru għal opportunitajiet ugwali u għall-ġlieda kontra r-razziżmu), ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, u l-kumpannija Firma Feryn NV (iktar ‘il quddiem “Feryn”), il-konvenuta fil-kawża prinċipali, wara li saru xi kummenti minn wieħed mid-diretturi tagħha li afferma pubblikament li l-kumpannija tiegħu ma xtaqitx tirrekluta persuni msejħa “immigranti”.

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-leġiżlazzjoni Komunitarja

3        Skont l-Artikolu 1 tad-Direttiva 2000/43 “[l]-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jistabbilixxi qafas sabiex tiġi kkumbattuta d-diskriminazzjoni għar-raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità [mir-razza jew mill-oriġini etnika], bl-għan li jseħħ fl-Istati Membri l-prinċipju ta’ trattament ugwali”.

4        Skont l-Artikolu 2(2)(a) ta’ din id-Direttiva:

5        “diskriminazzjoni diretta għandha tittieħed li tiġri fejn persuna tiġi ttrattata inqas favorevolment minn oħra, kienet jew tkun sejra tiġi ttrattata f’sitwazzjoni komparabbli għal raġunijiet ta’ l-oriġini tar-razza jew l-etniċità [mir-razza jew mill-oriġini etnika]”.

6        L-Artikolu 3(1)(a) ta’ din id-direttiva jippreċiża li din tkopri “il-kundizzjonijiet għall-aċċess għax-xogħol, għax-xogħol għal rasu u għal mestier, inklużi l-għażla tal-kriterji u l-kundizzjonijiet tar-reklutaġġ, tkun xi tkun il-fergħa ta’ l-attivitajiet u fil-livelli kollha tal-ġerarkija professjonali, inkluża l-promozzjoni”. Min-naħa l-oħra, skond l-Artikolu 3(2), din l-istess direttiva ma tkoprix “id-differenza tat-trattamenti msejsa fuq in-nazzjonalità”.

7        Skont l-Artikolu 6(1) tad-Direttiva 2000/43:

“L-Istati Membri jistgħu jintroduċu jew iżommu dispożizzjonijiet illi huma aktar favorevoli għall-protezzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali minn dawk stabbiliti f’din id-Direttiva”.

8        L-Artikolu 7 ta’ din id-direttiva jippreċiża:

“1. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji u/jew amministrattivi, li jinkludu fejn jidhrilhom approprjat, illi l-proċeduri tal-konċiljazzjoni, għall-infurzar ta’ l-obbligi skond din id-Direttiva, ikunu disponibbli għall-persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati minn-nuqqas li japplika għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali, saħansitra wara li tkun waqfet ir-relazzjoni li fiha jkun allegat li saret id-diskriminazzjoni.

2. L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi assoċjazzjonijiet, organizzazzjonijiet u entitajiet oħra legali, li, skond il-kriterja stabbiliti bil-liġijiet nazzjonali tagħhom, għandhom interess leġittimu sabiex jiżguraw illi d-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva jiġu mħarsa, jistgħu jaqbdu jaħdmu, jew f’isem min jagħmel ilment jew bħala appoġġ għalih, bl-approvazzjoni tiegħu jew tagħha, f’kull proċedura ġudizzjarja u/jew amministrattiva pprovduta sabiex tinforza l-obbligi skond din id-Direttiva.

[...]”

9        L-Artikolu 8(1) ta’ din id-direttiva jipprovdi barra minn hekk:

“L-Istati Membri għandhom jieħdu dawn il-miżuri skond kif ikun meħtieġ, skond is-sistema ġudizzjarja nazzjonali tagħhom, sabiex jiżguraw illi, fejn persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati għaliex ma jkunx ġie applikat għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali jistabbilixxu, quddiem qorti jew awtorità kompetenti oħra, fatti li minnhom jista jiġi preżunt illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta, għandu jkun ir-respondent li jrid jipprova li ma kien hemm l-ebda ksur tal-prinċipju tat-trattament ugwali”.

