Language of document : ECLI:EU:C:2020:863

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)

28 ta’ Ottubru 2020 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Direttiva 2001/29/KE – Soċjetà tal-informazzjoni – Armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti tad-drittijiet tal-awtur u drittijiet relatati – Artikolu 3(1) – Komunikazzjoni lill-pubbliku – Kunċett ta’ ‘pubbliku’ – Trażmissjoni b’mod elettroniku lil qorti ta’ xogħol protett, bħala prova fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja”

Fil-Kawża C‑637/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l‑Artikolu 267 TFUE, imressqa mis-Svea hovrätt – Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja), permezz ta’ deċiżjoni tal-20 ta’ Awwissu 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-27 ta’ Awwissu 2019, fil-proċedura

BY

vs

CX,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),

komposta minn E. Regan, President tal-Awla, M. Ilešič (Relatur), E. Juhász, C. Lycourgos u I. Jarukaitis, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: G. Hogan,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Svediż, minn C. Meyer-Seitz u H. Eklinder, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn K. Simonsson u J. Samnadda, bħala aġenti,

wara li semgħet il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali, ippreżentati fis-seduta tat-3 ta’ Settembru 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 230).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jiddikjara li huwa d-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq ritratt, u l-konvenut fil-kawża prinċipali, utent ta’ dan ir-ritratt, dwar it-trażmissjoni, mill-konvenut fil-kawża prinċipali, bħala prova fil-kuntest ta’ proċedura kontra r-rikorrent fil-kawża prinċipali quddiem qorti ċivili, ta’ kopja ta’ paġna tas-sit internet ta’ dan tal-aħħar li tinkludi l-imsemmi ritratt.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt tal-Unjoni

3        Il-premessi 3, 9, 10 u 31 tad-Direttiva 2001/29 jgħidu:

“(3)      L-armonizzazzjoni proposta tgħin biex timplimenta l-erba’ libertajiet tas-suq intern u għandha x’taqsam mall-konformità mal-prinċipji fundamentali tal-liġi u speċjalment tal-proprjetà, inkluża proprjetà intellettwali, u libertà ta’ espressjoni u l-interess pubbliku.

[…]

(9)      Kull armonizzazzjoni tad-drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati għandha tkun bażata fuq livell għoli ta’ protezzjoni, għar-raġuni li dawn id-drittijiet huma kruċjali għall-kreazzjoni intellettwali. Il-protezzjoni tagħhom tgħinhom jiżguraw it-tkomplija u l-iżvilupp tal-kreattivita fl-interessi ta’ l-awturi, artisti, produtturi, konsumaturi, kultura, industrija u l-pubbliku in ġenerali. Proprjetà intellettwali ġiet għalhekk rikonoxxuta bħala parti integrali ta’ proprjetà.

(10)      Jekk awturi jew artisti għandhom ikomplu bix-xogħol kreattiv u artistiku tagħhom, huma għandhom jirċievu kumpens xieraq għall-użu tax-xogħol tagħhom, kif għandhom jirċievu produtturi sabiex ikunu jistgħu jiffinanzjaw xogħolhom. L-investiment meħtieġ biex jipproduċu prodotti bħal fonogrammi, films u prodotti ta’ multimedia, u servizzi bħal servizzi ‘fuq talba’, huwa konsiderevoli. Protezzjoni legali adegwata għal drittijiet ta’ proprjetà intellettwali hija meħtieġa sabiex tiggarantixxi d-disponibbiltà ta’ dan il-kumpens u tipprovdi l-opportunità għal profitti sodisfaċenti ta’ dan l-investiment.

[…]

(31)      Bilanċ ġust ta’ drittijiet u interessi bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet, kif ukoll bejn il-kategoriji differenti ta’ detenturi ta’ drittijiet u utentu ta’ materjal protett għandhom ikunu salvagwardati. L-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet eżistenti tad-drittijiet kif stipulati mill-Istati Membri għandhom ikunu stmati mill-ġdid fl-isfond ta’ l-ambjent elettroniku ġdid. […] Sabiex jiżguraw il-funzjonament sew tas-suq intern, dawn l-eċċezzjonijiet u limitazzjonijiet għandhom ikunu mfissra aktar armonjożament. Il-grad ta’ armonizzazzjoni tagħhom għandu jkun ibbażat fuq l-impatt tagħhom fuq il-funzjonament faċli tas-suq intern.”

