Language of document : ECLI:EU:T:2023:315

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

7 ta’ Ġunju 2023 (*)

“Dritt istituzzjonali – Regolamenti dwar l-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew – Allowance ta’ assistenza parlamentari – Irkupru tas-somom imħallsa indebitament – Terminu raġonevoli – Oneru tal-prova – Dritt għal smigħ – Protezzjoni tad-data personali – Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/1725 – Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal”

Fil-Kawża T‑309/21,

TC, irrappreżentat minn D. Aukštuolytė, avukata,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn M. Ecker u S. Toliušis, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża),

komposta, matul id-deliberazzjonijiet, minn S. Gervasoni, President, L. Madise, P. Nihoul (Relatur), R. Frendo u J. Martín y Pérez de Nanclares, Imħallfin,

Reġistratur: R. Ūkelytė, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2022,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz ta’ rikors tal‑24 ta’ Mejju 2021, ir-rikorrent, TC, talab, abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, l-annullament, minn naħa, tad-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tas‑16 ta’ Marzu 2021 li tistabbilixxi kreditu fir-rigward tiegħu ta’ ammont ta’ EUR 78 838.21 imħallas indebitament bħala spejjeż ta’ assistenza parlamentari u li tordna l-irkupru tiegħu (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”) u, min-naħa l-oħra, tan-nota ta’ debitu Nru 7010000523 tal‑31 ta’ Marzu 2021 (ikar ’il quddiem in-“nota ta’ debitu”).

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża u l-fatti li segwew il-preżentata tar-rikors

A.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

2        Ir-rikorrent ilu Membru tal-Parlament sa minn [kunfidenzjali].(1)

3        Fit‑22 ta’ Mejju 2015, il-Parlament, abbażi tal-Artikolu 5a tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”), ikkonkluda ma’ A (iktar ’il quddiem l-“APA”) kuntratt ta’ assistent parlamentari akkreditat fuq bażi full-time fi Brussell (il-Belġju) sabiex jassisti lir-rikorrent sa tmiem is-seba’ leġiżlatura.

4        Billi l-kwalità tax-xogħol tal-APA marret għall-agħar mix-xahar ta’ Diċembru 2015 ’il quddiem, ir-rikorrent, fil‑25 ta’ Frar 2016, talab lill-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ tal-Parlament (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) ixxolji l-kuntratt tal-APA għal raġunijiet diversi li jimplikaw it-telf ta’ fiduċja, fosthom assenzi mingħajr raġuni valida u n-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli dwar l-awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu eżerċitati attivitajiet esterni.

5        Konformement mal-Artikolu 139(3a) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, fil‑31 ta’ Mejju 2016, saret laqgħa ta’ konċiljazzjoni mal-APA.

6        Fil‑15 ta’ Ġunju 2016, ġie kkonstatat li l-proċedura ta’ konċiljazzjoni kienet falliet.

7        Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Ġunju 2016, l-ASTK innotifikat lill-APA bid-deċiżjoni tagħha li xxolji l-kuntratt ta’ assistenza parlamentari skont l-Artikolu 139(1)(d) tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg minħabba terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja billi huwa ma baqax josserva r-regoli dwar l-awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu eżerċitati attivitajiet esterni. Minħabba, fost oħrajn, leave tal-mard, il-perijodu ta’ preavviż kien ġie pprorogat diversi drabi, b’mod li l-kuntratt tal-APA skada fit‑22 ta’ Novembru 2016.

8        Fl‑14 ta’ April 2017, l-APA ppreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni tal‑24 ta’ Ġunju 2016.

9        Permezz ta’ sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament (T‑59/17, EU:T:2019:140, punti 35 sa 45), il-Qorti Ġenerali annullat id-deċiżjoni tal-Parlament tal‑24 ta’ Ġunju 2016. Il-Qorti Ġenerali kkonstatat, effettivament, li mill-atti tal-proċess jirriżulta li r-rikorrent mhux biss kien jaf bl-attivitajiet esterni tal-APA, iżda li, barra minn hekk, kien direttament responsabbli għalihom. Il-Qorti Ġenerali qieset, għaldaqstant, li l-raġuni mogħtija mill-ASTK sabiex tiġġustifika d-deċiżjoni ta’ xoljiment, jiġifieri t-terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja, ma kinitx tidher waħda plawżibbli. Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, l-ASTK wettqet għalhekk żball manifest ta’ evalwazzjoni billi laqgħet it-talba ta’ xoljiment tal-kuntratt tal-APA mressqa mir-rikorrent għal din ir-raġuni. Dan tal-aħħar ma kienx parti f’din il-kawża.

10      Skont il-punt 32 tal-imsemmija sentenza, l-attivitajiet esterni eżerċitati b’mod irregolari mill-APA kienu, skont id-dikjarazzjonijiet ta’ dan tal-aħħar, mhux ikkontestati mill-Parlament, dawn li ġejjin:

–        “l-ewwel nett, it-talbiet għall-ażil politiku mal-awtoritajiet Russi, Franċiżi, Svizzeri u dawk ta’ Andorra, biex jippermettu [lir-rikorrent] li jevita sentenza ta’ priġunerija ta’ erba’ snin imposta [kunfidenzjali], inkluż appell kontra deċiżjoni ta’ rifjut ta’ ażil li tikkonċerna lil dan tal-aħħar li fil-konfront tagħha [l-APA] jafferma, b’mod partikolari, li ingħata mandat [mir-rikorrent];

–        it-tieni nett, l-ikkanvassjar u r-rappreżentanza legali ta’ ċittadini [kunfidenzjali] li huma rtirati jew li jirċievu paga minima, fil-kuntest ta’ kawżi quddiem il-qrati [kunfidenzjali], sabiex [ir-rikorrent] jiġi ppreżentat bħala ‘attivist tad-drittijiet tal-bniedem’ u trendi għalhekk l-inkarċerazzjoni tiegħu iktar diffiċli;

–        it-tielet nett, ir-rappreżentazzjoni [tar-rikorrent] quddiem l-Ombudsman Ewropew, il-Kumitat tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-Nazzjonijiet Uniti u l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem, f’każijiet [li jikkonċernawh], li jikkonċernaw, l-ewwel nett, b’mod partikolari, l-kontestazzjoni tat-talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari mill-awtoritajiet [kunfidenzjali], wara s-sentenza ta’ priġunerija imposta [lir-rikorrenti] [kunfidenzjali] u, fit-tieni lok, il-kontestazzjoni ta’ arrest domiċiljarji ordnat mill-awtoritajiet ġudizzjarji [kunfidenzjali] wara proċeduri kriminali għall-korruzzjoni mibdija kontra [r-rikorrent].”

11      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Ġunju 2020, li nkitbet bl-Ingliż u ntbagħtet permezz ta’ posta elettronika fit‑30 ta’ Lulju 2020 wara li, fit‑22 ta’ Ġunju 2020, saret inutilment l-ewwel notifika, u permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Settembru 2020, li nkitbet bil-Litwan u ntbagħtet permezz ta’ posta elettronika fl‑4 ta’ Settembru 2020, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament informa lir-rikorrent li, bis-saħħa tal-Artikolu 68 tad-Deċiżjoni tal-Bureau tal-Parlament tad‑19 ta’ Mejju u tad‑9 ta’ Lulju 2008 dwar Miżuri ta’ Implimentazzjoni tal-Istatut tal-Membri tal-Parlament (ĠU 2009, C 159, p. 1, iktar ’il quddiem il-“MAS”), infetħet proċedura ta’ rkupru tas-somom imħallsa indebitament għall-ammont totali ta’ EUR 78 838.21 relatat mal-assistenza parlamentari mogħtija lir-rikorrent mill-APA. Permezz ta’ din l-istess ittra, ir-rikorrent, konformement mal-Artikolu 68(2) tal-MAS, intalab jippreżenta, f’terminu ta’ xahrejn, osservazzjonijiet u provi li jikkonfutaw il-konklużjonijiet preliminari tal-Parlament dwar l-attivitajiet esterni li l-APA kien eżerċita a konoxxenza tiegħu u taħt id-direzzjoni tiegħu mit‑22 ta’ Mejju 2015 sat‑22 ta’ Novembru 2016 u li juru li, matul dan l-istess perijodu, l-APA kien effettivament eżerċita funzjonijiet ta’ assistent parlamentari akkreditat.

12      Anness mal-ittra tat‑3 ta’ Settembru 2020 kien hemm kopja tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament (T‑59/17, EU:T:2019:140) u r-rendikont tas-somom imħallsa mill-Parlament lill-APA. Dan ir-rendikont kien jgħid li ġej: għas-sena 2015, EUR 35 003.84 għar-remunerazzjonijiet u għall-ispejjeż soċjali u EUR 1 369.60 għal spejjeż tal-ivvjaġġar u għas-sena 2016, EUR 42 025.57 għar-remunerazzjonijiet u għall-ispejjeż soċjali u EUR 439.20 għal spejjeż tal-ivvjaġġar.