10      L-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2000/43 jobbliga lill-Istati Membri jinnominaw korp jew korpi għall-promozzjoni tat-trattament ugwali tal-persuni. Skont l-Artikolu 13(2) ta’ din id-direttiva:

“L-Istati Membri għandhom jiżguraw illi l-kompetenzi ta’ dawn il-korpi jinkludu:

–        mingħajr preġudizzju għad-dritt tal-vittmi u ta’ l-assoċjazzjonijiet, l-organizzazzjonijiet u l-entitajiet legali l-oħra referiti fl-Artikolu 7(2), li jipprovdu assistenza indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni fis-segwiment ta' l-ilmenti tagħhom rigward id-diskriminazzjoni

[…]”

11      Fl-aħħar nett, l-Artikolu 15 tal-imsemmija direttiva jħalli f’idejn l-Istati Membri l-inkarigu li jistabilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli, u jippreċiza li dawn is-sanzjonijiet jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens għall-vittma, u li jridu jkunu “effettivi, pproporzjonati u diswassivi”.

 Il-leġiżlazzjoni nazzjonali

12      Il-liġi tal-25 ta’ Frar 2003, dwar il-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, li temenda l-liġi tal-15 ta’ Frar li tistabbilixxi Ċentru għal opportunitajiet ugwali u għall-ġlieda kontra r-razziżmu (Moniteur belge tas-17 ta’ Marzu 2003, p. 12844), kif emendata bil-liġi tal-10 ta’ Lulju 2006 dwar varji dispożizzjonijiet (Moniteur belge tat-28 ta’ Lulju 2006, p. 36940, iktar’il quddiem il-“liġi tal-25 ta’ Frar 2003”), hija intiża li tittrasponi fid-dritt Belġjan id-Direttiva 2000/43.

13      L-Artikolu 2 tal-liġi tal-25 ta’ Frar 2003 jipprojbixxi kull diskriminazzjoni diretta jew indiretta li tirrigwarda l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal attivitajiet ta’ xogħol għall-impjegati. L-Artikolu 19 ta’ din il-liġi huwa intiż li jittrasponi l-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43 dwar l-oneru tal-prova.

14      Il-liġi tal-25 ta’ Frar 2003 tippermetti wkoll li jittieħdu passi legali kemm fil-qrati kriminali kif ukoll f’dawk ċivili kontra d-diskriminazzjoni. Il-qorti tista’, skont l-Artikolu 19 ta’ din il-liġi, tordna t-tmiem tal-att diskriminatorju (paragrafu 1) u l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni tagħha (paragrafu 2) jew, skont l-Artikolu 20 ta’ din il-liġi, timponi penali.

15      Il-leġiżlatur Belġjan stabbilixxa l-possibbiltà ta’ locus standi għas-Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding, fejn teżisti jew tista’ teżisti diskriminazzjoni, mingħajr ma jkun hemm bżonn ta’ lment minn qabel f’dan ir-rigward.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

16      Is-Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding, li huwa l-korp Belġjan maħtur, bl-applikazzjoni tal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2000/43, sabiex jippromwovi t-trattament ugwali, talab lill-qrati tax-xogħol Belġjani jikkonstataw li Feryn, impriża li tispeċjalizza fil-bejgħ u l-installazzjoni ta’ bibien b’għeluq awtomatiku’il fuq u’l ġewwa u sezzjonali, applikat politika ta’ reklutaġġ diskriminatorja.

17      Is-Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding jibbaża ruħu fuq id-dikjarazzjonijiet pubbliċi tad-direttur ta’ din l-impriża, li qal, essenzjalment, li l-impriża tiegħu kienet qed tfittex li tirrekluta installaturi, iżda li ma setgħatx tirrekluta “immigranti” minħabba n-nuqqas tar-rieda tal-klijenti tagħha li jagħtuhom aċċess, waqt ix-xogħlijiet, għar-residenza privata tagħhom.

