Language of document : ECLI:EU:F:2008:111

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (It-Tieni Awla)

11 ta’ Settembru 2008

Kawża F-121/06

David Spee

vs

L-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal tal-Europol – Remunerazzjoni – Artikoli 28 u 29 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol – Skali mogħtija fuq il-bażi tal-evalwazzjoni – Retroattività tar-regoli li għandhom jiġu applikati – Metodu ta’ kalkolu”

Suġġett: Rikors, ippreżentat skont l-Artikolu 40(3) tal-Konvenzjoni bbażata fuq l-Artikolu K.3 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, dwar l-istabbiliment ta’ Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Il-Konvenzjoni Europol) u tal-Artikolu 93(1) tar‑Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, li permezz tiegħu D. Spee jitlob l-annullament tad-deċiżjoni tad-Direttur tal-Europol, tal-5 ta’ Lulju 2006, li tiċħad l-ilment tiegħu dirett kontra d‑deċiżjoni tad-Direttur li jagħtih promozzjoni ta’ skala waħda biss, kif ukoll li l-Europol jiġi kkundannat jagħtih promozzjoni ta’ żewġ skali li tibda tgħodd mill-1 ta’ Novembru 2005.

Deċiżjoni: Ir-rikors huwa miċħud. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.

Sommarju

1.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Europol – Rikors – Kundizzjonijiet għall‑ammissibbiltà

(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91; Regolamenti tal-Persunal tal‑Europol, Artikoli 92(1) u (2), u 93)

2.      Uffiċjali – Membri tal-persunal tal-Europol – Avvanz fl-iskala kull sentejn

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 45; Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, Artikoli 28 u 29)

1.      Rikors ta’ membru tal-persunal tal-Europol kontra deċiżjoni tad-direttur tiegħu huwa ammissibbli biss jekk il-persuna kkonċernata tkun ressqet minn qabel ilment quddiem l-imsemmi direttur u jekk dan l-ilment kien is-suġġett ta’ ċaħda espliċita jew impliċita, kif prevsit mill-Artikoli 92 u 93 tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Europol, li huma fformulati bl-istess termini bħall-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal. Kull punt ta’ kontestazzjoni li ma tqajjimx fl-ilment amministrattiv imressaq qabel għandu jiġi miċħud bħala inammissibbli. L-imsemmi lment ma għandux jiġi kkunsidrat bħala ppreżentat meta jintbagħat lill-Europol iżda meta dan jirċivieh.

(ara l-punti 30, 31 u 55)

Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 26 ta’ Novembru 1981, Michel vs Il‑Parlament, 195/80, Ġabra p. 2861, punti 8 u 13; 17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, Ġabra p. 23, punt 7; 26 ta’ Jannar 1989, Koutchoumoff vs Il‑Kummissjoni, 224/87, Ġabra p. 99, punt 7; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 29 ta’ Marzu 1990, Alexandrakis vs Il‑Kummissjoni, T‑57/89, Ġabra p. II‑143, punti 8 u 9; 27 ta’ Novembru 1990, Kobor vs Il‑Kummissjoni, T‑7/90, Ġabra p. II‑721, punti 34 u 35; 28 ta’ Mejju 1997, Burban vs Il‑Parlament, T‑59/96, ĠabraSP p. I‑A‑109 u II‑331, punti 31 u 33; It-Tribunal għas-Servizz Pubbliku 15 ta’ Mejju 2006, Schmit vs Il‑Kummissjoni, F‑3/05, ĠabraSP p. I‑A‑1‑19 u II‑A‑1‑33, punt 28; 17 ta’ Lulju 2007, Hartwig vs Il‑Parlament u Il‑Kummissjoni, F‑141/06, Ġabra p. I‑0000, punt 28

2.      Is-sistema ta’ determinazzjoni tal-gradi u tal-iskali implementata fi ħdan il-Europol tipprovdi żewġ proċeduri distinti li s-sistema ġuridika applikabbli għalihom hija differenti: minn naħa, il-proċedura ta’ evalwazzjoni, li ssir skont l-Artikolu 28 tar-Regolamenti tal‑Persunal tal-Europol, u, min-naħa l-oħra, il-progress fl‑iskali, previst mill-Artikolu 29 tal-istess regolamenti, li huwa simili għall‑promozzjoni fis-sens tal-Artikolu 45 tar-Regolamenti tal-Persunal. Ma hemm ebda regola li timponi li l‑progress fl-iskali għandu jkun irregolat mir-regoli ta’ evalwazzjoni applikabbli fiż-żmien li fih saret il-proċedura ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, f’sitwazzjoni fejn emenda tad-dispożizzjonijiet interni tal-Europol dwar il-progress fl-iskali sseħħ wara l-proċedura ta’ evalwazzjoni, il-kuntest ġuridiku rilevanti sabiex tingħata deċiżjoni ta’ progress fl-iskali huwa, fin-nuqqas ta’ dispożizzjoni tranżitorja, ikkostitwit mid-dispożizzjonijiet interni fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

(ara l-punti 40, 44 u 46)

Referenza: Il-Qorti tal-Prim’Istanza 22 ta’ Marzu 2006, Mausolf vs Europol, T‑209/02 u T‑210/04, ĠabraSP p. I‑A‑2‑79 u II‑A‑2‑335, punti 63 u 64