13      Permezz ta’ posta elettronika tal‑4 ta’ Awwissu 2020, ir-rikorrent talab lill-Parlament jgħaddilu:

–        il-fajl personali tal-APA fil-Parlament (id-dokumenti kollha marbuta mar-reklutaġġ u max-xogħol tiegħu), inkluż l-informazzjoni dwar in-numru ta’ drabi li ntalbet il-protezzjoni tal-Parlament għal dan l-APA u d-data dwar il-preżenza ta’ dan tal-aħħar (data mill-kard ta’ aċċess tal-Parlament);

–        il-kopji tal-korrispondenza li huwa kellu mar-rappreżentanti tal-Parlament dwar ix-xogħol tal-APA;

–        il-fajl sħiħ tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament (T‑59/17, EU:T:2019:140).

14      Fit‑22 ta’ Settembru 2020, ir-rikorrent reġa’ għamel din it-talba lill-Parlament u talbu, barra minn hekk, il-protokoll tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni bejnu u l-APA bil-Litwan, kif ukoll il-kopja tal-“posta elettronika kollha tas-snin 2015, 2016 u 2019”.

15      Permezz ta’ posta elettronika tas‑27 ta’ Ottubru 2020, il-Parlament ittrażmetta lir-rikorrent diversi dokumenti li jikkonċernaw it-tmiem tal-kuntratt tal-APA.

16      Permezz ta’ posta elettronika tad‑29 ta’ Ottubru 2020, ir-rikorrent bagħat lill-Parlament l-osservazzjonijiet preliminari tiegħu, kif ukoll għadd ta’ dokumenti, u saħaq fuq il-fatt li huwa kien għad ma rċeviex mingħand il-Parlament id-dokumenti u l-informazzjoni dettaljata dwar il-perijodu ta’ impjieg tal-APA u li huwa kien għad ma setax jeżamina l-ftit informazzjoni li kienet waslitlu permezz tal-posta elettronika tas‑27 ta’ Ottubru 2020. Għaldaqstant, huwa talab sabiex ’il quddiem ikun jista’ jittrażmetti informazzjoni u provi oħra.

17      Permezz ta’ posta elettronika tal‑20 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrent reġa’ għal darba oħra talab lill-Parlament l-informazzjoni li huwa kien talab permezz tal-posta elettronika tiegħu tal‑4 ta’ Awwissu u tat‑22 ta’ Settembru 2020, b’mod partikolari d-data dwar l-aċċess tal-APA fil-Parlament u l-kopja tal-posta elettronika tas-snin 2015, 2016 u 2019.

18      Permezz ta’ posta elettronika tal‑24 ta’ Novembru 2020, ir-rikorrent għadda lill-Parlament xi osservazzjonijiet u provi li jikkorroboraw dawk li kien diġà bagħat lil dan tal-aħħar fid‑29 ta’ Ottubru ta’ qabel.

19      Permezz ta’ posta elettronika tas‑27 ta’ Novembru 2020, id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi tal-Parlament (iktar ’il quddiem id-“Direttur Ġenerali għall-Finanzi”) informa lir-rikorrent li t-terminu li kien ingħatalu sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet u l-provi tiegħu, fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru rregolata mill-Artikolu 68 tal-MAS, kien skada fl‑4 ta’ Novembru ta’ qabel, iżda li, kemm-il darba huwa ried ikollu għarfien dwar l-informazzjoni li tikkonċerna l-APA, huwa seta’ jikkuntattja żewġ persuni li kien ipprovda l-indirizz elettroniku tagħhom, mingħajr ma dawn it-talbiet jista’ jkollhom impatt fuq l-imsemmija proċedura.

20      Permezz ta’ ittra li ntbagħtet lill-Parlament fl‑1 ta’ Diċembru 2020, ir-rikorrent ikkontesta d-dikjarazzjonijiet inklużi fil-posta elettronika tas‑27 ta’ Novembru 2020. Barra minn hekk, huwa bagħat it-talbiet tiegħu għal dokumenti lill-persuni msemmija f’din il-posta elettronika.

21      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021, id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi għadda lir-rikorrent il-protokoll dwar il-proċedura ta’ konċiljazzjoni bil-Litwan, iżda rrifjutalu l-aċċess għad-dokumenti mitluba l-oħra.

22      Barra minn hekk, filwaqt li jinnota li t-terminu li ngħata lir-rikorrent sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu kien skada fl‑4 ta’ Novembru 2020, mingħajr ma dan tal-aħħar talab proroga ta’ dan it-terminu, id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi ta lir-rikorrent terminu ta’ ħmistax-il ġurnata sabiex jippreżenta osservazzjonijiet oħra.

23      Fil‑21 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrent ippreżenta xi osservazzjonijiet oħra lill-Parlament.

24      Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament qies li s-somma ta’ EUR 78 838.21 kienet ġiet indebitament sostnuta minn din l-istituzzjoni fil-kuntest tal-impjieg tal-APA għall-perijodu bejn it‑22 ta’ Mejju 2015 u t‑22 ta’ Novembru 2016 u li, skont l-Artikolu 68(1) tal-MAS, hija kellha tiġi rkuprata mingħand ir-rikorrenti.

25      Fil‑31 ta’ Marzu 2021, id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi, fil-kwalità tiegħu ta’ uffiċjal delegat ta’ awtorizzazzjoni, ħareġ in-nota ta’ debitu li tordna l-irkupru tas-somma ta’ EUR 78 838.21 mingħand ir-rikorrent u li titlob lil dan tal-aħħar iħallas din is-somma sa mhux iktar tard mit‑30 ta’ Mejju 2021.

26      Fl-istess jum, id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi ttrażmetta d-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ debitu lir-rikorrent.

B.      Il-fatti li segwew il-preżentata ta’ dan ir-rikors

27      Wara stħarriġ li sar fil-kuntest ta’ din il-proċedura, deher li, f’Marzu 2016, il-Parlament kien iddeċieda li jissospendi l-ħlas tar-remunerazzjonijiet u tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar tal-APA sa mill‑1 ta’ April 2016.

28      Konsegwentement, fit‑8 ta’ Novembru 2022, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament iddeċieda li jirtira ex tunc id-deċiżjoni kkontestata sa fejn din ordnat, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ April u t‑22 ta’ Novembru 2016, l-irkupru tas-somma ta’ EUR 27 644.47 għar-remunerazzjonijiet u għall-ispejjeż soċjali u tas-somma ta’ EUR 439.20 għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar, jiġifieri somma totali ta’ EUR 28 083.67 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2022”). Fil‑15 ta’ Novembru 2022, inħarġet nota ta’ kreditu bin-numru 7120000068 għall-istess ammont.

29      Fil‑15 ta’ Novembru 2022, id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi nnotifika d-deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2022 u n-nota ta’ kreditu Nru 7120000068 lir-rikorrent.

II.    Ilproċedura u ttalbiet talpartijiet

30      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla n-nota ta’ debitu;

–        tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż;

–        tisma’ lil B u C fil-kwalità tagħhom ta’ xhieda.

31      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad dan ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir‑rikorrent għall‑ispejjeż;

–        tiċħad it-talba għal miżuri istruttorji.

32      Permezz ta’ att separat tas‑16 ta’ Novembru 2022, il-Parlament talab, abbażi tal-Artikolu 130(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, li din tal-aħħar jogħġobha:

–        tikkonstata li parti mis-suġġett tar-rikors ma għadhiex teżisti u li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar il-parti mid-deċiżjoni kkontestata li ġiet irtirata, sa fejn, għall-perijodu bejn l‑1 ta’ April u t‑22 ta’ Novembru 2016, ġie meqjus li ammont ta’ EUR 27 644.47 għar-remunerazzjonijiet u għall-ispejjeż soċjali u ammont ta’ EUR 439.20 għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tħallsu indebitament mill-Parlament lill-APA u li ġie ordnat l-irkupru ta’ dawn l-ammonti;

–        tiddeċiedi li kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha fir-rigward ta’ dik il-parti mis-suġġett tat-tilwima li ma għadhiex teżisti.

33      Fuq talba tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrent ressaq l-osservazzjonijiet tiegħu dwar din it-talba matul is-seduta tat‑30 ta’ Novembru 2022.

34      Fit‑22 ta’ Novembru 2022, ir-rikorrent ittrażmetta lill-Qorti Ġenerali x-xhieda bil-miktub ta’ B, li ttieħdet fit‑18 ta’ Novembru ta’ qabel.

35      Matul is-seduta, il-Parlament sostna li din il-prova ġdida kienet inammissibbli minħabba li, bi ksur tar-rekwiżiti tal-Artikolu 85(3) tar-Regoli tal-Proċedura, hija kienet ġiet ippreżentata wara l-iskambju tan-noti, mingħajr ma r-rikorrent iġġustifika din il-preżentazzjoni tardiva.

III. Iddritt

A.      Fuq jekk hemmx parzjalment lok li tingħata deċiżjoni

36      Kif jirriżulta mill-punt 32 iktar ’il fuq, il-Parlament jitlob lill-Qorti Ġenerali tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tikkonċerna remunerazzjonijiet, spejjeż soċjali u spejjeż tal-ivvjaġġar li kienu tħallsu lill-APA bejn l‑1 ta’ April u t‑22 ta’ Novembru 2016 għall-ammont globali ta’ EUR 28 083.67.

37      Matul is-seduta, ir-rikorrent sostna li l-ammonti indikati fid-deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2022 ma ġew ikkorroborati minn ebda dokument ta’ sostenn u talab lill-Qorti Ġenerali tagħti deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata fl-intier tagħha.

