Language of document : ECLI:EU:T:2021:764

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

10 ta’ Novembru 2021 (*)

“Klawżola ta’ arbitraġġ – Persunal ċivili internazzjonali ta’ missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea – Reklutaġġ fuq bażi kuntrattwali – Kuntratti ta’ ingaġġ suċċessivi għal żmien determinat – Talba għal riklassifikazzjoni tar-relazzjonijiet kuntrattwali kollha f’kuntratt għal żmien determinat – Rikors għad-danni kuntrattwali – Rikors għad-danni mhux kuntrattwali”

Fil-Kawża T‑602/15 RENV,

Liam Jenkinson, residenti f’Killarney (l-Irlanda), irrappreżentat minn N. de Montigny, avukata,

rikorrent,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Vitro u M. Bishop, bħala aġenti,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn B. Mongin, D. Bianchi u G. Gattinara, bħala aġenti,

Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE), irrappreżentat minn S. Marquardt, R. Spáč u E. Orgován, bħala aġenti,

u

Eulex Kosovo, stabbilita f’Pristina (Kosovo), irrappreżentata minn E. Raoult, avukata,

konvenuti,

li għandha bħala suġġett, prinċipalment, l-ewwel, talba bbażata fuq l-Artikolu 272 TFUE u intiża, minn naħa, li l-kuntratti ta’ ingaġġ kollha tar-rikorrent jiġu rrikklassifikati f’kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat u, min-naħa l-oħra, li jinkiseb kumpens għad-dannu kuntrattwali li huwa allegatament ġarrab minħabba dan il-fatt u, it-tieni, talbiet ibbażati fuq l-Artikoli 268 u 340 TFUE, intiżi li tiġi kkontestata r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tas-SEAE, jew tal-Missjoni Eulex Kosovo,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża),

komposta minn M. van der Woude, President, V. Tomljenović, F. Schalin, P. Škvařilová-Pelzl (Relatriċi) u I. Nõmm, Imħallfin,

Reġistratur: L. Ramette, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑8 ta’ Lulju 2020,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, Liam Jenkinson, ċittadin Irlandiż, kien l-ewwel impjegat mill‑20 ta’ Awwissu 1994 sal‑5 ta’ Ġunju 2002, fil-kuntest ta’ diversi kuntratti ta’ xogħol għal żmien determinat (iktar ’il quddiem il‑“KŻD”) suċċessivi, fi ħdan il-missjoni ta’ sorveljanza fil-Jugoslavja, stabbilita permezz ta’ memorandum ta’ ftehim iffirmat f’Belgrad fit‑13 ta’ Lulju 1991, innominat f’dak iż-żmien taħt l-isem “Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Komunità Ewropea (ECMM)”, sussegwentement imsemmi mill-ġdid “Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM)” permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2000/811/PESK tat‑22 ta’ Diċembru 2000 dwar il-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2000, L 328, p. 53). Il-mandat tal-ECMM, u sussegwentement, tal-EUMM, ġie estiż diversi drabi, l-aħħar darba permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2006/867/PESK tat‑30 ta’ Novembru 2006, li testendi u temenda l-mandat tal-Missjoni ta’ Monitoraġġ tal-Unjoni Ewropea (EUMM) (ĠU 2007, L 200M, p. 251), sal‑31 ta’ Diċembru 2007.

2        Sussegwentement, ir-rikorrent kien impjegat mis‑17 ta’ Ġunju 2002 sal‑31 ta’ Diċembru 2009, permezz ta’ sensiela ta’ KŻD suċċessivi, fi ħdan il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea fil-Bosnja‑Ħerzegovina (MPUE), li nħolqot permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2002/210/PESK tal‑11 ta’ Marzu 2002, fuq il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 18, Vol. 1, p. 278). Il-mandat tal-EUPM ġie estiż diversi drabi, l-aħħar darba permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/781/PESK tal‑1 ta’ Diċembru 2011 dwar il-Missjoni tal-Pulizija tal-Unjoni Ewropea (EUPM) fil-Bosnja-Ħerzegovina (ĠU 2011, L 319, p. 51), sat‑30 ta’ Ġunju 2012.

3        Fl-aħħar, ir-rikorrent kien impjegat fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo mill‑5 ta’ April 2010 sal‑14 ta’ Novembru 2014, fil-kuntest ta’ ħdax-il KŻD suċċessivi konklużi, fir-rigward tal-ewwel disgħa, mal-Kap tal-Missjoni Eulex Kosovo u, fir-rigward tal-aħħar tnejn, mal-missjoni stess (iktar ’il quddiem il-“ħdax-il KŻD”). Il-Missjoni Eulex Kosovo nħolqot permezz tal-Azzjoni Konġunta tal-Kunsill 2008/124/PESK tal‑4 ta’ Frar 2008 dwar il-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-“Istat tad-Dritt” fil-Kosovo, Eulex Kosovo (ĠU 2008, L 42, p. 92). Hija ġiet estiża diversi drabi, fosthom sal‑14 ta’ Ġunju 2016 permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/349/PESK tat‑12 ta’ Ġunju 2014 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124/PESK (ĠU 2014, L 174, p. 42).

4        Matul l-għaxar KŻD, konkluż mal-Missjoni Eulex Kosovo, li jkopri l-perijodu inkluż bejn il‑15 ta’ Ġunju u l‑14 ta’ Ottubru 2014, ir-rikorrent ġie informat, permezz ta’ ittra tal-Kap tal-Missjoni Eulex Kosovo tas‑26 ta’ Ġunju 2014 (iktar ’il quddiem l-“ittra tas‑26 ta’ Ġunju 2014”), li, wara deċiżjoni ta’ ristrutturazzjoni tal-Missjoni Eulex Kosovo meħuda mill-Istati Membri fl‑24 ta’ Ġunju 2014, il-pożizzjoni li huwa kien jokkupa sa mill-ingaġġ tiegħu fi ħdan il-missjoni kienet ser titneħħa wara l‑14 ta’ Novembru 2014 u li, konsegwentement, il-kuntratt tiegħu ma kienx ser jiġġedded lil hinn minn din id-data. Għalhekk, ġie konkluż il-ħdax-il u l-aħħar KŻD bejn ir-rikorrent u l-Missjoni Eulex Kosovo għall-perijodu mill‑15 ta’ Ottubru sal‑14 ta’ Novembru 2014 (iktar ’il quddiem l-“aħħar KŻD”).

5        Bl-eċċezzjoni tal-aħħar KŻD, il-KŻD kollha konklużi mir-rikorrent dwar l-attivitajiet tiegħu fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo kienu jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ li tiddenomina l-qrati Belġjani. Fir-rigward tal-aħħar KŻD, huwa kien jinkludi, fl-Artikolu 21, klawżola ta’ arbitraġġ li tiddenomina qorti tal-Unjoni Ewropea, abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, għal kull tilwima relatata mal-kuntratt.

II.    Il-proċeduri quddiem il-Qorti Ġenerali u l-Qorti tal-Ġustizzja

6        Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑23 ta’ Ottubru 2015, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) kif ukoll il-Missjoni Eulex Kosovo.

7        Billi ddeċidiet b’digriet tad‑9 ta’ Novembru 2016, Jenkinson vs Il-Kunsill et (T‑602/15, iktar ’il quddiem id-“digriet inizjali”, EU:T:2016:660), dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuti, il-Qorti Ġenerali ddikjarat li hija manifestament ma għandhiex ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq iż-żewġ kapijiet tat-talbiet imqajma prinċipalment u ċaħdet it-tielet kap tat-talbiet imqajjem sussidjarjament bħala manifestament inammissibbli. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali ċaħdet ir-rikors kollu.

8        Wara appell ippreżentat mir-rikorrent kontra d-digriet inizjali, il-Qorti tal-Ġustizzja annullatu permezz ta’ sentenza tal‑5 ta’ Lulju 2018, Jenkinson vs Il-Kunsill et (C‑43/17 P, iktar ’il quddiem is-“sentenza tal-appell”, EU:C:2018:531), u l-kawża ntbagħtet mill-ġdid quddiem il-Qorti Ġenerali.

9        Wara s-sentenza tal-appell, skont l-Artikolu 217(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ġie ffissat terminu għall-appellati għall-preżentata ta’ risposta.

10      Permezz ta’ atti separati ppreżentati rispettivament fil‑31 ta’ Ottubru mill-Kummissjoni u fid‑19 ta’ Novembru 2018 mill-Kunsill u mis-SEAE, dawn il-partijiet qajmu eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

11      Fid‑19 ta’ Novembru 2018, il-Missjoni Eulex Kosovo ppreżentat risposta.

12      Fit‑28 ta’ Jannar 2019, ir-rikorrent ippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu fuq dawn l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tas-SEAE.

13      Fil‑5 ta’ Frar 2019, ir-rikorrent ippreżenta replika.

14      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru fit‑12 ta’ Frar 2019, ir-rikorrent talab, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, l-ommissjoni ta’ ċerta data personali fil-konfront tal-pubbliku (minbarra l-pajjiż ta’ residenza) li tinsab fl-Anness 2 tar-replika.

15      Fil‑21 ta’ Marzu 2019, il-Missjoni Eulex Kosovo ppreżentat kontroreplika.

16      Permezz ta’ digriet tal-Ewwel Awla tad‑29 ta’ Marzu 2019, l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà ġew magħquda mal-mertu. Sussegwentement, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE ppreżentaw risposti.

17      Fit‑18 ta’ Ġunju 2019, ir-rikorrent talab l-awtorizzazzjoni għall-preżentata ta’ replika sabiex jirrispondi għan-noti tad-difiża tal-Kunsill, tal-Kummissjoni u tas-SEAE. Din it-talba kienet tinkludi wkoll talba għal miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura intiża sabiex il-Kummissjoni tiġi mistiedna tipproduċi kopja tal-kuntratt li hija kienet iffirmat mad-diversi kapijiet tal-Missjoni Eulex Kosovo (jew, tal-inqas, il-kap tal-missjoni f’Ottubru sa Novembru 2014).

18      Fil‑21 ta’ Ġunju 2019, l-Ewwel Awla ddeċidiet li ma tawtorizzax il-preżentata ta’ tali replika. Barra minn hekk, peress li fid‑9 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni pproduċiet kopja tal-kuntratti li hija kienet iffirmat mal-kapijiet tal-missjoni li kienet fis-servizz matul il-perijodu bejn il‑15 ta’ Ġunju 2014 u l‑14 ta’ Ġunju 2015, ma hemm lok li tittieħed pożizzjoni dwar il-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura mitluba mir-rikorrent. Dan tal-aħħar ifformula l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-imsemmija kuntratti fit-terminu previst.

19      Fis‑6 ta’ Settembru 2019, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (iktar ’il quddiem l-“ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura”) li tikkonsisti fil-ġbir tal-osservazzjonijiet tar-rikorrent, minn naħa, fuq ċerti elementi ta’ informazzjoni u atti li jinsabu kemm fil-kontroreplika, kif ukoll fl-anness ta’ din tal-aħħar, u, min-naħa l-oħra, dwar il-leġiżlazzjoni Irlandiża, fil-każ li din tapplika fil-kuntest ta’ din il-kawża. Ir-rikorrent irrisponda f’żewġ stadji, fis‑16 ta’ Settembru 2019, sussegwentement fis‑27 ta’ Settembru 2019, għall-mistoqsijiet magħmula fil-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura msemmija iktar ’il fuq.

20      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru fis‑27 ta’ Settembru 2019, ir-rikorrent, konformement mal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, talab l-anonimizzazzjoni tad-data personali, familjari, finanzjarja u fiskali kollha li tinsab fil-formoli differenti prodotti mill-Missjoni Eulex Kosovo kif ukoll fl-Anness 2 tar-risposta tas‑16 ta’ Settembru 2019 għall-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

21      Minħabba t-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, din il-kawża ġiet assenjata lil Imħallef Relatur ġdid sedenti fit-Tieni Awla.

22      Fuq proposta tat-Tieni Awla, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet, fis‑16 ta’ Jannar 2020, skont l-Artikolu 28 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li tibgħat il-kawża quddiem kulleġġ ġudikanti estiż.

23      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑21 ta’ Jannar 2020, minħabba impediment ta’ membru tal-kulleġġ ġudikanti, il-President tal-Qorti Ġenerali nnomina lilu nnifsu, skont l-Artikolu 17(2) tar-Regoli tal-Proċedura, sabiex jikkompleta l-kulleġġ ġudikanti.

24      Fit‑13 ta’ Marzu 2020, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (iktar ’il quddiem it-“tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura”) li kienet tikkonsisti fil-fatt li r-rikorrent u l-konvenuti jintalbu jwieġbu għal diversi mistoqsijiet, kif għamlu permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ April 2020, fir-rigward tar-rikorrent (iktar ’il quddiem ir-“tweġiba tat‑30 ta’ April 2020”), u permezz ta’ erba’ ittri separati, kollha bid-data tad‑29 ta’ Mejju 2020, fir-rigward tal-konvenuti.

25      Fit-tweġiba tiegħu tat‑30 ta’ April 2020 għall-mistoqsija li stednitu jippreċiża b’mod espliċitu u ċar il-bażi legali tat-tieni kap tat-talbiet, imqajjem b’mod prinċipali, ir-rikorrent indika li l-imsemmi kap tat-talbiet kien intiż sabiex iqiegħed inkwistjoni r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet abbażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE. Il-konvenuti ġew mistiedna jippreżentaw l-osservazzjonijiet eventwali tagħhom fuq l-imsemmija risposta.

26      Fil‑11 ta’ Ġunju 2020, ir-rikorrent għamel osservazzjonijiet dwar it-tweġibiet tal-konvenuti għall-mistoqsijiet li sarulhom fil-kuntest tat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (iktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet tal‑11 ta’ Ġunju 2020”).

27      Permezz ta’ erba’ ittri separati, kollha datati t-12 ta’ Ġunju 2020, il-konvenuti fformulaw l-osservazzjonijiet tagħhom fuq ir-risposta tar-rikorrent tat‑30 ta’ April 2020.

28      Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Ġunju 2020, li ġie deċiż li tiġi inkluża fil-proċess tal-proċedura, il-Missjoni Eulex Kosovo għamlet osservazzjonijiet dwar l-osservazzjonijiet tal‑11 ta’ Ġunju 2020.

29      Fl‑1 ta’ Diċembru 2020, fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla Estiża) adottat miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (iktar ’il quddiem it-“tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura”) li stiednet lir-rikorrent u lill-konvenuti jwieġbu għal diversi mistoqsijiet, kif għamlu rispettivament permezz ta’ ittra tat‑23 ta’ Diċembru 2020, fir-rigward tal-Kummissjoni, permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Diċembru 2020, fir-rigward tar-rikorrent, u bi tliet ittri separati, kollha datati l‑5 ta’ Jannar 2021, fir-rigward tal-Kunsill, tas-SEAE u tal-Missjoni Eulex Kosovo.

30      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Jannar 2021, ir-rikorrent għamel osservazzjonijiet dwar ir-risposta tal-Missjoni Eulex Kosovo għall-ewwel domanda li saritlu fil-kuntest tat-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura (iktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet tal‑14 ta’ Jannar 2021”).

III. Talbiet

31      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

“Prinċipalment:

1.      [f]ir-rigward tad-drittijiet li jirriżultaw mill-kunratt irregolat mid-dritt privat:

–        tikklassifika mill-ġdid ir-relazzjoni kuntrattwali tiegħu fil-kuntratt ta’ impjieg għal żmien indeterminat;

–        tikkonstata l-ksur mill-konvenuti tal-obbligi kuntrattwali tagħhom u, b’mod partikolari, [dwar in-notifika] ta’ preavviż fil-kuntest ta’ ksur ta’ kuntratt, għal żmien indeterminat;

[k]onsegwentement, bħala kumpens tad-dannu subit mill-użu abużiv ta’ kuntratti ta’ impjieg suċċessivi għal żmien determinat li ħoloq inċertezza prolongata fir-rikorrent u l-ksur tal-obbligu ta’ notifika ta’ preavviż ta’ ksur tal-kuntratt:

–        tikkundanna lill-konvenuti jħallsu lir-rikorrent kumpens ta’ preavviż ta’ EUR 176 601.55 ikkalkolat fuq l-anzjanità ta’ servizz tiegħu fi ħdan il-missjonijiet maħluqa mill-Unjoni Ewropea;

–        sussidjarjament, tikkundanna lill-konvenuti jħallsu lir-rikorrent kumpens ta’ preavviż ta’ EUR 45 985.15 ikkalkolat inkunsiderazzjoni tat-tul tas-servizzi tiegħu [għal Missjoni Eulex Kosovo];

–        tiddeċiedi li t-tkeċċija tar-rikorrent hija abużiva u tikkundanna, konsegwentement, lill-konvenuti sabiex iħallsuh kumpens għad-danni ex aequo et bono ta’ EUR 50 000;

–        tikkonstata li l-konvenuti ma stabbilixxew id-dokumenti korporattivi legali tat-terminazzjoni ta’ kuntratt[,] u

–        tikkundannahom iħallsu lir-rikorrent is-somma ta’ EUR 100.00 għal kull jum ta’ tardività mill-preżentata ta’ dan ir-rikors;

–        tikkundannhom li jittrażmettu d-dokumenti korporattivi ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt lir-rikorrent;

–        tikkundanna lill-konvenuti li jħallsu l-interessi fuq is-somom [imsemmija iktar ’il fuq], ikkalkolati bir-rata legali tal-Belġju.

2.      Fir-rigward tal-abbuż ta’ poter u tad-diskriminazzjoni eżistenti:

–        tiddikjara li l-ewwel tliet konvenuti ddiskriminaw lir-rikorrent, mingħajr ġustifikazzjoni oġġettiva, matul il-perijodu ta’ ingaġġ tiegħu fi ħdan il-missjonijiet li huma stabbilixxew, f’dak li jirrigwarda r-remunerazzjoni tiegħu, d-drittijiet ta’ penzjoni tiegħu u l-benefiċċji rrelatati, kif ukoll f’dak li jirrigwarda l-garanzija ta’ impjieg sussegwenti;

–        tikkonstata li r-rikorrent kellu jiġi rreklutat bħala membru tal-persunal temporanju minn wieħed mill-ewwel tliet konvenuti;

–        tikkundanna [lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE] jikkumpensawh għat-telf ta’ remunerazzjoni, ta’ pensjoni, allowances u benefiċċji maħluq mill-ksur tad-dritt [tal-Unjoni msemmi iktar ’il fuq];

tikkundannahom li jħallsuh l-interessi fuq dawn is-somom, ikkalkolati bir-rata legali tal-Belġju;

–        tiffissa terminu għall-partijiet sabiex jiġi stabbilit l-imsemmi kumpens filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-grad u l-iskala li fihom ir-rikorrent kellu jiġi ingaġġat, tal-progressjoni medja ta’ remunerazzjoni, tal-evoluzzjoni tal-karriera tiegħu, tal-allowances li kellu għaldaqstant jirċievi skont dan il-kuntratt ta’ membru tal-persunal temporanju; u tipparaguna r-riżultati miksuba mar-remnureazzjoni effettivament riċevuta mir-rikorrent.

[s]ussidjarjament:

–        tikkonstata l-ksur tal-obbligi tagħhom mill-konvenuti;

–        tikkundanahom sabiex jikkumpensaw lir-rikorrent għad-dannu li jirriżulta mill-imsemmija ksur, li huwa stmat fl-ammont ex aequo et bono ta’ EUR 150 000.00.

Fi kwalunkwe każ:

tikkundanna lill-konvenuti jħallsu l-ispejjeż.”

32      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        sussidjarjament, tiddikjara r-rikors inammissibbli, sa fejn dan huwa indirizzat lilu;

–        sussidjarjament, tiddikjara r-rikors inammissibbli, sa fejn dan ġie ppreżentat wara t-terminu previst;

–        b’mod iktar sussidjarju, jiddikjara r-rikors infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

33      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli fir-rigward tagħha;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

34      Is-SEAE titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn dan ġie ppreżentat wara t-terminu previst;

–        fi kwalunkwe każ, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn dan huwa indirizzat lilu;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

35      Il-Missjoni Eulex Kosovo titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        prinċipalment, tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli sa fejn dan ġie ppreżentat wara t-terminu previst;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

IV.    Id-dritt

36      Qabelxejn, għar-raġunijiet imsemmija mir-rikorrent, għandhom jintlaqgħu t-talbiet tiegħu magħmula, abbażi tal-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura, fir-rigward tal-ommissjoni u tal-anonimizzazzjoni ta’ data personali, kif imsemmija fil-punti 14 u 20 iktar ’il fuq.

A.      Osservazzjonijiet preliminari

37      Preliminarjament, għall-finijiet ta’ amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, hemm lok, l-ewwel, li jiġu ddeterminati preċiżament il-bażi legali u s-suġġett tar-rikors kif ukoll tal-ewwel tliet kapijiet tat-talbiet tar-rikorrent. Sussegwentement, għandha titfakkar il-portata tas-sentenza tal-appell.

