Language of document : ECLI:EU:T:2019:749

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

16 ta’ Ottubru 2019 (*)

“Servizz pubbliku – Membri tal-persunal temporanju – Pensjonijiet – Modalitajiet tal-iskema tal-pensjoni – Allowance għall-firda – Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal – Prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni – Aspettattivi leġittimi – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Dmir ta’ premura”

Fil-Kawża T‑432/18,

Peeter Palo, ex membru tal-persunal temporanju tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol), residenti f’Tallinn (l-Estonja), irrappreżentat minn L. Levi u A. Blot, avukati,

rikorrent,

vs

IlKummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Mongin u D. Milanowska, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 270 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑5 ta’ Ottubru 2017 li ma tagħtix lir-rikorrent l-allowance għall-firda prevista fl-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament (UE) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126), u għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal‑10 ta’ April 2018 li tiċħad l-ilment imressaq mir-rikorrent kontra l-imsemmija deċiżjoni u, min-naħa l-oħra, għall-kumpens għad-dannu materjali u morali li r-rikorrent allegatament ġarrab b’riżultat ta’ dawn id-deċiżjonijiet,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn F. Schalin, li qiegħed jaġixxi bħala President, B. Berke u M. J. Costeira (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur: P. Cullen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas‑6 ta’ Mejju 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Peeter Palo, kien membru tal-persunal temporanju tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) mill‑1 ta’ Diċembru 2010 sal‑31 ta’ Awwissu 2017.

2        Fid‑19 ta’ Ġunju 2017, ir-rikorrent talab l-għoti ta’ allowance għall-firda, skont l-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea, fil-verżjoni tagħhom li tirriżulta mir-Regolament (UE) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat‑22 ta’ Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2013, L 287, p. 15, rettifika fil-ĠU 2015, L 175, p. 126, iktar ’il quddiem ir-“Regolamenti tal-Persunal”). Għal dan il-għan, huwa ppreżenta formola, bit-titolu “Dikjarazzjoni Personali – Deroga skont l-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII [tar-Regolamenti tal-Persunal]”, li fiha, minn naħa, huwa ddikjara li kien wettaq, sa mid-dħul fil-kariga tiegħu mal-Europol, ħlasijiet għall-istabbiliment jew għaż-żamma tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni lil skema tal-assigurazzjoni privata, u min-naħa l-oħra, talab li l-ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba mill-iskema tal-pensjoni tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem l-“IPIUE”) titħallaslu direttament fil-kont bankarju tiegħu. Ir-rikorrent annetta ma’ din il-formola dikjarazzjoni maħruġa mill-kumpannija tal-assigurazzjoni privata kkonċernata li tiċċertifika li huwa kien ħallasha l-ammont ta’ EUR 14 200 għall-perijodu mill‑1 ta’ Novembru 2010 sal‑31 ta’ Awwissu 2017. Fid‑19 ta’ Settembru 2017, ir-rikorrent indika lill-Uffiċċju “Ġestjoni u Likwidazzjoni tad-Drittijiet Individwali” (PMO) tal-Kummissjoni Ewropea li, fl‑1 ta’ Diċembru 2014, huwa kien ikkonkluda kuntratt ta’ assigurazzjoni ieħor mal-imsemmija kumpannija li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet tiegħu kellu jammonta għal EUR 87 460.

3        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑5 ta’ Ottubru 2017, il-PMO ċaħad it-talba mressqa mir-rikorrent (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”). F’din id-deċiżjoni, il-PMO, b’mod partikolari, indika li l-għan tas-sistema stabbilita fl-Artikolu 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kien li jiġi pprivileġġat l-istabbiliment ta’ pensjoni, bħala dħul futur regolari, u li jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom persuni jsibu ruħhom mingħajr dħul suffiċjenti fl-età tal-irtirar u jkollhom jirrikorru għall-għajnuna soċjali tal-Istati Membri. Barra minn hekk, il-PMO ppreċiża li, minn din il-perspettiva, il-ħlasijiet lil skema tal-pensjoni nazzjonali jew lil assigurazzjoni privata mwettqa, skont l-Artikolu 12(2) ta’ dan l-anness, “sabiex ikunu stabbiliti jew jinżammu jeddijiethom għal pensjoni”, kellhom jikkorrispondu għall-ammont tal-kontribuzzjonijiet li għandhom jitħallsu li kien hemm lok li jiġu mistennija fil-kuntest ta’ skema tal-pensjoni nazzjonali jew li kienu effettivament tħallsu lill-IPIUE matul l-istess perijodu, b’tali mod li d-dħul futur iggarantit minn dawn il-ħlasijiet kellu jkun konsistenti ma’ dak iggarantit mit-trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni miksuba fl-IPIUE. F’dan ir-rigward, il-PMO enfasizza li l-ammont tal-ħlasijiet imwettqa lil skema tal-assigurazzjoni privata (EUR 14 200) manifestament ma kienx konsistenti mal-ammont tal-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-IPIUE (EUR 65 334.95), b’tali mod li dan ma seta’, fl-ebda każ, jipprovdi lir-rikorrent dħul ekwivalenti għal dak li huwa seta’ jirċievi fuq il-bażi tal-ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba fl-IPIUE. Fl-aħħar nett, il-PMO fakkar li r-rikorrent kien madankollu jissodisfa r-rekwiżiti għal trasferiment lejn skema oħra, skont l-Artikolu 12(1)(b) tal-imsemmi anness, fatt li kien jimplika li d-drittijiet għall-pensjoni li huwa kien kiseb mal-Unjoni matul il-perijodu ta’ attività tiegħu fi ħdan l-Europol jiġu ttrasferiti lil skema tal-pensjoni nazzjonali jew lil assigurazzjoni privata jew lil fond tal-pensjoni tal-għażla tiegħu, skont ir-rekwiżiti ta’ din l-aħħar dispożizzjoni.

4        Fil‑11 ta’ Diċembru 2017, ir-rikorrent ressaq ilment kontra din id-deċiżjoni, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal.

5        Permezz ta’ deċiżjoni tal‑10 ta’ April 2018, l-awtorità li għandha s-setgħa tikkonkludi kuntratti ta’ ingaġġ (iktar ’il quddiem l-“ASTK”) tal-Kummissjoni ċaħdet dan l-ilment. F’din id-deċiżjoni, l-ASTK, essenzjalment, ikkonfermat id-deċiżjoni kkontestata, filwaqt li essenzjalment adottat l-istess motivazzjoni bħal dik mogħtija mill-PMO. Barra minn hekk, l-ASTK qieset li t-tieni kuntratt ta’ assigurazzjoni konkluż, fl‑1 ta’ Diċembru 2014, mir-rikorrent ma setax jittieħed inkunsiderazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li dan ma kienx ġie sottoskritt sa minn “wara li […] b[e]d[a] id-dmirijiet t[ie]għ[u]” mal-Europol. Fl-aħħar nett, l-ASTK ċaħdet l-allegazzjonijiet tar-rikorrent ibbażati fuq il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, fuq il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u fuq il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

6        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑13 ta’ Lulju 2018, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

7        Ir-risposta tal-Kummissjoni ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Ottubru 2018.

8        Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tannulla d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-dannu materjali mġarrab;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-dannu morali mġarrab;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

9        Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Fuq it-talbiet għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata

10      Preliminarjament, hemm lok li jiġi nnotat li r-rikorrent qiegħed jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u tad-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment. F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, talbiet għal annullament formalment diretti kontra d-deċiżjoni ta’ ċaħda ta’ lment għandhom l-effett, fil-każ li din id-deċiżjoni tkun nieqsa minn kontenut awtonomu, li jadixxu lill-Qorti Ġenerali bl-att li kontrih ikun tressaq l-ilment (sentenza tas‑17 ta’ Jannar 1989, Vainker vs Il‑Parlament, 293/87, EU:C:1989:8, punt 8). F’dan il-każ, peress li d-deċiżjoni ta’ ċaħda tal-ilment hija nieqsa minn kontenut awtonomu, ir-rikors għandu jitqies bħala ppreżentat kontra d-deċiżjoni kkontestata.