38      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita sew, is-suġġett tat-tilwima, bħall-interess ġuridiku, jeħtieġ li jkompli jeżisti sakemm tingħata deċiżjoni ġudizzjarja finali, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni u dan jippreżupponi li l-azzjoni tista’, kemm-il darba tirnexxi, tkun ta’ vantaġġ għall-parti li tkun ressqitha (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42 u l-ġurisprudenza ċċitata).

39      Is-suġġett tat-tilwima ma jibqax jeżisti fejn, fost oħrajn, l-att ikkontestat jiġi rtirat jew issostitwit fil-mori tal-kawża (ara d-digriet tat‑12 ta’ Jannar 2011, Terezakis vs Il-Kummissjoni, T‑411/09, EU:T:2011:4, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata).

40      F’dan il-każ, għandu jitqies li, minħabba d-deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2022, is-suġġett tar-rikors ma baqax jeżisti sa fejn dan kien intiż li jannulla d-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ debitu billi dawn ordnaw li r-rikorrent jirrimborsa somma ta’ EUR 28 083.67 għal remunerazzjonijiet, spejjeż soċjali u spejjeż tal-ivvjaġġar li tħallsu lill-APA bejn l‑1 ta’ April u t‑22 ta’ Novembru 2016.

41      F’dan ir-rigward, il-fatt li l-ammonti indikati fid-deċiżjoni tat‑8 ta’ Novembru 2022 ma kienu kkorroborati minn ebda dokument ta’ sostenn ma huwiex rilevanti.

42      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi appena deskritti, ir-rikors għal annullament ma għadx għandu skop u li ma għadx hemm lok li tingħata deċiżjoni dwar il-legalità tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nota ta’ debitu.

B.      Fuq ilkumplament tarrikors għal annullament

43      Ir-rikorrent jinvoka ħames motivi bbażati fuq:

–        ksur tal-prinċipju ta’ tul raġonevoli, minqux fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea;

–        id-dritt għal smigħ, id-dritt ta’ aċċess għall-fajl u l-obbligu ta’ motivazzjoni, kif previsti mill-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

–        żball ta’ evalwazzjoni u nuqqas mill-obbligu ta’ motivazzjoni, sa fejn il-Parlament ma ħax inkunsiderazzjoni l-provi li tressqulu fir-risposta għall-ittra tat‑3 ta’ Settembru 2020 fl-osservazzjonijiet tiegħu tad‑29 ta’ Ottubru u tal‑24 ta’ Novembru 2020, kif ukoll tal‑21 ta’ Jannar 2021;

–        ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tas-somma li għandu tiġi rkuprata;

–        il-fatt li l-Annessi A.3 sa A.21, li huwa ppreżenta, jistabbilixxu li, għall-kuntrarju ta’ dak li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, l-APA eżerċita l-funzjonijiet tiegħu ta’ assistent parlamentari sa minn tal-inqas il‑15 ta’ Diċembru 2015, rispettivament.

44      Qabel ma jiġu eżaminati dawn il-motivi, għandhom jiġu spjegati r-regoli dwar it-teħid ta’ responsabbiltà tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari u l-irkupru tas-somom imħallsa indebitament għal dan il-għan.

1.      Fuq irregoli dwar itteħid ta’ responsabbiltà talispejjeż ta’ assistenza parlamentari u lirkupru tassomom imħallsa indebitament għal dan ilgħan

45      L-Artikolu 33 tal-MAS jipprevedi li l-Membri huma intitolati għall-assistenza ta’ staff personali li jagħżlu huma stess.

46      Skont l-istess dispożizzjoni, il-Parlament għandu jħallas l-ispejjeż effettivament sostnuti u li jirriżultaw b’mod sħiħ u esklużiv mill-ingaġġ ta’ assistent wieħed jew iktar, konformement mal-MAS, filwaqt li jitfakkar li huma biss l-ispejjeż tal-assistenza neċessarja u marbuta b’mod dirett mal-eżerċizzju tal-mandat parlamentari tal-Membri li jistgħu jitħallsu.

47      L-Artikolu 62 tal-MAS jippreċiża li l-ammonti mħallsa skont dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni huma rriżervati b’mod esklużiv għall-finanzjament ta’ attivitajiet marbuta mal-eżerċizzju tal-mandat tal-Membri u li ma jistgħux ikopru spejjeż personali jew jiffinanzjaw sussidji jew donazzjonijiet ta’ natura politika.

48      L-Artikolu 68 tal-MAS jipprovdi li kwalunkwe somma mħallsa indebitament skont dawn il-miżuri ta’ implimentazzjoni għandha tiġi rkuprata u li s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament għandu jagħti istruzzjonijiet bil-għan li jiġu rkuprati dawn is-somom mingħand il-Membru kkonċernat, li għandu jinstema’ minn qabel.

49      Mill-Artikolu 33 tal-MAS, li l-kontenut tiegħu ġie mfisser fil-punti 45 u 46 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali ddeduċiet li t-tifsira tal-kunċett ta’ assistenza parlamentari ma taqax taħt id-diskrezzjoni tal-Membri (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2021, Rochefort vs Il-Parlament, T‑171/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:438, punt 45, u tat‑8 ta’ Settembru 2021, Griesbeck vs Il-Parlament, T‑10/21, mhux ippubblikata, EU:T:2021:542, punt 39).

50      Fil-fehma tal-Qorti Ġenerali, minn dan jirriżulta li l-fatt jekk is-servizzi ġewx tassew ipprovduti lill-Parlament mill-assistenti għandu jintwera mill-Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, Griesbeck vs Il-Parlament, T‑10/21, mhux ippubblikata, EU:T:2021:542, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      Fil-każ ta’ stħarriġ dwar l-użu tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari, il-Membru kkonċernat għandu għalhekk ikun f’pożizzjoni li jipprova li l-ammonti li jkun irċieva jkunu ntużaw sabiex ikopru l-ispejjeż effettivament sostnuti u li jirriżultaw b’mod sħiħ u esklużiv mill-ingaġġ ta’ assistent wieħed jew iktar, kif previst fl-Artikolu 33 tal-MAS (sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2021, Rochefort vs Il-Parlament, T‑171/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:438, punt 47; ara, ukoll, is-sentenza tat‑8 ta’ Settembru 2021, Griesbeck vs Il-Parlament, T‑10/21, mhux ippubblikata, EU:T:2021:542, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

52      F’dan il-kuntest, il-Membru għandu, fost oħrajn, jippreżenta dokumenti ta’ sostenn relatati mal-attivitajiet tal-APA u għaldaqstant iżommhom, anki fin-nuqqas ta’ obbligu espliċitu f’dan is-sens li jirriżulta mid-dritt tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑14 ta’ Lulju 2021, Rochefort vs Il-Parlament, T‑171/20, mhux ippubblikata, EU:T:2021:438, punt 47 u tat‑8 ta’ Settembru 2021, Griesbeck vs Il-Parlament, T‑10/21, mhux ippubblikata, EU:T:2021:542, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

53      Din il-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja, li, fil-fehma tagħha, huma l-Membri li jitolbu lill-Parlament jassumi responsabbiltà finanzjarja għall-ispejjeż relatati mal-assistenza ta’ staff personali li għandhom jipprovaw li dawn l-ispejjeż ġew effettivament sostnuti u li jikkorrispondu għall-assistenza neċessarja u marbuta b’mod dirett mal-eżerċizzju tal-mandat. Għalhekk, tali Membru għandu, b’risposta għal talba f’dan is-sens tal-awtorità kompetenti tal-Parlament, jippreżenta l-provi kollha li jkollu, li jistgħu juru li x-xogħol tal-assistent tiegħu effettivament twettaq, kif ukoll ir-rabta bejn dan ix-xogħol u l-eżerċizzju tal-mandat tiegħu (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal‑21 ta’ Marzu 2019, Gollnisch vs Il-Parlament, C‑330/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:240, punti 63, 64 u 88, u tal‑21 ta’ Mejju 2019, Le Pen vs Il-Parlament, C‑525/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:435, punti 37 u 82 u l-ġurisprudenza ċċitata).

2.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju tal-osservanza tat-terminu raġonevoli

54      Permezz tal-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni, b’mod partikolari, li, bl-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament kiser il-prinċipju tal-osservanza tat-terminu raġonevoli minqux fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u sanċit fl-Artikolu 98(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2018, L 193, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“Regolament Finanzjarju”).

55      F’dan il-każ, il-qbiż tat-terminu raġonevoli jirriżulta mill-fatt li l-Parlament bbaża d-deċiżjoni kkontestata fuq informazzjoni tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament (T‑59/17, EU:T:2019:140), li r-rikors tagħha kien ġie ppreżentat fl‑14 ta’ April 2017. Madankollu, kien biss fit‑30 ta’ Lulju jew fit‑3 ta’ Settembru 2020, jiġifieri iktar minn tliet snin wara, li l-Parlament talab l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-irkupru previst.

56      Il-Parlament jikkontesta dan l-argument.

57      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprevedi li kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b’mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, mill-korpi u mill-organi tal-Unjoni. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi għalhekk il-prinċipju tal-osservanza tat-terminu raġonevoli, li jagħmel parti integrali mid-dritt għal amministrazzjoni tajba.