4        L-Artikolu 3 ta’ din id-direttiva, intitolat “Id-dritt ta’ komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħolijiet u d-dritt li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku suġġett ieħor”, jgħid, fil-paragrafu 1tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi bid-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull komunikazzjoni lill-pubbliku tax-xogħolijiet tagħhom, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, inklużi li jagħmlu disponibbli lill-pubbliku x-xogħolijiet tagħhom b’mod li membri tal-pubbliku jistgħu jkollhom aċċess għalihom minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.”

5        L-Artikolu 4 tal-imsemmija direttiva, intitolat “Dritt ta’ Distribuzzjoni”, jipprevedi, fil-paragrafu 1tiegħu:

“L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-awturi, rigward l-oriġinal tax-xogħolijiet tagħhom jew tal-kopji tagħhom, id-dritt esklussiv li jawtorizzaw jew jipprojbixxu kull forma ta’ distribuzzjoni lill-pubbliku b’bejgħ jew mod ieħor.”

6        L-Artikolu 9 ta’ din id-direttiva, intitolat “Applikazzjoni kontinwa ta’ disposizzjonijiet legali oħra” jistipula:

“Din id-Direttiva għħ ndha tkun mingħajr preġudizzju għad-disposizzjonijiet dwar drittijiet ta’ privattivi partikolari, trade marks, drittijiet ta’ disinni, mudelli ta’ utilità, topografiji ta’ prodotti ta’ semikondutturi, type faces, aċċess kondizzjonat, aċċess għal cable ta’ servizzi tax-xandir, protezzjoni ta’ teżori nazzjonali, ħtiġiet ta’ depożiti legali, liġijiet dwar prattiċi restrittivi u kompetizzjoni inġusta, sigrieti professjonali, sigurtà, kunfidenzalità, protezzjoni u privatezza ta’ data, aċċess għal dokumenti pubbliċi, il-liġi tal-kuntratt.”

 Id-dritt Svediż

7        L-Artikolu 2 tal-lagen (1960:729) om upphovsrätt till litterära och konstnärliga verk (upphovsrättslagen) (il-Liġi (1960:729) dwar id-Drittijiet tal-Awtur f’Xogħlijiet Letterarji u Artistiċi, iktar ’il quddiem l-“URL”) jipprovdi li:

“Bla ħsara għal-limitazzjonijiet stabbiliti f’din il-liġi, id-drittijiet tal-awtur jinkludu d-dritt esklużiv li jiddisponi mix-xogħol billi jirriproduċih u billi jagħmlu disponibbli għall-pubbliku, kemm jekk fil-forma oriġinali tiegħu kif ukoll jekk f’forma modifikata, fi traduzzjoni, f’adattament b’forma letterarja jew artistika oħra jew b’teknika oħra.

Kwalunkwe riproduzzjoni ta’ xogħol diretta jew indiretta, temporanja jew permanenti, bi kwalunkwe mezz u fi kwalunkwe forma, totali jew parzjali, għandha tiġi kkunsidrata bħala riproduzzjoni.

Ix-xogħol isir disponibbli għall-pubbliku fil-każijiet li ġejjin:

1.      Meta x-xogħol ikun suġġett għal komunikazzjoni lill-pubbliku. Komunikazzjoni lill-pubbliku ssir meta x-xogħol isir disponibbli għall-pubbliku, bil-fili jew mezzi mingħajr fili, minn post differenti minn dak fejn il-pubbliku jista’ jgawdi dan ix-xogħol. Din tinkludi kull komunikazzjoni mwettqa b’tali mod li membri tal-pubbliku jistgħu jaċċessaw ix-xogħol minn post u f’ħin magħżul individwalment minnhom.

[…]

4.      Meta riproduzzjoni tax-xogħol hija offruta għall-bejgħ, għall-kiri jew għas-self, jew distribwita lill-pubbliku b’mod ieħor.

Kull komunikazzjoni jew prestazzjoni ta’ xogħol immirata lejn ċirku kbir magħluq, f’kuntest professjonali, għandha titqies bħala komunikazzjoni lill-pubbliku jew prestazzjoni pubblika, skont il-każ.”

8        L-Artikolu 49a tal-URL jistabbilixxi:

“L-awtur ta’ ritratt għandu d-dritt esklużiv li jirriproduċi dak ir-ritratt u li jagħmlu disponibbli għall-pubbliku. Id-dritt japplika indipendentement minn jekk l-istampa hijiex użata fil-forma oriġinali tagħha jew f’forma modifikata u irrispettivament mit-teknika użata.”