11      Insostenn tat-talbiet tiegħu għal annullament imressqa kontra d-deċiżjoni kkontestata, ir-rikorrent iressaq erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. It-tieni motiv jirrigwarda ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. It-tielet motiv jirrigwarda ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Ir-raba’ motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal

12      Ir-rikorrent isostni li huwa seta’ jibbaża ruħu fuq l-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, peress li huwa kien jissodisfa r-rewkiżiti kollha ta’ applikazzjoni stabbiliti fih. Minn dan isegwi li, billi tirrifjuta fir-rigward tiegħu l-allowance għall-firda mitluba, id-deċiżjoni kkontestata tikser din id-dispożizzjoni.

13      B’mod partikolari, ir-rikorrent jikkontesta l-“kriterju tal-konsistenza” invokat mill-Kummissjoni, li abbażi tiegħu l-kopertura prevista mill-iskema tal-pensjoni diġà eżistenti għandha tkun tal-inqas paragunabbli ma’ dik offruta mill-IPIUE. Dan il-kriterju bl-ebda mod ma jirriżulta mill-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, fatt li ġie kkonfermat mid-Direttur Eżekuttiv tal-Europol f’ittra tas‑26 ta’ Frar 2018 indirizzata, b’mod partikolari, lid-Direttur Ġenerali tad-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Riżorsi Umani u Sigurtà” tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, l-imsemmi kriterju bl-ebda mod ma ġie ppreċiżat jew ikkwantifikat mill-Kummissjoni, fatt li jipprekludi li dan jiġi osservat.

14      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni li, anki jekk jiġi aċċettat li l-“kriterju tal-konsistenza” jista’ jiġi dedott mill-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal u li interpretazzjoni teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni teżiġi li l-kontribuzzjonijiet imħallsa lil skema tal-pensjoni privata jkunu “konsistenti” ma’ dawk imħallsa lill-IPIUE “għall-istabbiliment jew għaż-żamma tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni”, fatt li ma huwiex il-każ, id-deċiżjoni kkontestata ma tindikax x’għandu jkun dan il-livell ta’ konsistenza, bi ksur tar-rekwiżiti ta’ ċertezza legali. F’dan ir-rigward, “konsistenti” ma jfissirx “ekwivalenti”. Konsegwentement, hemm lok li jitqies li l-kontribuzzjonijiet imħallsa mir-rikorrent lil skema tal-assigurazzjoni privata huma konsistenti.

15      Skont ir-rikorrent, din il-konklużjoni tapplika iktar u iktar peress li, fl‑2014, huwa kien ikkonkluda kuntratt ieħor ta’ assigurazzjoni mal-istess kumpannija tal-assigurazzjoni privata li l-ammont tal-kontribuzzjonijiet relatati miegħu kien jammonta għal EUR 87 460. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jilmenta li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni dan it-tieni kuntratt għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, minħabba li dan ma kienx ġie konkluż sa minn “wara li […] b[e]d[a] id-dmirijiet t[ie]għ[u]”. Issa, ir-rikorrent jikkontesta din l-interpretazzjoni u jsostni li l-espressjoni sa minn “wara li […] b[e]d[a] id-dmirijiet t[ie]għ[u]” ma tfissirx neċessarjament li l-ħlas għandu jseħħ “mid-data tad-dħul fil-kariga”, iżda li dan tal-aħħar jista’ jseħħ wara dan id-dħul fil-kariga. Ir-rikorrent iqis li l-ħlas doppju tiegħu ta’ kontribuzzjonijiet imwettaq lill-istess skema tal-assigurazzjoni privata tal-imsemmija kumpannija, għal ammont totali ta’ kontribuzzjonijiet imħallsa ta’ EUR 101 660, kellu jittieħed inkunsiderazzjoni fit-totalità tiegħu mill-Kummissjoni, b’tali mod li dawn il-kontribuzzjonijiet kien imisshom tqiesu bħala “tal-inqas paragunabbli” għal dawk tal-IPIUE.

16      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent u titlob li l-ewwel motiv jiġi miċħud.

17      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Artikolu 11(1) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jipprovdi:

“Uffiċjal li jitlaq mis-servizz tal-Unjoni biex:

–        jidħol fis-servizz ta’ amministrazzjoni tal-gvern jew organizzazzjoni nazzjonali jew internazzjonali li kkonkludiet ftehim mal-Unjoni;

–        biex isegwi attività f’kapaċità ta’ impjegat jhew għal rasu, li bis-saħħa tagħha jakkwista d-drittijiet għal pensjoni taħt skema li l-korpi amministrattivi tagħha kkonkludew ftehim mal-Unjoni;

għandu jkun intitolat li jkollu l-ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet għall-pensjoni ta’ l-irtirar aġġornati sad-data attwali tat-trasferiment tiegħu fl-Unjoni ttrasferiti għal ġol-fond tal-pensjoni ta’ dik l-organizzazzjoni jew għal ġol-fond tal-pensjoni li fiha jakkwista d-drittijiet għal pensjoni ta’ l-irtirar bis-saħħa ta’ l-attività segwita f’kapaċità ta’ impjegat jew ta’ għal rasu.”

18      L-Artikolu 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal huwa fformulat kif ġej:

“1. Uffiċjal li jkollu anqas mill-età pensjonabbli u li s-servizz tiegħu jintemm b’mod ieħor għajr bil-mewt jew bl-invalidità u li ma jkunx intitolat għal pensjoni immedjata jew differita tal-irtirar, ikun intitolat hekk kif jitlaq mis-servizz:

(a)      meta jkun ħadem anqas minn servizz ta’ sena waħda u ma jkunx għamel użu mill-arranġament ikkontemplat fl-Artikolu 11(2) [tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal], għal pagament ta’ għotja tal-firda li tkun daqs tliet darbiet l-ammont miżmum mis-salarju bażiku tiegħu dwar il-kontribuzzjonijiet tal-pensjoni tiegħu, wara t-tnaqqis ta’ xi ammonti mħallsa skont l-Artikoli 42 u 112 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra;

(b)      f’każijiet oħra, għall-benefiċċji li hemm dispost dwarhom fl-Artikolu 11(1) [tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal] jew għall-pagament tal-ekwivalenza attwarjali ta’ tali benefiċċi lil kumpanija privata tal-assigurazzjoni, jew il-fond tal-pensjoni tal-għażla tiegħu, bil-kondizzjoni li dik it-tali kumpanija jew fond jiggarantixxu li:

(i)      il-kapital ma jitħallasx lura;

(ii)      dħul kull xahar jitħallas mill-anqas mill-età ta’ 60 sena u mhux aktar tard mill-età ta’ 66 sena;

(iii)      ikunu inklużi dispożizzjonijiet għar-riverżjoni jew għall-pensjoni tas-superstiti;

(iv)      it-trasferiment għal kumpanija oħra tal-assigurazzjoni jew għal fond ieħor ikun awtorizzat biss jekk tali fond ikun jissodisfa l-kondizzjonijiet preskritti fil-punti (i), (ii), u (iii).