1.      Fuq il-bażi legali u s-suġġett tar-rikors kif ukoll tal-ewwel tliet kapijiet tat-talbiet tar-rikorrent

38      Permezz tal-ewwel tliet kapijiet tat-talbiet tiegħu, kif ġabret fil-qosor il-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 3 tas-sentenza tal-appell, essenzjalment, ir-rikorrent jitlob formalment lill-Qorti Ġenerali:

–        prinċipalment, tikklassifika mill-ġdid ir-relazzjoni kuntrattwali tiegħu f’“kuntratt ta’ xogħol għal żmien indeterminat” (iktar ’il quddiem “KŻI”), tikkonstata l-ksur mill-konvenuti fl-ewwel istanza tal-obbligi kuntrattwali tagħhom u, b’mod partikolari, tal-obbligu ta’ notifika ta’ preavviż fil-kuntest tat-terminazzjoni ta’ kuntratt għal żmien indeterminat, tikkonstata li t-tkeċċija tiegħu kienet abbużiva u, konsegwentement, tikkundannahom iħallsuh kumpens għad-dannu mġarrab minħabba l-użu abbużiv ta’ KŻD suċċessivi, minħabba l-ksur tal-obbligu ta’ notifika ta’ preavviż u minħabba tkeċċija abbużiva (iktar ’il quddiem l-“ewwel kap tat-talbiet”);

–        prinċipalment, tiddikjara li l-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE ttrattawh b’mod diskriminatorju matul il-perijodu ta’ impjieg tiegħu fi ħdan il-missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“missjonijiet”) fir-rigward tar-remunerazzjoni tiegħu, tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni u ta’ benefiċċji oħrajn, tikkonstata li huwa kien imissu ġie rreklutat bħala membru tal-persunal temporanju ta’ wieħed minn dawn u konsegwentement tikkundannahom għall-kumpens (iktar ’il quddiem it-tieni kap tat-talbiet”), u

–        sussidjarjament, tikkundanna lill-konvenuti fl-ewwel istanza jikkumpensawh għad-dannu li jirriżulta mill-ksur tal-obbligi tagħhom fuq il-bażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħhom (iktar ’il quddiem it-“tielet kap tat-talbiet”).

39      Fl-ewwel lok, qabelxejn għandha tingħata deċiżjoni dwar il-kwistjoni ta’ jekk, kif isostnu l-Kunsill, is-SEAE u l-Missjoni Eulex Kosovo, impliċitament, sa fejn iqajmu l-inammissibbiltà tar-rikors minħabba t-tardività tiegħu, l-imsemmi rikors għandux jitqies li huwa rikors għal annullament ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE.

40      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, ir-rikors promotur jinkludi diversi riferimenti li jistgħu jagħtu x’jifhem li r-rikors huwa, tal-inqas parzjalment, ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 263 TFUE. Għalhekk, fil-parti ta’ fuq tal-ewwel paġna tar-rikors, hemm it-titolu “Rikors għal annullament u għad-danni” u, fil-punt 158 tar-rikors, ir-rikorrent jafferma li “d-deċiżjoni ta’ assenza ta’ tiġdid [tal-kuntratt tiegħu] hija illegali u għandha tiġi annullata”. Barra minn hekk, in-nota tad-dokumenti annessi mar-rikors hija intitolata “Nota tad-dokumenti annessi mar-rikors” u l-annessi tar-rikors huma identifikati bħala “anness numru […] għar-rikors għal annullament”.

41      Madankollu, minbarra l-fatt li, kemm fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kif ukoll fir-replika, ir-rikorrent jikkontesta formalment li ppreżenta kwalunkwe rikors għal annullament, jirriżulta, essenzjalment, b’mod ċar mir-rikors li, minkejja l-approssimazzjonijiet terminoloġiċi fis-sottomissjonijiet bil-miktub tiegħu, kif irrilevati fil-punt 40 iktar ’il fuq, ir-rikorrent ma kellux l-intenzjoni li jippreżenta rikors skont l-Artikolu 263 TFUE.

42      Fil-fatt, l-ewwel, l-ewwel tliet kapijiet tat-talbiet tar-rikorrent, li jiddeterminaw formalment is-suġġett tal-kawża, ma jinkludu ebda talba għall-annullament ta’ xi att, b’mod partikolari tal-ittra tas‑26 ta’ Ġunju 2014 jew ta’ deċiżjoni li tinformah bih din tal-aħħar. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat li, kif ġie espost b’mod iddettaljat fil-punti 50 sa 62 iktar ’il quddiem, l-imsemmija kapijiet tat-talbiet jinkludu biss talbiet għal riklassifikazzjoni ta’ KŻD suċċessivi f’KŻI, minn naħa, u talbiet għal kumpens għad-danni kuntrattwali u mhux kuntrattwali, min-naħa l-oħra.

43      It-tieni, kuntrarjament għal dak li jsostnu, essenzjalment, il-Kunsill u s-SEAE, fl-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li huma qajmu, u l-Missjoni Eulex Kosovo, fir-risposta tagħha, ir-rikorrent ma jikkontestax il-fondatezza tan-nuqqas ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu. Fil-fatt, kif dan indika formalment kemm fl-osservazzjonijiet dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà kif ukoll fir-replika, huwa ma jikkontestax, b’mod ġenerali, id-dritt tal-Missjoni Eulex Kosovo li ttemm ir-relazzjoni ta’ xogħol u ma jitlobx li jiġi integrat mill-ġdid fil-pożizzjoni tiegħu.

44      It-tielet, ir-rikorrent imkien ma jinvoka l-illegalità ta’ xi att sabiex jitlob l-annullament tiegħu. L-iktar l-iktar, essenzjalment, kif indika fir-risposta tiegħu għal domanda magħmula lilu waqt is-seduta u li ttieħdet nota tagħha fil-proċess verbal tas-seduta, huwa jinvoka l-illegalità tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 sabiex jinkiseb kumpens għad-dannu mhux kuntrattwali li huwa jinvoka, fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet, imqajjem b’mod prinċipali.

45      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li dan ir-rikors ma ġiex ippreżentat abbażi tal-Artikolu 263 TFUE. Konsegwentement, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà dedotta min-natura tardiva tal-allegat rikors għal annullament ippreżentat kontra l-ittra tas‑26 ta’ Ġunju 2014 imqajma mill-Kunsill, mis-SEAE u mill-Missjoni Eulex Kosovo għandha tiġi miċħuda bħala infondata fil-fatt u fid-dritt.

46      Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, hekk kif sostna r-rikorrent fil-kuntest tal-fażi bil-miktub tal-proċedura, ir-rikors jinkludix eċċezzjoni ta’ illegalità, skont l-Artikolu 277 TFUE, imqajma kontra l-Azzjoni Konġunta 2008/124.

47      Fil-fatt, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà u fir-replika, ir-rikorrent jenfasizza li, għalkemm, f’dan il-każ, il-motivi tiegħu huma bbażati fuq il-ksur tad-dritt applikabbli għall-kuntratti, huwa ma ppreżentax rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, “iżda rikors għad-danni bbażat, prinċipalment, fuq l-Artikolu 272[TFUE] u, sussegwentement, inċidentalment, fuq l-Artikoli 277 TFUE (eċċezzjoni ta’ illegalità) u 268 TFUE (responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni)”.

48      F’dan ir-rigward, kif diġà ġie rrilevat fil-punt 44 iktar ’il fuq, mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-rikorrent jirriżulta li dan invoka l-illegalità tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 biss, l-iktar l-iktar, sabiex jistabbilixxi l-fondatezza tat-talba tiegħu għal kumpens għad-dannu mhux kuntrattwali li huwa jallega fil-kuntest tat-tieni kap tat-talbiet, imqajma prinċipalment. Barra minn hekk, anki jekk jitqies li r-rikorrent qajjem eċċezzjoni ta’ illegalità tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, abbażi tal-Artikolu 277 TFUE, għandu għalhekk jiġi kkonstatat li din it-talba ma hija sostnuta minn ebda argument ta’ liġi jew ta’ fatt żviluppat fir-rikors u li, għaldaqstant, peress li r-rikorrent naqas milli jressaq l-iċken argument insostenn ta’ tali eċċezzjoni, hemm lok li jiġi kkonstatat li din ma tissodisfax il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura u għalhekk li tiġi ddikjarata inammissibbli (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal‑14 ta’ Lulju 2016, Alesa vs Il-Kummissjoni, T‑99/14, mhux ippubblikata, EU:T:2016:413, punti 87 sa 91, u s-sentenza tat‑3 ta’ Marzu 2021, Barata vs Il-Parlament, T‑723/18, taħt appell, EU:T:2021:113, punti 59 sa 62).

49      Fit-tielet lok, għandhom jiġu ddeterminati l-bażi legali u s-suġġett tal-ewwel tliet kapijiet tat-talbiet tar-rikorrent.

50      Fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet, imqajjem b’mod prinċipali, minn naħa, dan huwa fformulat skont l-Artikolu 272 TFUE għall-attenzjoni tal-qorti tal-Unjoni, fil-kuntest ta’ klawżola ta’ arbitraġġ li tiddenomina lil din tal-aħħar u li tinsab fl-aħħar KŻD konkluż bejn ir-rikorrent u l-Missjoni Eulex Kosovo.

51      Fil-fatt, mill-motivi tar-rikors, taħt it-titolu “Ġurisdizzjoni”, jirriżulta li r-rikorrent jinvoka, billi jirriproduċiha, l-imsemmija klawżola ta’ arbitraġġ, li tiddenomina lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea bħala li għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi tilwima dwar l-imsemmi kuntratt billi tagħmel riferiment espress għall-Artikolu 272 TFUE.

52      Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-suġġett tat-talbiet ifformulati fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet, kif jirriżulta mis-sunt li għamlet tagħhom il-Qorti tal-Ġustizzja, kif imsemmi fil-punt 38 iktar ’il fuq, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tikklassifika l-KŻD suċċessivi f’KŻI u tikkonstata li l-kundizzjonijiet li fihom il-Missjoni Eulex Kosovo temmet dan il-KŻI jiksru d-dritt industrijali applikabbli għal dan it-tip ta’ kuntratt. F’dan ir-rigward, fil-formulazzjoni stess tal-ewwel kap tat-talbiet, kif riprodott fil-punt 31 iktar ’il fuq, ir-rikorrent jibbaża ruħu, b’mod partikolari, fuq regoli formali u sostantivi applikabbli għat-terminazzjoni ta’ KŻI u jinvoka r-regoli fil-qasam tal-kumpens kumpensatorju ta’ preavviż.

53      B’hekk, is-suġġett tar-rikors fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet, ippreżentat prinċipalment, jinsab fi ħdan il-qafas iddefinit mill-kuntratt(i) ta’ xogħol tar-rikorrent, moqri(ja) u interpretat(i) fid-dawl tad-dritt industrijali applikabbli.

54      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li l-ewwel kap tat-talbiet, ippreżentat prinċipalment, huwa intiż, fir-rigward tad-dritt applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni, sabiex tinkiseb, minn naħa, riklassifikazzjoni tal-KŻD suċċessivi f’KŻI u, min-naħa l-oħra, bħala konsegwenza tal-imsemmija riklassifikazzjoni u minħabba l-ksur mill-konvenuti tal-obbligi kuntrattwali tagħhom, kumpens għad-danni kuntrattwali kollha allegatament subiti, minħabba l-abbuż ta’ KŻD suċċessivi u minħabba l-ksur tad-drittijiet tar-rikorrent fil-kuntest ta’ KŻI kif ukoll tal-kundizzjonijiet ta’ terminazzjoni ta’ dan it-tip ta’ kuntratt.

55      Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, ippreżentat ukoll prinċipalment, l-ewwel, fir-risposta tiegħu tat‑30 ta’ April 2020, ir-rikorrent indika li l-imsemmi kap tat-talbiet kien intiż “li jikkontesta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet abbażi tal-Artikoli 268 u 340 [TFUE], b’rabta mal-ħolqien ta’ qafas ġuridiku […] dwar l-okkupazzjoni ta’ persunal bil-kuntratt internazzjonali mill-missjonijiet li [kienu] illegali għar-raġunijiet invokati permezz tar-rikors”.

56      It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm tali bażi legali ma tidhirx b’mod espliċitu fir-rikors, mill-motivi ta’ dan tal-aħħar jirriżulta b’mod ċar li l-imsemmi kap tat-talbiet huwa intiż sabiex jinkiseb kumpens għad-danni marbuta mal-għażliet tal-istituzzjonijiet dwar il-politika ta’ reklutaġġ tal-persunal ċivili internazzjonali tal-missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni li ħadem għalihom ir-rikorrent.

57      Fil-fatt, qabelxejn, kif ġabret fil-qosor il-Qorti tal-Ġustizzja stess fil-punt 3 tas-sentenza tal-appell, bit-tieni kap tat-talbiet, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali tiddikjara li l-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE ttrattawh b’mod diskriminatorju matul il-perijodu ta’ impjieg tiegħu fi ħdan il-missjonijiet imsemmija fil-punti 1 sa 3 iktar ’il fuq, fir-rigward tar-remunerazzjoni tiegħu, tad-drittijiet tiegħu għall-pensjoni u benefiċċji oħra, tikkonstata li huwa kellu jiġi rreklutat bħala membru tal-persunal temporanju ta’ wieħed minnhom u, konsegwentement, tikkundannahom jikkumpensawh għad-dannu mġarrab.

58      Sussegwentement, it-talba għal kumpens li tinsab fit-tieni kap tat-talbiet ma hijiex diretta kontra l-Missjoni Eulex Kosovo, parti kontraenti li magħha ir-rikorrent kien ikkonkluda l-aħħar KŻD, li jinkludi l-klawżola ta’ arbitraġġ li tiddenomina lill-qorti tal-Unjoni.

59      Fl-aħħar, fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà, fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, kif ġie rrilevat fil-punt 55 iktar ’il fuq, ir-rikorrent mhux biss irrefera espliċitament għad-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 268 u 340 TFUE, iżda barra minn hekk ippreċiża, billi żammhom, il-motivi li jinsabu fir-rikors intiżi li jsostnu t-talba tiegħu għal kumpens abbażi tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-konvenuti kkonċernati.

60      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jitqies li t-tieni kap tat-talbiet, ippreżentat prinċipalment, huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 268 u 340 TFUE u huwa intiż li jinkiseb kumpens, mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mis-SEAE, għad-danni mhux kuntrattwali li r-rikorrent allegatament ġarrab minħabba l-politika tagħhom ta’ reklutaġġ tal-persunal ċivili internazzjonali fi ħdan il-missjonijiet li ħadem għalihom ir-rikorrent.

61      Fir-rigward tat-tielet kap tat-talbiet, ippreżentat sussidjarjament, huwa paċifiku li dan huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 268 u 340 TFUE. L-imsemmi kap tat-talbiet huwa intiż li tiġi rrikonoxxuta r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-“istituzzjonijiet Ewropej” minħabba d-dannu li jġarrab ir-rikorrent fil-każ ta’ ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel żewġ kapijiet tat-talbiet tiegħu, ippreżentati b’mod prinċipali.

62      Bħala konklużjoni, fir-rigward tad-determinazzjoni tas-suġġett ta’ dan ir-rikors, mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 45, 48, 54, 60 u 61 iktar ’il fuq jirriżulta li, fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet, ippreżentat b’mod prinċipali, l-imsemmi rikors ġie ppreżentat abbażi tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tiddenomina lil-qorti tal-Unjoni li tinsab fl-aħħar KŻD u li, fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, ippreżentat ukoll prinċipalment, u tat-tielet kap tat-talbiet, ippreżentat sussidjarjament, dan ir-rikors huwa rikors għad-danni mhux kuntrattwali, ippreżentat fuq il-bażi tal-Artikoli 268 TFUE u 340 TFUE.

2.      Fuq il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali wara s-sentenza tal-appell

63      Permezz tal-punt 1 tad-dispożittiv tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-digriet inizjali fl-intier tiegħu. Barra minn hekk, peress li ma kinitx f’pożizzjoni li tiddeċiedi fuq il-mertu tal-kawża, hija ddeċidiet, fil-punt 2 tad-dispożittiv, li tibgħatha lura quddiem il-Qorti Ġenerali. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi fuq il-kapijiet kollha tat-talbiet tar-rikors.

64      F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ewwel kap tat-talbiet, għandu jitfakkar li, fil-punti 49 u 50 tas-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja qieset li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet żball ta’ liġi meta ddikjarat lilha nnifisha manifestament inkompetenti sabiex tiddeċiedi b’mod partikolari fuq l-imsemmi kap tat-talbiet, minkejja li, fid-dawl tal-punt 10 tas-sentenza tal‑1 ta’ Lulju 1982, Porta vs Il-Kummissjoni (109/81, EU:C:1982:253), li għamlet riferiment għaliha fil-punt 44 tas-sentenza tal-appell, hija kellha tivverifika jekk u, skont il-każ, sa fejn hija setgħet tieħu wkoll inkunsiderazzjoni kuntratti tax-xogħol li ppreċedew l-aħħar KŻD.

65      Mill-punti 45 sa 47 tas-sentenza tal-appell jirriżulta li, sa fejn it-talbiet tar-rikorrent huma relatati mal-eżistenza ta’ relazzjoni ta’ xogħol unika u kontinwa bbażata fuq serje ta’ KŻD, dawn huma intiżi għal riklassifikazzjoni mill-ġdid tal-kuntratti kollha u huma bbażati fuq dawn il-kuntratti kollha, inkluż l-aħħar KŻD. Minn dan il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet, fil-punt 48 ta’ din is-sentenza, li r-rikors kien jinkludi talbiet li kienu joriġinaw ukoll mill-aħħar KŻD.

66      Għaldaqstant, fir-rigward tat-talbiet li jidhru fl-ewwel kap tat-talbiet, il-Qorti Ġenerali għandha teżaminahom billi tieħu inkunsiderazzjoni wkoll il-kuntratti ta’ xogħol li ppreċedew l-aħħar KŻD.

67      Fit-tieni lok, peress li t-talbiet għad-danni mressqa mir-rikorrent – kemm fit-tieni kap tat-talbiet kif ukoll fit-tielet kap tat-talbiet – ma humiex ifformulati fil-kuntest ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, skont l-Artikolu 272 TFUE, iżda fuq il-bażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE, il-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali sabiex tiddeċiedi dwarhom ma tiddependix fuq il-klawżoli ta’ arbitraġġ li jinsabu fid-diversi KŻD konklużi mir-rikorrent.

68      Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li, fir-rigward tal-atti ta’ ġestjoni tal-persunal relatati mal-operazzjonijiet “fuq il-post”, il-Qorti Ġenerali u, fil-każ ta’ appell, il-Qorti tal-Ġustizzja għandhom ġurisdizzjoni sabiex jistħarrġu tali atti. Skont il-Qorti tal-Ġustizzja, din il-ġurisdizzjoni tirriżulta, fir-rigward tat-tilwim fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali, mill-Artikolu 268 TFUE, moqri flimkien mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-Artikolu 19(1) TUE u l-Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 58). F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li deċiżjonijiet ta’ stazzjonament mill-ġdid tal-membri ta’ missjoni fuq il-post, minkejja li ġew adottati fil-kuntest tal-politika estera u ta’ sigurtà komuni (PESK), ma kinux jikkostitwixxu atti msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 24(1) TUE u fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 275 TFUE u li, konsegwentement, jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni tal-qorti tal-Unjoni skont id-dispożizzjonijiet ġenerali tat-Trattat FUE msemmija iktar ’il fuq fir-rigward tat-tilwim fil-qasam tar-responsabbiltà mhux kuntrattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tad‑19 ta’ Lulju 2016, H vs Il-Kunsill et, C‑455/14 P, EU:C:2016:569, punt 59).

69      F’dan il-każ, mis-suġġetti rispettivi tat-talbiet għad-danni mressqa mir-rikorrent fit-tieni u fit-tielet kapijiet tat-talbiet, kif iddeterminati fil-punti 55 sa 61 iktar ’il fuq, jirriżulta li dawn, sa fejn jirrigwardaw il-kuntest ġuridiku ta’ reklutaġġ, fuq bażi kuntrattwali, tal-persunal ċivili internazzjonali tal-missjonijiet b’mod ġenerali u l-kundizzjonijiet speċifiċi ta’ reklutaġġ tar-rikorrent, jikkonċernaw atti ta’ ġestjoni tal-persunal. Għaldaqstant, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina l-imsemmija talbiet abbażi tal-Artikolu 268 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

70      Bħala konklużjoni, il-Qorti Ġenerali għandha ġurisdizzjoni sabiex teżamina, minn naħa, it-talbiet ifformulati fl-ewwel kap tat-talbiet skont il-klawżola ta’ arbitraġġ li tiddenomina lill-qorti tal-Unjoni li tinsab fl-aħħar KŻD u, min-naħa l-oħra, it-talbiet ifformulati fit-tieni u fit-tielet kapijiet tat-talbiet, imressqa rispettivament prinċipalment u sussidjarjament, abbażi tal-Artikolu 268 u tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE.

B.      Fuq l-ammissibbiltà

71      Il-konvenuti jqajmu diversi eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà. Huma jsostnu, separatament jew konġuntament, minn naħa, li t-talba għal kumpens sussidjarja ma hijiex ċara biżżejjed u, min-naħa l-oħra, li l-fatti, id-deċiżjonijiet u l-irregolaritajiet eventwali invokati mir-rikorrent ma humiex imputabbli fil-konfront tagħhom.

72      Ir-rikorrent jikkontesta l-fondatezza ta’ dawn iż-żewġ eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà.

73      Qabelxejn, fir-rigward tal-ewwel eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq in-nuqqas ta’ ċarezza tat-talba għal kumpens sussidjarja, eċċezzjoni li hija marbuta esklużivament mat-tielet kap tat-talbiet, sa fejn din hija speċifikament ippreżentata sussidjarjament meta mqabbla mal-ewwel żewġ talbiet, jeħtieġ li l-eżami possibbli tagħha jiġi rriżervat għall-każ fejn l-ewwel żewġ kapijiet tat-talbiet ikollhom jiġu miċħuda.