9        Skont it-tryckfrihetsförordningen (il-Liġi dwar il-Libertà tal-Istampa), il-promozzjoni tal-libertà tal-espressjoni u l-informazzjoni pluralistika tinvolvi d-dritt għal kulħadd li jkollu aċċess għal dokumenti pubbliċi. F’dan ir-rigward, din il-liġi tipprevedi li kull att proċedurali trażmess lil qorti, fi kwalunkwe forma, huwa dokument pubbliku. Isegwi li, bla ħsara għal informazzjoni ta’ natura kunfidenzjali, kull persuna tista’ titlob aċċess għal att proċedurali trażmess lil qorti.

 Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari

10      Ir-rikorrent u l-konvenut fil-kawża prinċipali huma persuni fiżiċi li, kull waħda minnhom, tiġġestixxi sit internet.

11      Fil-kuntest ta’ kawża quddiem il-qrati ċivili Svediżi, il-konvenut fil-kawża prinċipali bagħat lill-qorti adita, bħala prova, kopja ta’ paġna ta’ test li tinkludi ritratt, liema paġna kienet toriġina mis-sit internet tar-rikorrent fil-kawża prinċipali.

12      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali, li jiddikjara li huwa d-detentur tad-drittijiet tal-awtur fuq dan ir-ritratt, talab lill-konvenut fil-kawża prinċipali jiġi kkundannat iħallsu d-danni minħabba ksur tad-drittijiet tal-awtur kif ukoll għal ksur tal-protezzjoni speċjali mogħtija lir-ritratti, previsti rispettivament fl-Artikoli 2 u 49a tal-URL. Il-konvenut fil-kawża prinċipali jikkontesta kull obbligu ta’ kumpens.

13      Il-Qorti adita fl-ewwel istanza ddeċidiet li l-imsemmi ritratt kien protett taħt l-Artikolu 49a tal-URL. Din il-qorti kkonstatat li, peress li dan ir-ritratt kien ġie trażmess lil qorti fil-kuntest ta’ att proċedurali, kull persuna setgħet titlob li jiġi kkomunikat, b’applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet legali applikabbli. L-imsemmija qorti kkonkludiet li l-konvenut fil-kawża prinċipali kien għamel distribuzzjoni lill-pubbliku ta’ dan ir-ritratt, fis-sens tal-URL. Madankollu, hija kkunsidrat li ma kienx ġie stabbilit li r-rikorrent fil-kawża prinċipali kien ġarrab dannu u, għaldaqstant, hija ċaħdet it-talba tiegħu.

14      Ir-rikorrent fil-kawża prinċipali appella minn din is-sentenza quddiem is-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi, l-Isvezja), il-qorti tar-rinviju.

15      Din il-qorti tindika li hija għandha b’mod partikolari tiddeċiedi dwar il-kwistjoni jekk it-trażmissjoni ta’ kopja ta’ dan ir-ritratt lil qorti fil-kuntest ta’ att proċedurali tistax tikkostitwixxi tqegħid għad-dispożizzjoni mhux awtorizzat ta’ xogħol, fis-sens tad-drittijiet tal-awtur, bħala distribuzzjoni lill-pubbliku jew komunikazzjoni lill-pubbliku, peress li l-partijiet ippreċiżaw, fl-istadju tal-kawża pendenti quddiemha, li r-ritratt inkwistjoni kien ġie trażmess lill-qorti adita permezz ta’ posta elettronika, fil-forma ta’ kopja elettronika. Il-qorti tar-rinviju tistaqsi wkoll jekk qorti tistax titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pubbliku”.

16      F’dan ir-rigward, hija tirrileva li fid-dritt tal-Unjoni jeżistu inċertezzi rigward l-interpretazzjoni tal-kunċetti ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” u ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku”, fil-każ tat-trażmissjoni ta’ xogħol protett lil qorti fil-kuntest ta’ att proċedurali, b’mod partikolari dwar il-punt jekk, minn naħa, qorti tistax titqies li taqa’ taħt il-kunċett ta’ “pubbliku”, fis-sens tad-Direttiva 2001/29, u jekk, min-naħa l-oħra, it-terminu “pubbliku” għandux l-istess tifsira għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) u tal-Artikolu 4(1) ta’ din id-direttiva.

17      Barra minn hekk, għandu jiġi ddeterminat jekk, meta att proċedurali jiġi trażmess lil qorti, kemm jekk fil-forma ta’ dokument “fiżiku” jew ta’ dokument mehmuż ma’ posta elettronika, fejn din it-trażmissjoni tipproduċi l-istess effetti u għandha l-istess għanijiet fiż-żewġ każijiet, tali trażmissjoni tikkostitwixxix “komunikazzjoni lill-pubbliku” jew “distribuzzjoni lill-pubbliku”.