58      Skont ġurisprudenza stabbilita, l-osservanza ta’ terminu raġonevoli hija dejjem meħtieġa fejn, kemm-il darba l-liġi hija siekta, il-prinċipji ta’ ċertezza legali jew ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jżommu lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi milli jaġixxu mingħajr l-ebda limitu ta’ żmien u li b’hekk ikun hemm riskju, b’mod partikolari, li l-istabbiltà ta’ sitwazzjonijiet legali diġà eżistenti titqiegħed f’perikolu (sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Eagle et vs Il-Kummissjoni, T‑144/02, EU:T:2004:290, punt 57; ara, ukoll, is-sentenza tat‑12 ta’ Lulju 2012, Il-Kummissjoni vs Nanopoulos, T‑308/10 P, EU:T:2012:370, punt 76 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fejn l-amministrazzjoni taġixxi fit-terminu li jkun ġie speċifikament preskritt lilha permezz ta’ liġi, ma jistax jiġi validament allegat li r-rekwiżiti li jirriżultaw mid-dritt li l-każijiet tagħha jiġu ttrattati f’terminu raġonevoli, minqux fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, ġew injorati.

59      Għandu jitfakkar li, fir-Regolament li kien japplika qabel dak li japplika f’dan il-każ, jiġifieri r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal‑25 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 (ĠU 2012, L 298, p. 1) u r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1268/2012 tad‑29 ta’ Ottubru 2012 dwar ir-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU 2012, L 362, p. 1), ma kienx hemm dispożizzjoni li tipprevedi terminu sabiex in-nota ta’ debitu tintbagħat lid-debitur.

60      Huwa għalhekk li l-Qorti tal-Ġustizzja, fis-sentenza tal‑14 ta’ Ġunju 2016, Marchiani vs Il-Parlament (C‑566/14 P, EU:C:2016:437), applikat il-prinċipju tal-osservanza tat-terminu raġonevoli sabiex tevalwa ż-żmien li jkun ittieħed sabiex tintbagħat in-nota ta’ debitu lid-debitur.

61      Madankollu, ir-Regolament ġie emendat wara din is-sentenza permezz ta’ dispożizzjonijiet li ddaħħlu fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Finanzjarju, li issa jipprovdi:

“L-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni għandu jibgħat in-nota ta’ debitu minnufih wara li jistabbilixxi l-ammont riċevibbli u mhux aktar tard minn […] ħames snin minn meta l-istituzzjoni tal-Unjoni kienet, f’ċirkustanzi normali, f’pożizzjoni li tagħmel pretensjoni għad-dejn tagħha. Dan il-perijodu ma għandux […] japplika meta l-uffiċjal tal-awtorizzazzjoni responsabbli jistabbilixxi li, minkejja l-isforzi [tal-]istituzzjoni tal-Unjoni, id-dewmien fit-teħid ta’ azzjoni [kien] kkaġunat mill-aġir tad-debitur.”

62      Peress li ġiet adottata tali dispożizzjoni, ma hemmx għalfejn, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni b’mod żbaljat ir-rikorrent, li jintuża l-prinċipju tal-osservanza tat-terminu raġonevoli sabiex ikun evalwat iż-żmien sa meta ntbagħtitlu n-nota ta’ debitu. Mill-banda l-oħra, ta’ min wieħed jistaqsi jekk, konformement ma’ din id-dispożizzjoni, il-Parlament bagħatx in-nota ta’ debitu lir-rikorrent, minn naħa, immedjatament wara li ġie stabbilit il-kreditu u, min-naħa l-oħra, fi żmien ħames snin mill-mument li fih huwa kien f’pożizzjoni li jinvoka l-kreditu tiegħu.

63      Dwar l-ewwel terminu, għandu jiġi osservat li n-nota ta’ debitu ntbagħtet lir-rikorrent fil‑31 ta’ Marzu 2021, filwaqt li l-kreditu tal-Parlament ġie stabbilit fid-deċiżjoni kkontestata fis‑16 ta’ Marzu ta’ qabel. F’dawn iċ-ċirkustanzi, jista’ jitqies li, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Finanzjarju, in-nota ta’ debitu ntbagħtet lir-rikorrent immedjatament wara li ġie stabbilit il-kreditu.

64      Dwar it-tieni terminu, għandu jiġi osservat li l-partijiet ma jaqblux dwar il-mument li fih il-Parlament kien f’pożizzjoni li jinvoka l-kreditu tiegħu fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Finanzjarju. Filwaqt li r-rikorrent iqis li dan il-mument jikkoinċidi mal-preżentata tar-rikors mill-APA fil-proċedura li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament (T‑59/17, EU:T:2019:140), jiġifieri l‑14 ta’ April 2017, il-Parlament iqis li huwa seta’ biss jinvoka l-kreditu tiegħu wara d-data li fiha ngħatat is-sentenza f’din il-kawża, jiġifieri s‑7 ta’ Marzu 2019.

65      Billi n-nota ta’ debitu ntbagħtet lir-rikorrent fil‑31 ta’ Marzu 2021, għandu jiġi kkonstatat li, irrispettivament mill-punt tad-dekorrenza tat-terminu previst mit-tieni paragrafu tal-Artikolu 98(2) tar-Regolament Finanzjarju, il-preżentata tar-rikors fil-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament (T‑59/17, EU:T:2019:140), jiġifieri l‑14 ta’ April 2017, jew l-għoti ta’ din is-sentenza, it-terminu previst minn din id-dispożizzjoni ġie osservat mill-Parlament.

66      L-argument tar-rikorrent u, għaldaqstant, l-ewwel motiv, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati.

3.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ, tad-dritt ta’ aċċess għall-fajl u tal-obbligu ta’ motivazzjoni, kif previsti mill-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali

67      Ir-rikorrent isostni li l-Parlament kiser id-dritt tiegħu għal smigħ u ta’ aċċess għall-fajl, minquxa fl-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, billi, fid-deċiżjoni kkontestata, huwa rrifera għall-konklużjonijiet tas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament (T‑59/17, EU:T:2019:140), mingħajr ma ttrażmettielu l-provi, b’mod partikolari nota tal-APA tad‑9 ta’ Mejju 2016, li jikkorroboraw dawn il-konklużjonijiet.

68      Ir-rikorrent jenfasizza, f’dan ir-rigward, li huwa ma intervjeniex fil-proċedura li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament (T‑59/17, EU:T:2019:140), la bħala parti u lanqas bħala xhud, li l-Parlament ma kkontestax l-imsemmija provi quddiem il-Qorti Ġenerali u li huwa ma ntalabx jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu dwar dawn tal-aħħar.

69      Barra minn hekk, ir-rikorrent iqis li l-Parlament, fl-ittra tiegħu tat‑8 ta’ Jannar 2021, invoka b’mod żbaljat l-Artikolu 9 tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU 2018, L 295, p. 39), sabiex jirrifjutalu l-aċċess għall-provi li huwa kien talab. Id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ma huwiex assolut u għandu, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jiġi bbilanċjat ma’ drittijiet fundamentali oħra. F’dan il-każ, id-dritt tiegħu għall-informazzjoni kien ibbażat fuq il-premessi 21 u 28, kif ukoll l-Artikolu 9(1) u (3) tar-Regolament 2018/1725. Billi l-irkupru tas-somom imħallsa għal spejjeż ta’ assistenza parlamentari huwa kwistjoni ta’ interess pubbliku, ir-rikorrent jista’ jkollu aċċess għal data personali sabiex jevalwa l-fondatezza tal-irkupru tas-somom ikkonċernati u jippreżenta osservazzjonijiet lill-Parlament.

70      Fl-istess sens, ir-rikorrent, fil-kuntest tal-ewwel motiv, jgħid li huwa ġie mċaħħad mill-possibbiltà li jippreżenta provi kontra l-allegazzjonijiet tal-Parlament. Il-posta elettronika skambjata mal-APA bejn it‑22 ta’ Mejju 2015 u l‑25 ta’ Frar 2016, li ppermettiet li jiġu prodotti l-biċċa l-kbira tal-provi tax-xogħol ta’ dan tal-aħħar fil-Parlament b’rabta mal-funzjoni tiegħu ta’ Membru, ġiet imħassra minħabba l-politika implimentata mill-Parlament li, fil-prinċipju, tillimita l-konservazzjoni tal-imsemmija posta elettronika sa 90 ġurnata. Apparti l-fatt li din il-politika nbidlet f’Mejju 2019 u li huwa ma ġiex informat b’dan, ir-rikorrent iqis li huwa ma setax jintalab iżomm il-posta elettronika tiegħu, għaliex, kif jirriżulta mill-Artikolu 17 u mill-Artikolu 18(1) tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti”) u mir-regoli dwar l-aċċess tas-Segretarjat tal-Parlament għas-sistema ta’ messaġġi elettroniċi u l-użu tagħha, approvati mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament fid‑19 ta’ Frar 2018, huwa ma kienx proprjetarju tagħha. Huwa jqis ukoll li tali konservazzjoni tikkostitwixxi ksur tal-obbligi ta’ kunfidenzjalità u ksur tas-sigurtà tal-informazzjoni.