74      Fir-rigward tat-tieni eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà, ibbażata fuq il-fatt li l-fatti, id-deċiżjonijiet u l-irregolaritajiet eventwali invokati mir-rikorrent ma humiex imputabbli lill-konvenuti, essenzjalment, dawn tal-aħħar isostnu li huma ma kellhom ebda rabta kuntrattwali mar-rikorrent (fir-rigward tal-Kunsill, tas-SEAE jew tal-Kummissjoni) jew li huma ma stabbilixxew ebda rabta magħhom qabel il‑5 ta’ April 2010 (fir-rigward tal-Missjoni Eulex Kosovo). Għaldaqstant, l-aġir allegat ma huwiex imputabbli lilhom, kompletament jew parzjalment.

75      L-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li l-argumenti esposti insostenn ta’ din l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà huma kollha relatati, tal-inqas essenzjalment, mat-talba għal riklassifikazzjoni tal-KŻD suċċessivi f’KŻI u għat-talba għal kumpens għad-dannu kuntrattwali li allegatament ġarrab ir-rikorrent. Madankollu, fid-dawl tal-konstatazzjoni magħmula fil-punt 54 iktar ’il fuq, l-imsemmija talbiet huma fformulati mir-rikorrent fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet, ippreżentat b’mod prinċipali. Għaldaqstant, għandu jitqies li, essenzjalment, l-imsemmija eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ma hijiex intiża kontra r-rikors fl-intier tiegħu, iżda biss kontra l-ewwel kap tat-talbiet.

76      It-tieni, għandu jiġi kkonstatat li, meta l-Qorti Ġenerali tiġi adita, fil-kuntest ta’ klawżola ta’ arbitraġġ, skont l-Artikolu 272 TFUE, b’rikors dwar id-dritt industrijali u li jirrigwarda, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk relazzjoni kuntrattwali għandhiex tiġi kklassifikata mill-ġdid bħala KŻI, l-eżami tal-involviment eventwali tal-konvenuti inkwistjoni fl-imsemmija relazzjoni u, jekk ikun il-każ, tal-perijodu kkonċernat, huwa kwistjoni strettament marbuta mal-eżami tal-fondatezza tar-rikors.

77      It-tielet, l-istess għandu jingħad fir-rigward tal-eżami tal-kwistjoni dwar jekk u sa fejn kull wieħed mill-konvenuti huwa responsabbli għad-danni kuntrattwali li jinvoka r-rikorrent fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet, a fortiori sa fejn it-talba għal riklassifikazzjoni f’KŻI u t-talba għal kumpens sussegwenti jirrigwardaw mhux biss ir-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita mir-rikorrent fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo, iżda wkoll dawk li ġew stabbiliti fil-kuntest tal-ewwel żewġ missjonijiet imsemmija fil-punti 1 u 2 iktar ’il fuq. Madankollu, minn naħa, fir-rigward tal-Missjoni Eulex Kosovo, din ingħatat il-personalità ġuridika biss fl-2014, wara l-inklużjoni, permezz tad-Deċiżjoni 2014/349, tal-Artikolu 15a tal-Azzjoni Konġunta 2008/124. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-ewwel żewġ missjonijiet, hekk kif jirriżulta mill-punti 1 u 2 iktar ’il fuq, dawn ma għadhomx attivi. Għaldaqstant, jekk it-talba għal riklassifikazzjoni tar-relazzjonijiet ta’ impjieg kollha tar-rikorrent fi ħdan it-tliet missjonijiet, bejn l‑20 ta’ Awwissu 1994 u l‑14 ta’ Novembru 2014, f’KŻI unika u t-talba għal kumpens għad-dannu kuntrattwali allegat kellhom jintlaqgħu, fi kwalunkwe każ, sal-għoti tal-personalità ġuridika lill-Missjoni Eulex Kosovo, fit‑12 ta’ Ġunju 2014, għandhom jiġu identifikati l-istituzzjonijiet tal-Unjoni li fil-konfront tagħhom hija imputabbli ir-responsabbiltà marbuta mal-attivitajiet ikkonċernati.

78      Huwa għalhekk wara l-eżami tal-mertu tal-ewwel kap tat-talbiet li eventwalment ikun hemm lok, fir-rigward tad-dritt applikabbli, li jiġi ddeterminat sa fejn it-talbiet ifformulati mir-rikorrent fl-imsemmi kap tat-talbiet huma fondati fir-rigward ta’ kull waħda mill-konvenuti.

79      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti u taċ-ċirkustanzi inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali tqis utli, fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, li teżamina t-talbiet ifformulati skont l-ewwel kap tat-talbiet qabel ma eventwalment teżamina l-imsemmija eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52).

C.      Fuq il-mertu

1.      Fuq it-talba, prinċipalment, għal riklassifikazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali f’KŻI u għal kumpens għal dannu kuntrattwali (l-ewwel kap tat-talbiet)

a)      Fuq it-talba għal riklassifikazzjoni ta’ KŻD suċċessivi f’KŻI uniku

80      Fir-rigward tal-eżami tal-fondatezza tat-talba li tinsab fl-ewwel kap tat-talbiet sa fejn hija intiża sabiex tinkiseb ir-riklassifikazzjoni tal-KŻD suċċessivi tar-rikorrent f’KŻI, għandu jiġi rrilevat li, fil-parti dwar is-suġġett tar-rikors u fit-talbiet tar-rikors, ir-rikorrent jitlob, permezz tal-ewwel kap tat-talbiet, f’termini ġenerali, li “[t]iġi rrikklassifikata r-relazzjoni kuntrattwali tiegħu f’[KŻI]”. Barra minn hekk, mill-motivi tar-rikors li jsostnu l-imsemmija talba jirriżulta li b’“relazzjoni kuntrattwali”, ir-rikorrent jifhem l-KŻD suċċessivi kollha li huwa kkonkluda fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu fi ħdan il-missjonijiet imsemmija fil-punti 1 sa 3 iktar ’il fuq. Konsegwentement, it-talba għal riklassifikazzjoni tar-relazzjoni kuntrattwali f’KŻI u t-talba għal kumpens tal-allegat dannu kuntrattwali jirrigwardaw, prinċipalment, il-kuntratti kollha konklużi fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu fi ħdan il-missjonijiet u, sussidjarjament, il-ħdax-il KŻD, relatati mal-attivitajiet tiegħu fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo.

81      Madankollu, mis-sentenza tal-appell jirriżulta li l-ġurisdizzjoni tal-Qorti Ġenerali tirriżulta mill-klawżola ta’ arbitraġġ li tiddenomina lill-qorti tal-Unjoni li tinsab fl-aħħar KŻD u li, kif ġie kkonstatat fil-punti 64 sa 66 iktar ’il fuq, din il-ġurisdizzjoni tkopri t-talbiet kollha li joriġinaw mill-aħħar KŻD jew li għandhom rabta diretta mal-obbligi li jirriżultaw minn dan il-kuntratt.

82      Għaldaqstant, sa fejn l-aħħar KŻD jagħmel parti mill-ħdax-il KŻD, li jirrigwardaw l-attivitajiet tar-rikorrent fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo, għandha, l-ewwel, tiġi eżaminata t-talba tar-rikorrent għal riklassifikazzjoni f’KŻI uniku tal-ħdax-il KŻD. Fil-fatt, li kieku din it-talba kellha tiġi miċħuda, il-Qorti Ġenerali ma jkollhiex ġurisdizzjoni sabiex teżamina t-talba għal riklassifikazzjoni f’KŻI tal-ewwel żewġ serje ta’ KŻD, konklużi mir-rikorrent fil-kuntest tal-attivitajiet tiegħu fi ħdan l-ewwel żewġ missjonijiet, imsemmija fil-punti 1 u 2 iktar ’il fuq, peress li dawn l-aħħar KŻD ma kinux jinkludu klawżola ta’ arbitraġġ li tiddenomina lill-qorti tal-Unjoni.

83      Għall-finijiet tal-eżami tat-talba għal riklassifikazzjoni tal-ħdax-il KŻD f’KŻI uniku, għandu jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrent u l-Missjoni Eulex Kosovo jew il-kapijiet tal-missjoni fir-rigward tal-ewwel disa’ KŻD, u sussegwentement jiġi applikat l-imsemmi dritt.

1)      Fuq id-determinazzjoni tad-dritt applikabbli għall-ħdax-il KŻD

84      Fir-rigward tad-dritt applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu fil-kuntest tal-Missjoni Eulex Kosovo, ir-rikorrent jallega ksur, minn naħa, tad-dispożizzjonijiet differenti tad-dritt Belġjan jew, sussidjarjament, tad-dritt Irlandiż u, min-naħa l-oħra, ta’ diversi normi u prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari tal-prinċipji u tar-regoli li huma stabbiliti jew li jirriżultaw mid-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat‑28 ta’ Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u miċ-CEEP (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 5, Vol. 3, p. 368). Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑17 ta’ Ġunju 2008 dwar il-liġi applikabbli għall-obbligazzjonijiet kuntrattwali (Ruma I) (ĠU 2008, L 177, p. 6), b’mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu, għandu jiġi applikat id-dritt Belġjan għal din it-tilwima. Fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, ir-rikorrent jinvoka l-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni, li minnha jirriżulta li l-prinċipji li jirriżultaw mid-Direttiva 1999/70 jistgħu jiġu invokati kontra istituzzjonijiet tal-Unjoni meta dawn jikkostitwixxu l-espressjoni speċifika tar-regoli fundamentali tat-Trattat UE u tal-prinċipji ġenerali li huma imposti direttament fuq l-imsemmija istituzzjonijiet. Barra minn hekk, ir-rikorrent jinvoka l-ksur tal-Kodiċi Ewropew ta’ Mġiba Amministrattiva Tajba tal-Ombudsman Ewropew (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi ta’ Mġiba Tajba”), li, fil-fehma tiegħu, jirriproduċi, essenzjalment, id-drittijiet kollha tal-ħaddiema kif dawn id-drittijiet huma protetti mill-istrumenti tal-Unjoni u mit-testi nazzjonali.

85      Ir-rikorrent isostni l-ewwel li, minn naħa, l-impenn tiegħu fuq il-bażi tal-KŻD suċċessivi kien abbużiv u li l-formalità meħtieġa, skont id-dritt Belġjan, qabel il-konklużjoni ta’ dawn il-KŻD ma ġietx osservata. Għaldaqstant, huwa jitlob li r-relazzjoni kuntrattwali tiegħu tiġi kklassifikata mill-ġdid f’KŻI. Min-naħa l-oħra, minħabba din ir-riklassifikazzjoni, id-drittijiet soċjali kollha li kien igawdi minnhom fil-kwalità tiegħu ta’ ħaddiem impjegat taħt l-iskema ta’ KŻI, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tal-pensjoni, iżda wkoll ta’ informazzjoni, ta’ konsultazzjoni, ta’ notifika u ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt, kienu ġew miksura. Kuntrarjament, huwa jiddikjara li ma jikkontestax il-legalità tad-deċiżjoni li ma jiġġeddidx il-kuntratt tiegħu u ma jitlobx li jiġi integrat mill-ġdid fil-pożizzjoni tiegħu.

86      Sussegwentement, huwa jikkontesta l-argument li d-dritt applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu huwa d-dritt awtonomu tal-Missjoni Eulex Kosovo, peress li l-istrumenti legali li hija tinvoka ma jistgħux jiġu invokati kontrih.

87      Fl-aħħar, b’risposta għal domanda li saritlu fil-kuntest tal-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li stednitu jagħmel osservazzjonijiet eventwali dwar il-leġiżlazzjoni Irlandiża li, skont il-Missjoni Eulex Kosovo, hija applikabbli għal din it-tilwima, ir-rikorrent isostni, minn naħa, li, fiċ-ċirkustanzi inkwistjoni, ma hemmx raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw rikors għal KŻD lil hinn mil-limitu ta’ erba’ snin previst fl-Artikolu 9 tal-Protection of Employees (Fixed – Term Work) Act 2003 (il-Liġi tal-2003 dwar il-Protezzjoni tal-Ħaddiema Impjegati (Xogħol għal Żmien Determinat), iktar ’il quddiem il-“Liġi tal-2003”), b’mod li, konformement mal-imsemmi artikolu, ma hemmx lok li r-relazzjoni kuntrattwali tiġi rriklassifikata f’KŻI. Min-naħa l-oħra, huwa indika li l-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-Liġi tal-2003, dwar l-obbligi ta’ informazzjoni minn qabel tal-persuna li timpjega lejn l-impjegat matul it-tiġdid tal-KŻD, “jimplika ipso facto r-riklassifikazzjoni f’KŻI tal-KŻD”.

88      Il-missjoni Eulex Kosovo, sostnuta fil-biċċa l-kbira mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mis-SEAE, tikkontesta l-argument tar-rikorrent.

89      B’mod partikolari, il-Missjoni Eulex Kosovo u s-SEAE jsostnu li d-dritt applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali stabbilita fil-kuntest tal-ħdax-il KŻD huwa kkostitwit mid-dritt awtonomu tal-Missjoni Eulex Kosovo, kif żviluppa sa mill-ħolqien tagħha fl-2008. Dan id-dritt awtonomu għandu l-għan li jirregola l-kuntratti ta’ xogħol li l-Missjoni tikkonkludi mal-membri tal-persunal bil-kuntratt, b’teħid inkunsiderazzjoni tal-karatteristiċi speċifiċi tagħha, b’mod partikolari tan-natura temporanja tagħha. Jekk il-Qorti Ġenerali ma tapplikax tali dritt awtonomu, il-Missjoni ssostni, skont ir-Regolament Ruma I u l-klawżoli tal-ħdax-il KŻD, fid-dawl tar-residenza fiskali permanenti tar-rikorrent fl-Irlanda, li huwa d-dritt industrijali Irlandiż li japplika għar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni. Il-Kunsill jaqbel espressament ma’ dawn l-argumenti tal-Missjoni Eulex Kosovo.

i)      Osservazzjonijiet preliminari

90      Mill-argumenti tal-partijiet jirriżulta li huma jibbażaw ruħhom fuq sorsi normattivi differenti li, fil-fehma tagħhom, japplikaw f’dan il-każ.

91      F’dan ir-rigward, l-ewwel, għandu jiġi eżaminat l-argument tas-SEAE u tal-Missjoni Eulex Kosovo li jgħid li, f’dan il-każ, għandu jiġi applikat dritt awtonomu, li ġie żviluppat wara l-ħolqien tal-Missjoni fl-2008 u għandu l-għan li jirregola l-kuntratti ta’ xogħol konklużi mal-membri tal-persunal bil-kuntratt, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi speċifiċi tiegħu.

92      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li l-leġiżlatur tal-Unjoni ma adottax, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju, u b’mod partikolari tal-Artikolu 336 TFUE, regoli intiżi li jirregolaw, pereżempju fil-Kondizzjonijiet tal-impjieg applikabbli għall-aġenti l-oħra tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Kondizzjonijiet tal-impjieg”) jew kull att ieħor, il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal bil-kuntratt ta’ missjoni PESK, bħall-Missjoni Eulex Kosovo.

93      Barra minn hekk, mit-termini tal-atti adottati wara l-ħolqien tal-imsemmija funzjoni ma jirriżultax li dawn jinkludu dispożizzjonijiet li huma xierqa sabiex jirregolaw it-tilwima li fuqhom huwa bbażat l-ewwel kap tat-talbiet, jiġifieri t-talba għal riklassifikazzjoni tal-ħdax-il KŻD f’KŻI wieħed, minn naħa, u t-talba għal kumpens għad-danni kuntrattwali allegatament imġarrba fil-kuntest tar-relazzjoni ta’ xogħol inkwistjoni, min-naħa l-oħra.

94      Għaldaqstant, huwa b’mod żbaljat li s-SEAE u l-Missjoni Eulex Kosovo jinvokaw l-applikazzjoni ta’ dritt awtonomu għal din it-tilwima.

95      It-tieni, fir-rigward tal-ksur tal-Kodiċi ta’ Mġiba Tajba invokat mir-rikorrent, mill-kliem stess tal-imsemmi kodiċi, b’mod partikolari mill-Artikoli 1 sa 3 tiegħu, jirriżulta li din hija gwida ta’ prattika amministrattiva tajba li l-istituzzjonijiet, il-korpi jew l-organi tal-Unjoni, l-amministrazzjonijiet tagħhom u l-membri tal-persunal tagħhom għandhom josservaw fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pubbliku. Konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 3(2) tal-imsemmi kodiċi, il-prinċipji li dan tal-aħħar jistabbilixxi ma japplikawx għar-relazzjonijiet bejn l-imsemmija entitajiet u l-uffiċjali jew impjegati oħra tal-Unjoni. Għaldaqstant, il-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-imsemmi kodiċi ma jistgħux jiġu validament invokati mir-rikorrent fir-relazzjonijiet tiegħu ma’ waħda mill-konvenuti, bħala persuna li timpjega (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tas‑7 ta’ Lulju 2010, Tomas vs Il-Parlament, F‑116/07, F‑13/08 u F‑31/08, EU:F:2010:77, punti 85 u 86). Għaldaqstant, l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-imsemmi kodiċi għandu jiġi miċħud bħala infondat.

96      It-tielet, fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li jinvoka r-rikorrent, huwa minnu li l-prinċipju ta’ projbizzjoni tal-abbuż tad-dritt, li skontu ebda persuna ma tista’ tinvoka abbużivament regoli tad-dritt, jagħmel parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni li l-qorti tal-Unjoni tiżgura l-osservanza tagħhom (ara s-sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Frar 2018, Altun et, C‑359/16, EU:C:2018:63, punt 49).

97      Barra minn hekk, permezz tad-Direttiva 1999/70, u b’mod iktar preċiż permezz tal-implimentazzjoni tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat, konkluż fit‑18 ta’ Marzu 1999 (iktar ’il quddiem il-“Ftehim qafas KŻD”), li jikkostitwixxi l-anness tal-imsemmija direttiva, il-leġiżlatur tal-Unjoni stabbilixxa qafas legali li l-għan tiegħu huwa l-prevenzjoni tal-abbużi ta’ dritt li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

98      Il-ġlieda kontra l-abbuż tad-dritt li jirriżulta mill-użuta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi tissodisfa l-għanijiet li l-Unjoni u l-Istati Membri, b’konsapevolezza tad-drittijiet soċjali fundamentali bħalma huma dawk li jinsabu fil-Karta Soċjali Ewropea, iffirmata f’Torino fit‑18 ta’ Ottubru 1961 u fil-Karta Komunitarja tad-Drittijiet Soċjali Fundamentali tal-Ħaddiema tal-1989, stabbilixxew fl‑Artikolu 151 TFUE, li fosthom hemm it-titjib tal-kundizzjonijiet tal‑ħajja u tax-xogħol tal-ħaddiema kif ukoll protezzjoni soċjali adegwata ta’ dawn tal‑aħħar (sentenza tal‑21 ta’ Settembru 2011, Adjemian et vs Il-Kummissjoni, T‑325/09 P, EU:T:2011:506, punt 60).

99      Madankollu, mill-ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li, meta tkun adita fil-kuntest ta’ klawżola ta’ arbitraġġ skont l-Artikolu 272 TFUE, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi l-kawża abbażi tad-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli għall-kuntratt (ara s-sentenza tal‑4 ta’ Mejju 2017, Meta Group vs Il-Kummissjoni, T‑744/14, mhux ippubblikata, EU:T:2017:304, punt 64; ara wkoll, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑18 ta’ Diċembru 1986, Il-Kummissjoni vs Zoubek, 426/85, EU:C:1986:501, punt 4).

100    Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, id-dritt tal-Unjoni jeżiġi li, fit-traspożizzjoni tad-direttivi, l-Istati Membri huma marbuta li jibbażaw ruħhom fuq interpretazzjoni tagħhom li tippermetti li jiġi żgurat bilanċ ġust bejn id-diversi drittijiet fundamentali protetti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Sussegwentement, matul l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ traspożizzjoni ta’ dawn id-direttivi, l-awtoritajiet u l-qrati tal-Istati Membri għandhom mhux biss jinterpretaw id-dritt nazzjonali tagħhom b’mod konformi ma’ dawn id-direttivi, iżda għandhom jiżguraw ukoll li ma jibbażawx ruħhom fuq interpretazzjoni ta’ dawn id-direttivi li tkun kunfliġġenti mal-imsemmija drittijiet fundamentali jew mal-prinċipji ġenerali l-oħra tad-dritt tal-Unjoni (ara sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2018, Bastei Lübbe, C‑149/17, EU:C:2018:841, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

101    Għaldaqstant, fid-dawl tal-klawżola ta’ arbitraġġ, li tiddenomina lill-qorti tal-Unjoni u li tinsab fl-aħħar KŻD, huwa abbażi tal-implimentazzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli għal din il-kawża li l-Qorti Ġenerali għandha tiżgura l-osservanza tal-prinċipju ġenerali tal-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt li jirriżulta mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

ii)    Regoli għad-determinazzjoni tad-dritt nazzjonali applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni

102    Fir-rigward tal-eżami tal-fondatezza tal-ewwel kap tat-talbiet, li huwa intiż li jinkisbu, minn naħa, riklassifikazzjoni mill-ġdid tal-KŻD suċċessivi f’KŻI uniku u, min-naħa l-oħra, wara l-imsemmija riklassifikazzjoni, kumpens għad-danni kuntrattwali allegatament imġarrba, fid-dawl tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 99, għandu jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli għar-relazzjoni kuntrattwali inkwistjoni. F’dan ir-rigward, mis-suġġett tal-kawża li fuqha huwa bbażat l-imsemmi kap tat-talbiet jirriżulta li d-dritt nazzjonali applikabbli huwa d-dritt industrijali.