18      Permezz ta’ digriet tas-26 ta’ Ġunju 2006, il-voorzitter van de arbeidsrechtbank te Brussel (President tal-qorti industrijali ta’ Brussell) ċaħad ir-rikors tas-Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding, billi rrileva b’mod partikolari li la kien hemm provi u lanqas preżunzjoni li persuna li ppreżentat applikazzjoni għal impjieg ma ġietx impjegata minħabba l-oriġini etnika tagħha.

19      F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-arbeidshof te Brussel (il-qorti industrijali ta’ Brussell) li quddiemha tressaq appell mis-Centrum voor gelijkheid van kansen en voor racismebestrijding, iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)       Hija diskriminazzjoni diretta skont it-tifsira tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43 […] meta persuna li timpjega tiddikjara pubblikament, wara li tkun għamlet avviż ta’ post tax-xogħol vakanti li jiġbed l-attenzjoni:

‘Jien ikolli nikkonforma mal-eżiġenzi tal-klijenti tiegħi. Jekk tgħid ‘irrid prodott partikolari jew irridu hekk u hekk’, u jien ngħidlek ‘jien ma nagħmilx hekk, ser nibgħatlek dawn in-nies’, inti tgħidli ‘mela ma rridux dak il-bieb’. B’dan il-mod inkun qed nitlef in-negozju. Aħna għandna l-obbligu li nissodisfaw l-eżiġenzi tal-klijenti tagħhna. Din mhijiex problema tiegħi. Jien ma ħloqtx din il-problema fil-Belġju. Irrid li l-impriża tmur tajjeb u li niksbu d-dħul mill-bejgħ tagħna fl-aħħar tas-sena, u dan kif nista’ nagħmlu? Ikolli nagħmel bil-mod li jrid il-klijent!’[?]

2)       Sabiex tiġi stabbilita diskriminazzjoni diretta li taffettwa l-kundizzjonijiet ta’ aċċess għal xogħol ta’ impjegat, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li min jimpjega japplika kriterji ta’ għażla li huma direttament diskriminatorji?

3) Waqt l-eżami tan-natura diskriminatorja eventwali tal-politika ta’ reklutaġġ ta’ min jimpjega, jista’ jiġi kkunsidrat il-fatt li installaturi mhux immigranti biss ġew reklutati minn kumpannija marbuta mal-persuna li timpjega, sabiex tiġi stabbilita diskriminazzjoni diretta fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43 [...]?

4)       X’għandu jinftiehem ‘b’fatti li minnhom jiġi preżunt illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta’, kif jingħad fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43[...]? Kemm għandha tkun severa qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tal-fatti li jistgħu joħolqu preżunżjoni ta’ diskriminazzjoni?

a)      Sa fejn fatti preċedenti diskriminatorji (dikjarazzjoni pubblika ta’ kriterji ta’ għażla diskriminatorji f’April tal-2005) jikkostitwixxu ‘fatti li minnhom jista’ jiġi preżunt illi kien hemm diskriminazzjoni diretta jew indiretta’, kif jingħad fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva [2000/43]?

b)       Diskriminazzjoni stabbilita f’April tal-2005 (dikjarazzjoni pubblika f’April tal-2005) tista’ mbagħad tikkostitwixxi preżunżjoni dwar il-fatt li qed tiġi segwita politika ta’ reklutaġġ direttament diskriminatorja? Huwa biżżejjed – meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti tal-kawża prinċipali – sabiex tinħoloq il-preżunzjoni (li min jimpjega applika u għadu japplika politika ta’ reklutaġġ diskriminatorja), li f’April tal-2005, b’risposta għal domanda dwar jekk, bħala persuna li timpjega, jittratax bl-istess mod lill-immigranti u lil dawk li mhumiex immigrant u għaldaqstant, jekk huwiex xi ftit razzist, irrisponda pubblikament: ‘Jien ikolli nikkonforma mal-eżiġenzi tal-klijenti tiegħi. Jekk tgħid ‘irrid prodott parikolari jew irridu hekk u hekk’, u jien ngħidlek ‘jien ma nagħmilx hekk, ser nibgħatlek dawn in-nies’, inti tgħidli ‘mela ma rridux dak il-bieb’. B’dan il-mod inkun qed nitlef in-negozju. Aħna għanda l-obbligu li nissodisfaw l-eżiġenzi tal-klijenti tagħhna. Din mhijiex problema tiegħi. Jien ma ħloqtx din il-problema fil-Belġju. Irrid li l-impriża tmur tajjeb u li niksbu d-dħul mill-bejgħ tagħna fl-aħħar tas-sena, u dan kif nista’ nagħmlu? Ikolli nagħmel bil-mod li jrid il-klijent!’[?]