18      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Svea hovrätt, Patent- och marknadsöverdomstolen (il-Qorti tal-Appell sedenti fi Stokkolma bħala Qorti tal-Appell tal-Proprjetà Intellettwali u tal-Affarijiet Ekonomiċi), iddeċidiet li tissospendi l-proċeduri quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Il-kelma ‘pubbliku’ li tinsab fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva [2001/29] għandha tifsira uniformi?

2)      F’każ li l-ewwel domanda tingħata risposta affermattiva, qorti tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘pubbliku’ fis-sens ta’ dawn id-dispożizzjonijiet?

3)      F’każ li l-ewwel domanda tingħata risposta negattiva:

a)      f’każ ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol protett lil qorti, din tal-aħħar tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘pubbliku’?

b)      f’każ ta’ distribuzzjoni ta’ xogħol protett lil qorti, din tal-aħħar tista’ taqa’ taħt il-kunċett ta’ ‘pubbliku’?

4)      Il-fatt li d-dritt nazzjonali jipprevedi prinċipju ġenerali ta’ aċċess għad-dokumenti pubbliċi li skontu kull min iressaq talba jista’ jingħata aċċess għall-atti tal-proċedura trażmessi lil qorti, dment li dawn ma jkunux suġġetti għas-sigriet tal-kunfidenzjalità, jinċidi fuq l-evalwazzjoni dwar jekk it-trażmissjoni lil qorti ta’ xogħol protett tikkostitwixxix ‘komunikazzjoni lill-pubbliku’ jew ‘distribuzzjoni lill-pubbliku’?”

 Fuq id-domandi preliminari

19      Preliminarjament, għandu jiġi rrilevat li mit-talba għal deċiżjoni preliminari jirriżulta li r-ritratt inkwistjoni fil-kawża prinċipali ġie trażmess lill-qorti adita permezz ta’ posta elettronika, fil-forma ta’ kopja elettronika.

20      Issa, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-komunikazzjoni lill-pubbliku ta’ xogħol, minbarra d-distribuzzjoni ta’ kopji fiżiċi tiegħu, ma taqax taħt il-kunċett ta’ “distribuzzjoni lill-pubbliku”, imsemmi fl-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2001/29, iżda taħt dak ta’ “komunikazzjoni lill-poubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) ta’ din id-direttiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punti 45, 51 u 52).

21      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jitqies li, permezz tad-domandi tagħha, li għandhom jiġu eżaminati flimkien, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandux jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ikopri t-trażmissjoni b’mod elettroniku lil qorti, bħala prova fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja bejn individwi, ta’ xogħol protett.

22      F’dan ir-rigward, skont il-ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku” jassoċja żewġ elementi kumulattivi, jiġifieri att ta’ komunikazzjoni ta’ xogħol u l-komunikazzjoni ta’ dan tal-aħħar lil pubbliku (sentenzi tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 37, kif ukoll tad-19 ta’ Diċembru 2019, Nederlands Uitgeversverbond u Groep Algemene Uitgevers, C‑263/18, EU:C:2019:1111, punt 61 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

23      Kif jirriżulta wkoll minn din il-ġurisprudenza, l-ewwel nett, kull att li permezz tiegħu utent jagħti, b’għarfien sħiħ tal-konsegwenzi tal-aġir tiegħu, aċċess għal xogħlijiet protetti jista’ jikkostitwixxi att ta’ komunikazzjoni għall-finijiet tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 26).

24      Dan huwa l-każ tat-trażmissjoni b’mod elettroniku lil qorti, bħala prova fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja bejn individwi, ta’ xogħol protett.

25      Fit-tieni lok, sabiex jaqgħu taħt il-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29, jeħtieġ ukoll li x-xogħlijiet protetti jkunu effettivament ikkomunikati lil pubbliku (sentenza tal-14 ta’ Ġunju 2017, Stichting Brein, C‑610/15, EU:C:2017:456, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

26      F’dan ir-rigward, il-kunċett ta’ “pubbliku” jirreferi għal numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali u jimplika, barra minn hekk, numru pjuttost kbir ta’ persuni (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 84; tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 41, u tad-29 ta’ Novembru 2017, VCAST, C‑265/16, EU:C:2017:913, punt 45).

27      Fir-rigward tan-natura indeterminata tan-numru ta’ destinatarji potenzjali, il-Qorti tal-Ġustizzja enfasizzat li dan ifisser li xogħol jiġi pprovdut b’kull mod xieraq lil persuni b’mod ġenerali, b’kuntrast ma’ persuni speċifiċi li jappartjenu għal grupp privat (sentenzi tal-15 ta’ Marzu 2012, SCF, C‑135/10, EU:C:2012:140, punt 85, u tal-31 ta’ Mejju 2016, Reha Training, C‑117/15, EU:C:2016:379, punt 42).