103    Sabiex tiddetermina d-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli għal kawża fil-qasam tad-dritt industrijali, bħal dik inkwistjoni, il-qorti tal-Unjoni tirrikorri għar-regoli tad-dritt internazzjonali privat u, b’mod partikolari, skont l-Artikolu 28 tar-Regolament Ruma I, fir-rigward ta’ kuntratti konklużi, bħall-ħdax-il KŻD, wara s‑17 ta’ Diċembru 2009, dawk li jinsabu fl-Artikolu 8 tal-imsemmi regolament, dwar il-kuntratti individwali ta’ xogħol.

104    L-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma I jipprovdi li “[i]l-kuntratt individwali ta’ impjieg għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet skond l-Artikolu 3” ta’ dan ir-regolament, li “ma tistax twassal li ċċaħħad l-impjegat mill-protezzjoni mogħtija lilu permezz ta’ dispożizzjonijiet li ma jistgħux jiġu derogati bi ftehim taħt il-liġi [tal-pajjiż li fih il-ħaddiem, fl-eżekuzzjoni tal-kuntratt, iwettaq abitwalment l-impjieg tiegħu jew tal-pajjiż li fih ikun jinsab l-isabbiliment li jkun ingaġġa lill-ħaddiem]”. L-Artikolu 3(1) tar-Regolament Ruma I jipprovdi li l-“[k]untratt għandu jkun regolat mil-liġi magħżula mill-partijiet”, għażla li “għandha ssir espressament jew tkun manifestata b’mod ċar permezz tat-termini tal-kuntratt jew taċ-ċirkostanzi tal-każ”, u li, “[b]l-għażla tagħhom, il-partijiet jistgħu jagħżlu l-liġi applikabbli għat-totalità jew għal parti biss tal-kuntratt”.

105    Għaldaqstant, id-dritt applikabbli għall-kuntratt huwa, bħala prinċipju, dak li huwa espressament previst fil-kuntratt, peress li l-klawżoli kuntrattwali li jesprimu r-rieda komuni tal-partijiet għandhom jippreċedu fuq kull kriterju ieħor li jintuża biss meta jkun hemm xejn indikat fil-kuntratt (ara sentenza tat‑18 ta’ Frar 2016, Calberson GE vs Il-Kummissjoni, T‑164/14, EU:T:2016:85, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata).

106    Fl-assenza ta’ għażla eżerċitata mill-partijiet, il-qorti tal-Unjoni għandha tiddetermina d-dritt applikabbli għall-kuntratt individwali ta’ xogħol billi tuża l-kriterji oġġettivi previsti fl-Artikolu 8(2) sa (4) tar-Regolament Ruma I. Skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, fin-nuqqas ta’ għażla, il-kuntratt individwali ta’ xogħol għandu jkun irregolat mil-liġi tal-pajjiż li fih jew, fin-nuqqas ta’ dan, li minnu l-impjegat abitwalment iwettaq ix-xogħol tiegħu. Fejn il-liġi applikabbli ma tkunx tista’ tiġi ddeterminata skont il-paragrafu 2, il-kuntratt għandu jkun irregolat mil-liġi tal-pajjiż fejn ikun jinsab l-istabbiliment li ingaġġah. Fl-aħħar, skont il-paragrafu 4 ta’ dan l-artikolu, jekk miċ-ċirkustanzi kollha jirriżulta li l-kuntratt ta’ impjieg għandu rabtiet iktar stretti ma’ pajjiż għajr dak imsemmi fil-paragrafi 2 jew 3, għandha tapplika l-liġi ta’ dak il-pajjiż l-ieħor.

107    F’dan il-każ, jekk jiġi kkonstatat li l-ħdax-il KŻD ma fihomx klawżoli li jistgħu jirregolaw direttament it-tilwima li fuqha huwa bbażat l-ewwel kap tat-talbiet, għandhom jiġu applikati r-regoli tad-dritt internazzjonali privat sabiex jiġi ddeterminat id-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli f’dan il-każ.

iii) Fuq l-assenza fil-ħdax-il KŻD ta’ klawżola adatta sabiex tiġi direttament riżolta t-tilwima li fuqha huwa bbażat l-ewwel kap tat-talbiet

108    Minbarra l-fatt li, kif ġie kkonstatat fil-punt 92 iktar ’il fuq, l-atti adottati wara l-ħolqien tal-Missjoni Eulex Kosovo ma jinkludux dispożizzjoni adatta sabiex tiġi riżolta t-tilwima li fuqha huwa bbażat l-ewwel kap tat-talbiet, għandu jiġi kkonstatat li l-istess japplika għall-ħdax-il KŻD.

109    Huwa għalhekk li, fir-rigward tal-ewwel disa’ KŻD, kien indikat, fil-preambolu rispettiv tagħhom, li l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni C (2009) 9502, tat‑30 ta’ Novembru 2009, intitolata “Leġiżlazzjoni dwar il-konsulenti speċjali tal-Kummissjoni inkarigati bl-implimentazzjoni tal-azzjonijiet operattivi PESK, kif ukoll dwar il-persunal kuntrattwali internazzjonali” [iktar ’il quddiem il‑“Komunikazzjoni C (2009) 9502”], kienet tipprevedi l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal internazzjonali. Skont l-Artikolu 23 tal-ewwel disa’ KŻD, hemm riferiment għall-imsemmija komunikazzjoni, kemm bħala anness għall-ewwel ħames KŻD, kif ukoll permezz ta’ hyperlink li tinsab fl-imsemmi artikolu mis-sitt sad-disa’ KŻD. Barra minn hekk, ġie ppreċiżat li din tal-aħħar kienet parti integrali mill-imsemmija kuntratti. Madankollu, huwa paċifiku li, konformement mal-ewwel punt tat-tielet paragrafu tal-punt 2 u mal-punt 4a tal-Komunikazzjoni C (2009) 9502, il-kuntratt ta’ reklutaġġ kien suġġett għad-dritt industrijali tal-pajjiż ta’ oriġini, jew saħansitra tar-residenza (fiskali) permanenti tal-membru tal-persunal qabel ma beda l-funzjonijiet tiegħu fi ħdan il-missjoni. Min-naħa l-oħra, l-imsemmija komunikazzjoni ma kien fiha ebda dispożizzjoni adegwata sabiex tiġi riżolta t-tilwima li fuqha huwa bbażat l-ewwel kap tat-talbiet.

110    Fir-rigward tal-għaxar u tal-ħdax-il KŻD, fil-preambolu rispettiv tagħhom kien indikat li, skont l-Artikolu 10(3) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, “il-kundizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali jinsabu fil-kuntratti konklużi bejn [il-Missjoni] E[ulex] K[osovo] u l-membri tal-persunal ikkonċernati”. Kuntrarjament għall-ewwel disa’ KŻD, l-għaxar u l-ħdax-il KŻD ma kienx fihom dispożizzjoni li tirreferi għall-applikazzjoni ta’ dritt sostantiv nazzjonali industrijali. L-uniċi riferimenti għall-applikazzjoni ta’ dritt nazzjonali inklużi f’dawn l-aħħar KŻD, li jinsabu fl-Artikoli 12 u 13 tagħhom, kienu jirrigwardaw, minn naħa, l-iskema ta’ sigurtà soċjali u ta’ pensjoni u, min-naħa l-oħra, l-iskema fiskali li jaqa’ taħtha r-rikorrent, li ma humiex rilevanti fir-rigward ta’ tilwima li s-suġġett tagħha huwa limitat, bħalma huwa l-każ f’din il-kawża, għall-qasam tad-dritt industrijali. Għaldaqstant, l-ebda waħda mill-klawżoli tal-għaxar u tal-ħdax-il KŻD ma tippermetti li jiġi ddeterminat id-dritt applikabbli għat-tilwima li fuqha huwa bbażat l-ewwel kap tat-talbiet.

111    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, fl-assenza ta’ klawżola fil-ħdax-il KŻD li tippermetti li tiġi deċiża l-kawża sottostanti għall-ewwel kap tat-talbiet jew li tindika d-dritt applikabbli għal dawn il-kuntratti, għandu, sabiex tiġi deċiża din il-kawża, jiġi ddeterminat id-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli għall-imsemmija KŻD. F’dan ir-rigward, għandhom jiġu eżaminati separatament l-ewwel disa’ KŻD, konklużi mal-Kap tal-Missjoni Eulex Kosovo, u sussegwentement l-aħħar żewġ KŻD, konklużi mal-Missjoni Eulex Kosovo.

iv)    Fuq id-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli għall-ewwel disa’ KŻD konklużi bejn ir-rikorrent u l-Kap tal-Missjoni Eulex Kosovo

112    L-ewwel, kif diġà ġie kkonstatat fil-punt 109 iktar ’il fuq, kien espressament indikat fil-preamboli tal-ewwel disa’ KŻD li l-Komunikazzjoni C(2009) 9502 kienet tipprevedi l-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal internazzjonali.

113    Fir-rigward tal-infurzabbiltà għar-rikorrent tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502, li huwa jikkontesta, għandu jiġi rrilevat li, wara li allega, inizjalment, li ma kellux għarfien ta’ din il-komunikazzjoni qabel il-bidu tal-ewwel KŻD, ir-rikorrent irrikonoxxa, fil-kuntest tar-risposta tiegħu għall-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li din kienet ġiet trażmessa lilu qabel l-iffirmar tal-imsemmi KŻD, annessa ma’ messaġġ elettroniku tad‑9 ta’ Frar 2010 li kien ġie indirizzat lilu mid-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-Missjoni Eulex Kosovo.

114    Barra minn hekk, fir-rigward tal-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-fatt li l-punt 5 tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502, intitolat “Dispożizzjonijiet finali”, kien jippreċiża fil-punt (b) tiegħu li din ma kinitx għadha applikabbli wara l‑1 ta’ Jannar 2011, data tal-ħolqien effettiv tas-SEAE, għandu jiġi rrilevat li, ċertament, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Missjoni Eulex Kosovo, l-applikazzjoni ta’ din il-komunikazzjoni wara din id-data ma tistax tkun ibbażata fuq il-ftehim politiku li kien ġie konkluż fl‑2013 fi ħdan il-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti (Coreper), li bis-saħħa tiegħu l-imsemmija komunikazzjoni nżammet fis-seħħ sakemm instab ftehim politiku sabiex tiġi ssostitwita l-imsemmija komunikazzjoni. Fil-fatt, tali ġustifikazzjoni timplika inkorporazzjoni retroattiva, wara l-iskadenza tagħha, tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502 fil-KŻD konklużi qabel ma ġie konkluż l-imsemmi ftehim. Madankollu, il-Missjoni Eulex Kosovo ma tinvoka ebda motiv li jista’ jservi ta’ bażi, fid-dritt, għal tali applikazzjoni retroattiva.

115    Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li, kif issostni wkoll il-Missjoni Eulex Kosovo, huwa b’rieda komuni tal-partijiet kontraenti li l-Komunikazzjoni C(2009) 9502 ġiet inkorporata fid-disa’ u fl-għaxar KŻD, konklużi wara l-iskadenza tagħha, u dan skont l-Artikolu 23(1) tagħhom. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, peress li l-Komunikazzjoni C(2009) 9502 hija parti integrali mill-ewwel disa’ KŻD konklużi bejn ir-rikorrent u l-Kap tal-Missjoni Eulex Kosovo, din tista’ tiġi invokata kontrihom.

116    It-tieni, l-Artikolu 1.1 tal-ewwel disa’ KŻD kien jistipula li, meta ffirma l-kuntratt ta’ impjieg, l-impjegat kien jirrikonoxxi u jaċċetta d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji li jinsabu fl-imsemmija kuntratti, l-annessi tagħhom, il-proċeduri operazzjonali standardizzati u l-Kodiċi ta’ Mġiba tal-Missjoni Eulex Kosovo. Skont l-Artikolu 23 tal-ewwel disa’ KŻD, kien sar riferiment għall-Komunikazzjoni C(2009) 9502 u kien hemm ippreċiżat li din kienet parti integrali mill-imsemmija kuntratti.

117    Kif jirriżulta formalment mill-ewwel disa’ KŻD kollha konklużi bejn ir-rikorrent u l-Kap tal-Missjoni Eulex Kosovo, li kollha jinkludu, fil-bidu tal-ewwel paġna, il-frażi “Contract of employment for international staff”, ir-rikorrent ġie ingaġġat bħala “membru tal-persunal internazzjonali”, fis-sens tal-punt 4a tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502.

118    Barra minn hekk, jirriżulta b’mod espliċitu mid-dispożizzjonijiet tat-tielet paragrafu tal-punt 4a tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502 li, “[f]ir-rigward […] tad-dritt […] industrijali li jagħmel parti minnu l-persunal internazzjonali, il-leġiżlazzjoni tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu/ta’ residenza fiskali permanenti tiegħu tibqa’ applikabbli”. Sussegwentement, fl-għaxar paragrafu tal-istess punt huwa indikat li “[i]l-kuntratt ta’ ingaġġ huwa suġġett għad-dritt industrijali u għal-leġiżlazzjoni soċjali tal-Istat li hija ċittadina tiegħu l-persuna impjegata/fejn tkun ġiet ikkonstatata r-residenza (fiskali) permanenti tagħha qabel ma tibda l-funzjonijiet tagħha”. Barra minn hekk, skont il-ħdax-il subparagrafu tal-imsemmi punt, “ix-xoljiment tal-kuntratt […] kif ukoll l-aspetti ta’ responsabbiltà huma suġġetti għal-leġiżlazzjoni soċjali u għad-dritt industrijali fil-pajjiż” li huwa identifikat skont il-kriterji msemmija fl-għaxar paragrafu. Fl-aħħar, skont is-sitt paragrafu tal-punt 4a tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502, fil-każ ta’ diverġenza bejn il-pajjiż ta’ oriġini u r-“residenza (fiskali) permanenti” ikkonstatata qabel id-dħul fis-servizz, hija din tal-aħħar li tipprevali.

119    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, fir-rigward tal-ewwel disa’ KŻD, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-partijiet kontraenti għażlu, fis-sens tal-Artikolu 8(1) tar-Regolament Ruma I, id-dritt Irlandiż bħala dritt industrijali nazzjonali applikabbli, billi indikaw, permezz ta’ riferiment għall-Komunikazzjoni C(2009) 9502, l-ewwel, id-dritt tal-pajjiż li r-rikorrent kien ċittadin tiegħu (konformement mal-għaxar paragrafu tal-punt 4a tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502), jew, it-tieni, id-dritt tal-pajjiż ta’ oriġini tiegħu u ta’ residenza (fiskali) permanenti qabel id-dħul fis-servizz tiegħu fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo (konformement mat-tielet u mal-għaxar paragrafu tal-punt 4a tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502).

120    Fil-fatt, l-ewwel, huwa paċifiku li r-rikorrent huwa ċittadin Irlandiż. Issa, id-dispożizzjonijiet tal-għaxar paragrafu tal-punt 4a tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502 jiddenominaw espliċitament id-dritt tal-Istat li huwa ċittadin tiegħu l-membru tal-persunal bħala d-dritt applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol.

121    It-tieni, fir-rigward tal-pajjiż ta’ oriġini u tar-residenza tar-rikorrent qabel id-dħul fis-servizz tiegħu fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo, għandu jiġi ddeterminat fejn kien jinsab bejn il‑31 ta’ Diċembru 2009, data li tikkorrispondi mat-tmiem tal-impjieg tiegħu fi ħdan il-Missjoni MPUE fil-Bosnja-Ħerzegovina (ara l-punt 2 iktar ’il fuq), u l‑5 ta’ April 2010, data tad-dħul fis-servizz tiegħu fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo (ara l-punt 3 iktar ’il fuq).

122    Għandu jiġi kkonstatat li, fir-risposta tiegħu tas‑16 ta’ Settembru 2019 għall-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrent irrikonoxxa li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu ddenominat u kkonstatat fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu mal-Missjoni Eulex Kosovo huwa l-Irlanda. Huwa għalhekk li huwa rrikonoxxa li mid-diversi dokumenti prodotti mill-Missjoni Eulex Kosovo fl-istadju tal-kontroreplika jirriżulta li huwa kien indika b’mod kostanti, waqt il-konklużjoni tal-ewwel KŻD tiegħu mal-imsemmija missjoni, iżda wkoll matul il-perijodu kollu tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu magħha, b’mod partikolari fit-talbiet tiegħu għat-teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż tal-ivvjaġġar tiegħu lejn il-post ta’ oriġini tiegħu (“Statement of Home Travel Expenses”), li l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu kien l-Irlanda. Barra minn hekk, huwa żied li l-Irlanda baqa’ l-pajjiż ta’ oriġini tiegħu matul l-okkupazzjoni tiegħu fi ħdan il-missjonijiet imsemmija fil-punti 1 sa 3 iktar ’il fuq.

123    Minn din l-informazzjoni fil-fajl jirriżulta li, fil-mument tad-dħul fis-servizz fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo, il-pajjiż ta’ oriġini u ta’ residenza tar-rikorrent kien l-Irlanda. Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li, dejjem fir-risposta tiegħu tas‑16 ta’ Settembru 2019 għall-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrent semma wkoll li l-Irlanda kienet il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu sa minn qabel il-konklużjoni, fl-1994, tal-ewwel KŻD mal-ewwel missjoni li huwa ħadem għaliha. Għaldaqstant, il-kriterju ta’ rabta dwar il-pajjiż ta’ oriġini jiddenomina d-dritt Irlandiż bħala d-dritt industrijali applikabbli f’dan il-każ, fir-rigward tal-ewwel disa’ KŻD konklużi bejn ir-rikorrent u l-kap tal-missjoni.

124    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi emendata fid-dawl tal-kriterju previst fis-sitt paragrafu tal-punt 4a tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502, kif imsemmi fil-punt 118 iktar ’il fuq. Fil-fatt, mill-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrent ma jirriżultax li huwa talab residenza fiskali li tinsab f’pajjiż ieħor għajr il-pajjiż ta’ oriġini tiegħu.

v)      Fuq id-dritt sostantiv nazzjonali applikabbli għall-għaxar u għall-ħdax-il KŻD, iffirmati bejn ir-rikorrent u l-Missjoni Eulex Kosovo

125    Kif jirriżulta mill-punt 110 iktar ’il fuq, il-Qorti Ġenerali tikkonstata li, kuntrarjament għall-ewwel disa’ KŻD, l-għaxar u l-ħdax-il KŻD ma jinkludux klawżola dwar l-għażla, mill-partijiet kontraenti, tal-liġi li tirregola r-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita minn kull wieħed minn dawn l-aħħar żewġ kuntratti.

126    Fil-fatt, fil-preambolu tal-għaxar u tal-ħdax-il KŻD, konklużi bejn ir-rikorrent u l-Missjoni Eulex Kosovo, irrappreżentata mill-kap tagħha, kien indikat li, skont l-Artikolu 10(3) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, il-kundizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-persunal internazzjonali u lokali kienu meqjusa li jinsabu fil-kuntratti konklużi bejn il-Missjoni Eulex Kosovo u l-membri tal-persunal ikkonċernati.

127    Madankollu, għalkemm l-Artikolu 1 tal-għaxar u tal-ħdax-il KŻD kien, essenzjalment, identiku għall-Artikolu 1.1 tal-ewwel disa’ KŻD, imsemmi fil-punt 116 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li, minn naħa, il-klawżoli stess ta’ dawn iż-żewġ KŻD ma jippermettux li jiġu ddeterminati r-regoli applikabbli għall-kundizzjonijiet tal-impjieg li jaqgħu taħthom, dan, b’mod partikolari, fir-rigward tat-tilwima tad-dritt industrijali li huwa bbażat fuqha l-ewwel kap tat-talbiet. Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 23 tal-għaxar u tal-ħdax-il KŻD ma kienx jirreferi iktar għall-Komunikazzjoni C(2009) 9502 u lanqas ma kien jirreferi għal dokumenti annessi li fihom indikazzjonijiet intiżi sabiex jindikaw id-dritt industrijali li kien applikabbli għalihom. Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-partijiet ma ddenominawx id-dritt industrijali applikabbli għall-għaxar u għall-ħdax-il KŻD.

128    Konsegwentement, fin-nuqqas tal-partijiet kontraenti li jagħmlu għażla fir-rigward ta’ dawn l-aħħar KŻD, għandu jiġi ddeterminat id-dritt industrijali applikabbli abbażi tal-kriterji ta’ rabta tad-dritt internazzjonali privat, jiġifieri, f’dan il-każ, kif imfakkar fil-punt 106 iktar ’il fuq, konformement mal-kriterji oġġettivi msemmija fl-Artikolu 8(2) sa (4) tar-Regolament Ruma I.

129    F’dan ir-rigward, skont il-kriterji suċċessivi msemmija fl-Artikolu 8(2) u (3) tar-Regolament Ruma I, id-dritt applikabbli fil-prinċipju huwa d-dritt kosovar. Madankollu, kif jenfasizzaw kemm ir-rikorrent kif ukoll il-Missjoni Eulex Kosovo, skont l-Artikolu 2(4) tal-Law No 03/L-212 on Labour (il-Liġi Nru 03/L-212 dwar ix-Xogħol) tal-Kosovo, prodotta bħala anness mar-risposta tal-Missjoni Eulex Kosovo, id-dispożizzjonijiet ta’ din il-liġi ma kinux japplikaw għar-relazzjonijiet tal-impjieg ma’ missjonijiet internazzjonali, bħall-Missjoni Eulex Kosovo. Għalhekk, id-dritt industrijali kosovar stess jeskludi l-applikazzjoni tiegħu għal relazzjonijiet ta’ impjieg bħal dawk inkwistjoni.

130    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-għaxar u l-ħdax-il KŻD għandhom rabtiet iktar mill-qrib, fis-sens tal-Artikolu 8(4) tar-Regolament Ruma I, mad-dritt Irlandiż, li għalhekk għandhom jiġu applikati għall-imsemmija kuntratti.