c)       Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti tal-kawża prinċipali, stqarrija lill-istampa maħruġa mingħand min jimpjega u l-korp nazzjoni responsabbli għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni, li fiha l-fatti diskriminatorji huma rrikonoxxuti, għall-inqas b’mod impliċitu, tista’ toħloq tali preżunzjoni?

d)       Il-fatt li persuna li timpjega ma timpjegax installaturi immigranti joħloq il-preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni indiretta meta l-istess persuna li timpjega ffaċċjat xi ftit żmien qabel diffikultajiet kbar fir-rigward tar-reklutaġġ ta’ installaturi u ddikjarat b’mod pubbliku li l-klijenti tagħha ma jħobbux jaħdmu b’installaturi li jkunu immigranti?

e)       Fatt uniku huwa suffiċjenti sabiex tinħoloq preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni?

f)       Meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti tal-kawża prinċipali, preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni mwettqa minn persuna li timpjega tista’ tiġi dedotta mir-reklutaġġ ta’ installaturi mhux immigranti biss minn kumpannija marbuta ma’ din il-persuna li timpjega?

5)       Kemm għandha tkun severa l-qorti nazzjonali fl-evalwazzjoni tal-provi ta’ konfutazzjoni li għandhom jiġu prodotti fil-każ ta’ preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43[...]? Preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43[...] tista’ tinqaleb mis-sempliċi stqarrija lill-istampa ta’ persuna li timpjega fejn tgħid li ma twettaqx jew li m’għadhiex twettaq diskriminazzjoni u li l-installaturi immigranti jkunu milqugħa; u/jew mis-sempliċi dikjarazzjoni tal-persuna li timpjega li fil-kumpannija tiegħu, bl-eċċezzjoni tas-sister company tagħha, il-postijiet vakanti ta’ installaturi kollha kienu mtlew u/jew mid-dikjarazzjoni li seftura Tuneżina kienet ġiet impjegata; u/jew il-preżunzjoni tista’ tinqaleb biss mir-reklutaġġ effettiv ta’ installaturi immigranti, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti tal-kawża prinċipali u/jew billi jiġu rispettati l-impenji meħuda fl-istqarrija lill-istampa?

6)       X’għandu jinftiehem b’sanzjonijiet ‘effettivi, pproporzjonati u diswassivi’ fis-sens tal-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43[...]? Il-kundizzjoni prevista fl-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43[...] tippermetti lill-qorti nazzjonali sabiex tillimita ruħha li tikkonstata li kien hemm diskriminazzjoni diretta, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti tal-kawża prinċipali? Jew din il-kundizzjoni timponi fuq il-qorti nazzjonali li toħroġ mandat ta’ inibizzjoni, kif previst mid-dritt nazzjonali? F’liema każ il-qorti nazzjonali għandha tordna l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni li tingħata eventwalment, bħala sanzjoni effettiva, proporzjonata u dissważiva, meta jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti tal-kawża prinċipali?”