28      F’dan il-każ, kif essenzjalment irrileva l-Avukat Ġenerali fil-punti 42 sa 44 tal-konklużjonijiet tiegħu, komunikazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali għandha titqies li tkopri grupp iddefinit b’mod ċar u magħluq ta’ persuni li għandhom funzjonijiet ta’ servizz pubbliku fi ħdan qorti, u mhux numru indeterminat ta’ destinatarji potenzjali.

29      Għalhekk, din il-komunikazzjoni ma saritx lil persuni b’mod ġenerali iżda lil professjonisti individwali u speċifiċi. F’dawn iċ-ċirkustanzi hemm lok li jitqies li t-trażmissjoni b’mod elettroniku ta’ xogħol protett lil qorti, bħala prova fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja bejn individwi, ma tistax tiġi kklassifikata bħala “komunikazzjoni lill-pubbliku”, fis-sens tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 (ara, b’analoġija, is-sentenza tad-19 ta’ Novembru 2015, SBS Belgium, C‑325/14, EU:C:2015:764, punti 23 u 24).

30      F’dan ir-rigward, l-eżistenza, fid-dritt nazzjonali, ta’ regoli dwar l-aċċess għal dokumenti pubbliċi hija irrilevanti. Fil-fatt, tali aċċess ma jingħatax mill-utent li jkun bagħat ix-xogħol lill-qorti, iżda minn din tal-aħħar lill-individwi li jitolbuh, abbażi ta’ obbligu u skont proċedura prevista mid-dritt nazzjonali dwar l-aċċess għal dokumenti pubbliċi, li d-dispożizzjonijiet tiegħu ma humiex affettwati mid-Direttiva 2001/29, kif jipprovdi espressament l-Artikolu 9 tagħha.

31      Għandu jiġi rrilevat li, kif jirriżulta mill-premessi 3 u 31 tad-Direttiva 2001/29, l-interpretazzjoni mogħtija fil-punt 29 ta’ din is-sentenza tippermetti li jinżamm, b’mod partikolari fl-ambjent elettroniku, bilanċ ġust bejn l-interess tad-detenturi ta’ drittijiet tal-awtur u ta’ drittijiet relatati fil-protezzjoni tad-dritt għall-proprjetà intellettwali tagħhom, li issa huwa sanċit fl-Artikolu 17(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar’ il quddiem il-“Karta”), u l-protezzjoni tal-interessi u tad-drittijiet fundamentali tal-utenti ta’ oġġetti protetti kif ukoll l-interess ġenerali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Pelham et, C‑476/17, EU:C:2019:624, punt 32 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

32      B’mod partikolari, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà kellha l-opportunità tfakkar li minn imkien ma jirriżulta, la mill-Artikolu 17(2) tal-Karta u lanqas mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, li d-dritt tal-proprjetà intellettwali sanċit f’din id-dispożizzjoni huwa intanġibbli u li l-protezzjoni tiegħu għandha għalhekk tiġi żgurata b’mod assolut, peress li dan id-dritt għandu jkun ibbilanċjat mad-drittijiet fundamentali l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad-29 ta’ Lulju 2019, Pelham et, C‑476/17, EU:C:2019:624, punti 33 u 34 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata), li fosthom jinsab id-dritt għal rimedju effettiv iggarantit fl-Artikolu 47 tal-Karta.

33      Issa, tali dritt jiġi serjament kompromess jekk detentur tad-drittijiet ikun f’pożizzjoni li jopponi l-komunikazzjoni ta’ provi lil qorti, għas-sempliċi raġuni li dawn il-provi jkun fihom suġġett protett mid-drittijiet tal-awtur.

34      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, ir-risposta għad-domandi magħmula għandha tkun li l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jkoprix it-trażmissjoni b’mod elettroniku lil qorti, bħala prova fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja bejn individwi, ta’ xogħol protett.

 Fuq l-ispejjeż

35      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

L-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2001/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2001 dwar l-armonizzazzjoni ta’ ċerti aspetti ta’ drittijiet ta’ l-awtur u drittijiet relatati fis-soċjetà ta’ l-informazzjoni, għandu jiġi interpretat fis-sens li l-kunċett ta’ “komunikazzjoni lill-pubbliku”, imsemmi f’din id-dispożizzjoni, ma jkoprix it-trażmissjoni b’mod elettroniku lil qorti, bħala prova fil-kuntest ta’ proċedura ġudizzjarja bejn individwi, ta’ xogħol protett.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Isvediż.