2.      Bħala ta’ deroga mill-[paragrafu 1(b)], l-uffiċjali li ma jkollhomx l-età pensjonabbli u li, wara li jkunu bdew id-dmirijiet tagħhom, sabiex ikunu stabbiliti jew jinżammu d-drittijiet għall-pensjoni, ikunu kkontribwixxew fi skema nazzjonali tal-pensjoni, skema privata tal-assigurazzjoni, jew fond tal-pensjoni tal-għażla tagħhom, li jkunu jissodisfaw ir-rekwiżiti elenkati fil-paragrafu 1, u li s-servizz tagħhom ikun intemm minħabba f’raġunijiet li ma jkunux il-mewt jew l-invalidità, mingħajr ma jikkwalifikaw għal pensjoni immedjata jew differita tal-irtirar, ikunu intitolati, malli jitilqu mis-servizz, għal għotja tal-firda li tkun daqs il-valur attwarjali ta’ jeddijiethom għal pensjoni li jkunu akkwistaw matul is-servizz fl-istituzzjonijiet. F’dawk il-każijiet, il-pagamenti li jkunu saru sabiex ikunu stabbiliti jew jinżammu jeddijiethom għal pensjoni skont skema nazzjonali tal-pensjoni, fl-applikazzjoni tal-Artikolu 42 jew tal-Artikolu 112 tal-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra, jitnaqqsu mill-għotja tal-firda.

[…]”

19      Għandu jiġi rrilevat li dawn id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal ġew emendati waqt ir-riforma tar-Regolamenti tal-Persunal tal‑2004. Fil-fatt, permezz tal-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE, EURATOM) Nru 723/2004 tat‑22 ta’ Marzu 2004 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal ta’ l-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej u l-Kondizzjonijiet ta’ l-Impjieg ta’ ħaddiema oħra tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 2, p. 130, rettifiki fil-ĠU 2016, L 289, p. 21, fil-ĠU 2012, L 342, p. 48, fil-ĠU 2012, L 130, p. 24 u fil-ĠU 2007, L 248, p. 26), il-leġiżlatur tal-Unjoni b’mod partikolari ried, hekk kif jirriżulta mill-premessa 32 ta’ dan ir-regolament, “[jemenda i]r-regoli għall-għotja tal-firda […] biex jikkunsidraw ir-regoli tal-[Unjoni] dwar il-portabilità tad-drittijiet għall-pensjoni [u, għal dan il-għan,] [... jirranġa] numru ta’ inkonsistenzi u [jintroduċi] flessibilità akbar”.

20      L-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal saru l-espressjoni ta’ din ir-rieda tal-leġiżlatur tal-Unjoni. Dan tal-aħħar b’hekk illimita l-każijiet li fihom il-membri tal-persunal li ma għandhomx dritt għal pensjoni tal-irtirar tal-IPIUE, jiġifieri dawk li ma wettqux mill-inqas għaxar snin ta’ servizz, setgħu jirċievu allowance għall-firda u estenda l-possibbiltà ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni lejn skema tal-pensjoni oħra. Fil-fatt, minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li t-trasferibbiltà tad-drittijiet għall-pensjoni kienet ġiet stabbilita bħala r-regola u l-allowance għall-firda saret mekkaniżmu derogatorju u eċċezzjonali li fir-rigward tiegħu japplikaw kundizzjonijiet stretti.

21      L-għan ta’ din is-sistema li tippromwovi t-trasferibbiltà tad-drittijiet għall-pensjoni, stabbilita fl-Artikoli 11 u 12 tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa li jiġi pprivileġġat l-istabbiliment ta’ pensjoni tal-irtirar, jiġifieri dħul regolari jew pensjoni ta’ kull xahar li għandha tiġi rċevuta sussegwentement waqt l-irtirar. B’hekk dan jevita sitwazzjonijiet li fihom ex membri tal-persunal isibu ruħhom mingħajr dħul suffiċjenti fl-età tal-irtirar u ma jkollhomx għażla oħra ħlief li jirrikorru għall-għajnuna soċjali tal-Istati Membri, u dan minkejja l-fatt li huma kisbu drittijiet għall-pensjoni matul l-affiljazzjoni tagħhom mal-iskema tal-pensjoni kkonċernata.

22      Barra minn hekk, is-sistema ta’ trasferiment tad-drittijiet għall-pensjoni, hekk kif prevista fid-dispożizzjonijiet imsemmija iktar ’il fuq, billi tippermetti koordinazzjoni bejn l-IPIUE u l-iskemi nazzjonali jew privati, hija intiża li tiffaċilita t-tranżizzjoni minn impjieg fi ħdan l-amministrazzjoni tal-Unjoni għal impjieg nazzjonali, pubbliku jew privat (ara f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Ottubru 2015, Il‑Kummissjoni vs Verile u Gjergji, T‑104/14 P, EU:T:2015:776, punt 77 u l-ġurisprudenza ċċitata). Bl-istess mod, sabiex tinżamm l-attrattività tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni bħala persuna futura li timpjega, l-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal joffri lil membru tal-persunal, b’deroga mill-Artikolu 12(1)(b) ta’ dan l-anness, u taħt ċerti kundizzjonijiet stretti, il-possibbiltà li jikseb jew li jkompli jikseb drittijiet mingħand skema oħra tal-pensjoni nazzjonali jew privata eżistenti jew preeżistenti, jiġifieri billi jaffilja ruħu jew jibqa’ affiljat ma’ tali skema u billi jħallas jew ikompli jħallas kontribuzzjonijiet lilha, filwaqt li jippermettilu, meta tintemm il-kariga tiegħu, jirċievi l-ħlas, fi flus kontanti, ta’ allowance għall-firda ugwali għall-ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba fl-IPIUE.

23      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-allowance għall-firda, imsemmija fl-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, ma tikkostitwixxix allowance għat-tmiem tal-impjieg li l-membru tal-persunal ikollu dritt għaliha, ex officio, fil-mument tax-xoljiment jew tal-iskadenza tal-kuntratt tiegħu, iżda miżura pekunjarja li taqa’ fil-kuntest ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal fil-qasam tas-sigurtà soċjali (sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2016, FX vs Il‑Kummissjoni, F‑59/15, EU:F:2016:27, punt 32). Peress li din id-dispożizzjoni taqa’ taħt id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni li jagħtu dritt għal benefiċċji finanzjarji, din għandha tiġi interpretata b’mod strett (ara s-sentenza tat‑22 ta’ Mejju 2012, AU vs Il‑Kummissjoni, F‑109/10, EU:F:2012:66, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, hekk kif jirriżulta mill-kliem stess tal-imsemmija dispożizzjoni, li abbażi tagħha din tal-aħħar tapplika “[b]ħala […] deroga” mill-Artikolu 12(1)(b) ta’ dan l-anness, din għandha tiġi interpretata b’mod strett.