131    Fil-fatt, l-ewwel, minkejja l-konklużjoni suċċessiva tal-għaxar u tal-ħdax-il KŻD, kienet teżisti, fil-fatt, relazzjoni ta’ xogħol kontinwa bejn il-partijiet sa mill-ewwel mill-ħdax-il KŻD.

132    Din il-kontinwità tirriżulta b’mod partikolari, l-ewwel, mill-ħatra tal-pożizzjoni li r-rikorrent okkupa fi ħdan il-missjoni fl-għaxar u fil-ħdax-il KŻD, jiġifieri dik ta’ “IT Officer (Regional Infrastructure Support) (EK 10453)”, bħala persuna responsabbli għat-teknoloġija fil-livell reġjonali, li huwa kien diġà jokkupa sa mill-konklużjoni tas-sitt KŻD. Hekk kif ir-rikorrent stess iddeskriva fl-osservazzjonijiet tiegħu tal‑11 ta’ Ġunju 2020 u kif jirriżulta mill-ewwel anness li huwa annetta mal-imsemmija osservazzjonijiet, fi kwalunkwe każ fil-kuntest tal-pożizzjoni okkupata minnu sa mill‑15 ta’ Ġunju 2012, identifikata bir-referenza EK 10453, huwa kien jeżerċita, fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo, funzjonijiet ta’ amministratur u ta’ superviżur tal-membri kollha tal-persunal li jaħdmu fl-uffiċċju ta’ assistenza u ta’ sostenn għall-informatika. Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi miċħuda minħabba li l-kompiti fdati lilu fil-kuntest tas-sitt sal-ħdax-il KŻD setgħu evolvew matul il-perijodu inkwistjoni, jiġifieri bejn il‑15 ta’ Ġunju 2012 u l‑14 ta’ Novembru 2014.

133    Fil-fatt, kif jirriżulta b’mod espliċitu mid-deskrizzjoni tagħhom mir-rikorrent stess, kif tinsab fil-parti III tar-rapport ta’ evalwazzjoni personali (iktar ’il quddiem il-“PER”) li kien ikopri l-perijodu bejn is‑16 ta’ April u l‑14 ta’ Novembru 2014, il-kompiti tiegħu għalhekk evolvew minħabba r-ristrutturazzjoni tal-Missjoni Eulex Kosovo, b’mod partikolari minħabba t-tneħħija tal-unità ta’ sostenn informatiku u teknoloġiku reġjonali. Tali żviluppi fil-kompiti mwettqa mir-rikorrent huma inerenti fil-funzjonijiet ta’ amministratur u ta’ superviżur, responsabbli għal servizz, li huwa kien jokkupa. Għaldaqstant, huma ma setgħux jimmodifikaw il-kontinwità tar-relazzjoni ta’ xogħol stabbilita bejn ir-rikorrent u l-missjoni matul il-ħdax-il KŻD.

134    Sussegwentement, mis-sitt PER kollha stabbiliti matul ir-relazzjoni ta’ xogħol bejn il-Missjoni Eulex Kosovo jew il-kap tagħha u r-rikorrent jirriżulta li ġie propost KŻD ġdid lir-rikorrent. Dawn il-PER ġew ikkomunikati mill-Missjoni Eulex Kosovo bi tweġiba għal talba fformulata f’dan is-sens fit-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura.

135    Fl-aħħar, huwa paċifiku li r-rikorrent ibbenefika minn avvanz fl-iskali skont l-anzjanità tiegħu akkumulata matul il-ħdax-il KŻD suċċessivi tiegħu fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo.

136    Fid-dawl ta’ din il-kontinwità u tar-rabtiet eżistenti bejn il-ħdax-il KŻD, fejn l-għaxar u l-ħdax-il KŻD ma jindikaw xejn fir-rigward tal-għażla mill-partijiet kontraenti tad-dritt applikabbli għat-tilwima tad-dritt industrijali li fuqha huwa bbażat l-ewwel kap tat-talbiet, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-parametri għad-determinazzjoni tal-imsemmi dritt kif jinsabu fl-ewwel disa’ KŻD.

137    Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 123 iktar ’il fuq, fl-ewwel disa’ KŻD, il-partijiet kontraenti kienu għażlu li jissuġġettaw ir-relazzjoni kuntrattwali tagħhom għad-dritt Irlandiż. Għalhekk, minkejja li l-għaxar u l-ħdax-il KŻD ma jindikaw xejn, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 105 iktar ’il fuq, skont l-Artikolu 8(4) tar-Regolament Ruma I, għandu jiġi konkluż li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi kollha li jikkaratterizzaw ir-relazzjoni ta’ impjieg tar-rikorrent fil-kuntest tal-attività tiegħu fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo skont il-ħdax-il KŻD, l-aħħar żewġ KŻD jibqgħu suġġetti għal-liġi Irlandiża, bħala l-liġi tal-pajjiż li kien ċittadin tiegħu r-rikorrent u li kien joriġina minnu fil-mument li huwa daħal fis-servizz mal-Missjoni Eulex Kosovo.

138    It-tieni, fir-rigward tal-iskemi ta’ sigurtà soċjali u ta’ pensjoni, minn naħa, u tal-iskema fiskali, min-naħa l-oħra, li jagħmel parti minnhom ir-rikorrent, l-aħħar żewġ KŻD kienu jipprevedu, fl-Artikoli 12.1 u 13.1 tagħhom, li l-impjegat kien suġġett għal-liġi nazzjonali fis-seħħ fil-pajjiż ta’ residenza tiegħu (fiskali) permanenti qabel id-dħul fis-servizz fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo. Minkejja li l-fattur ta’ konnessjoni applikabbli fir-rigward ta’ dawn id-diversi skemi ma huwiex marbut direttament mas-suġġett ta’ tilwima fil-qasam tad-dritt industrijali bħal dak li fuqu huwa bbażat l-ewwel kap tat-talbiet, għandu jiġi rrilevat li, fid-dawl tal-konstatazzjonijiet esposti fil-punti 121 sa 124 iktar ’il fuq, dawn jerġgħu jirreferu għad-dritt Irlandiż bħala dritt nazzjonali applikabbli.

139    Bħala konklużjoni, għandu jiġi applikat id-dritt Irlandiż għar-relazzjoni kuntrattwali kollha stabbilita skont il-ħdax-il KŻD, konklużi mir-rikorrent mal-Kap tal-Missjoni Eulex Kosovo u sussegwentement mal-imsemmija missjoni. Huwa għalhekk fid-dawl tal-imsemmi dritt, u mhux tad-dritt Belġjan, li ġie inizjalment invokat ir-rikorrent, li għandha tingħata deċiżjoni dwar is-suġġett tal-kawża li fuqu huwa bbażat l-ewwel kap tat-talbiet.

2)      Dritt sostantiv industrijali Irlandiż applikabbli f’dan il-każ u li jittrasponi l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat

140    Kif jirriżulta mill-punti 96 sa 98 iktar ’il fuq, meta implimenta l-Ftehim qafas dwar xogħol għal żmien determinat li jinsab fl-Anness tad-Direttiva 1999/70, il-leġiżlatur tal-Unjoni, fid-dawl tal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt, stabbilixxa qafas legali li l-għan tiegħu huwa l-prevenzjoni tal-abbużi ta’ dritt li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew ta’ relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat suċċessivi.

141    Il-klawżola 5 tal-ftehim qafas KŻD dwar l-“[m]iżuri għal prevenzjoni ta’ l-abbuż”, tipprovdi:

“1.      Sabiex jiġi ipprevenut l-abbuż ikkawżat mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss [żmien determinat], wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali skond il-liġi nazzjonali, il-ftehim kollettiv jew il-prattika, u/jew l-imsieħba soċjali, għandhom, meta ma hemm ebda miżuri ekwivalenti legali biex jipprevjenu l-abbuż, jintroduċu b’mod li jieħu kont tal-ħtiġiet tas-setturi u/jew kategoriji speċifiċi ta’ ħaddiema, waħda jew iktar mill-miżuri li ġejjin:

a)      raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet;

b)      iż-żmien massimu totali ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ impjieg għal terminu fiss;

ċ)      in-numru ta’ tiġdid ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet.

2.      L-Istati Membri wara konsultazzjoni ma’ l-imsieħba soċjali u/jew l-imsieħba soċjali għandhom, meta approprjat, jiddeterminaw taħt liema kondizzjonijiet il-kuntratti jew ir-relazzjonijiet ta’ impjieg għal terminu fiss:

a)      għandhom jitqiesu bħala ‘suċċessivi’;

b)      għandhom jitqiesu bħala kuntratti jew relazzjonijiet għal żmien indefinit.”

142    Għandu jitfakkar li l-Klawżola 5(1) tal-Ftehim qafas KŻD għandha bħala għan li timplimenta wieħed mill-għanijiet imħaddna minn dan il-ftehim, jiġifieri li jiġi limitat l-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, ikkunsidrat bħala sors potenzjali ta’ abbuż għad-detriment tal-ħaddiema, billi jiġu stabbiliti ċertu numru ta’ dispożizzjonijiet ta’ protezzjoni minimi intiżi li tiġi evitata l-inċertezza tas-sitwazzjoni tal-impjegati (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).

143    B’hekk, din id-dispożizzjoni tal-Ftehim qafas KŻD timponi fuq l-Istati Membri, bil-għan li jiġu evitati l-abbużi li jirriżultaw mill-użu ta’ kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol għal żmien determinat, l-adozzjoni effettiva u vinkolanti ta’ minn tal-inqas waħda mill-miżuri elenkati minnha, meta d-dritt intern tagħhom ma jinkludix miżuri legali ekwivalenti. Il-miżuri elenkati f’dan is-sens fil-punt 1(a) sa (ċ) tal-imsemmija klawżola, li jammontaw għal tlieta, jirrigwardaw rispettivament, ir-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw it-tiġdid ta’ tali kuntratti jew ta’ tali relazzjonijiet ta’ xogħol, it-tul massimu totali ta’ dawn il-kuntratti jew relazzjonijiet suċċessivi ta’ xogħol u n-numru ta’ tiġdid ta’ dawn (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).

144    Id-direttiva 1999/70 ġiet trasposta fl-ordinament ġuridiku Irlandiż permezz tal-Liġi tal-2003. Din il-liġi daħlet fis-seħħ fl‑14 ta’ Lulju 2003.

145    L-Artikolu 9 tal-Liġi tal-2003 jittrasponi l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas KŻD. Fil-paragrafu 1 tiegħu, huwa jipprovdi li l-KŻD ta’ impjegat li, fid-data ta’ meta ġiet adottata din il-liġi jew wara din id-data, ikun wettaq it-tielet sena ta’ impjieg mhux interrotta fis-servizz ta’ min iħaddmu jew ta’ persuna assoċjata miegħu, jista’ jiġġedded darba waħda biss minn min jimpjegah u għal perijodu massimu ta’ sena. Skont l-Artikolu 9(3) ta’ din il-liġi, kull kundizzjoni li tiġi inkluża f’kuntratt ta’ impjieg bi ksur tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu hija bla effett u l-kuntratt ta’ impjieg inkwistjoni jitqies li ġie konkluż għal żmien indeterminat.

146    Skont l-Artikolu 9(4) tal-Liġi tal-2003, persuna li timpjega tista’ madankollu tidderoga, għal raġunijiet oġġettivi, mill-obbligi li jirriżultaw mill-paragrafi 1 sa 3 tal-imsemmi artikolu. Il-kunċett ta’ raġunijiet oġġettivi huwa spjegat fl-Artikolu 7 ta’ din il-liġi. Konformement ma’ dan l-aħħar artikolu, “[m]otiv ma jitqiesx bħala motiv oġġettiv għall-finijiet ta’ kull dispożizzjoni ta’ din il-parti sakemm ma jkunx ibbażat fuq kunsiderazzjonijiet oħra għajr l-istatus tal-impjegat ikkonċernat bħala impjegat għal żmien determinat u li t-trattament inqas favorevoli li jimplika għal dan l-impjegat (liema trattament jista’ jinkludi t-tiġdid tal-kuntratt ta’ impjegat għal żmien determinat għal żmien determinat ieħor) huwa intiż sabiex jintlaħaq għan leġittimu tal-persuna li timpjega u li tali trattament huwa xieraq u neċessarju għal dan il-għan”. Fi kliem ieħor u essenzjalment, sabiex tkun oġġettiva, ir-raġuni invokata għandha tkun ibbażata fuq kunsiderazzjonijiet esterni għall-impjegat u t-trattament inqas favorevoli li jimplika l-KŻD għal dan tal-aħħar għandu jkun intiż sabiex jintlaħaq għan leġittimu tal-persuna li timpjega, u dan b’mod xieraq u neċessarju.

3)      Fuq l-applikazzjoni tad-dritt industrijali Irlandiż għal talba għal riklassifikazzjoni tal-ħdax-il KŻD f’KŻI

147    Fir-risposta tar-rikorrent għall-ewwel miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, sa fejn kien mistieden, b’mod partikolari, sabiex jippreżenta l-osservazzjonijiet tiegħu dwar l-applikazzjoni eventwali tad-dritt Irlandiż, essenzjalment, ir-rikorrent żamm it-talba tiegħu għar-riklassifikazzjoni tal-ħdax-il KŻD f’KŻI. F’dan ir-rigward, huwa sostna li ma kienx hemm raġuni oġġettiva, ta’ natura ġenerali u baġitarja, li tista’ tiġġustifika l-konklużjoni tal-ħdax-il KŻD u li, skont il-ġurisprudenza, peress li l-impjieg tiegħu mill-Missjoni Eulex Kosovo kien intiż għal bżonnijiet permanenti u sostenibbli, din il-konklużjoni kienet abbużiva, b’tali mod li l-imsemmija KŻD kellhom jiġu kklassifikati mill-ġdid f’KŻI wieħed.

148    B’mod iktar preċiż, fir-rigward tar-raġunijiet oġġettivi invokati mill-Missjoni Eulex Kosovo sabiex tiġġustifika l-konklużjoni tal-ħdax-il KŻD, ir-rikorrent jikkontesta l-fatt li l-missjoni kienet sistematikament limitata għat-tul tal-mandat tiegħu, speċjalment peress li t-tul tal-KŻD inkwistjoni ma kienx ibbażat fuq it-tul tal-imsemmi mandat. Huwa jżid li kien ikun possibbli li r-relazzjoni kuntrattwali tar-rikorrent tiġi suġġetta għal żmien indeterminat, peress li l-organizzazzjoni tal-proċedura deċiżjonali ta’ tiġdid tal-missjonijiet kienet tippermetti kompletament li jingħata preavviż fit-terminu applikabbli għal KŻI.

149    Il-missjoni Eulex Kosovo, sostnuta mill-konvenuti l-oħra, tqis, essenzjalment, li kien hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-ħdax-il KŻD.

150    F’dan il-każ, hija l-Qorti Ġenerali, skont il-klawżola ta’ arbitraġġ li tinsab fl-aħħar KŻD, li għandha tevalwa, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Liġi tal-2003, li tittrasponi l-klawżola 5 tal-Ftehim qafas KŻD, il-fondatezza tat-talba tar-rikorrent għar-riklassifikazzjoni tal-ħdax-il KŻD f’KŻI wieħed. La mill-proċess tal-kawża u lanqas mill-argumenti tal-partijiet ma jirriżulta li l-Liġi tal-2003 la hija konformi mad-Direttiva 1999/70 u lanqas mal-prinċipju ġenerali tad-dritt tal-projbizzjoni tal-abbuż ta’ dritt.

151    Fl-ewwel lok, huwa paċifiku li huwa abbażi tal-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(3) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 li ir-rikorrent ġie rreklutat għall-Missjoni Eulex Kosovo. Skont dan l-artikolu, il-Missjoni Eulex Kosovo setgħet, jekk ikun meħtieġ, tirrekluta persunal ċivili internazzjonali u lokali fuq bażi kuntrattwali. Kuntrarjament, fl-assenza ta’ preċiżjoni fl-imsemmija azzjoni konġunta dwar dan is-suġġett, huwa l-kap tal-missjoni, u sussegwentement din tal-aħħar meta ngħatat il-personalità ġuridika fl‑2014, li għandhom jiddeċiedu dwar it-tip ta’ kuntratt propost lir-rikorrent. Huwa għalhekk li, matul ir-relazzjoni kuntrattwali ma’ dan tal-aħħar, ġie deċiż li huwa jiġi propost li jikkonkludi KŻD suċċessivi.

152    Fit-tieni lok, skont il-ġurisprudenza tal-qorti tal-Unjoni, l-awtoritajiet ikkonċernati għandhom jeżaminaw, f’kull każ, iċ-ċirkustanzi kollha tal-każ ineżami, billi jieħdu inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, in-numru tal-imsemmija kuntratti suċċessivi konklużi mal-istess persuna jew għall-finijiet tat-twettiq tal-istess xogħol, sabiex jiġi prekluż li xi kuntratti jew relazzjonijiet ta’ xogħol għal żmien determinat, anki jekk konklużi xjentement sabiex ikopru bżonn ta’ persunal ta’ sostituzzjoni, jintużaw b’mod abbużiv minn min jimpjega. Anki jekk l-evalwazzjoni tar-raġuni oġġettiva invokata għandha tirreferi għat-tiġdid tal-aħħar kuntratt ta’ xogħol konkluż, l-eżistenza, in-numru u t-tul tal-kuntratti suċċessivi ta’ dan it-tip konklużi fil-passat mal-istess persuna li tħaddem jistgħu jkunu rilevanti fil-kuntest ta’ dan l-eżami globali (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).

153    Huwa paċifiku li r-rikorrent kien impjegat fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo skont il-ħdax-il KŻD, konklużi suċċessivament bejn il‑5 ta’ April 2010 u l‑14 ta’ Novembru 2014, bħala persuna responsabbli għat-teknoloġija (“IT Officer”). Mill-atti tal-proċess jirriżulta li kien matul l-eżekuzzjoni tat-tmien KŻD, li spiċċa fl‑14 ta’ Ġunju 2013, li kien hemm it-tielet anniversarju tal-bidu tar-relazzjoni ta’ xogħol. Madankollu, konformement mal-Artikolu 9(1) tal-Liġi 2003, it-tul tad-disa’ KŻD, li ddekorra bejn il‑15 ta’ Ġunju 2013 u l‑14 ta’ Ġunju 2014, ma eċċediex sena. Huwa għalhekk b’effett minn din id-data li tapplika l-projbizzjoni li jiġu konklużi KŻD ġodda. B’hekk, l-għaxar KŻD għandu, bħala prinċipju, jiġi kklassifikat mill-ġdid f’KŻI, sakemm, konformement mal-Artikolu 9(4) tal-Liġi tal-2003, kienu jeżistu raġunijiet oġġettivi ta’ natura li jiġġustifikaw il-konklużjoni tiegħu.

154    Madankollu, skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-kunċett ta’ “raġunijiet oġġettivi” fis-sens tal-klawżola 5(1) tal-ftehim qafas KŻD għandu jinftiehem fis-sens li jfisser ċirkustanzi preċiżi u konkreti li jikkaratterizzaw attività determinata u, għaldaqstant, ta’ natura li jiġġustifikaw f’dan il-kuntest partikolari l-użu ta’ KŻD suċċessivi. Dawn iċ-ċirkustanzi jistgħu jirriżultaw, b’mod partikolari, minn natura partikolari tal-kompiti li fir-rigward tat-twettiq tagħhom ġew konklużi tali kuntratti u mill-karatteristiċi intrinsiċi tagħhom jew, jekk ikun il-każ, mit-tfittxija ta’ għan leġittimu ta’ politika soċjali ta’ Stat Membru (ara s-sentenza tas‑26 ta’ Jannar 2012, Kücük, C‑586/10, EU:C:2012:39, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).

155    Huwa fid-dawl tal-imsemmija ġurisprudenza li għandu jiġi applikat l-Artikolu 7 tal-Liġi tal-2003 u għandu jiġi eżaminat jekk, skont l-Artikolu 9 ta’ din il-liġi, kinux jeżistu, fil-każ inkwistjoni, tali raġunijiet oġġettivi sabiex jiġu konklużi l-ħdax-il KŻD suċċessivi lil hinn mill‑14 ta’ Ġunju 2014, jiġifieri wara d-disa’ KŻD.

156    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-qafas legali u l-kuntest professjonali globali li fihom ir-rikorrent wettaq il-kompiti li kienu fdati lilu fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo kienu kkaratterizzati mid-dimensjoni temporanja tagħhom. Din id-dimensjoni tirriżulta, b’mod partikolari, mhux biss mit-tul tal-mandati tal-missjoni u mill-perijodi koperti mill-ammonti ta’ referenza finanzjarja intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż tagħha, iżda wkoll mid-definizzjoni (mill-ġdid) perijodika tal-kompetenzi tagħha u tal-kamp ta’ azzjoni tagħha u tat-tul tal-mandati tal-kap tal-missjoni. Barra minn hekk, din id-dimensjoni hija murija mill-kundizzjonijiet u mill-modalitajiet ta’ reklutaġġ tal-persunal tal-Missjoni Eulex Kosovo.