71      Barra minn hekk, ir-rikorrent, dejjem fil-kuntest tal-ewwel motiv, jikkontesta, fid-dawl tal-premessa 22 tar-Regolament 2018/1725, il-politika ta’ konservazzjoni tal-posta elettronika fis-seħħ fil-Parlament, billi, fl-implimentazzjoni ta’ din il-politika, din l-istituzzjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-ħtieġa tal-Membri li jiddefendu lilhom infushom kontra lmenti li jistgħu jsiru fir-rigward tagħhom.

72      Il-Parlament jikkontesta l-ammissibbiltà u l-fondatezza ta’ dan l-argument.

a)      Fuq lammissibbiltà talargument tarrikorrent sa fejn jikkonċerna littra tat8 ta’ Jannar 2021

73      Il-Parlament isostni li, sa fejn jikkonċerna l-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021, l-argument tar-rikorrent huwa ta natura tardiva. Ir-rikorrent ma jistax, permezz tar-rikors tiegħu għal annullament kontra d-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ debitu, jerġa’ jqajjem dubji dwar ir-risposta li ngħatatlu mid-Direttur Ġenerali għall-Finanzi fl-ittra tiegħu tat‑8 ta’ Jannar 2021, peress li t-terminu ta’ xahrejn previst fis-sitt paragrafu tal-Artikolu 263 TFEU skada.

74      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, huma biss il-miżuri li joħolqu effetti legali vinkolanti ta’ natura li jaffettwaw l-interessi tar-rikorrent, billi jbiddlu b’mod sinjifikattiv is-sitwazzjoni legali tiegħu, li jikkostitwixxu atti li jistgħu jkunu s-suġġett ta’ rikors għal annullament fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 9; ara, ukoll, id-digriet tas‑16 ta’ Ġunju 2021, Green Power Technologies vs Il-Kummissjoni u Impriża Konġunta ECSEL, T‑533/20, mhux ippubblikat, EU:T:2021:375, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

75      Fil-każ ta’ atti jew deċiżjonijiet li jitfasslu f’diversi fażijiet, b’mod partikolari fi tmiem proċedura interna, jikkostitwixxu biss atti li jikkawżaw preġudizzju u, bħala tali, li jistgħu jiġi kkontestati, il-miżuri li jistabbilixxu b’mod definittiv il-pożizzjoni tal-istituzzjoni fi tmiem din il-proċedura, ħlief għall-atti preparatorji għad-deċiżjoni finali. Huwa biss fejn jiġi ppreżentat rikors kontra d-deċiżjoni li tittieħed fi tmiem din il-proċedura li rikorrent jista’ jinvoka, b’mod inċidentali, l-irregolarità ta’ tali atti preparatorji (sentenza tal‑11 ta’ Novembru 1981, IBM vs Il-Kummissjoni, 60/81, EU:C:1981:264, punt 10; ara, ukoll, id-digriet tal‑20 ta’ Jannar 2021, ZU vs SEAE, C‑266/20 P, mhux ippubblikat, EU:C:2021:42, punt 12 u l-ġurisprudenza ċċitata).

76      F’dan il-każ, fid-dawl tal-fatt li, fil-punt 42 iktar ’il fuq, ġie deċiż, li, parzjalment, ma kienx hemm lok li tingħata deċiżjoni, ir-rikors għal annullament ġie ppreżentat kontra d-deċiżjoni li permezz tagħha s-Segretarju Ġenerali tal-Parlament ordna l-irkupru ta’ somma ta’ EUR 50 754.54 mingħand ir-rikorrent u n-nota ta’ debitu li segwiet, li jikkostitwixxu t-tmiem tal-proċedura ta’ rkupru u għalhekk l-atti li jikkawżaw preġudizzju li fir-rigward tagħhom ġie ppreżentat ir-rikors.

77      Madankollu, fil-kuntest tal-proċedura li għandha twassal għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nota ta’ debitu, ir-rikorrent talab lill-Parlament, kif intqal fil-punti 13, 14 u 17 iktar ’il fuq, jipproduċi dokumenti li huwa jqis li huma neċessarji sabiex jintwera li l-APA kien tassew eżerċita l-funzjonijiet ta’ assistent parlamentari akkreditat matul il-perijodu bejn it‑22 ta’ Mejju 2015 u t‑22 ta’ Novembru 2016.

78      F’dawn iċ-ċirkustanzi, ir-risposta għal din it-talba, li tinsab fl-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021, tagħmel parti mill-qafas tal-proċedura ta’ rkupru tas-somom imħallsa indebitament u seta’ kellha impatt fuq l-eżitu tal-imsemmija proċedura.

79      Konsegwentement, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 75 iktar ’il fuq, ir-rikorrent jista’, fil-kuntest ta’ dan ir-rikors, jinvoka l-irregolaritajiet li, fil-fehma tiegħu, jaffettwaw l-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021.

80      Għaldaqstant, għandu jitqies li l-argument tar-rikorrent dwar l-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021 huwa ammissibbli.

b)      Fuq ilfondatezza talargument tarrikorrent

81      Skont l-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, id-dritt għal amministrazzjoni tajba jinkludi, b’mod partikolari, id-dritt ta’ kull persuna li tinstema’ qabel ma tittieħed kwalunkwe miżura individwali fil-konfront tagħha li tolqotha b’mod negattiv.

82      Fil-kuntest tal-proċeduri ta’ rkupru ta’ somom imħallsa indebitament skont l-MAS, id-dritt għal smigħ huwa ggarantit, b’mod speċifiku, mill-Artikolu 68(2) tal-imsemmija miżuri, li jipprovdi li l-Membru kkonċernat għandu jinstema’ qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni b’dan il-mod.

83      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt għal smigħ jiggarantixxi lil kull persuna l-possibbiltà li tesprimi, b’mod utli u effettiv, il-perspettiva tagħha matul il-proċedura amministrattiva u qabel tittieħed kwalunkwe deċiżjoni li tista’ taffettwa l-interessi tagħha b’mod negattiv (ara s-sentenza tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

84      Sabiex ikun iddeterminat jekk dawn ir-regoli ġewx osservati f’dan il-każ, għandhom jiġi eżaminati l-passi li ttieħdu mill-partijiet matul il-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata u tan-nota ta’ debitu.

85      F’dan il-każ, permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Settembru 2020, is-Segretarju Ġenerali tal-Parlament, wara li spjega r-raġunijiet li ġġustifikaw il-ftuħ tal-proċedura ta’ rkupru inkwistjoni, stieden lir-rikorrent jistabbilixxi li l-APA kien eżerċita funzjonijiet ta’ assistent parlamentari akkreditat bejn it‑22 ta’ Mejju 2015 u t‑22 ta’ Novembru 2016.

86      Madankollu, ir-rikorrent, f’din id-data, ma kienx għad għandu l-messaġġi elettroniċi skambjati mal-APA matul il-perijodu bejn it‑22 ta’ Mejju 2015 u l‑25 ta’ Frar 2016, li setgħu jipprovdu l-biċċa l-kbira tal-provi mitluba mis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament. Fil-fatt, dawn il-messaġġi elettroniċi kienu ġew imħassra minħabba l-politika ta’ konservazzjoni tal-posta elettronika tal-Parlament. Bis-saħħa ta’ din il-politika, il-posta elettronika li tinsab fil-fajls “Inbox”, “Sent Items”, “Deleted Items”, “Junk E-mail” u “Drafts” huma, fil-prinċipju, imħassra wara 90 ġurnata.

87      Għalhekk, sabiex ikun f’pożizzjoni li jipprovdi l-provi mitluba, ir-rikorrent, permezz ta’ posta elettronika tal‑4 ta’ Awwissu, tat‑22 ta’ Settembru u tal‑20 ta’ Novembru 2020, talab lill-Parlament jittrażmettilu diversi dokumenti:

–        il-proċess verbal bil-Litwan tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni bejnu u l-APA;

–        kopja tal-“posta elettronika kollha tas-snin 2015, 2016 u 2019”;

–        kopja tal-korrispondenza li huwa kellu mar-rappreżentanti tal-Parlament dwar ix-xogħol tal-APA;

–        il-fajl sħiħ tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament (T‑59/17, EU:T:2019:140);

–        il-fajl personali tal-APA fil-Parlament (id-dokumenti kollha marbuta mar-reklutaġġ u max-xogħol tiegħu), inkluż l-informazzjoni dwar in-numru ta’ drabi li ntalbet il-protezzjoni tal-Parlament għal dan l-APA u d-data dwar il-preżenza tiegħu li tista’ tinġabar mill-kard ta’ aċċess tal-Parlament (ara l-punti 13, 14 u 17 iktar ’il fuq).

88      L-ewwel talba ġiet milqugħa mill-Parlament u kopja tal-proċess verbal rilevanti ntbagħtet lir-rikorrent. Mill-banda l-oħra, it-talbiet dwar kategoriji oħra ta’ dokumenti ġew miċħuda, ħlief għad-dokumenti li jikkonċernaw it-tmiem tal-kuntratt tal-APA, li ntbagħtu permezz ta’ posta elettronika tas‑27 ta’ Ottubru 2020 (ara punt 15 iktar ’il fuq). Kif jirriżulta mill-fajl, ir-rifjut seħħ fit‑8 ta’ Jannar 2021, jiġifieri ħames xhur wara l-ewwel talba tar-rikorrent.