 Fuq id-domandi preliminari

20      Għandu jiġi mfakkar, qabel kollox, li, l-Artikolu 234 KE ma jagħtix is-setgħa lill-Qorti tal-Ġustizzja biex tapplika r-regoli Komunitarji għal każ partikolari, iżda biss li tiddeċiedi fuq l-interpretazzjoni tat-Trattat KE u fuq l-atti adottati mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea (ara, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 1964, Van der Veen, 100/63, Ġabra p. 1105, 1121 u tal-10 ta’ Mejju 2001, Veedfald, C-203/99, Ġabra p. I-3569, punt 31). Madankollu, hija tista’, fil-kuntest tal-kooperazzjoni ġudizzjarja stabbilita minn dan l-artikolu, mill-elementi tal-proċess, tipprovdi lill-qorti nazzjonali b’elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju li jistgħu jkunu utli fl-evalwazzjoni tal-effetti ta’ xi dispożizzjoni tad-dritt Komunitarju (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 1987, Gauchard, 20/87, Ġabra p. 4879, punt 5, u tal-5 ta’ Marzu 2002, Reisch et, C-515/99, C-519/99 sa C-524/99 u C-526/99 sa C-540/99, Ġabra p. I-2157, punt 22).

21      Il-qorti tar-rinviju titlob, essenzjalment, l-interpretazzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzjas tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2000/43 sabiex tevalwa l-portata tal-kunċett ta’ diskriminazzjoni diretta fir-rigward ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi magħmula minn persuna li timpjega fil-kuntest ta’ proċess ta’ reklutaġġ (l-ewwel u t-tieni domandi), il-kundizzjonijiet li fihom tista’ tiġi applikata r-regola ta’ qlib tal-oneru tal-prova prevista minn din l-istess Direttiva (it-tielet, ir-raba’ u l-ħames domandi) u n-natura tas-sanzjonijiet li jistgħu jiġu kkunsidrati adattati f’każ bħal dak fil-kawża prinċipali (is-sitt domanda).

 Fuq l-ewwel u t-tieni domandi

22      Fuq l-ewwel u t-tieni domanda, l-Irlanda kif ukoll ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq isostnu li ma jistax ikun hemm diskriminazzjoni diretta fis-sens tad-Direttiva 2000/43, peress li din mhijiex aplikabbli meta d-diskriminazzjoni allegata tirriżulta minn dikjarazzjoni pubblika magħmula minn persuna li timpjega fuq il-politika ta’ reklutaġġ tagħha, iżda fin-nuqqas ta’ persuna li tilmenta identifikabbli li jsostni li kienet vittma ta’ din id-diskriminazzjoni.

23      Huwa minnu li, kif isostnu dawn iż-żewġ Stati Membri, li l-Artikolu 2(2) tad-Direttiva 2000/43 jiddefinixxi d-diskriminazzjoni diretta bħala sitwazzjoni li fiha persuna tiġi “ttrattata” inqas favorevolment milli tiġi trattata jew ġiet trattat jew tkun sejra tiġi ttrattata f’sitwazzjoni paragunabbli għal raġunijiet tal-oriġini tar-razza jew etnika. Ukoll, l-Artikolu 7 ta’ din id-Direttiva jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri ġudizzjarji jkunu disponibbli “għall-persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati minn-nuqqas li japplika għalihom il-prinċipju tat-trattament ugwali” u lill-organizzazzjonijiet ta’ interess pubbliku li jiftħu każi “f’isem min jagħmel ilment jew bħala appoġġ għalih”.

24      Madankollu, ma jistax jiġi dedott minn dan li n-nuqqas ta’ persuna li tilmenta identifikabbli jippermetti li jiġi kkonstatat in-nuqqas ta’ kull diskriminazzjoni diretta fis-sens tad-Direttiva 2000/43. Fil-fatt, din għandha bħala għan, kif huwa mfakkar fit-tmien premessa tagħha, li “jitrawwmu l-kundizzjonijiet għas-suq tax-xogħol soċjalment inklussiv”. Għal dan il-għan, l-Artikolu 3(1)(a) tad-Direttiva jippreċiża li din tal-aħħar tkopri b’mod partikolari l-kriterji ta’ għażla u l-kundizzjonijiet ta’ reklutaġġ.