157    L-ewwel, fir-rigward tat-tul tal-mandati tal-missjoni, għandu jitfakkar li huwa abbażi tat-Trattat UE fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ f’dak iż-żmien, u b’mod partikolari tal-Artikolu 14 tiegħu, li l-Kunsill adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/304/PESK tal‑10 ta’ April 2006 dwar it-twaqqif ta’ Grupp ta’ Ppjanar ta’ l-UE (EUPT Kosovo) fir-rigward ta’ operazzjoni, eventwalment possibbli, ta’ l-UE ta’ l-immaniġġar ta’ kriżi fil-qasam ta’ l-istat ta’ dritt u possibbilment f’oqsma oħra fil-Kosovo (ĠU 2006, L 270M, p. 415). Fil‑11 ta’ Diċembru 2006, il-Kunsill, abbażi tal-istess dispożizzjonijiet tat-Trattat UE, adotta l-Azzjoni Konġunta 2006/918/PESK li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2006/304 (ĠU 2007, L 200M, p. 363), li fiha approva l-kunċett ta’ ġestjoni ta’ kriżi mwettqa mill-Unjoni fil-Kosovo. Huwa barra minn hekk fir-rigward tal-imsemmija azzjonijiet komuni li l-Missjoni Eulex Kosovo nħolqot, dejjem abbażi, b’mod partikolari, tal-Artikolu 14 tat-Trattat UE, permezz tal-Azzjoni Konġunta 2008/124. Fil-premessa 10 ta’ din tal-aħħar, jitfakkar li l-Artikolu 14(1) tat-Trattat UE jeżiġi li jiġi indikat finanzjament għall-perijodu kollu tal-implimentazzjoni ta’ din l-azzjoni konġunta.

158    Skont l-Artikolu 14(1) tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ, fil-mument tal-ħolqien tal-Missjoni Eulex Kosovo, l-azzjonijiet komuni kienu deċiżi mill-Kunsill u kienu jikkonċernaw ċerti sitwazzjonijiet fejn azzjoni operattiva tal-Unjoni kienet meqjusa neċessarja. Huma għandhom jistabbilixxu l-għanijiet tagħhom, il-portata tagħhom, il-mezzi li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tagħhom u, jekk neċessarju, it-tul tagħhom.

159    Huwa għalhekk li, skont id-dispożizzjonijiet tal-ewwel sentenza tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 20 tal-verżjoni inizjali tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, l-azzjoni kellha tiskadi wara 28 xahar mill-adozzjoni tal-pjan ta’ operazzjoni (OPLAN) dwar il-missjoni “Stat tad-Dritt” imwettqa mill-Unjoni fil-Kosovo, Eulex Kosovo. Fid-dawl tad-data tal-adozzjoni ta’ dan il-pjan, il-mandat inizjali ta’ din l-azzjoni konġunta skada fl‑14 ta’ Ġunju 2010. Sussegwentement, din ġiet estiża diversi drabi u b’mod konsekuttiv, mill-Kunsill, għal perijodi ta’ sentejn.

160    B’hekk, il-mandat tiegħu ġie estiż b’mod partikolari, inizjalment, sal‑14 ta’ Ġunju 2012 (Artikolu 1(10) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/322/PESK tat‑8 ta’ Ġunju 2010 li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2008/124 (ĠU 2010, L 145, p. 13)), u sussegwentement sal‑14 ta’ Ġunju 2014 (Artikolu 1(7) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2012/291/PESK tal‑5 ta’ Ġunju 2012 li temenda u testendi l-Azzjoni Konġunta 2008/124 (ĠU 2012, L 146, p. 46)), u sussegwentement sal‑14 ta’ Ġunju 2016 (Artikolu 1(9) tad-Deċiżjoni 2014/349).

161    It-tieni, fir-rigward tal-perijodi koperti mill-ammonti ta’ referenza finanzjarja, li jidhru fil-verżjonijiet suċċessivi tal-Artikolu 16 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, intitolat “Dispożizzjonijiet Finanzjarji”, huwa l-Kunsill, skont id-dispożizzjonijiet tal-aħħar subparagrafu tal-paragrafu 1 tal-imsemmi artikolu fil-verżjonijiet differenti tiegħu minn dak li jirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/322, li għandu jistabbilixxi l-imsemmija ammonti, intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż tal-Missjoni Eulex Kosovo. Dawn il-perijodi koperti mill-ammonti ta’ referenza finanzjarja juru l-kuntest tal-baġit temporanju li jagħmel parti minnu l-intervent imwettaq mill-Unjoni fil-Kosovo permezz tal-Missjoni Eulex Kosovo.

162    Huwa għalhekk li, bejn il-ħolqien tal-missjoni u l-ewwel semestru tal‑2015, l-ammonti ta’ referenza finanzjarja intiżi sabiex ikopru l-ispejjeż marbuta mal-missjoni, inizjalment stabbiliti skont l-Azzjoni Konġunta 2008/124 sal‑14 ta’ Ġunju 2009 (Artikoli 16 u 20 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124), sussegwentement skont l-Azzjoni Konġunta 2009/445/PESK tad‑9 ta’ Ġunju 2009 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124 (ĠU 2009, L 148, p. 33), sal‑14 ta’ Ġunju 2010 (Artikolu 1(1) tal-Azzjoni Konġunta 2009/445), ġew sussegwentement adottati permezz tad-Deċiżjonijiet tal-Kunsill, sal‑14 ta’ Ottubru 2010 (Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2010/322), sussegwentement sal‑14 ta’ Ottubru 2011 (Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2010/619/PESK li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124 (ĠU 2010, L 272, p. 19)), sussegwentement sal‑14 ta’ Diċembru 2011 (Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/687/PESK tal‑14 ta’ Ottubru 2011 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124 (ĠU 2011, L 270, p. 31)), sussegwentement sal‑14 ta’ Ġunju 2012 (Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/752/PESK tal‑24 ta’ Novembru 2011 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124 (ĠU 2011, L 310, p. 10)), sussegwentement sal‑14 ta’ Ġunju 2013 (Artikolu 1(5) tad-Deċiżjoni 2012/291), sussegwentement sal‑14 ta’ Ġunju 2014 (Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/241/PESK tas‑27 ta’ Mejju 2013, li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124 (ĠU 2013, L 141, p. 47)), sussegwentement sal‑14 ta’ Ottubru 2014 (Artikolu 1(6) tad-Deċiżjoni 2014/349) u, fl-aħħar, sal‑14 ta’ Ġunju 2015 (Artikolu 1(3) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/685/PESK tad‑29 ta’ Settembru 2014 li temenda l-Azzjoni Konġunta 2008/124 (ĠU 2014, L 284, p. 51)).

163    It-tielet, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kompetenzi u tal-kamp ta’ azzjoni tal-Missjoni Eulex Kosovo, dawn kienu suġġetti għal adattamenti skont l-evoluzzjoni tas-sitwazzjoni fuq il-post u r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni u l-awtoritajiet kosovari.

164    Qabelxejn, dan ir-riskju ġeopolitiku u diplomatiku huwa rifless, minn naħa, mid-dispożizzjonijiet tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) TUE, li jipprovdu li, jekk ikun hemm bidla fiċ-ċirkustanzi li jkollhom effett ċar fuq kwistjoni li tkun is-suġġett ta’ deċiżjoni adottata mill-Kunsill li tistabbilixxi azzjoni operattiva tal-Unjoni, il-Kunsill jirrevedi l-prinċipji u l-għanijiet ta’ din id-deċiżjoni u jadotta d-deċiżjonijiet neċessarji. L-istess kien japplika għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 14(2) tat-Trattat UE, fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ meta nħolqot il-Missjoni Eulex Kosovo fl‑2008, li ssostitwixxa t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 28(1) TUE. Min-naħa l-oħra, l-imsemmi perikolu huwa rifless ukoll mit-tfakkira ripetuta, fil-premessi tad-deċiżjonijiet differenti tal-Kunsill li jemendaw u jestendu l-Azzjoni Konġunta 2008/124, minħabba l-fatt li l-Missjoni Eulex Kosovo kellha titmexxa fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li setgħet tiddeterjora u tippreġudika l-għanijiet, inizjalment, tal-PESK, imbagħad tal-azzjoni esterna msemmija fl-Artikolu 21 TUE.

165    Sussegwentement, skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 19 tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mid-Deċiżjoni 2010/322, il-Kunsill kien obbligat jevalwa, mhux iktar tard minn sitt xhur qabel id-data tal-iskadenza tal-imsemmija azzjoni, jekk il-missjoni kellhiex tiġi pprorogata. Huwa għalhekk li jirriżulta mill-premessi ta’ kull waħda mid-deċiżjonijiet ta’ proroga ta’ din l-azzjoni konġunta li l-Kunsill għamel riferiment għal rakkomandazzjonijiet ifformulati f’dan ir-rigward mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) (premessa 3 tad-Deċiżjoni 2010/332), sussegwentement għall-eżami strateġiku (premessa 3 tad-Deċiżjoni 2012/291 u premessa 4 tad-Deċiżjoni 2014/349).

166    L-eżami strateġiku tal-Missjoni Eulex Kosovo (CMDP, EEAS 00115/14) stabbilit matul ix-xahar ta’ Jannar 2014 (iktar ’il quddiem l-“eżami strateġiku”) twettaq mill-Missjoni Eulex Kosovo f’verżjoni mhux kompletament deklassifikata bħala Anness A5 tar-risposta tagħha għat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura. Huwa abbażi ta’ dan id-dokument li l-Kunsill iddeċieda, permezz tad-Deċiżjoni 2014/349, li jemenda u jestendi l-Azzjoni Konġunta 2008/124 sal‑14 ta’ Ġunju 2016. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, kif issostni b’mod partikolari l-Missjoni Eulex Kosovo, minn dan l-eżami jirriżulta li, minn naħa, fl-2013, l-awtoritajiet tal-Kosovo kienu esprimew ix-xewqa li, fid-dawl tat-tmiem tal-mandat tal-Azzjoni Konġunta, stabbilit għalhekk għall‑14 ta’ Ġunju 2014, il-proċess ta’ tmiem l-indipendenza sorveljata tal-Kosovo jkun beda. Huwa għalhekk li, fl-ittra tal-uffiċċju tal-Prim Ministru tal-Kosovo stabbilita matul ix-xahar ta’ Lulju 2013, li tikkostitwixxi l-Anness I tal-eżami strateġiku, l-imsemmija awtoritajiet ipproponew strateġija ta’ tranżizzjoni intiża sabiex tgħin il-missjoni ta’ trasferiment tas-setgħat eżekuttivi tagħha lill-istituzzjonijiet Kosovari kkonċernati b’mod ikkoordinat u sabiex ittemm il-mandat tagħha matul ix-xahar ta’ Ġunju 2014. F’dan ir-rigward, fl-imsemmija ittra, l-imsemmija awtoritajiet kienu elenkaw ċerti oqsma ta’ attività tal-Missjoni Eulex Kosovo li, skont l-evalwazzjoni tagħhom stess, setgħu jiġu ttrasferiti lill-istituzzjonijiet Kosovari.

167    Min-naħa l-oħra, huwa fid-dawl b’mod partikolari ta’ dawn ix-xewqat espressi mill-awtoritajiet Kosovari li, fl-eżami strateġiku, ġie rrakkomandat li jiġi ddefinit mill-ġdid il-kamp tal-attivitajiet tal-Missjoni Eulex Kosovo. F’dan ir-rigward, fil-punt 45 tal-imsemmi eżami, kien b’mod partikolari propost li tinżamm preżenza residwa fil-livell tas-sistema ġudizzjarja lokali. Bl-istess mod, fil-punt 75 tal-eżami strateġiku, fil-perspettiva tal-estensjoni tal-mandat tal-missjoni b’effett mix-xahar ta’ Ġunju 2014 sax-xahar ta’ Ġunju 2016, kien espressament indikat li, fid-dawl tal-attivitajiet ġodda fdati bil-missjoni, din tal-aħħar kienet ħafna iżgħar u li, f’dan ir-rigward, kien propost li jintlaħaq perijodu ta’ tranżizzjoni minn tlieta sa erba’ xhur, li kellu jintemm matul ix-xahar ta’ Settembru jew ta’ Ottubru 2014.

168    Fl-aħħar, mill-verżjoni rreveduta tal-OPLAN adottata fl‑20 ta’ Ġunju 2014 (9633/6/14 REV 6) jirriżulta li l-Missjoni Eulex Kosovo kkomunikat, f’verżjoni mhux kompletament deklassifikata, bħala Anness A7 tar-risposta tagħha għat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li l-emendi introdotti lill-Azzjoni Konġunta 2008/124 kienu bbażati fuq l-ibbilanċjar tal-aspirazzjonijiet tal-awtoritajiet kosovari u tal-konstatazzjoni, stabbilita fl-eżami strateġiku, li skontha, minkejja l-progress imwettaq, l-għanijiet imfittxija ma kinux ser jintlaħqu kompletament matul ix-xahar ta’ Ġunju 2014. Għaldaqstant, taħt it-Titolu 1.2 (“Situation update”), kien espressament indikat li kien hemm lok, fil-kuntest tal-estensjoni tal-mandat tiegħu sa Ġunju 2016, li tiġi stabbilita sħubija intiża sabiex tissodisfa kemm ix-xewqat tal-awtoritajiet kosovari li jirriżolvu huma stess l-isfidi u r-rieda li tiġi żgurata tranżizzjoni fl-oqsma ta’ attività fejn l-għanijiet miftiehma kienu ntlaħqu. Ġie ppreċiżat espliċitament li “approprjazzjoni u responsabbilizzazzjoni fil-livell lokali kienu jikkostitwixxu karatteristika determinanti tal-mandat futur”. Fir-rigward tal-implimentazzjoni tar-ristrutturazzjoni tal-Missjoni Eulex Kosovo, li kellha tidħol fis-seħħ fil‑15 ta’ Ottubru 2014, mit-Titolu 4.2.1 (“Transition Phase”) jirriżulta li, matul il-fażi ta’ tranżizzjoni li bdiet fil‑15 ta’ Ġunju 2014 u li spiċċat fl‑14 ta’ Ottubru 2014, il-missjoni kellha tiġi organizzata mill-ġdid konformement mal-organigramma li tikkostitwixxi l-Anness 1 tal-imsemmija verżjoni tal-OPLAN. Mill-imsemmi anness jirriżulta li, fir-rigward tas-servizzi tekniċi, in-numru ta’ “Information Technology Officers” tal-unità “Information Technology and Software Development”, li kien jagħmel parti minnha r-rikorrent, kellha jonqos minn sitta għal erbgħa.

169    Fir-rigward tal-prinċipji applikabbli għall-imsemmija fażi ta’ tranżizzjoni fir-rigward tal-konsegwenzi tad-deċiżjonijiet ta’ ristrutturazzjoni tal-Missjoni Eulex Kosovo fuq il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tagħha, kien previst li, fil-każ ta’ tneħħija ta’ pożizzjonijiet, il-kuntratti tal-membri tal-persunal bil-kuntratt li jokkupawhom fi kwalunkwe każ ma kinux ser jiġġeddu mal-iskadenza tagħhom.

170    Ir-raba’, fir-rigward tat-tul tal-mandati tal-kapijiet tal-missjoni suċċessivi, dan juri mill-ġdid il-konsegwenzi tal-qafas deċiżjonali temporanju li jagħmel parti minnu l-intervent imwettaq mill-Unjoni fil-Kosovo permezz tal-Missjoni Eulex Kosovo.

171    Huwa għalhekk li l-mandat tal-ewwel kap tal-missjoni ddekorra, skont id-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-KPS Eulex/1/2008 tas‑7 ta’ Frar 2008 dwar il-ħatra tal-Kap ta’ Missjoni tal-Missjoni ta’ l-Unjoni Ewropea dwar l-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, Eulex Kosovo (2008/125/PESK) (ĠU 2008, L 42, p. 99), sal-iskadenza tal-Azzjoni Konġunta 2008/124. L-imsemmi mandat intemm fl‑14 ta’ Ottubru 2010, wara t-tħassir tad-Deċiżjoni Eulex/1/2008 permezz tal-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni tal-KPS Eulex/1/2010 tas‑27 ta’ Lulju 2010 dwar il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, Eulex Kosovo (2010/431/PESK) (ĠU 2010, L 202, p. 10).

172    Il-mandat tat-tieni kap tal-missjoni, min-naħa tiegħu, iddekorra, skont id-Deċiżjoni Eulex/1/2010 mill‑15 ta’ Ottubru 2010 sal‑14 ta’ Ottubru 2011, u sussegwentement ġie estiż tliet darbiet, jiġifieri mill‑14 ta’ Ġunju 2012 (Deċiżjoni tal-KPS Eulex Kosovo/1/2011 tas-27 ta’ Lulju 2010 li testendi l-mandat tal-Kap ta’ Misssjoni tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, Eulex Kosovo (2011/688/PESK) (ĠU 2011, L 270, p. 32)), sussegwentement sal‑14 ta’ Ottubru 2012 (Deċiżjoni tal-KPS Eulex Kosovo/1/2012 tat‑12 ta’ Ġunju 2012 li testendi l-mandat tal-Kap ta’ Missjoni tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-istat tad-Dritt fil-Kosovo (2012/310/PESK) (ĠU 2012, L 154, p. 24)) u fl-aħħar sal‑31 ta’ Jannar 2013 (Deċiżjoni tal-KPS Eulex Kosovo/2/2012 tat‑12 ta’ Ottubru 2012 li testendi l-mandat tal-Kap ta’ Missjoni tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, Eulex Kosovo (2012/631/PESK) (ĠU 2012, L 282, p. 45)).

173    Il-mandat tat-tielet kap tal-missjoni l-ewwel iddekorra mill‑1 ta’ Frar 2013 sal‑14 ta’ Ġunju 2014 (Deċiżjoni tal-KPS Eulex Kosovo/3/2012 tal‑4 ta’ Diċembru 2012 dwar il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, Eulex Kosovo (2012/751/PESK) (ĠU 2012, L 334, p. 46)), sussegwentement ġie pprorogat sal‑14 ta’ Ottubru 2014 (Deċiżjoni tal-KPS Eulex Kosovo/1/2014 tas‑17 ta’ Ġunju 2014 li testendi l-mandat tal-Kap ta’ Missjoni tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, Eulex Kosovo (2014/371/PESK) (ĠU 2014, L 180, p. 17)).

174    Fir-rigward tal-konklużjoni tal-aħħar KŻD għall-perijodu mill‑15 ta’ Ottubru sal‑14 ta’ Novembru 2014, għandu jingħad ukoll li ġie maħtur ir-raba’ kap tal-missjoni għall-perijodu mill‑15 ta’ Ottubru 2014 sal‑14 ta’ Ġunju 2015 [Deċiżjoni tal-KPS Eulex Kosovo/2/2014 tad‑9 ta’ Ottubru 2014 dwar il-ħatra tal-Kap tal-Missjoni tal-Unjoni Ewropea għall-Istat tad-Dritt fil-Kosovo, Eulex Kosovo (2014/707/PESK) (ĠU 2014, L 295, p. 59)).

175    Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li t-tul tal-mandati tal-kapijiet tal-Missjoni Eulex Kosovo kien mhux biss limitat, iżda wkoll iffissat għal perijodi varjabbli u erratiċi. Madankollu, minbarra l-fatt li l-ewwel disa’ KŻD ġew konklużi bejn ir-rikorrent u l-kap tal-missjoni fil-funzjoni dak iż-żmien, għandu jiġi rrilevat li, skont is-seba’ u t-tmien paragrafu tal-punt 4 tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502, li inizjalment kienet parti integrali mid-dispożizzjonijiet li jirregolaw ir-relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrent u l-kap tal-missjoni, it-tul tal-kuntratt ta’ ingaġġ tal-membri tal-persunal internazzjonali kellu jkun konformi mal-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ reklutaġġ tal-konsulent speċjali għall-PESK li r-rikorrent kien ikkonkluda l-kuntratt miegħu. F’dan ir-rigward, huwa paċifiku li kull wieħed mill-kapijiet tal-missjoni li magħhom ir-rikorrent ikkonkluda rispettivament l-ewwel disa’ KŻD kien, fil-kwalità tiegħu ta’ kap tal-missjoni fil-funzjoni, konsulent speċjali għall-PESK. Fl-assenza ta’ personalità ġuridika mogħtija lill-Missjoni Eulex Kosovo, kien iġġustifikat li l-kuntratti ta’ reklutaġġ tal-membri tal-persunal bil-kuntratt internazzjonali jiġu konklużi mill-kapijiet tal-imsemmija missjoni. Issa, it-tul tal-mandati ta’ dawn tal-aħħar kien limitat, kif tfakkar il-Missjoni Eulex Kosovo, skont il-punt 4 tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502. F’dawn iċ-ċirkustanzi, bħala prinċipju, il-kapijiet tal-missjoni ma setgħux jikkonkludu kuntratti ta’ ingaġġ ta’ tul ikbar minn dak tal-kuntratti tagħhom stess.

176    B’hekk, mill-konstatazzjonijiet magħmula fil-punti 157 sa 175 iktar ’il fuq jirriżulta li, matul il-perijodu bejn id-data tal-ħolqien tal-Missjoni Eulex Kosovo u t-tieni semestru 2014, it-tul tal-mandat tal-missjoni, bħala missjoni ċivili ta’ ġestjoni ta’ kriżi, inizjalment stabbilit għal 28 xahar, ġie sussegwentement estiż tliet darbiet sa sentejn. Barra minn hekk, kemm il-perijodi koperti mill-ammonti ta’ referenza finanzjarja intiżi li jkopru l-ispejjeż tagħha kif ukoll il-mandati tad-diversi kapijiet tal-missjoni ġew stabbiliti għal perijodi suċċessivi, erratiċi u mhux omoġeni bejniethom. Barra minn hekk, fir-rigward tad-definizzjoni tal-kompetenzi u tal-kamp ta’ azzjoni tal-missjoni, din kienet suġġetta għal emendi skont l-evoluzzjoni tal-implimentazzjoni tal-mandat li kien fdat lilha, is-sitwazzjoni fil-qasam tal-operazzjonijiet u r-relazzjonijiet stabbiliti bejn l-Unjoni u l-awtoritajiet kosovari.