89      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tar-regoli ta’ prova mfakkra fil-punti 49 sa 53 iktar ’il fuq, fil-każ ta’ dubju dwar ir-regolarità tal-użu tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari mħallsa lil APA, huwa l-Membru li għandu jistabbilixxi li dan l-APA ħadem għalih, b’rabta mal-mandat parlamentari tiegħu, matul il-perijodu kollu li fih ġew imħallsa dawn l-ispejjeż.

90      Meta jiġi msejjaħ jipprova dan, il-Membru għandu jittrażmetti lill-Parlament, fit-terminu mogħti lilu, il-provi li jkollu f’idejh. Jekk xi provi oħra jidhru rilevanti, huwa jista’, abbażi tad-dritt għal smigħ, jitlob lill-istituzzjonijiet, lill-organi u lill-aġenziji tal-Unjoni li jkollhom dawn il-provi li jittrażmettuhomlu, kemm-il darba jikkonċernaw informazzjoni li hija neċessarja għalih sabiex ikun jista’ jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu b’mod utli u effettiv dwar l-irkupru previst. Meta jirċievi talba bħal din, il-Parlament ma jistax jirrifjuta li jipprovdi l-informazzjoni mitluba mingħajr ma jikser id-dritt għal smigħ, sakemm ma jinvokax, insostenn ta’ dan ir-rifjut, raġunijiet li jistgħu jitqiesu ġġustifikati fid-dawl, minn naħa, taċ-ċirkustanzi tal-każ u, min-naħa l-oħra, tar-regoli applikabbli.

91      Jeħtieġ, għalhekk, li wieħed jistaqsi jekk, f’dan il-każ, ir-raġunijiet invokati mill-Parlament fl-ittra tiegħu tat‑8 ta’ Jannar 2021, sabiex ma jittrażmettix l-informazzjoni mitluba mir-rikorrent, kinux iġġustifikati.

1)      Fuq irraġunijiet invokati millParlament sabiex tiġi miċħuda ttalba tarrikorrent li jiġu trażmessi lilu l“posta elettronika kollha tassnin 2015, 2016 u 2019” u lkorrispondenza li huwa kellu masservizzi kompetenti talParlament dwar ixxogħol talAPA

92      Kif jirriżulta mill-punt 88 iktar ’il fuq, il-Parlament ċaħad it-talba tar-rikorrent li tiġi trażmessa lilu l-“posta elettronika kollha tas-snin 2015, 2016 u 2019”, kif ukoll il-korrispondenza li dan tal-aħħar kellu mas-servizzi kompetenti dwar ix-xogħol tal-APA, peress li, skont il-politika tiegħu, il-konservazzjoni tal-messaġġi elettroniċi kienet limitata għal 90 ġurnata u, eċċezzjonalment, għal sena. Il-Parlament tenn jgħid li l-posta elettronika li ntbagħtet wara l-2019 setgħet tiġi trażmessa, iżda ma hijiex rilevanti, peress li ma għandhiex x’taqsam mal-perijodu li matulu l-APA kien suppost qiegħed jaħdem għar-rikorrent.

93      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li kull istituzzjoni torganizza xogħolha skont ir-regoli li japplikaw għaliha u li hija tista’ tippromulga. F’dan il-każ, il-Parlament, għall-kuntrarju ta’ dak li jsostni r-rikorrent, seta’ jillimita l-perijodu ta’ konservazzjoni tal-posta elettronika tal-Membri, billi jippermettilhom li jżommuha f’fajls personali. Madankollu, għandu jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, din il-politika ġietx implimentata b’mod li jkun żgurat ir-rispett tad-dritt għal smigħ li, kif iddefinit fil-punt 83 iktar ’il fuq, jorbot, bis-saħħa tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni f’kull sitwazzjoni fejn dawn tal-aħħar jikkunsidraw jadottaw att li jista’ jikkawża preġudizzju, kemm-il darba l-kundizzjonijiet previsti għall-applikazzjoni tiegħu jkunu ssodisfatti.

94      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ:

–        l-APA ġie ingaġġat fit‑22 ta’ Mejju 2015;

–        fix-xahar ta’ Diċembru ta’ din l-istess sena, ir-rikorrent osserva nuqqas fil-kwalità tax-xogħol tal-APA;

–        fil‑25 ta’ Frar 2016, ir-rikorrent talab lill-Parlament jibda proċedura ta’ tkeċċija tal-APA billi, fost oħrajn, dan tal-aħħar ma osservax ir-regoli dwar l-awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu eżerċitati attivitajiet esterni u kien assenti mingħajr raġuni valida;

–        fl‑24 ta’ Ġunju 2016, il-Parlament innotifika lill-APA bid-deċiżjoni tiegħu li jtemm il-kuntratt tiegħu minħabba terminazzjoni tar-rabta ta’ fiduċja għaliex ma osservax ir-regoli dwar l-awtorizzazzjonijiet sabiex jiġu eżerċitati attivitajiet esterni;

–        fl‑14 ta’ April 2017, l-APA ppreżenta rikors għal annullament quddiem il-Qorti Ġenerali kontra d-deċiżjoni ta’ tkeċċija;

–        fit‑8 ta’ Ġunju, u mbagħad fit‑3 ta’ Settembru 2020, il-Parlament informa lir-rikorrent bil-ftuħ ta’ proċedura ta’ rkupru tas-somom imħallsa lill-APA.

95      Minn din il-kronoloġija jirriżulta li, sa mill-bidu tas-sena 2016, il-Parlament kien jaf b’sitwazzjoni kunfliġġenti bejn ir-rikorrent u l-APA dwar jekk dan tal-aħħar eżerċitax jew le l-attivitajiet tiegħu fir-rigward tar-rikorrent skont ir-regoli dwar l-assistenza parlamentari. Konsegwentement, minn dan il-mument ’il quddiem, kien jaqbel, f’tali sitwazzjoni, li l-Parlament, iktar u iktar meta kien hemm fondi pubbliċi tal-Unjoni fin-nofs, jiżgura l-konservazzjoni tal-posta elettronika li setgħet tistabbilixxi n-natura eżatta tal-attivitajiet tal-APA matul l-iżvolġiment tal-proċedura ta’ tkeċċija u jekk din tal-aħħar wasslitx għal proċeduri oħra, ġudizzjarji jew amministrattivi, bħal proċedura ta’ rkupru, kemm-il darba dawn il-proċeduri oħra jkunu għadhom pendenti.

96      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, fl-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021, id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi indika lir-rikorrent li l-Parlament kellu l-possibbiltà li, b’eċċezzjoni, jirkupra l-posta elettronika għal perijodu ta’ sena.

97      Barra minn hekk, l-Artikolu 5 tar-regoli dwar l-aċċess tas-Segretarjat tal-Parlament għas-sistema ta’ messaġġi elettroniċi u l-użu tagħha, approvati fid‑19 ta’ Frar 2018, jipprevedi li, fil-każ ta’ tmiem tas-servizz ta’ uffiċjal jew ta’ aġent tal-Parlament, il-perijodu ta’ konservazzjoni tal-posta elettronika ta’ dawn tal-aħħar jista’ jkun iktar minn tliet xhur fejn din tkun suġġetta għal “stħarriġ amministrattiv, ilment jew proċedura ġudizzjarja”.

98      Fil-fehma tal-Parlament, huma l-Membri li għandhom jiddeċiedu jżommux l-posta elettronika tagħhom lil hinn minn dan il-perijodu. Għal dan il-għan, il-Membri ġew mistiedna joħolqu huma stess fajls personali sabiex ikunu jistgħu jarkivjaw il-posta elettronika tagħhom għal żmien indefinit. Fil-fehma tal-Parlament, din l-istedina kienet is-suġġett ta’ tliet komunikazzjonijiet li ntbagħtu lill-Membri, l-ewwel waħda tal‑14 ta’ Ġunju 2014, it-tieni waħda tat‑13 ta’ Ottubru 2014 u t-tielet waħda tat‑30 ta’ Marzu 2015. Minkejja dawn il-komunikazzjonijiet, ir-rikorrent ma għamilx arkivju personali tal-posta elettronika tiegħu.

99      Dan l-argument tal-Parlament ma jistax jintlaqa’.

100    Il-possibbiltà li jsir arkivju personali ma tistax teħles lill-Parlament mill-obbligu li jiżgura l-konservazzjoni ta’ kull posta elettronika rilevanti sabiex jiġi stabbilit jekk, konformement mar-regoli tal-istituzzjoni, APA eżerċitax l-attivitajiet tiegħu, b’mod effettiv u esklużiv, fir-rigward tal-Membru li ġie assenjat lilu, b’rabta diretta mal-mandat ta’ dan tal-aħħar.

101    Din il-possibbiltà wisq anqas ma tista teħles lill-Parlament mill-obbligu li jittrażmetti l-posta elettronika miżmuma b’dan il-mod, fejn, skont id-dritt għal smigħ, li huwa fundamentali fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, huwa jintalab jagħmel dan mill-Membru kkonċernat li, bħal f’dan il-każ, huwa s-suġġett ta’ proċedura ta’ rkupru għal użu irregolari ta’ spejjeż ta’ assistenza parlamentari.