24      Mill-kliem tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li l-ħlasijiet lill-iskema tal-pensjoni nazzjonali jew privata magħżula mill-membru tal-persunal għandhom jitwettqu “sabiex ikunu stabbiliti jew jinżammu jeddijiethom għal pensjoni”. Għalhekk, din id-dispożizzjoni teżiġi, sabiex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom membru tal-persunal isib ruħu mingħajr dħul suffiċjenti fl-età tal-irtirar u ma jkollux għażla oħra ħlief li jirrikorri għall-għajnuna soċjali tal-Istati Membri, minkejja l-kisba ta’ drittijiet fi ħdan l-IPIUE li jistgħu jiġu ttrasferiti lejn skema oħra, li dawn il-ħlasijiet jiggarantixxu lill-membru tal-persunal pensjoni tal-irtirar, jiġifieri pensjoni ta’ kull xahar li huwa jirċievi fl-età tal-irtirar.

25      Minn dan isegwi li interpretazzjoni stretta tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal teżiġi li l-ħlasijiet imwettqa lill-iskema tal-pensjoni nazzjonali jew privata magħżula mill-membru tal-persunal għandhom ikunu jistgħu jiżgurawlu, bħala tali, drittijiet għall-pensjoni suffiċjenti fl-età tal-irtirar. Fil-fatt, jekk dawn il-ħlasijiet ma kinux ta’ natura li jiggarantixxu dħul suffiċjenti lill-membru tal-persunal ikkonċernat fl-età tal-irtirar tiegħu u dan tal-aħħar kien nefaq f’din l-età l-allowance għall-firda rċevuta preċedentement abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, huwa probabbilment ma jkollux għażla oħra ħlief li jirrikorri għall-għajnuna soċjali tal-Istati Membri, fatt li jkun imur kontra l-imsemmija dispożizzjoni, li teħtieġ li l-imsemmija ħlasijiet għandhom jitwettqu “sabiex ikunu stabbiliti jew jinżammu jeddijiethom għal pensjoni”.

26      Issa, jekk il-membru tal-persunal ikkonċernat jagħżel it-trasferiment tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba fl-IPIUE lejn skema oħra nazzjonali jew privata tal-għażla tiegħu, skont l-Artikolu 12(1)(b) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, huwa jibbenefika minn drittijiet għall-pensjoni suffiċjenti fl-età tal-irtirar. Fil-fatt, dan it-trasferiment jiggarantixxilu f’din l-età pensjoni ta’ kull xahar ta’ natura li jiġi evitat li jkollu jirrikorri għall-għajnuna soċjali tal-Istati Membri.

27      Għaldaqstant, l-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal jippreżumi neċessarjament li l-ħlasijiet imwettqa, skont din id-dispożizzjoni, lill-iskema tal-pensjoni nazzjonali jew privata kkonċernata joffru, bħala tali, lill-membru tal-persunal kopertura suffiċjenti fl-età tal-irtirar, li tiżguralu pensjoni tal-irtirar li teskludi kull rikors għall-għajnuna soċjali tal-Istati Membri.

28      Sabiex jiġi ddeterminat jekk dawn il-ħlasijiet, skont l-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, humiex tali li jiggarantixxu pensjoni tal-irtirar li teskludi kull rikors għall-għajnuna soċjali tal-Istati Membri, għandha ssir evalwazzjoni każ b’każ. Din l-evalwazzjoni timplika li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi ta’ fatt rilevanti speċifiċi għall-każ inkwistjoni bħalma huma, b’mod partikolari, in-natura tal-assigurazzjoni għall-pensjoni inkwistjoni, l-ammont tal-ħlasijiet imwettqa għal dan il-għan mill-membru tal-persunal ikkonċernat sa mid-dħul fil-kariga tiegħu jew id-dħul raġonevolment prevedibbli li jista’ jiġi ġġenerat minn dawn il-ħlasijiet u li jista’ jiġi rċevut fl-età tal-irtirar.

29      F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li l-ħlasijiet imwettqa mir-rikorrent lill-kumpannija tal-assigurazzjoni privata kkonċernata, sa mid-dħul fil-kariga tiegħu mal-Europol, kienu jammontaw għal total ta’ EUR 14 200 fil‑31 ta’ Awwissu 2017, jiġifieri fid-data tat-tmiem tal-kariga tiegħu. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, hekk kif ġie indikat mir-rikorrent waqt is-seduta, mingħajr madankollu ma sostna din l-indikazzjoni permezz ta’ ebda prova, dan l-ammont kien jirrappreżenta, fid-data ta’ din is-seduta, kapital ta’ EUR 22 000, li miegħu għandhom progressivament jiżdiedu l-interessi ġġenerati minn dan il-kapital, tal-inqas, sal-età li minnha r-rikorrent jirċievi pensjoni ta’ kull xahar fis-sens tal-Artikolu 12(1)(b) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri, l-iktar kmieni, fi żmien għaxar snin.

30      Issa, fid-dawl tal-elementi tal-proċess u, b’mod partikolari, ta’ dawk imsemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-ħlasijiet imwettqa mir-rikorrent lill-kumpannija tal-assigurazzjoni privata kkonċernata sa mid-dħul fil-kariga tiegħu manifestament ma humiex adegwati sabiex tiġi żgurata fir-rigward tiegħu pensjoni tal-irtirar sodisfaċenti li teskludi kull rikors għall-għajnuna soċjali tal-Istati Membri. Fil-fatt, l-ammont totali ta’ EUR 14 200 imħallas mir-rikorrent fil-kuntest tal-ewwel kuntratt konkluż mal-imsemmija kumpannija ċertament ma jistax jiżguralu tali pensjoni tal-irtirar. Fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent ma weriex li l-imsemmija ħlasijiet jiggarantixxulu l-imsemmija pensjoni tal-irtirar.

31      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent li l-Kummissjoni kien imissha ħadet inkunsiderazzjoni t-tieni kuntratt konkluż, fl‑2014, mal-kumpannija tal-assigurazzjoni għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, għandu jiġi rrilevat li din id-dispożizzjoni teżiġi espressament li l-ħlasijiet ikkonċernati jitwettqu mill-membru tal-persunal sa minn “wara li […] b[e]d[a] id-dmirijiet t[ie]għ[u]”. Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent daħal fil-kariga mal-Europol fl‑1 ta’ Diċembru 2010 u li l-ħlasijiet marbuta ma’ dan it-tieni kuntratt twettqu minn Diċembru 2014, jiġifieri kważi erba’ snin wara dan id-dħul fil-kariga fuq perijodu ta’ attività totali fi ħdan l-Europol ta’ sitt snin u disa’ xhur. Konsegwentement, dawn il-ħlasijiet ma jistgħu bl-ebda mod jitqiesu li saru sa minn “wara li […] b[e]d[a] id-dmirijiet t[ie]għ[u]”.

