Language of document :

Appell ippreżentat fit-8 ta’ April 2013 minn Luigi Marcuccio mid-digriet mogħti mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fit-28 ta’ Jannar 2013 fil-Kawża F-92/12 – Marcuccio vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-203/13 P)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Appellant: Luigi Marcuccio (Tricase, l-Italja) (rappreżentant: G. Cipressa, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

tannulla fl-intier tiegħu u mingħajr eċċezzjonijiet id-digriet ikkontestat;

tirrinvija l-kawża inkwistjoni quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.

Aggravji u argumenti prinċipali

Dan l-appell ġie ppreżentat kontra d-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-28 ta’ Jannar 2013, mogħti fil-Kawża F-92/12, Marcuccio vs Il-Kummissjoni, li caħad bħala manifestament inammissibbli rikors intiż għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li żżomm ammonti mill-allowance tal-invalidità għax-xhur ta’ Ottubru, Novembru u Diċembru 2011, kif ukoll għar-rimbors tas-somom miżmuma.

Fid-digriet ikkontestat, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku sostna li l-firma tar-rappreżentant tar-rikorrent fl-aħħar tad-dokument li ntbagħat bil-faks, fil-5 ta’ Settembru 2012, ma kinitx identika għal dik li tinsab fir-rikors li wasal bil-posta fit-13 ta’ Settembru 2012.Insostenn tal-appell tiegħu, l-appellant isostni li d-digriet ikkontestat huwa vvizzjat b’nuqqas assolut ta’ motivazzjoni, minħabba b’mod partikolari l-assenza ta’ istruttorja, in-natura perentorja, tawtoloġika u arbitrarja tiegħu, żnaturament u rappreżentazzjoni ħażina tal-fatti, kif ukoll żball ta’ liġi minħabba b’mod partikolari evalwazzjoni manifestatment żbaljata tal-fatti.