102    Barra minn hekk, b’risposta lir-rikorrent li jsostni, essenzjalment, li huwa ġie biss informat bil-politika ta’ konservazzjoni tal-posta elettronika tal-Parlament fit‑8 ta’ Jannar 2021, il-Parlament ma rnexxilux juri li l-komunikazzjonijiet imsemmija fil-punt 98 iktar ’il fuq kienu nġiebu a konjizzjoni tar-rikorrent. Għalhekk, il-komunikazzjoni tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) għall-Innovazzjoni u s-Sostenn Teknoloġiku tal‑14 ta’ Ġunju 2014 intbagħtet lil “dawk li għadhom jibdew”, li r-rikorrent ma kienx wieħed minnhom f’dik id-data peress li, kif jirriżulta mill-punt 2 iktar ’il fuq, huwa kien ilu Membru sa minn [kunfidenzjali]. Il-komunikazzjoni tat‑13 ta’ Ottubru 2014 intbagħtet mid-DĠ “Innovazzjoni u Sostenn Teknoloġiku” lilha nnifisha, mingħajr ma l-Parlament, mistoqsi dwar dan il-punt fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, seta’ jipprovdi l-lista tad-destinatarji tagħha. L-istess jgħodd għall-komunikazzjoni tat‑30 ta’ Marzu 2015 li, min-naħa tagħha, intbagħtet lill-Membri mill-“ITEC Service Desk”.

103    Fir-rigward tal-korrispondenza bejn ir-rikorrent u s-servizzi kompetenti tal-Parlament dwar ix-xogħol tal-APA, li ma tinstabx f’posta elettronika, għandu jiġi osservat li, fl-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021, il-Parlament ma ġab l-ebda raġuni li tiġġustifika, b’mod speċifiku, ir-rifjut tiegħu li jgħaddiha lir-rikorrent.

104    Għaldaqstant, ir-raġunijiet invokati mill-Parlament sabiex tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrent li jiġu trażmessi lilu l-“posta elettronika kollha tas-snin 2015, 2016 u 2019” u l-korrispondenza li huwa kellu mas-servizzi kompetenti tal-Parlament dwar ix-xogħol tal-APA ma jistgħux jitqiesu li huma fondati.

2)      Fuq irraġunijiet invokati millParlament sabiex tiġi miċħuda ttalba tarrikorrent dwar il“fajl personali” talAPA (iddokumenti kollha marbuta marreklutaġġ u maxxogħol tiegħu), inkluż linformazzjoni dwar innumru ta’ drabi li l-protezzjoni talParlament intalbet għal dan l-APA u ddata dwar ilpreżenza tiegħu li tista’ tinġabar millkard ta’ aċċess talParlament

105    Fl-ittra tiegħu tat‑8 ta’ Jannar 2021, il-Parlament irrifjuta li jgħaddi lir-rikorrent il-“fajl personali” tal-APA (id-dokumenti kollha marbuta mar-reklutaġġ u max-xogħol tiegħu), inkluż l-informazzjoni dwar in-numru ta’ drabi li l-protezzjoni tal-Parlament intalbet għal dan l-APA u d-data dwar il-preżenza tiegħu li tista’ tinġabar mill-kard ta’ aċċess tal‑Parlament tiegħu, billi t-trażmissjoni ta’ din id-data tmur kontra, minn naħa, ir-Regolament 2018/1725 u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal.

106    Fir-rigward tal-informazzjoni li tikkonċerna d-Direttorat Ġenerali (DĠ) għas-Sigurtà u l-Protezzjoni, id-Direttur Ġenerali għall-Finanzi indika, barra minn hekk, li l-interventi tal-persunal ta’ sigurtà tal-Parlament ma kinux is-suġġett ta’ reġistrazzjoni uffiċjali u li d-data tal-badges ta’ aċċess inżammet matul perijodu ta’ mhux iktar minn erba’ xhur.

i)      Fuq ir-raġuni li tikkonċerna r-Regolament 2018/1725

107    Fl-ittra tat‑8 ta’ Jannar 2021, il-Parlament indika li d-data mitluba mir-rikorrent għandha natura personali fis-sens tar-Regolament 2018/1725 u li r-rikorrent ma weriex li la kienet meħtieġa sabiex jitwettaq kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċizzju tal-awtorità pubblika u lanqas sabiex jintlaħaq għan ta’ interess pubbliku, kif jippermetti li jsir l-Artikolu 9 tal-imsemmi regolament.

108    Fir-risposta, il-Parlament tenn jgħid li, għalkemm ir-rikorrent talab l-aċċess għall-“fajl personali” tal-APA, dan sar sabiex jevita li jħallsu lura l-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari li kien hemm riskju li dan jitlobhom fi tmiem il-proċedura ta’ rkupru u, għalhekk, sabiex jaqdi l-interessi personali tiegħu. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Parlament iqis li r-rikorrent ma jistax jinqeda minn interess pubbliku fis-sens tal-Artikolu 9 tar-Regolament 2018/1725.

109    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament 2018/1725:

“1.      Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 4 sa 6 u 10, id-data personali għandha tiġi trażmessa biss lir-riċevituri stabbiliti fl-Unjoni għajr l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni jekk:

(a)      ir-riċevitur jistabbilixxi li d-data hija neċessarja għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lir-riċevitur; jew

(b)      ir-riċevitur jistabbilixxi li huwa neċessarju li d-data tiġi trażmessa għal fini speċifiku fl-interess pubbliku u l-kontrollur, meta jkun hemm kwalunkwe raġuni biex wieħed jassumi li l-interessi leġittimi tas-suġġett tat-data jistgħu jiġu ppreġudikati, jistabbilixxi li huwa proporzjonat li tiġi trażmessa d-data personali għal dak il-fini speċifiku, wara li jkun qies b’mod dimostrabbli d-diversi interessi li jkunu f’kunflitt.

[…]”.

110    Huwa minnu li, peress li kellha tgħin id-difiża tiegħu fil-kuntest tal-proċedura ta’ rkupru, id-data mitluba mir-rikorrent ma setgħetx titqies bħala “neċessarja għat-twettiq ta’ kompitu li jsir fl-interess pubbliku jew fl-eżerċitar ta’ awtorità uffiċjali mogħtija lir-riċevitur” fis-sens tal-Artikolu 9(1)(a) tar-Regolament 2018/1725.

111    Għall-istess raġuni, it-trażmissjoni tal-imsemmija data lir-rikorrent ma tistax titqies li tissodisfa “fini speċifiku fl-interess pubbliku” fis-sens tal-Artikolu 9(1)(b) tar-Regolament 2018/1725.

112    Madankollu, mill-fajl jirriżulta li t-talba għal kummenti li l-Parlament bagħat lir-rikorrent fit‑3 ta’ Settembru 2020 sabiex dan tal-aħħar ikun jista’ jeżerċita d-dritt tiegħu għal smigħ hija bbażata, f’dan il-każ, fuq provi miżmuma minn din l-istituzzjoni mingħajr ma seta’, fejn meħtieġ, ikun jaf bihom ir-rikorrent jew fuq provi li r-rikorrent kien jaf bihom billi kien l-uffiċjal ta’ fuq l-APA, iżda li huwa ma kienx għad kellu.

113    Fid-dawl tal-importanza li tingħata lid-dritt għal smigħ fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, iċ-ċirkustanza li dawn il-provi jistgħu jinstabu fil-“fajl personali” tal-APA ma tistax, bħala tali, iżżomm dawn il-provi milli jiġu trażmessi lir-rikorrent sabiex, kif titlob il-ġurisprudenza, ikun jista’ jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu b’mod utli u effettiv fil-kuntest tal-eżerċizzju tal-imsemmi dritt.

114    Fil-fatt, id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali ma huwiex dritt assolut, iżda għandu jitqies b’rabta mal-funzjoni tiegħu fis-soċjetà u jiġi bbilanċjat, għal dan il-għan, ma’ drittijiet fundamentali oħra, fil-kuntest ta’ proċess li, fid-dawl tal-fatti tal-każ, jagħti lil kull wieħed mid-drittijiet involuti l-post li jixraqlu fl-ordinament ġuridiku tal-Unjoni, konformement mal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

115    Il-ħtieġa li jkun żgurat tali bilanċ bejn id-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u d-drittijiet fundamentali l-oħra rrikonoxxuti f’dan l-ordinament ġuridiku hija enfasizzata mil-leġiżlatur tal-Unjoni fil-premessa 4 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU 2016, L 119, p. 1).

116    Madankollu, ir-Regolament 2018/1725 huwa “l-ekwivalenti” tar-Regolament 2016/679 fir-rigward tal-protezzjoni ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi u organi tal-Unjoni (ara l-premessa 5 tar-Regolament 2018/1725).

117    F’tali kuntest, ma jistax jiġi aċċettat li l-Parlament jista’ jistieden lir-rikorrent jieħu pożizzjoni b’mod utli u effettiv dwar provi li jinsabu, jekk ikun il-każ, fil-fajl tal-APA, mingħajr ma jingħata aċċess għal dawn il-provi, wara li jkun ibbilanċja, minn naħa, l-interess ta’ dan l-APA li d-data li tikkonċernah ma tgħaddix f’idejn terzi u, min-naħa l-oħra, l-interess tar-rikorrent li jagħmel l-osservazzjonijiet tiegħu b’mod utli u effettiv fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru li nfetħet kontrih.

118    Għalhekk, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, il-Parlament ma ħax tali pass.

ii)    Fuq irraġuni li tikkonċerna lArtikolu 26 tarRegolamenti

119    Fl-ittra tiegħu tat‑8 ta’ Jannar 2021, il-Parlament sostna li, bis-saħħa tal-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-“fajl personali” tal-APA kien kunfidenzjali u ma setax jiġi trażmess.