25      L-għan ta’ promozzjoni ta’ suq tax-xogħol soċjalment inklużiv diffiċilment jintlaħaq jekk il-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2000/43 ikun limitat għal każijiet biss fejn kandidat li ma jiġix impjegat u li jqis ruħu vittma ta’ diskriminazzjoni jieħu passi legali kontra l-persuna li timpjega.

26      Fil-fatt, sitwazzjoni fejn persuna li timpjega tiddikjara pubblikament li mhijiex ser tirrekluta ħaddiema li għandhom ċerta oriġini etnika jew razzjali, dikjarazzjoni li evidentement hi ta’ tali natura li tiddisswadi b’mod serju lil ċerti kandidati milli japplikaw, u għaldaqstant li tostakola l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol, tikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fir-rigward tar-reklutaġġ, fis-sens tad-Direttiva 2000/43. L-eżistenza ta’ tali diskriminazzjoni diretta ma tiddependix minn jekk tistax tiġi identifikata persuna li tilmenta li kienet vittma ta’ tali diskriminazzjoni.

27      Il-kwistjoni ta’ x’jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fis-sens tad-Direttiva 2000/43 għandha tiġi distinta minn dik tar-rimedji legali previsti fl-Artikolu 7 ta’ din tal-aħħar sabiex jiġi kkonstatat u ssanzjonat in-nuqqas ta’ rispett tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Dawn ir-rimedji legali għandhom fil-fatt, skont id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-Artikolu, ikunu disponibbli għall-persuni li jikkunsidraw lilhom infushom inġurjati minn diskriminazzjoni. Madankollu, il-ħtiġijiet tal-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/43 huma biss, kif jingħad fl-Artikolu 6 ta’ din id-direttiva, ħtiġijiet minimi u l-imsemmija direttiva ma tipprojbixxix lill-Istati Membri milli jadottaw jew iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet iktar favorevolu għall-protezzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali.

28      Konsegwentement, l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2000/43 ma jipprekludi, bl-ebda mod, lill-Istati Membri milli jipprovdu fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom, id-dritt għall-assoċjazzjonijiet li għandhom interess leġittimu li jiġi żgurat ir-rispett ta’ din id-direttiva jew għal korp jew korpi maħtura skont l-Artikolu 13 tagħha, li jibdew proċeduri ġudizzjarji jew amministrattivi intiżi biex jiġu rispettati l-obbligi li jirriżultaw minn din id-direttiva mingħajr ma jaġixxu f’isem persuna li tilmenta partikolari jew fin-nuqqas ta’ persuni li jilmentaw identifikabbli. Madankollu, hija biss il-qorti nazzjonali li għandha tevalwa jekk il-leġiżlazzjoni nazzjonali toffrix tali possibbiltà.

29      Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal qabel, hemm lok li r-risposta għall-ewwel u t-tieni domandi tkun li l-fatt li persuna li timpjega tiddikjara pubblikament li mhijiex se tirrekluta ħaddiema li għandhom ċerta oriġini etnika jew razzjali jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fir-rigward tar-reklutaġġ fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva 2000/43, peress li tali dikjarazzjonijiet huma ta’ tali natura li jiddisswadu b’mod serju lil ċerti kandidati milli japplikaw, u għaldaqstant li jostakolaw l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol.

 Fuq it-tielet sal-ħames domandi

30      It-tielet sal-ħames domandi jirrigwardaw l-kwistjoni kif għandha tiġi applikata r-regola ta’ qlib tal-oneru tal-prova prevista mill-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43 għal sitwazzjoni fejn l-eżistenza ta’ politika ta’ reklutaġġ diskriminatorja hija allegata b’riferenza għal opinjonijiet iddikjarati pubblikament minn persuna li timpjega dwar il-politika ta’ reklutaġġ tagħha.