177    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, fir-rigward tal-kundizzjonijiet u tal-modalitajiet għar-reklutaġġ tal-persunal tal-Missjoni Eulex Kosovo, l-ewwel sentenza tal-Artikolu 9(2) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124 tipprovdi li “[i]l-persunal ta’ E[ulex] K[osovo] jikkonsisti essenzjalment f’uffiċjali kkollokati mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-U[njoni]”. Skont it-tieni sentenza tal-paragrafu 2 tal-istess artikolu, kull Stat Membru jew istituzzjoni tal-Unjoni għandhom ibatu l-ispejjeż relatati mal-persunal kkollokat minnhom, inklużi l-ispejjeż tal-ivvjaġġar lejn u mill-post tal-installazzjoni, is-salarji, l-assigurazzjoni medika u l-allowances. Skont l-ewwel sentenza tal-paragrafu 3 tal-istess artikolu, il-missjoni setgħet ukoll, skont il-bżonn, tirrekluta fost l-oħrajn, persunal ċivili internazzjonali fuq bażi kuntrattwali jekk il-funzjonijiet meħtieġa ma kinux ipprovduti mill-membri tal-persunal ikkollokati mill-Istati Membri.

178    B’hekk, ir-reklutaġġ tal-persunal tal-Missjoni Eulex Kosovo kellu jitwettaq, bħala prijorità, permezz tal-kollokament tal-membri tal-persunal tal-Istati Membri jew tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Huwa biss sussidjarjament, meta l-membri tal-persunal hekk ikkollokati ma kinux f’pożizzjoni li jiżguraw ċerti funzjonijiet neċessarji għall-imsemmija missjoni, li din tal-aħħar setgħet għalhekk tirrekluta persunal ċivili internazzjonali u lokali.

179    Dawn il-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo kienu ġġustifikati min-natura temporanja tal-mandat tal-imsemmija missjoni, sa fejn dan tal-aħħar, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 163,166 u 177 iktar ’il fuq, indipendentement mit-tul u mill-għan tiegħu, kien għadu jista’ jiġi emendat, jew irrapportat mill-awtoritajiet kosovari. Dawn iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal missjoni ta’ ġestjoni ta’ kriżi internazzjonali, maħluqa fil-kuntest tal-PESK, bħall-Missjoni Eulex Kosovo, jiġġustifikaw li l-persunal tagħha jiġi rreklutat, bi prijorità, abbażi tal-kollokament ta’ membri tal-persunal tal-Istati Membri jew ta’ membri tal-persunal tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Fil-fatt, minn naħa, fil-każ fejn il-mandat tal-imsemmija missjoni ma kienx ġie mġedded jew kien ġie interrott matul it-twettiq, kien ikun għalhekk possibbli li jintemm immedjatament il-kollokament tal-membri tal-persunal ikkollokati magħha mill-Istati Membri jew mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, mingħajr ma jkun hemm ir-riskju li l-missjoni tiġi esposta għal konsegwenzi amministrattivi u baġitarji inkompatibbli mad-dimensjoni temporanja tagħha.

180    Għaldaqstant, peress li r-rikorrent ma kienx membru tal-persunal ikkollokat minn Stat Membru jew minn istituzzjoni tal-Unjoni, il-kompiti li setgħu jiġu fdati lilu, irrispettivament mill-għan speċifiku, kienu, neċessarjament u direttament, esposti mhux biss għar-riskji tar-relazzjonijiet internazzjonali, li kienu jikkundizzjonaw iż-żamma tal-Missjoni Eulex Kosovo fuq il-post, il-kompetenzi tagħha u l-kamp ta’ azzjoni tagħha, u tal-finanzjament tagħha, iżda wkoll għall-kapaċitajiet, min-natura tagħhom evoluttivi, tal-Istati Membri li jikkollokaw membri tal-persunal nazzjonali li jistgħu jissodisfaw il-bżonnijiet tagħhom. Dawn il-kundizzjonijiet u dawn il-modalitajiet ta’ impjieg tal-persunal tal-missjoni, li huma marbuta mill-qrib u direttament man-natura temporanja ta’ din tal-aħħar, jikkostitwixxu, huma wkoll, raġunijiet oġġettivi li jippermettu li tiġi ġġustifikata d-deċiżjoni li jiġu proposti KŻD lill-persunal ċivili internazzjonali.

181    Konsegwentement, fid-dawl tan-natura temporanja ta’ dawn il-parametri kollha, huwa b’mod żbaljat li r-rikorrent isostni, minn naħa, li, għat-twettiq tal-attivitajiet tiegħu fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo, setgħet tiġi proposta fil-konfront tiegħu l-konklużjoni ta’ KŻI li jinkludi klawżola riżoluttiva fil-każ ta’ tmiem tal-mandat tal-missjoni u, min-naħa l-oħra, li l-impjieg li kien jokkupa kien intiż li jissodisfa bżonnijiet permanenti u fit-tul. Fil-fatt, il-prospetti ta’ impjieg tal-persunal kollu tal-missjoni, inklużi l-membri tal-persunal ċivili internazzjonali, kienu kollha kkundizzjonati minn deċiżjoni ta’ żamma tal-missjoni, fid-dawl ta’ fatturi ġeopolitiċi, u, f’dan il-każ, mid-definizzjoni tal-kompetenzi tiegħu u tal-kamp ta’ azzjoni tiegħu, abbażi tal-mandat tiegħu. Hija għalhekk in-natura stess tal-entità kkonċernata, sa fejn din tal-aħħar hija intiża, finalment, li tiġi xolta u hija, f’dan il-kuntest partikolari, dipendenti biss fuq il-finanzjament li jingħatalha mill-awtorità baġitarja skont il-kompetenzi tagħha u l-kamp ta’ azzjoni tagħha kif iddefiniti mill-awtorità politika, li tiddetermina neċessarjament in-natura temporanja tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal tagħha kif ukoll, bħala prinċipju, sad-disa’ KŻD, it-tul tal-mandat tal-kap tal-missjoni, li miegħu ġew inizjalment konklużi l-kuntratti.

182    B’hekk, it-tul tal-kuntratti konklużi minn jew f’isem il-Missjoni Eulex Kosovo mal-membri tal-persunal ċivili internazzjonali fl-ebda każ ma seta’ jeċċedi t-tmiem ta’ kull wieħed mill-mandati tal-missjoni u lanqas, qabelxejn u bħala prinċipju, it-terminu tal-perijodi koperti mill-ammonti ta’ referenza finanzjarja.

183    F’dan il-każ, id-data tat-tmiem ta’ kull wieħed mill-ewwel disa’ KŻD, konklużi bejn ir-rikorrent u l-kap tal-missjoni, kif ukoll dak tal-għaxar KŻD, konkluż bejn ir-rikorrent u l-missjoni stess, dejjem ikkoinċida mat-tmiem ta’ mandat tal-missjoni jew tal-perijodi koperti mill-ammonti ta’ referenza finanzjarja jew tal-mandat tal-kap tal-missjoni, b’tali mod li r-rikors għall-imsemmija KŻD kien jikkostitwixxi motiv neċessarju u xieraq, kif jirriżulta mill-konstatazzjonijiet li ġejjin:

–        it-tmiem tal-ewwel KŻD, stabbilit għall‑14 ta’ Ġunju 2010, kien jikkoinċidi mat-tmiem tal-mandat tal-missjoni previst mill-Azzjonijiet Konġunti 2008/124 u 2009/445 u t-tmiem tal-perijodu kopert mill-ammont ta’ referenza finanzjarja stabbilit mill-Azzjoni Konġunta 2009/445;

–        it-tmiem tat-tieni KŻD, stabbilit għall‑14 ta’ Ottubru 2010, kien jikkoinċidi mat-tmiem tal-perijodu kopert mill-ammont ta’ referenza finanzjarja stabbilit mid-Deċiżjoni 2010/322;

–        it-tmiem tat-tielet KŻD, stabbilit għall-14 ta’ Ottubru 2011, kien jikkoinċidi mat-tmiem tal-perijodu kopert mill-ammont ta’ referenza finanzjarja stabbilit mid-Deċiżjoni 2010/619 u mat-tmiem tal-mandat tal-kap tal-missjoni stabbilit mid-Deċiżjoni 2010/431;

–        it-tmiem tar-raba’ KŻD, stabbilit għall‑14 ta’ Diċembru 2011, kien jikkoinċidi mat-tmiem tal-perijodu kopert mill-ammont ta’ referenza finanzjarja stabbilit mid-Deċiżjoni 2011/687;

–        it-tmiem tal-ħames KŻD, stabbilit għall‑14 ta’ Ġunju 2012, kien jikkoinċidi mat-tmiem tal-mandat tal-missjoni previst mid-Deċiżjoni 2010/322, mat-tmiem tal-perijodu kopert mill-ammont ta’ referenza finanzjarja stabbilit mid-Deċiżjoni 2011/752 u mat-tmiem tal-mandat tal-kap tal-missjoni stabbilit mid-Deċiżjoni 2011/688;

–        it-tmiem tas-sitt KŻD, stabbilit għall‑14 ta’ Ottubru 2012, kien jikkoinċidi mat-tmiem tal-mandat tal-kap tal-missjoni stabbilit mid-Deċiżjoni 2012/310;

–        it-tmiem tas-seba’ KŻD, stabbilit għall‑31 ta’ Jannar 2013, kien jikkoinċidi mat-tmiem tal-mandat tal-kap tal-missjoni stabbilit mid-Deċiżjoni 2012/631;

–        it-tmiem tat-tmien KŻD, stabbilit għall‑14 ta’ Ġunju 2013, kien jikkoinċidi mat-tmiem tal-perijodu kopert mill-ammont ta’ referenza finanzjarja stabbilit mid-Deċiżjoni 2012/291;

–        it-tmiem tad-disa’ KŻD, stabbilit għall‑14 ta’ Ġunju 2014, kien jikkoinċidi mat-tmiem tal-mandat tal-missjoni previst mid-Deċiżjoni 2012/291, mat-tmiem tal-perijodu kopert mill-ammont ta’ referenza finanzjarja stabbilit mid-Deċiżjoni 2013/241 u mat-tmiem tal-mandat tal-kap tal-missjoni stabbilit mid-Deċiżjoni 2012/751;

–        u t-tmiem tal-għaxar KŻD, stabbilit għall‑14 ta’ Ottubru 2014, kien jikkoinċidi mat-tmiem tal-perijodu kopert mill-ammont ta’ referenza finanzjarja stabbilit mid-Deċiżjoni 2014/349.

184    Bħala konklużjoni, fid-dawl tad-dimensjoni temporanja tal-kuntest li fih żviluppat ir-relazzjoni kuntrattwali bejn ir-rikorrent u l-Missjoni Eulex Kosovo, dimensjoni li kienet strettament marbuta maċ-ċirkustanzi preċiżi u konkreti tad-determinazzjoni u tal-implimentazzjoni tal-mandat tal-Missjoni Eulex Kosovo, għandu jiġi kkonstatat li, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, kienu jeżistu raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw ir-rikors, lil hinn mill‑14 ta’ Ġunju 2014, jiġifieri wara d-disa’ KŻD, għal KŻD suċċessivi fir-rigward tar-reklutaġġ tar-rikorrent bħala membru tal-persunal ċivili internazzjonali fi ħdan l-imsemmija missjoni. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li huwa jsostni, huwa mingħajr ma twettaq abbuż li ġiet proposta fil-konfront tiegħu l-konklużjoni tal-ewwel għaxar KŻD.

185    Fir-rigward tar-raġunijiet oġġettivi li jistgħu jiġġustifikaw, konformement mal-Artikolu 9 tal-Liġi tal-2003, il-konklużjoni tal-ħdax-il KŻD bejn ir-rikorrent u l-Missjoni Eulex Kosovo, ir-rikorrent kien ġie informat espressament, permezz tal-ittra tas‑26 ta’ Ġunju 2014, li, wara d-deċiżjoni ta’ ristrutturazzjoni tal-Missjoni Eulex Kosovo meħuda mill-Istati Membri fl‑24 ta’ Ġunju 2014, il-pożizzjoni ta’ persuna responsabbli mit-teknoloġija (“IT Officer”) li huwa kien jokkupa sa mill-ingaġġ tiegħu fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo kienet se titħassar wara l‑14 ta’ Novembru 2014, b’tali mod li l-kuntratt tiegħu ma kienx ser jiġġedded wara din id-data. Din l-informazzjoni ġiet għalhekk formalment ikkomunikata lir-rikorrent ftit inqas minn ħames xhur qabel it-tmiem tal-prospetti ta’ xogħol tiegħu fi ħdan l-imsemmija missjoni, jiġifieri fl‑14 ta’ Novembru 2014 u ftit inqas minn erba’ xhur qabel it-tmiem tal-għaxar KŻD, iffissat għall‑14 ta’ Ottubru 2014. Barra minn hekk, din l-ittra kienet espliċitament issemmi r-raġunijiet li għalihom, wara l‑14 ta’ Novembru 2014, ma kinitx se tiġi proposta fil-konfront tiegħu l-konklużjoni ta’ kuntratt ta’ reklutaġġ ġdid fi ħdan il-missjoni għall-funzjonijiet li huwa kien assuma sa dak iż-żmien fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ xogħol tiegħu ma’ din tal-aħħar.

186    Huwa f’dan il-kuntest speċifiku, direttament u strettament marbut mar-ristrutturazzjoni tal-Missjoni Eulex Kosovo deċiża matul ix-xahar ta’ Ġunju 2014, li, fi tmiem l-għaxar KŻD, fl‑14 ta’ Ottubru 2014, konformement mat-termini tal-ittra tas‑26 ta’ Ġunju 2014, il-Missjoni Eulex Kosovo pproponiet fil-konfront tar-rikorrent il-konklużjoni ta’ KŻD finali għall-perijodu mill‑15 ta’ Ottubru sal‑14 ta’ Novembru 2014. Ir-rikorrent kien għalhekk perfettament informat bir-raġunijiet għalfejn u bil-kundizzjonijiet li fihom ġie propost fil-konfront tiegħu l-aħħar KŻD u bil-fatt li, fid-dawl tar-ristrutturazzjoni tal-missjoni u, konsekuttivament, tat-tneħħija tal-pożizzjoni li kien jokkupa sa dak iż-żmien, ebda prospett ta’ tiġdid tal-kuntratt tiegħu għall-funzjonijiet li huwa kien assuma ma kien possibbli. Dan il-fatt partikolari juri perfettament id-dimensjoni temporanja ħafna u aleatorja li tikkaratterizza n-natura stess ta’ missjoni PESK bħall-Missjoni Eulex Kosovo u, konsegwentement, l-eżistenza tagħha stess. Barra minn hekk, minbarra l-inklużjoni, fl-Artikolu 21 tal-klawżola ta’ arbitraġġ li tiddenomina lill-qorti tal-Unjoni, il-klawżoli tal-imsemmi kuntratt ma humiex differenti minn dawk li jinsabu fl-għaxar KŻD.

187    Mill-konstatazzjonijiet li jinsabu fil-punti 185 u 186 iktar ’il fuq jirriżulta li, minbarra r-raġunijiet oġġettivi, marbuta man-natura temporanja u perpetwalment evoluttiva tal-mandat tal-Missjoni Eulex Kosovo, fir-rigward tat-tul tiegħu, tal-kontenut tiegħu u tal-finanzjament tiegħu, li kienu jiġġustifikaw il-konklużjoni tal-ewwel għaxar KŻD, kienu jeżistu raġunijiet oġġettivi oħra, ibbażati fuq kuntest speċifiku, sabiex jiġġustifikaw, b’mod iktar konkret u ddettaljat, id-deċiżjoni tal-missjoni li tiġi proposta fil-konfront tar-rikorrent il-konklużjoni tal-aħħar KŻD, għal perijodu ta’ xahar biss. Tali proposta kienet tikkostitwixxi mezz neċessarju u xieraq sabiex jiġu ssodisfatti l-bżonnijiet li għalihom kienet ġiet stabbilita r-relazzjoni kuntrattwali, fid-dawl ta’ dawn ir-raġunijiet oġġettivi. Fil-fatt, id-data tat-tmiem tal-imsemmi KŻD kienet għalhekk tikkoinċidi ma’ dik li fiha l-kariga li kien jokkupa sa dak iż-żmien kellha titneħħa fil-kuntest tar-ristrutturazzjoni tal-missjoni deċiża mill-Kunsill u l-implimentazzjoni tagħha mill-missjoni, jiġifieri l‑15 ta’ Novembru 2014.

188    Konsegwentement, qabelxejn, jeżistu raġunijiet oġġettivi li jippermettu li tiġi ġġustifikata, skont l-Artikolu 9 tal-Liġi tal-2003, il-konklużjoni tal-ħdax-il KŻD. Għaldaqstant, huwa mingħajr ma twettaq abbuż li ġiet proposta fil-konfront tar-rikorrent il-konklużjoni tal-aħħar KŻD. Sussegwentement u konsekuttivament, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 184 u 187 iktar ’il fuq, it-talba għal riklassifikazzjoni tal-ħdax-il KŻD f’KŻI wieħed għandha tiġi miċħuda bħala infondata. Fl-aħħar, skont il-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punt 82 iktar ’il fuq, it-talba għal riklassifikazzjoni tal-KŻD konklużi bejn ir-rikorrent u l-ewwel żewġ missjonijiet, imsemmija fil-punti 1 u 2 iktar ’il fuq, għandha għalhekk tiġi miċħuda wkoll.

189    Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata mill-argumenti supplimentari tar-rikorrent. Dan huwa l-każ, l-ewwel, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li r-relazzjoni kuntrattwali tiġi awtomatikament ikklassifikata mill-ġdid f’KŻI peress li l-iffirmar tal-ħdax-il KŻD dejjem seħħ wara d-data tad-dħul tiegħu fil-kariga.

190    Fil-fatt, għalkemm huwa paċifiku li l-ħdax-il KŻD ġew kollha ffirmati wara d-dħul fis-seħħ tagħhom, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li r-regola invokata mir-rikorrent hija bbażata fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-loi belge du 3 juillet 1978 relative aux contrats de travail (il-Liġi Belġjana tat‑3 ta’ Lulju 1978 dwar il-Kuntratti tax-Xogħol (Moniteur belge tat‑22 ta’ Awwissu 1978, p. 9277). Madankollu, kif ġie kkonstatat fil-punt 139 iktar ’il fuq, id-dritt nazzjonali applikabbli għal din il-kawża huwa d-dritt Irlandiż, li ma jinkludix, anki jekk essenzjalment, regola ta’ formalità kuntrattwali paragunabbli. Għaldaqstant, dan l-argument huwa infondat.

191    It-tieni, għandu jiġi miċħud ukoll l-argument ibbażat fuq il-fatt li, fl-assenza ta’ komunikazzjoni tad-dokumenti kollha li jagħmlu parti integrali mill-kuntratti, u b’mod partikolari tal-Komunikazzjoni C(2009) 9502, ir-rikorrent ma kienx jiġi informat bid-drittijiet fiskali u soċjali tiegħu qabel l-iffirmar tal-ewwel KŻD. Huwa jsostni f’dan ir-rigward li, fin-nuqqas ta’ kunsens informat u ta’ informazzjoni dwar il-kuntest ġuridiku applikabbli għall-ħdax-il KŻD, dawn tal-aħħar huma invalidi, b’tali mod li, għal din ir-raġuni wkoll, ir-relazzjoni kuntrattwali għandha tiġi kklassifikata mill-ġdid f’KŻI wieħed.

192    Il-missjoni Eulex Kosovo tikkontesta l-fatt li l-kunsens tar-rikorrent kien ivvizzjat.

193    Fir-rigward tal-allegat nuqqas ta’ informazzjoni tar-rikorrent dwar id-drittijiet fiskali u soċjali tiegħu qabel l-iffirmar tal-ewwel KŻD, kif ġie kkonstatat fil-punt 113 iktar ’il fuq, il-Komunikazzjoni C(2009) 9502 ġiet effettivament trażmessa lilu qabel l-iffirmar ta’ dan il-kuntratt.

194    Huwa paċifiku li l-imsemmija komunikazzjoni, li kienet parti integrali mill-ewwel disa’ KŻD, konklużi bejn ir-rikorrent u l-Kap tal-Missjoni Eulex Kosovo, kienet issemmi espressament, minbarra r-regoli applikabbli għar-relazzjoni ta’ xogħol, id-drittijiet soċjali u fiskali kollha tar-rikorrent. Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat, qabelxejn li, fil-messaġġ elettroniku tad‑9 ta’ Frar 2010 li ttrażmettilu l-Komunikazzjoni C(2009) 9502 (ara l-punt 113 iktar ’il fuq), id-Dipartiment tar-Riżorsi Umani tal-missjoni ppreċiża l-proċedura u l-modalitajiet applikabbli, fost l-oħrajn, sabiex jiġi ddeterminat il-grad u s-salarju tiegħu, għall-finijiet tal-istabbiliment tal-offerta ta’ impjieg tiegħu. Sussegwentement, għal dawn il-finijiet, ir-rikorrent irritorna l-formola tad-dikjarazzjoni ta’ residenza lill-missjoni, debitament mimlija u datata t-22 ta’ Frar 2010. Fl-aħħar, konsekuttivament, permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑18 ta’ Marzu 2010, minn naħa, il-missjoni informat b’mod partikolari lir-rikorrent, abbażi tad-dokumenti li huwa kien bagħat wara l-messaġġ elettroniku tad‑9 ta’ Frar 2010, bil-kategorija li taqa’ taħtha l-pożizzjoni tiegħu, bil-grad u bl-iskala, bis-salarju tiegħu u bir-remunerazzjoni l-oħra, bis-sigħat u bil-ħinijiet tax-xogħol fi ħdan il-missjoni, bid-drittijiet tiegħu fil-qasam tal-leave u bil-polza ta’ assigurazzjoni b’riskju għoli li huwa kien jibbenefika minnha. Min-naħa l-oħra, hija stiednet lir-rikorrent jaċċetta l-offerta ta’ impjieg annessa mal-imsemmi messaġġ elettroniku tat‑18 ta’ Marzu 2010 u jikkomunika d-data eżatta tal-wasla tiegħu, filwaqt li ppreċiżat li huwa seta’ jitlob, minn qabel, kull informazzjoni li huwa jqis utli. Ir-rikorrent aċċetta l-imsemmija offerta ta’ impjieg, li kienet tippreċiża l-pożizzjoni tiegħu, il-grad tiegħu, ir-remunerazzjoni tiegħu u d-data tat-tmiem tal-KŻD inizjali tiegħu, iffirmata u datata l‑25 ta’ Marzu 2010.