32      Għaldaqstant, mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li, billi rrifjutat fir-rigward tar-rikorrent l-allowance għall-firda mitluba, id-deċiżjoni kkontestata ma kisritx l-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Għalhekk, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni

33      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni. Huwa jinvoka l-ġurisprudenza stabbilita tal-Unjoni f’dan ir-rigward kif ukoll l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal, li jinkludi, minn naħa, regola sostantiva, li hija l-espressjoni ta’ prinċipju ġenerali tad-dritt stabbilit fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u, min-naħa l-oħra, garanzija proċedurali li tipprevedi li l-obbligu li tiġi prodotta l-prova ma jaqax fuq il-persuna li tkun ipproduċiet prova prima facie.

34      B’mod partikolari, billi jibbaża ruħu fuq numru ta’ dokumenti, ir-rikorrent isostni li diversi ex membri tal-persunal tal-Europol kisbu allowance għall-firda, skont l-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, wara t-tmiem tal-kuntratt tagħhom mal-Europol, anki jekk huma kienu ħallsu biss kontribuzzjoni limitata lil skema tal-pensjoni privata. Ir-rikorrent jindika għalhekk li jaf b’każijiet konkreti li fihom dawn l-ex membri tal-persunal ingħataw l-imsemmija allowance, anki jekk kienu f’sitwazzjoni paragunabbli għal tiegħu, jiġifieri każijiet li fihom il-kontribuzzjonijiet lil tali skema setgħu, skont l-interpretazzjoni adottata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jitqiesu bħala li ma humiex “konsistenti” mad-drittijiet akkumulati fl-IPIUE.

35      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent u titlob li t-tieni motiv jiġi miċħud.

36      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat, fl-ewwel lok, li l-Artikolu 1d tar-Regolamenti tal-Persunal ma jistax jiġi applikat f’dan il-każ. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprojbixxi kull diskriminazzjoni, bħal diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza, il-kulur, l-oriġini etnika jew soċjali, il-fatturi ġenetiċi, l-ilsien, ir-reliġjon jew it-twemmin, l-opinjoni politika jew kull opinjoni oħra, is-sħubija f’minoranza nazzjonali, il-proprjetà, it-twelid, diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, Issa, dan manifestament ma huwiex il-każ f’din il-kawża, peress li r-rikorrent ma jinvokax tali diskriminazzjonijiet, iżda l-każ ta’ diversi ex membri tal-persunal tal-Europol li kisbu allowance għall-firda, filwaqt li kienu jinsabu f’sitwazzjoni paragunabbli għal tiegħu.

37      Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (sentenzi tad‑9 ta’ Ottubru 2008, Chetcuti vs Il‑Kummissjoni, C‑16/07 P, EU:C:2008:549, punt 40, u tad‑9 ta’ Frar 1994, Lacruz Bassols vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, T‑109/92, EU:T:1994:16, punt 87).

38      Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament għandu jiġi kkonċiljat mal-osservanza tal-legalità, li abbażi tagħha ħadd ma jista’ jinvoka, favurih, illegalità mwettqa favur ħaddieħor (sentenza tal‑4 ta’ Lulju 1985, Williams vs Il‑Qorti tal-Awdituri, 134/84, EU:C:1985:297, punt 14 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fil-fatt, illegalità eventwali mwettqa fir-rigward ta’ membru tal-persunal ieħor, li ma huwiex parti f’din il-proċedura, ma tistax twassal lill-qorti tal-Unjoni sabiex tikkonstata diskriminazzjoni u, għaldaqstant, illegalità fir-rigward tar-rikorrent. Tali approċċ ikun ekwivalenti għall-istabbiliment tal-prinċipju ta’ “ugwaljanza fit-trattament fl-illegalità” (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑16 ta’ Novembru 2006, Peróxidos Orgánicos vs Il‑Kummissjoni, T‑120/04, EU:T:2006:350, punt 77).

39      Minn dan jirriżulta li r-rikorrent ma jistax isostni li l-għoti favurih ta’ allowance għall-firda għandu jkun suġġett għall-istess trattament bħal dak diġà mogħti lil membri tal-persunal oħra f’sitwazzjoni paragunabbli għal tiegħu, meta dan it-trattament ma jkunx konformi mad-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal rilevanti, jiġifieri, f’dan il-każ, dawk tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, hekk kif jirriżulta mill-eżami magħmul fil-kuntest tal-ewwel motiv.

40      Għaldaqstant, it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni fir-rigward ta’ membri oħra tal-persunal, għandu jiġi miċħud.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

41      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Huwa jqis illi b’mod leġittimu twassal sabiex jemmen, minn sorsi awtorizzati u b’mod irrepetut, li huwa jkun jista’ jirrikorri għall-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal meta jitlaq minn mal-Europol.

42      B’mod partikolari, ir-rikorrent isostni li, skont il-ġurisprudenza, huwa rċieva garanziji preċiżi fil-forma ta’ informazzjoni preċiża, inkundizzjonali u konkordanti, li ġejja minn sorsi awtorizzati u affidabbli, li, billi jistabbilixxi pensjoni privata permezz tal-ħlas ta’ kontribuzzjoni minima ta’ EUR 50 fix-xahar, huwa kien ser jirċievi allowance għall-firda meta huwa jieqaf mill-kariga tiegħu. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jiċċita komunikazzjoni interna tal-Europol bid-data tas‑16 ta’ Lulju 2014, li abbażi tagħha dan tal-aħħar kien informa lill-membri tal-persunal tiegħu li l-fatt li wieħed jikkontribwixxi għall-fond tal-assigurazzjoni tal-kumpannija tal-assigurazzjoni privata kkonċernata fl-ammont ta’ EUR 50 fix-xahar kien biżżejjed sabiex wieħed jirċievi l-allowance għall-firda. Din l-istess informazzjoni kienet ġiet ikkomunikata matul preżentazzjoni Powerpoint, mogħtija minn din il-kumpannija fit‑30 ta’ Awwissu 2010, quddiem il-persunal tal-Europol fil-bini ta’ dan tal-aħħar. Skambji oħra li seħħew fl-2010 bejn l-Europol u l-imsemmija kumpannija juru wkoll li l-membri tal-persunal tal-Europol kienu stabbilixxew il-kont privat tagħhom ta’ pensjoni bil-għan li jirċievu l-allowance għall-firda fi tmiem il-kuntratt tagħhom u li l-ħlas ta’ ammont ta’ EUR 600 fis-sena jew ta’ ammont ta’ EUR 50 fix-xahar kien biżżejjed sabiex tinkiseb din l-allowance.

43      Barra minn hekk, ir-rikorrent jirreferi għal ittra tas‑26 ta’ Frar 2018 mibgħuta mid-Direttur Eżekuttiv tal-Europol. F’din l-ittra, dan tal-aħħar qies li l-implimentazzjoni tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal kienet inbidlet minn Settembru 2017, filwaqt li qies li l-aspettattivi leġittimi tal-persunal għandhom, sa fejn ikun possibbli, jiġu osservati u li l-kundizzjonijiet ta’ din l-implimentazzjoni ma għandhomx jinbidlu b’mod retroattiv.