31      L-Artikolu 8 tad-Direttiva 2000/43 jippreċiża f’dan ir-rigward li huwa l-konvenut li għandu juri li ma nkisirx il-prinċipju ta’ trattament ugwali meta l-fatti jippermettu li tiġi preżunta l-eżistenza ta’ diskriminazzjoni diretta jew indiretta. L-obbligu li tiġi prodotta prova ta’ konfutazzjoni, impost għaldaqstant fuq l-allegat awtur tad-diskriminazzjoni, huwa suġġett biss għal konstatazzjoni ta’ preżunzjoni ta’ diskriminazzjoni meta din hija bbażata fuq fatti stabbiliti.

32      Jistgħu jikkostitwixxu tali fatti li jwasslu għall-preżunzjoni ta’ politika ta’ reklutaġġ diskriminatorja dikjarazzjonijiet li permezz tagħhom persuna li timpjega tgħarraf pubblikament li, fil-kuntest tal-politika ta’ reklutaġġ tagħha, mhijiex se tirrekluta ħaddiema ta’ ċerta oriġini etnika jew razzjali.

33      Għaldaqstant hija din il-persuna li timpjega li għandha turi li ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali, billi b’mod partikolari turi li l-prattika reali ta’ reklutaġġ tal-impriża ma tikkorrispondix ma’ dawn id-dikjarazzjonijiet.

34      Hija l-qorti tar-rinviju li minn naħa, għandha tivverifika li l-fatti allegati kontra l-persuna li timpjega huma stabbiliti u, min-naħa l-oħra, għandha tevalwa jekk il-provi prodotti insostenn ta’ dawn l-affermazzjonijiet, li jgħidu li ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali, humiex suffiċjenti.

35      Konsegwentement, hemm lok li r-risposta għat-tielet sal-ħames domandi tkun li dikjarazzjonijiet pubbliċi li permezz tagħhom persuna li timpjega tgħarraf li, fil-kuntest tal-politika ta’ reklutaġġ tagħha, mhijiex se tirrekluta ħaddiema ta’ ċerta oriġini etnika jew razzjali, huma biżżejjed sabiex tiġi preżunta, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43, l-eżistenza ta’ politika ta’ reklutaġġ direttament diskriminatorja. Għaldaqstant, hija din il-persuna li timpjega li għandha turi li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Tista’ tagħmel dan billi turi li l-prattika reali ta’ reklutaġġ tal-impriża ma tikkorrispondix ma’ dawn id-dikjarazzjonijiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-fatti allegati kontra l-persuna li timpjega huma stabbiliti u li għandha tevalwa jekk il-provi prodotti insostenn tal-affermazzjonijiet ta’ din il-persuna, li jgħidu li ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali, humiex suffiċjenti.

 Fuq is-sitt domanda

36      Is-sitt domanda tirrigwarda essenzjalment il-kwistjoni dwar liema sanzjonijiet jistgħu jiġu kkunsidrati bħala adattati għal diskriminazzjoni fir-rigward tar-reklutaġġ stabbilita fuq il-bażi ta’ dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-persuna li timpjega.

37      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43 jafda f’idejn l-Istati Membri l-kompitu li jistabilixxu r-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur ta’ dispożizzjonijiet nazzjonali adottati skont din id-direttiva. Dan l-Artikolu jippreċiza li dawn is-sanzjonijiet għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u jipprovdi li jistgħu jinkludu l-ħlas ta’ kumpens għall-vittma.

38      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43 jobbliga b’hekk lill-Istati Membri li jdaħħlu miżuri fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tagħhom li huma effettivi biżżejjed sabiex jintlaħaq l-għan tad-direttiva u li jassiguraw li dawn il-miżuri jkunu jistgħu jiġu effettivament invokati quddiem il-qrati nazzjonali sabiex il-protezzjoni ġudizzjarja tkun effettiva u effikaċi. Id-Direttiva 2000/43 ma timponix madankollu fuq l-Istati Membri l-obbligu li jistabbilixxu sanzjonijiet speċifiċi, iżda tħalli lill-Istati Membri l-libertà li jagħżlu minn fost is-soluzzjonijiet differenti xierqa sabiex jintlaħaq l-għan tagħha.