120    F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni, li, bis-saħħa tal-Artikolu 127 tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, tapplika, b’analoġija, għall-assistenti parlamentari, tikkonċerna biss, skont kliemha stess, il-“fajl[s] personali” ta’ uffiċjali u aġenti, li jiġbru fihom “id-dokumenti kollha dwar l-istat amministrattiv [tagħhom] u r-rapporti kollha relatati ma’ l-abilita [tagħhom], l-effiċjenza [tagħhom] u l-kondotta [tagħhom]”, kif ukoll “kull kumment mill-[uffiċjali jew aġenti] dwar it-tali dokumenti”.

121    Madankollu, għandu jiġi osservat li, sa fejn huwa meħtieġ li r-rikorrent jeżerċita d-dritt tiegħu għal smigħ, il-kunfidenzjalità tad-dokumenti inkwistjoni ma tistax tiġi invokata kontra r-rikorrent, li, barra minn hekk, bħala s-superjur ġerarkiku tal-APA, huwa l-awtur ta’ wħud mid-dokumenti kkonċernati.

122    Issa, f’dan il-każ, billi bbaża ruħu fuq l-Artikolu 26 tar-Regolamenti tal-Persunal, il-Parlament, b’mod żbaljat, ma ħax inkunsiderazzjoni l-interess tar-rikorrent li jkollu aċċess għal ċertu dokumenti tal-fajl personali tal-APA sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu b’mod utli fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru li nfetħet kontrih.

iii) Fuq irraġuni partikolari marbuta malinformazzjoni miżmuma midDĠ “Sigurtà u Protezzjoni”

123    Fir-rigward tar-raġuni li tikkonċerna d-data dwar il-kard ta’ aċċess tal-APA, indikata fil-punt 106 iktar ’il fuq, ta’ min wieħed iżid ma’ dak li diġà ntqal li, għal raġunijiet simili għal dawk imfissra fil-punti 100 u 101 iktar ’il fuq, il-Parlament kellu jieħu l-miżuri meħtieġa sabiex id-DĠ “Sigurtà u Protezzjoni” jżomm din id-data matul perijodu ta’ iktar minn erba’ xhur, peress li t-tkeċċija tal-APA kienet wasslet għal proċedura ġudizzjarja u kienet infetħet proċedura ta’ rkupru tal-ispejjeż ta’ assistenza parlamentari fil-konfront tal-Membru li għalih il-Parlament kien impjega lil dan l-APA.

124    Għaldaqstant, ir-raġunijiet invokati mill-Parlament sabiex tiġi miċħuda t-talba tar-rikorrent dwar il-“fajl personali” tal-APA (id-dokumenti kollha marbuta mar-reklutaġġ u max-xogħol tiegħu), inkluż l-informazzjoni dwar in-numru ta’ drabi li l-protezzjoni tal-Parlament intalbet għal dan l-APA u d-data dwar il-preżenza tiegħu li tista’ tinġabar mill-kard ta’ aċċess tal-Parlament tiegħu, ma jistgħux jitqiesu li huma fondati.

3)      Fuq irraġunijiet invokati millParlament sabiex tiġi miċħuda ttalba tarrikorrent dwar il-fajl tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament (T59/17)

125    Fl-ittra tiegħu tat‑8 ta’ Jannar 2021, il-Parlament ċaħad it-talba tar-rikorrent dwar il-fajl tal-kawża li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament (T‑59/17, EU:T:2019:140), peress li kienet tmur kontra l-Artikolu 9 tar-Regolament 2018/1725 u l-APA kien, fil-kuntest tal-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali, ingħata l-anonimat.

126    Fir-rigward tar-raġuni dwar l-Artikolu 9 tar-Regolament 2018/1725, għandu jsir riferiment għall-punti 112 sa 118 iktar ’il fuq.

127    Fir-rigward tal-fatt li l-Qorti Ġenerali tat l-anonimat lill-APA fil-proċedura li wasslet għas-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament (T‑59/17, EU:T:2019:140), għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, l-anonimat huwa intiż li jħalli barra l-kunjom ta’ parti fil-kawża jew dak ta’ persuni oħra msemmija fil-kuntest tal-proċedura kkonċernata, jew saħansitra ta’ informazzjoni oħra fid-dokumenti relatati mal-kawża li l-pubbliku għandu aċċess għalihom.

128    Kuntrarjament, l-anonimat mogħti mill-Qorti Ġenerali ma jikkonċernax il-kunfidenzjalità ta’ provi miżmuma fil-fajl tal-imsemmija proċedura lil hinn minn din tal-aħħar, fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-partijiet u terzi.

129    Konsegwentement, id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali dwar l-anonimat ma żżommx lill-Parlament, għall-kuntrarju ta’ dak li sostna dan tal-aħħar fl-ittra tiegħu tat‑8 ta’ Jannar 2021, milli jgħaddi lir-rikorrent id-dokumenti skambjati fis-sentenza tas‑7 ta’ Marzu 2019, L vs Il-Parlament (T‑59/17, EU:T:2019:140), li setgħu kienu rilevanti sabiex ir-rikorrent jeżerċita d-dritt tiegħu għal smigħ.

c)      Konklużjoni

130    Fl-aħħar, għandu jitqies li, għar-raġunijiet li għadhom kif ġew esposti, il-motivi invokati mill-Parlament fl-ittra tiegħu tat‑8 ta’ Jannar 2021 ma kinux fondati jew suffiċjenti.

131    Billi l-Parlament naqas milli jiġġustifika kif xieraq ir-rifjut tiegħu li jittrażmetti lir-rikorrent id-dokumenti mitluba minnu, li permezz tagħhom seta’ jeżerċita b’mod utli u effettiv id-dritt tiegħu għal smigħ, iggarantit mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ rkupru tas-somom imħallsa bħala spejjeż ta’ assistenza parlamentari li nfetħet kontrih fit‑3 ta’ Settembru 2020, ma jistax jiġi eskluż li r-rikorrent ġie mċaħħad mill-opportunità li jiddefendi ruħu aħjar, u li dan affettwa, b’mod inevitabbli, il-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑16 ta’ Jannar 2019, Il-Kummissjoni vs United Parcel Service, C‑265/17 P, EU:C:2019:23, punt 56; tal‑4 ta’ April 2019, OZ vs BEI, C‑558/17 P, EU:C:2019:289, punti 77 u 78, u tal‑25 ta’ Ġunju 2020, HF vs Il-Parlament, C‑570/18 P, EU:C:2020:490, punt 73).

132    F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jintlaqa’, sa fejn huwa bbażat fuq ksur tad-dritt għal smigħ.

133    Konsegwentement, id-deċiżjoni kkontestata u n-nota ta’ debitu għandhom jiġu annullati sa fejn jikkonċernaw ir-remunerazzjonijiet, l-ispejjeż soċjali u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar relatati mal-impjieg tal-assistent parlamentari matul il-perijodu bejn it‑22 ta’ Mejju 2015 u l‑31 ta’ Marzu 2016, mingħajr ma huwa meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti l-oħra mressqa fil-kuntest tat-tieni motiv, it-tielet sal-ħames motiv, kif ukoll l-ammissibbiltà tal-prova li r-rikorrent ippreżenta fit‑22 ta’ Novembru 2022 u t-talba tiegħu dwar il-miżuri struttorji.

IV.    Fuq lispejjeż

134    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 137 tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

135    F’dan il-każ, għandu jiġi deċiż li, konformement mal-konklużjonijiet tar-rikorrent u fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet li wasslu l-Qorti Ġenerali tiddeċiedi li ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni, il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Ir-Raba’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament, sa fejn huwa intiż kontra, minn naħa, id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew tas16 ta’ Marzu 2021, li tistabbilixxi kreditu fil-konfront ta’ TC għal somma mħallsa indebitament bħala spejjeż ta’ assistenza parlamentari u li tordna l-irkupru ta’ din is-somma u, min-naħa l-oħra, in-nota ta’ debitu Nru 7010000523 tal31 ta’ Marzu 2021, sa fejn jikkonċernaw ir-remunerazzjonijiet, l-ispejjeż soċjali u l-ispejjeż tal-ivvjaġġar relatati mal-impjieg ta’ A matul il-perijodu bejn l1 ta’ April u t22 ta’ Novembru 2016, għal ammont ta’ EUR 28 083.67.

2)      Id-deċiżjoni tas-Segretarju Ġenerali tal-Parlament tas16 ta’ Marzu 2021, imsemmija iktar ’il fuq, u n-nota ta’ debitu Nru 7010000523 tal31 ta’ Marzu 2021, huma annullati sa fejn jordnaw l-irkupru mingħand TC tar-remunerazzjonijiet, tal-ispejjeż soċjali u tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar relatati mal-impjieg ta’ A matul il-perijodu bejn it22 ta’ Mejju 2015 u l31 ta’ Marzu 2016, għal ammont ta’ EUR 50 754.54.

3)      Il-Parlament Ewropew huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Gervasoni

Madise

Nihoul

Frendo

 

      Martín y Pérez de Nanclares

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fis‑7 ta’ Ġunju 2023.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Litwan.


1      Data kunfidenzjali ommessa.