44      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent u titlob li t-tielet motiv jiġi miċħud.

45      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, inkluż fost il-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni Ewropea (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Mejju 1981, Dürbeck, 112/80, EU:C:1981:94, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), jimplika li kull uffiċjal jew membru tal-persunal għandu d-dritt jinvoka dan il-prinċipju meta huwa jkun jinsab f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni tal-Unjoni, billi tatu garanziji preċiżi, nisslet fir-rigward tiegħu aspettattivi fondati (ara s-sentenza tas‑16 ta’ Diċembru 2010, Kahla Thüringen Porzellan vs Il‑Kummissjoni, C‑537/08 P, EU:C:2010:769, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      Skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jeżiġi li jkunu ssodisfatti tliet kundizzjonijiet. L-ewwel nett, l-amministrazzjoni tal-Unjoni għandha tkun tat lill-persuna kkonċernata garanziji preċiżi, inkundizzjonali u konkordanti, li joriġinaw minn sorsi awtorizzati u affidabbli. It-tieni nett, dawn il-garanziji għandhom ikunu tali li jnisslu aspettattiva leġittima fil-persuna li lilha dawn ikunu indirizzati. It-tielet nett, il-garanziji mogħtija għandhom ikunu konformi mar-regoli applikabbli (ara s-sentenza tas‑27 ta’ Jannar 2016, Montagut Viladot vs Il‑Kummissjoni, T‑696/14 P, EU:T:2016:30, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

47      F’dan il-każ, l-ewwel nett, fir-rigward tal-komunikazzjoni interna tal-Europol tas‑16 ta’ Lulju 2014, inkluża fl-Anness A.7 tar-rikors, għandu jiġi rrilevat li ma huwiex ikkontestat li din il-komunikazzjoni, iffirmata minn membru tal-persunal tal-Europol, li jifforma parti mis-servizz “G 14 Public Relations & Events” (“G 14 Relazzjonijiet mal-Pubbliku u Avvenimenti”), tqassmet, permezz ta’ posta elettronika, f’isem l-Europol, lill-membri kollha tal-persunal temporanju u bil-kuntratt fil-kariga mal-Europol, li minnhom kien jagħmel parti r-rikorrent fl-imsemmija data.

48      Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-komunikazzjoni interna tal-Europol tas‑16 ta’ Lulju 2014 ma setgħetx nisslet, fir-rigward tar-rikorrent, aspettattivi fondati li jistgħu jippermettulu jinvoka l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, din il-komunikazzjoni tidher li diffiċilment tipprovdi garanziji preċiżi, inkundizzjonali, u inqas u inqas, konkordanti. L-imsemmija komunikazzjoni lanqas ma tidher li toriġina minn sors kompletament affidabbli. Din tidher pjuttost li tqassmet fuq proposta tal-kumpannija tal-assigurazzjoni privata kkonċernata, hekk kif jirriżulta minn diversi siltiet tagħha, bħal dik, b’karattri grassi, li tinkludi l-espressjoni “ġejna informati [mill-kumpannija tal-assigurazzjoni privata kkonċernata] li”, dik iktar ’il quddiem li tinkludi l-espressjoni “nixtiequ wkoll niġbdu l-attenzjoni għall-fatt [li l-kumpannija tal-assigurazzjoni privata kkonċernata] informatni, sabiex inqassam dan il-messaġġ lill-klijenti eżistenti jew potenzjali kollha, li”, u fl-aħħar nett dik, fl-aħħar parti tal-komunikazzjoni, li tipproponi li jsir kuntatt dirett mal-kumpannija tal-assigurazzjoni privata kkonċernata, li l-indirizz elettroniku tagħha kien indikat, għal kull mistoqsija relatata ma’ din il-komunikazzjoni. Barra minn hekk, ir-rikorrent ma setax jinjora li ħlas minimu fix-xahar ta’ EUR 50 ma setax joħloq il-kundizzjonijiet għall-kisba ta’ drittijiet xierqa għall-pensjoni, hekk kif juri wkoll il-fatt li huwa qies neċessarju li jikkompleta l-ħlasijiet inizjali permezz ta’ kuntratt ieħor, konkluż fl‑2014. Għaldaqstant, huwa ma setax iqis li l-aspettattivi tiegħu li jkun jista’ jikseb l-allowance għall-firda kienu “fondati”.

49      Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat ukoll li l-garanziji eventwali mogħtija fil-komunikazzjoni interna tal-Europol tas‑16 ta’ Lulju 2014 ma humiex konformi mar-regoli applikabbli għall-membru tal-persunal ikkonċernat. Fil-fatt, mill-kunsiderazzjonijiet indikati fil-kuntest tal-ewwel motiv jirriżulta li l-garanziji eventwali rċevuti mir-rikorrent fir-rigward tal-ħlas ta’ allowance għall-firda ma kinux, fi kwalunkwe każ, konformi la mal-kliem u lanqas mal-għan tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li r-rikorrent ma jistax validament jippretendi li jikseb riżultat differenti minn dak li jirriżulta mill-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2018, Winkler vs Il‑Kummissjoni, T‑369/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:334, punt 71).

50      It-tieni nett, fir-rigward tal-preżentazzjoni Powerpoint mogħtija mill-kumpannija tal-assigurazzjoni privata kkonċernata fit‑30 ta’ Awwissu 2010, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm din seħħet quddiem il-persunal tal-Europol fil-bini ta’ dan tal-aħħar, din il-preżentazzjoni ma tirriżultax minn sors awtorizzat u affidabbli. Fil-fatt, sabiex tkun tista’ tiġi invokata l-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, il-garanziji allegati għandhom ikunu ngħataw lill-persuna kkonċernata, tal-inqas, mill-amministrazzjoni tal-Unjoni. Issa, dan ma huwiex il-każ fir-rigward tal-imsemmija preżentazzjoni, b’mod li din ma setgħetx nisslet fir-rigward tar-rikorrent aspettattivi fondati, fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq.

51      It-tielet nett, fir-rigward tal-iskambji l-oħra li seħħew bejn April u Lulju 2010 bejn l-Europol u l-kumpannija tal-assigurazzjoni privata kkonċernata, inklużi fl-Annessi A.10 u A.11 tar-rikors, għandu jiġi kkonstatat li dawn l-iskambji ma kinux indirizzati lir-rikorrent, b’tali mod li dawn ma setgħux nisslu fih aspettattivi leġittimi. Fil-fatt, ir-rikorrent ma kienx id-destinatarju tal-imsemmija skambji, li kienu jikkonsistu f’messaġġi mibgħuta, permezz ta’ posta elettronika, bejn il-persunal tal-Europol responsabbli għad-drittijiet għall-pensjoni u l-persunal responsabbli tal-kumpannija tal-assigurazzjoni privata kkonċernata. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jipproduċix il-prova li huwa kien jaf dwar l-iskambji inkwistjoni preċedentement, tal-inqas, għad-deċiżjoni kkontestata.