39      F’każ bħal dan li tressaq quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja mill-qorti tar-rinviju, fejn mhemmx vittma diretta ta’ diskriminazzjoni iżda hemm korp li huwa awtorizzat mil-liġi li jitlob li tiġi kkonstata u ssanzjonata diskriminazzjoni, is-sanzjonijiet li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43 jeħtieġ li jiġu pprovdutii fid-dritt nazzjonali għandhom ukoll ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

40      Dan jistgħu, jekk ikun il-każ, u jekk dan jidher adattat għas-sitwazzjoni fil-kawża prinċipali, jikkonsistu fil-konstatazzjoni ta’ diskriminazzjoni mill-qorti jew l-awtorità amministrattiva kompetenti, flimkien ma’ livell adegwat ta’ pubbliċità, li l-ispejjeż tagħha jkunu imposti fuq il-parti konvenuta. Dawn jistgħu wkoll jikkonsistu f’inġunzjoni kontra l-persuna li timpjega, skont ir-regoli imposti mid-dritt nazzjonali, li tordna li din ittemm il-prattika diskriminatorja kkonstatata, flimkien ma’ penalità jekk ikun il-każ. Dawn jistgħu barra minn hekk jikkonsistu fl-għoti ta’ kumpens għad-danni lill-korp li ressaq il-proċedura.

41      Għaldaqstant, ir-risposta għas-sitt domanda għandha tkun li l-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43 jeżiġi li, anke meta mhemmx vittma identifikabbli, ir-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati biex tiġi trasposta din id-direttiva għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

 Fuq l-ispejjeż

42      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja, (It-Tieni Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Il-fatt li persuna li timpjega tiddikjara pubblikament li mhijiex se tirrekluta ħaddiema li għandhom ċerta oriġini etnika jew razzjali jikkostitwixxi diskriminazzjoni diretta fir-rigward tar-reklutaġġ fis-sens tal-Artikolu 2(2)(a) tad-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta' Ġunju 2000 li timplementa l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrespettivament mill-oriġini tar-razza jew l-etniċità [mir-razza jew mill-oriġini etnika], peress li tali dikjarazzjonijiet huma ta’ tali natura li jiddisswadu b’mod serju lil ċerti kandidati milli japplikaw, u għaldaqstant li jostakolaw l-aċċess tagħhom għas-suq tax-xogħol.

2)      Dikjarazzjonijiet pubbliċi li permezz tagħhom persuna li timpjega tgħarraf li, fil-kuntest tal-politika ta’ reklutaġġ tagħha mhijiex se tirrekluta ħaddiema ta’ ċerta oriġini etnika jew razzjali, huma biżżejjed sabiex tiġi preżunta, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tad-Direttiva 2000/43, l-eżistenza ta’ politika ta’ reklutaġġ direttament diskriminatorja. Għaldaqstant, hija din il-persuna li timpjega li għandha turi li ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali. Tista’ tagħmel dan billi turi li l-prattika reali ta’ reklutaġġ tal-impriża ma tikkorrispondix ma’ dawn id-dikjarazzjonijiet. Hija l-qorti tar-rinviju li għandha tivverifika li l-fatti allegati kontra l-persuna li timpjega huma stabbiliti u li għandha tevalwa jekk il-provi prodotti insostenn tal-affermazzjonijiet ta’ din il-persuna, li jgħidu li ma kisritx il-prinċipju ta’ trattament ugwali, humiex suffiċjenti.

3)      L-Artikolu 15 tad-Direttiva 2000/43/KE jeżiġi li, anke meta mhemmx vittma identifikabbli, ir-regoli dwar is-sanzjonijiet applikabbli għall-ksur tad-dispożizzjonijiet nazzjonali adottati biex tiġi trasposta din id-direttiva għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.

Firem


* Lingwa tal-kawża: l-Olandiż.