52      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-ittra tas‑26 ta’ Frar 2018 tad-Direttur Eżekuttiv tal-Europol, inkluża fl-Anness A.6 tar-rikors, din l-ittra bl-ebda mod ma setgħet tnissel fir-rigward tar-rikorrent aspettattivi fondati li jkun jista’ jikseb l-allowance għall-firda mitluba. Fil-fatt, l-imsemmija ittra hija sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata u ma tirriżultax minn sors awtorizzat u affidabbli f’dan il-każ, iżda mis-superjur dirett tar-rikorrent, li jirrivolġi ruħu preċiżament għall-persuni kompetenti fi ħdan il-Kummissjoni responsabbli għall-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, jiġifieri prinċipalment id-Direttur tal-PMO u d-Direttur Ġenerali tad-DĠ Riżorsi Umani u Sigurtà.

53      Minn dan isegwi li t-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura

54      Ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata kisret il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura.

55      L-ewwel nett, ir-rikorrent iqis li, kieku nstema’ korrettement, id-deċiżjoni kkontestata kienet tkun differenti. Fil-fatt, huwa kien ikun jista’ b’mod partikolari jispjega li ngħata garanziji li kontribuzzjoni fix-xahar ta’ EUR 50 lil skema tal-pensjoni privata kienet tkun biżżejjed sabiex tinkiseb allowance għall-firda.

56      It-tieni nett, ir-rikorrent jilmenta li l-PMO ma bagħatx ukoll lill-ex membri tal-persunal tal-Europol, li huwa jifforma parti minnhom, it-test ta’ komunikazzjoni, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, indirizzata lill-membri tal-persunal tal-Europol f’Novembru 2017. Barra minn hekk, ir-rifjut li tingħatalu r-raġuni għalfejn dan ma sarx jikkostitwixxi prova addizzjonali tal-ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.

57      It-tielet nett, in-nuqqas ta’ twettiq tad-dmir ta’ premura huwa muri bil-fatt li l-PMO naqas totalment, fid-deċiżjoni kkontestata, milli jiddetermina d-drittijiet għall-pensjoni ggarantiti tar-rikorrent jew kwalunkwe dħul ieħor li dan ikun jibbenefika minnu fl-età tal-irtirar. Dan in-nuqqas jirriżulta, barra minn hekk, mid-deċiżjoni ta’ rifjut li tingħata allowance għall-firda, adottata mill-Kummissjoni, fit‑30 ta’ April 2018, li tirrigwarda ex membru ieħor tal-persunal tal-Europol, li fiha kważi l-istess test bħal dak li jirrigwarda lir-rikorrent, iżda li fiha l-Kummissjoni aċċettat b’mod ċar li dan il-membru tal-persunal kien ser jirċievi pensjoni nazzjonali.

58      Ir-raba’ nett, ir-rikorrent jilmenta li l-PMO informah dwar ir-rifjut tal-għoti tal-allowance għall-firda, abbażi tar-rekwiżiti li huwa madankollu kien issodisfa f’bona fide, biss fil‑5 ta’ Ottubru 2017, jiġifieri meta l-kuntratt tiegħu kien diġà ntemm. Issa, f’din id-data, anki jekk kien jiddeċiedi li josserva r-rekwiżiti l-ġodda tal-PMO, kien ikun impossibbli għalih li jirrimedja s-sitwazzjoni personali tiegħu b’mod retroattiv.

59      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent u titlob li r-raba’ motiv jiġi miċħud.

60      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza, id-dmir ta’ premura jirrifletti l-bilanċ tad-drittijiet u tal-obbligi reċiproċi fir-relazzjonijiet bejn l-awtorità pubblika u l-membri tal-persunal tas-servizz pubbliku. Dan il-bilanċ jimplika, b’mod partikolari, li, meta tiddeċiedi dwar sitwazzjoni ta’ uffiċjal, l-awtorità għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-fatturi kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha, u meta tagħmel dan, hija għandha tieħu inkunsiderazzjoni mhux biss l-interess tas-servizz iżda wkoll dak tal-uffiċjal ikkonċernat. Dan l-aħħar obbligu huwa impost fuq l-amministrazzjoni wkoll mill-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba stabbilit fl-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali (ara s-sentenza tat‑13 ta’ Diċembru 2018, UP vs Il‑Kummissjoni, T‑706/17, mhux ippubblikata, EU:T:2018:924, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      Madankollu, il-protezzjoni tad-drittijiet u tal-interessi tal-uffiċjali għandha dejjem tkun limitata għall-osservanza tar-regoli fis-seħħ (ara s-sentenza tal‑5 ta’ Diċembru 2006, Angelidis vs Il‑Parlament, T‑416/03, EU:T:2006:375, punt 117 u l-ġurisprudenza ċċitata).

62      Minn dan isegwi li l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u d-dmir ta’ premura ma jistgħux jiġu utilment invokati mir-rikorrent sabiex jikser id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Issa, mill-eżami tal-ewwel motiv jirriżulta li l-Kummissjoni kienet korretta meta bbażat id-deċiżjoni kkontestata fuq l-imsemmija dispożizzjonijiet.

63      Barra minn hekk, fir-rigward tal-argumenti mressqa mir-rikorrent fil-kuntest tar-raba’ motiv, ir-risposta li għandha tingħata għandha tkun is-segwenti.

64      L-ewwel nett, għandu jiġi kkonstatat li l-proċedura amministrattiva rilevanti fi ħdan il-Kummissjoni ġiet kompletament u regolarment osservata. Fil-fatt, ir-rikorrent, l-ewwel nett, ressaq it-talba tiegħu għall-allowance għall-firda skont l-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent kellu l-possibbiltà jipprovdi l-informazzjoni kollha li huwa kien iqis utli. Sussegwentement, skont l-Artikolu 90(1) tar-Regolamenti tal-Persunal, il-PMO ta d-deċiżjoni tiegħu abbażi tal-informazzjoni kollha kkomunikata mir-rikorrent. Iktar sussegwentement, skont l-Artikolu 90(2) tar-Regolamenti tal-Persunal, ir-rikorrent ressaq ilment quddiem l-ASTK, li permezz tiegħu huwa seta’ jispjega r-raġunijiet li għalihom huwa kien iqis li jista’ jikseb l-imsemmija allowance u jipprovdi wkoll l-informazzjoni kollha li huwa kien iqis utli. Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha billi ħadet inkunsiderazzjoni l-informazzjoni kollha li tista’ tiddeterminaha, b’mod partikolari dik imressqa mir-rikorrent fil-kuntest ta’ din il-proċedura. Konsegwentement, ir-rikorrent ma jistax jikkritika lill-Kummissjoni li ma ġiex mismugħ b’mod korrett.

65      It-tieni nett, għandu jiġi kkonstatat li l-komunikazzjoni ta’ Novembru 2017, dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, intbagħtet mill-PMO lill-Europol sabiex dan tal-aħħar jittrażmettiha lill-persuni kkonċernati. Sussegwentement, l-Europol bagħat din il-komunikazzjoni lill-membri tal-persunal tiegħu fil-kariga. Għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma kinitx obbligata tittrażmetti l-imsemmija komunikazzjoni lill-ex membri tal-persunal li waqfu b’mod definittiv mill-kariga tagħhom, peress li din ma kienet biddlet xejn fir-rigward tas-sitwazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, għall-istess raġunijiet, il-Kummissjoni lanqas ma kienet obbligata tagħti lir-rikorrent ir-raġuni li għaliha l-komunikazzjoni msemmija iktar ’il fuq ma kinitx intbagħtet lill-ex membri tal-persunal tal-Europol. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi enfasizzat li dan l-aġir amministrattiv ma huwiex ta’ natura li jivvizzja l-legalità tad-deċiżjoni kkontestata, li kienet ġiet adottata qabel l-imsemmija komunikazzjoni u b’mod konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal, hekk kif jirriżulta mill-eżami tal-ewwel motiv. Għaldaqstant, ir-rikorrent ma jistax jinvoka, f’dan ir-rigward, ksur eventwali tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura.

66      It-tielet nett, fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ twettiq tad-dmir ta’ premura, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jurix li l-Kummissjoni ma ħaditx inkunsiderazzjoni l-elementi rilevanti kollha li jistgħu jiddeterminaw id-deċiżjoni tagħha. Bl-istess mod, ir-rikorrent ma stabbilixxiex li l-Kummissjoni kienet naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-interessi tiegħu meta kienet qiegħda tittratta t-talba tiegħu għall-allowance għall-firda. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li, filwaqt li ggarantixxiet il-protezzjoni tal-interessi tas-servizz u tar-rikorrent, il-Kummissjoni adottat id-deċiżjoni tagħha fuq il-bażi tal-elementi rilevanti kollha li setgħu jiddeterminawha. Konsegwentement, ir-rikorrent ma jistax jilmenta li l-Kummissjoni naqset milli twettaq id-dmir ta’ premura tagħha.

67      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-ilment invokat mir-rikorrent li r-rifjut tal-għoti tal-allowance għall-firda kien ġie kkomunikat lilu biss wara t-tmiem tal-kariga tiegħu fi ħdan l-Europol, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma setgħetx tagħmel mod ieħor u li hija ma tista’ tiġi akkużata b’ebda nuqqas f’dan ir-rigward. Fil-fatt, il-Kummissjoni saret taf dwar is-sitwazzjoni personali tar-rikorrent, jiġifieri l-parteċipazzjoni tiegħu sa mid-dħul fil-kariga tiegħu fl‑2010 f’kuntratt ta’ assigurazzjoni għall-pensjoni privata li l-ħlasijiet fir-rigward tiegħu kienu limitati, biss meta huwa, fid‑19 ta’ Ġunju 2017, ressaq talba għall-allowance għall-firda, skont l-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat, hekk kif tagħmel il-Kummissjoni, li r-rikorrent ma sofra ebda dannu, peress li l-kontribuzzjonijiet imħallsa lill-IPIUE jistgħu jiġu ttrasferiti lejn l-iskema tal-pensjoni tar-rikorrent, skont l-Artikolu 12(1)(b) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

68      Konsegwentement, ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u tad-dmir ta’ premura, għandu jiġi miċħud u, għaldaqstant, għandhom jiġu miċħuda t-talbiet għal annullament fl-intier tagħhom.

 Fuq it-talbiet għad-danni

69      Ir-rikorrent jitlob li Qorti Ġenerali tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensa d-dannu materjali u morali li ġie kkawżat lilu mill-illegalitajiet indikati fit-talbiet għal annullament ta’ dan ir-rikors. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jitlob il-ħlas, minn naħa, ta’ ammont ta’ EUR 42 737 bħala kumpens għad-dannu materjali u, min-naħa l-oħra, ta’ ammont ta’ EUR 10 000, stmat provviżorjament, ex æquo et bono, bħala kumpens għad-dannu morali.

70      B’mod partikolari, fir-rigward tad-dannu materjali, ir-rikorrent isostni li dan tal-aħħar għandu, bħala prinċipju, jiġi rrimedjat permezz tal-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u permezz tal-applikazzjoni tal-Artikolu 12(2) tal-Anness VIII tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-każ li jitqies li din id-dispożizzjoni ma hijiex applikabbli, fatt li r-rikorrent jikkontesta, l-imsemmi dannu jikkonsisti fil-fatt li huwa ma jistax jaċċedi għall-fondi tiegħu mal-kumpannija tal-assigurazzjoni privata kkonċernata jew mal-IPIUE, jiġifieri l-ammont ta’ EUR 213 687 li jirrappreżenta l-ekwivalenza attwarjali tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni miksuba f’din l-aħħar skema. Peress li r-rikorrent kellu l-intenzjoni jinvesti mill-ġdid dan l-ammont b’mod privat sal-età tal-irtirar tiegħu, id-dannu finanzjarju tiegħu huwa kkostitwit minn perċentwali tal-imsemmi ammont. Peress li l-investimenti privati tar-rikorrent jiġġeneraw favurih, bħala medja, dħul annwali ta’ bejn 15 u 25 %, it-telf annwali tiegħu jista’, għaldaqstant, ikun ikkalkolat għal madwar 20 % ta’ EUR 213 687, jiġifieri EUR 42 737.

71      F’dak li jirrigwarda d-dannu morali, ir-rikorrent isostni li dan tal-aħħar jirriżulta mit-trattament inġust u rrepetut li kkawżawlu stress kbir, li rriżulta f’għadd kbir ta’ ljieli mingħajr irqad u f’disprament. L-inċertezza li ħass ir-rikorrent ħolqot sens kbir ta’ inġustizzja, filwaqt li r-regoli huma ċari, hekk bħalma hija l-pożizzjoni preċedenti u rrepetuta tal-Europol, tal-PMO u tal-kumpannija tal-assigurazzjoni privata kkonċernata. Peress li ma setax jikkonċentra b’mod sħiħ fuq it-tfittxija ta’ impjieg ġdid wara t-tmiem tal-kuntratt tiegħu mal-Europol, ir-rikorrent sab ruħu għall-ewwel darba mingħajr impjieg, fatt li jaggrava d-dannu morali tiegħu. Dan tal-aħħar għandu, finalment, jiġi stmat provviżorjament, ex æquo et bono, għal EUR 10 000.

72      Il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, tikkontesta l-argumenti tar-rikorrent u titlob li t-talba għad-danni tiġi miċħuda.

73      F’dan ir-rigward, skont ġurisprudenza stabbilita fil-qasam tas-servizz pubbliku, jekk talba għad-danni tkun marbuta mill-qrib ma’ talba għal annullament, iċ-ċaħda ta’ din tal-aħħar bħala inammissibbli jew bħala infondata twassal ukoll għaċ-ċaħda tat-talba għad-danni (ara s-sentenza tat‑30 ta’ Settembru 2003, Martínez Valls vs Il‑Parlament, T‑214/02, EU:T:2003:254, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata).

74      F’dan il-każ, it-talbiet għad-danni huma marbuta mill-qrib mat-talbiet għal annullament.

75      Peress li t-talbiet għal annullament ġew miċħuda, it-talbiet għad-danni għandhom ukoll jiġu miċħuda.

76      Minn dan kollu li jippreċedi jirriżulta li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

 Fuq l-ispejjeż

77      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Peeter Palo huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Schalin

Berke

Costeira

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis‑16 ta’ Ottubru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.