195    Mill-konstatazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li huwa b’għarfien perfett taċ-ċirkustanzi tal-impjieg u tad-drittijiet soċjali u fiskali tiegħu li r-rikorrent ikkonkluda l-ewwel KŻD mal-Missjoni Eulex Kosovo. Barra minn hekk, fl-atti tiegħu, ir-rikorrent ma allegax li d-dokumenti annessi mal-għaxar KŻD suċċessivi oħra konklużi sussegwentement mal-missjoni ma tqegħdux għad-dispożizzjoni tiegħu. Fir-rigward tal-aħħar KŻD, kif ġie rrilevat fil-punt 138 iktar ’il fuq, id-data dwar id-drittijiet soċjali u fiskali tar-rikorrent kienet tinsab fil-klawżoli stess tal-kuntratt. Għalhekk, ma’ dan l-aħħar KŻD kienu annessi biss id-deskrizzjoni tal-pożizzjoni tiegħu, l-iskeda tas-salarji u l-formola ta’ identifikazzjoni tal-membru tal-persunal (“Beneficiary form” jew “Designation form”).

196    It-tielet, l-argument tar-rikorrent ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(2) tal-Liġi tal-2003 lanqas ma huwa fondat.

197    F’dan ir-rigward, kif ġie rrilevat fil-punt 87 iktar ’il fuq, ir-rikorrent isostni li l-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-Liġi tal-2003 iwassal ipso facto għar-riklassifikazzjoni f’KŻI ta’ KŻD. Bl-istess mod, b’risposta għal domanda ġdida magħmula fil-kuntest tat-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, ir-rikorrent indika espressament li t-talba tiegħu għal kumpens għal danni kuntrattwali, marbuta mat-terminazzjoni illegali tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu, hija bbażata fuq il-klassifikazzjoni mill-ġdid, ibbażata fuq “l-applikazzjoni [tal-Artikolu 9 tal-Liġi tal-]2003”, tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu fi ħdan il-missjonijiet.

198    Skont l-Artikolu 8(2) tal-Liġi tal-2003, meta l-persuna li timpjega tipproponi li ġġedded KŻD, hija obbligata tinforma lill-impjegat, bil-miktub, mhux iktar tard mid-data tat-tiġdid, bir-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw lil dan tal-aħħar u n-nuqqas ta’ proposta li jiġi konkluż KŻI. Skont l-Artikolu 8(4) tal-imsemmija liġi, meta l-persuna li timpjega tkun naqset milli twettaq din l-informazzjoni bil-miktub jew meta l-imsemmija informazzjoni tkun evażiva u ekwivoka, hemm lok li jinsiltu l-konsegwenzi ġusti u ekwi miċ-ċirkustanzi tal-każ.

199    Qabelxejn, għandu mill-bidu jiġi kkonstatat li, minn naħa, għalkemm id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tal-Liġi tal-2003 jipprovdu li, fil-każ ta’ ksur tal-obbligu ta’ informazzjoni minn qabel u bil-miktub previst fil-paragrafu 2 ta’ dan l-artikolu, għandhom jinsiltu l-konsegwenzi ġusti u ekwi miċ-ċirkustanzi tal-każ, min-naħa l-oħra, il-leġiżlatur Irlandiż ma pprevediex li tali konsegwenzi jistgħu jikkonsistu f’riklassifikazzjoni tal-KŻD inkwistjoni f’KŻI. F’dan ir-rigward, dawn id-dispożizzjonijiet ivarjaw minn dawk tal-Artikolu 9(3) tal-Liġi tal-2003, minn fejn jirriżulta li l-imsemmi leġiżlatur ippreveda, din id-darba espressament, li, fil-każ ta’ ksur tal-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-aħħar artikolu, il-KŻD ikkonċernat jiġi rrikklassifikat f’KŻI.

200    Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza tal-qrati Irlandiżi, u b’mod partikolari mis-sentenza tal-Labour Court (il-Qorti Industrijali, l-Irlanda) tal‑24 ta’ Frar 2009, National University of Ireland Maynooth vs Dr. Ann Buckley (FTD092), li fir-rigward tagħha l-partijiet ġew mistiedna jifformulaw osservazzjonijiet possibbli fil-kuntest tat-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, jirriżulta li, meta jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(4) tal-Liġi tal-2003, il-konsegwenzi ġusti u ekwi li jkunu nsiltu mill-imsemmija qrati jieħdu l-għamla, fil-każ ta’ ksur tal-Artikolu 8(2) tal-Liġi tal‑2003 u għalhekk meta jkun hemm raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw il-konklużjoni ta’ KŻD, ta’ kumpens finanzjarju.

201    Sussegwentement, fir-rigward tal-allegat ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tal-Liġi tal-2003 f’dan il-każ, huwa ċertament permess li jitqies li r-rekwiżiti ta’ informazzjoni bil-miktub u preliminari, mhux evażiva jew ekwivoka, ġew osservati waqt il-konklużjoni tal-ħdax-il KŻD, li l-eżekuzzjoni tiegħu bdiet fil‑15 ta’ Ottubru 2014. Fil-fatt, permezz tal-ittra tas‑26 ta’ Ġunju 2014, il-Missjoni Eulex Kosovo esponiet b’mod ċar u inekwivoku li, minħabba t-tneħħija tal-pożizzjoni tar-rikorrent mill‑15 ta’ Novembru 2014, hija setgħet biss tipproponilu l-konklużjoni tal-aħħar KŻD, fi tmiem l-għaxar KŻD. Kif jirriżulta mill-punti 185 sa 187 iktar ’il fuq, ir-raġuni invokata, peress li hija direttament marbuta mal-fatturi ta’ temporalità li jikkaratterizzaw in-natura stess tal-missjoni, tikkostitwixxi raġuni oġġettiva, fis-sens tal-Artikolu 7 tal-Liġi tal-2003.

202    Madankollu, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Missjoni Eulex Kosovo u hekk kif isostni r-rikorrent fit-tweġiba tiegħu għat-tielet miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, la mill-klawżoli tat-tieni sal-għaxar KŻD, inklużi d-dokumenti annessi magħhom, u lanqas mis-sitt PER ma jirriżulta li l-imsemmija missjoni kienet formalment u speċifikament ikkomunikat lir-rikorrent, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tal-Liġi tal-2003, bil-miktub u qabel id-dħul fis-seħħ tal-KŻD imġedda, ir-raġunijiet oġġettivi li għalihom hija kienet qed tipproponi fil-konfront tiegħu l-konklużjoni tal-imsemmija KŻD u ma setgħetx tipproponi l-konklużjoni ta’ KŻI. F’dan ir-rigward, il-Missjoni Eulex Kosovo tinvoka informazzjoni li, fil-fehma tagħha, kienet tinsab fl-imsemmija PER u fid-dokumenti annessi mal-KŻD, dwar il-fatturi ta’ temporalità karatteristiċi tal-Missjoni Eulex Kosovo, jiġifieri, b’mod partikolari, it-tul limitat tal-mandati tal-missjoni jew tal-kapijiet suċċessivi tagħha jew it-tul limitat tal-baġit allokat perjodikament.

203    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, minn naħa, huwa paċifiku li t-tieni sal-għaxar KŻD ma ġewx iffirmati qabel id-dati rispettivi ta’ dħul fis-seħħ tagħhom. Għaldaqstant, kuntrarjament għal dak li jipprevedu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tal-Liġi tal-2003, l-informazzjoni bil-miktub li kien fihom ma setgħetx tinġieb formalment u speċifikament għall-attenzjoni tar-rikorrent qabel l-imsemmija dati.

204    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat ukoll li, fir-rigward tas-sitt PER, uħud minnhom kienu jirrigwardaw perijodi ta’ xogħol koperti minn diversi KŻD, b’tali mod li l-obbligu ta’ informazzjoni previst fl-Artikolu 8(2) tal-Liġi tal-2003 manifestament ma setax jiġi osservat permezz ta’ dan fil-mument tat-tiġdid ta’ kull wieħed mit-tieni sad-disa’ KŻD. Dan huwa l-każ, pereżempju, tar-raba’ PER, li kien jirrigwarda l-perijodu bejn il‑15 ta’ Ġunju 2012 u l‑14 ta’ Ġunju 2013, perijodu li kien kopert mis-sitt, mis-seba’ u mit-tmien KŻD. Għalhekk, ir-rikorrent manifestament ma ġiex informat bil-miktub bir-raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw il-proposta li saritlu għall-konklużjoni tas-seba’ u tat-tmien KŻD.

205    Dejjem fir-rigward tas-sitt PER, huwa ċertament minnu li t-tieni PER, li kien jirrigwarda l-perijodu bejn il‑15 ta’ Ottubru 2010 u l‑20 ta’ Lulju 2011, kien jinkludi l-kliem “data effettiva tat-tmiem tal-missjoni: 14 ta’ Ottubru 2011”. Madankollu, din l-informazzjoni hija żbaljata. Fil-fatt, fid-data tal-iffirmar tat-tieni PER, jiġifieri fit‑8 ta’ Awwissu 2011, kif jirriżulta mill-punt 160 iktar ’il fuq, il-mandat tal-missjoni kien ġie mġedded sal‑14 ta’ Ġunju 2012 wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2010/322. Kif jirriżulta mill-punti 162 u 172 iktar ’il fuq, id-data tal‑14 ta’ Ottubru 2011 tikkorrispondi kemm għat-tmiem ta’ perijodu kopert mill-ammonti ta’ referenza finanzjarja intiżi li jiffinanzjaw il-missjoni kif ukoll għat-tmiem tal-mandat tal-kap tal-missjoni li kien qiegħed fil-funzjoni dak iż-żmien.

206    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li, minbarra l-assenza ta’ informazzjoni eżawrjenti marbuta mat-tiġdid tat-tieni sal-għaxar KŻD, l-informazzjoni invokata mill-Missjoni Eulex Kosovo li tikkonċernahom kienet, f’ċerti aspetti, ekwivoka, jew saħansitra skorretta, b’tali mod li ma kinitx tissodisfa r-rekwiżiti ta’ informazzjoni speċifika u preliminari li jinsabu fl-Artikolu 8(2) tal-Liġi tal-2003.

207    Konsegwentement, ir-rikorrent ġustament jinvoka l-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8(2) tal-Liġi tal-2003.

208    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-konsegwenzi ġusti u ekwi li għandhom jinsiltu mill-imsemmi ksur, abbażi tal-Artikolu 8(4) tal-Liġi tal-2003, għandu jitfakkar li mir-regoli li jirregolaw il-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni, b’mod partikolari mill-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kif ukoll mill-Artikolu 76 u mill-Artikolu 84(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jirriżulta li l-kawża hija bħala prinċipju ddeterminata u limitata mill-partijiet u li l-qorti tal-Unjoni ma tistax tiddeċiedi ultra petita (ara sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Alfamicro vs Il-Kummissjoni, C‑623/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:734, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata). Iktar preċiżament, meta l-Qorti Ġenerali tkun adita bħala qorti kuntrattwali abbażi tal-Artikolu 272 TFUE, hija għandha tiddeċiedi esklużivament fil-kuntest legali u fattwali li huwa ddeterminat mill-partijiet fil-kawża (ara s-sentenza tas‑17 ta’ Settembru 2020, Alfamicro vs Il-Kummissjoni, C‑623/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2020:734, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

209    F’dan il-każ, kif ġie rrilevat fil-punt 197 iktar ’il fuq, sa fejn jinvoka l-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 8 tal-Liġi tal-2003, minn naħa, ir-rikorrent indika espressament li huwa kien qiegħed jitlob ir-riklassifikazzjoni f’KŻI tal-KŻD implikata ipso facto minn dan il-ksur. Min-naħa l-oħra, huwa fakkar b’mod ċar li t-talba tiegħu għal kumpens marbuta mat-terminazzjoni illegali tar-relazzjoni ta’ impjieg tiegħu hija bbażata fuq ir-riklassifikazzjoni, skont l-Artikolu 9 tal-Liġi tal-2003, tar-relazzjoni kuntrattwali tiegħu mal-missjonijiet li fihom huwa ħadem suċċessivament. Madankollu, mill-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 199 u 200 iktar ’il fuq jirriżulta li talba għal riklassifikazzjoni ma tistax tintlaqa’ sempliċement abbażi ta’ ksur tal-Artikolu 8 tal-Liġi tal-2003. Dan huwa iktar u iktar il-każ meta, hekk kif ġie konkluż fil-punt 188 iktar ’il fuq, kienu jeżistu, f’dan il-każ, skont l-Artikolu 9 tal-Liġi tal-2003, raġunijiet oġġettivi sabiex jiġu konklużi l-ħdax-il KŻD suċċessivi.

210    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li tiġi miċħuda t-talba għal riklassifikazzjoni tal-KŻD suċċessivi f’KŻI wieħed.

b)      Fuq it-talba għal kumpens għad-danni kuntrattwali kollha

211    It-talba tar-rikorrent għal kumpens għad-danni kuntrattwali li tinsab fl-ewwel kap tat-talbiet hija bbażata fuq ir-riklassifikazzjoni tal-KŻD f’KŻI wieħed, minħabba l-abbuż ta’ KŻD suċċessivi li allegatament twettaq mill-konvenuti u minħabba l-ksur tar-regoli tal-formalità kuntrattwali applikabbli skont id-dritt Belġjan jew id-dritt Irlandiż. F’dan il-kuntest, huwa jinvoka l-ksur tad-drittijiet soċjali li huwa kellu jgawdi bħala ħaddiem impjegat taħt l-iskema ta’ KŻI, b’mod partikolari fil-qasam tas-sigurtà soċjali u tal-pensjoni, iżda wkoll ta’ informazzjoni, ta’ konsultazzjoni, ta’ notifika u ta’ terminazzjoni ta’ kuntratt. Ir-rikorrent għalhekk jitlob li jingħata mill-ġdid retroattivament id-drittijiet kollha li huwa kellu jibbenefika minnhom bis-saħħa tal-konklużjoni ta’ tali kuntratt.

212    Il-konvenuti jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent.

213    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, l-ewwel, konformement mal-konklużjoni misluta fil-punti 82 u 188 iktar ’il fuq, l-ilment ibbażat fuq l-abbuż ta’ KŻD allegatament imwettaq mill-Missjoni Eulex Kosovo għandu jiġi miċħud l-istess bħal, konsegwentement, it-talba għal riklassifikazzjoni f’KŻI tar-relazzjoni kuntrattwali stabbilita mir-rikorrent mal-Missjoni Eulex Kosovo u, konsegwentement, mal-ewwel żewġ missjonijiet, imsemmija fil-punti 1 u 2 iktar ’il fuq.

214    It-tieni, kif jirriżulta mill-punti 189 sa 195 iktar ’il fuq, ir-rikorrent b’mod żbaljat jallega li l-Missjoni Eulex Kosovo kisret ir-regoli formali tal-konklużjoni tal-ħdax-il KŻD kif ukoll ir-regoli dwar l-informazzjoni tal-ħaddiem u b’hekk jinvoka l-invalidità ta’ dawn il-kuntratti minħabba li l-kunsens tiegħu kien ivvizzjat.

215    Għaldaqstant, it-talba għal kumpens għad-danni kuntrattwali allegati mir-rikorrent fil-kuntest tal-ewwel kap tat-talbiet għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

216    Fid-dawl tal-konklużjonijiet misluta fil-punti 188 u 215 iktar ’il fuq, għandhom jiġu miċħuda bħala infondati t-talbiet inklużi fl-ewwel kap tat-talbiet, mingħajr ma huwa neċessarju, barra minn hekk, li tingħata deċiżjoni dwar l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà ta’ dawn it-talbiet, imsemmija fil-punt 74 iktar ’il fuq, imqajma mill-konvenuti (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenzi tas‑26 ta’ Frar 2002, Il-Kunsill vs Boehringer, C‑23/00 P, EU:C:2002:118, punt 52, u tal‑1 ta’ Diċembru 1999, Boehringer vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑125/96 u T‑152/96, EU:T:1999:302, punti 143 u 146).

2.      Fuq it-talba, prinċipalment, ta’ kumpens għad-danni mhux kuntrattwali mressqa prinċipalment (it-tieni kap tat-talbiet)

217    Fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, ippreżentat ukoll prinċipalment, minn naħa, ir-rikorrent jitlob lill-Qorti Ġenerali, essenzjalment, tikkonstata li, billi ddeċidew, matul il-perijodu ta’ impjieg tiegħu fi ħdan missjonijiet internazzjonali tal-Unjoni, li jirreklutawh bħala persunal ċivili internazzjonali fuq bażi kuntrattwali, u mhux bħala membru tal-persunal temporanju abbażi tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE kisru diversi regoli tad-dritt, b’mod partikolari ċerti dispożizzjonijiet tat-“Trattat”, u ttrattawh b’mod diskriminatorju. Min-naħa l-oħra, fid-dawl tad-diversi danni finanzjarji u statutorji li kkawżalu dan l-aġir illegali, ir-rikorrent jitlob li dawn it-tliet konvenuti jiġu kkundannati jikkumpensawh sa ammont li l-partijiet għandhom jiddeterminaw f’terminu stabbilit mill-Qorti Ġenerali.

218    Il-Kunsill, il-Kummissjoni, is-SEAE u l-Missjoni Eulex Kosovo jikkontestaw l-argumenti tar-rikorrent. Barra minn hekk, fl-osservazzjonijiet tagħhom dwar ir-risposta tar-rikorrent għat-tieni miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, li skontha t-talba tiegħu għad-danni abbażi tat-tieni kap tat-talbiet hija bbażata fuq l-Artikoli 268 u 340(2) TFUE, il-Kummissjoni u s-SEAE jinvokaw l-inammissibbiltà tal-imsemmija talba.

219    Preliminarjament, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 60 iktar ’il fuq, it-tieni kap tat-talbiet, ippreżentat prinċipalment, huwa bbażat fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikoli 268 u 340 TFUE u huwa intiż li jinkiseb kumpens, mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mis-SEAE, għal danni mhux kuntrattwali li r-rikorrent allegatament ġarrab minħabba l-politika ta’ reklutaġġ tal-persunal ċivili internazzjonali tal-missjonijiet li huma adottaw.

220    Prinċipalment, minkejja l-inammissibbiltà tat-tieni kap tat-talbiet invokat mill-Kummissjoni u mis-SEAE, il-Qorti Ġenerali tqis li hemm lok, permezz tal-ekonomija tal-ġudizzju u fl-interess tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, sabiex il-partijiet fil-kawża prinċipali jingħataw risposta kompluta u utli għall-imsemmi kap, li l-ewwel tiġi eżaminata t-talba li huwa jinkludi fil-mertu, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 79 iktar ’il fuq.

221    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, “[f]il-każ ta’ responsabilità mhux kontrattwali, l-Unjoni għandha, skont il-prinċipji ġenerali komuni għal sistemi legali ta’ l-Istati Membri, tagħmel tajjeb għal kull dannu kkaġunat mill-istituzzjonijiet tagħha jew mill-impjegati tagħha fit-twettiq ta’ dmirijiethom”. Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE għal aġir illegali tal-istituzzjonijiet hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-allegat aġir tal-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu, u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-allegat aġir u d-dannu invokat (ara s-sentenza tad‑9 ta’ Settembru 2008, FIAMM et vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, C‑120/06 P u C‑121/06 P, EU:C:2008:476, punt 106 u l-ġurisprudenza ċċitata; u tal‑25 ta’ Novembru 2014, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, T‑384/11, EU:T:2014:986, punt 47).

222    Dawn il-kondizzjonijiet huma kumulattivi. Minn dan isegwi li, meta waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx issodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu mingħajr ma jkun neċessarju li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Diċembru 2010, Fahas vs Il-Kunsill, T‑49/07, EU:T:2010:499, punt 93, u digriet tas‑17 ta’ Frar 2012, Dagher vs Il-Kunsill, T‑218/11, mhux ippubblikata, EU:T:2012:82, punt 34).

223    Bara minn hekk, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ aġir illegali tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni teżiġi ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ Mejju 2017, Safa Nicu Sepahan vs Il-Kunsill, C‑45/15 P, EU:C:2017:402, punt 29 u l-ġurisprudenza ċċitata).

224    Fil-każ inkwistjoni, fir-rigward fl-ewwel lok tal-allegat ksur ta’ dispożizzjonijiet, b’mod partikolari, tad-dritt primarju, l-ewwel, għandu jiġi kkonstatat li, mingħajr ma jiġu ppreċiżati d-dispożizzjonijiet, ir-rikorrent jirreferi, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 63 tar-rikors, għal estratt ta’ xogħol dwar id-dritt sostantiv ġenerali tal-Unjoni fejn hemm riferiment għall-Artikoli 39 u 42 KE. Hemm lok li jitfakkar li dawn l-artikoli jinsabu fil-Kapitolu I, intitolat “Il-ħaddiema”, tat-Titolu III, intitolat “Moviment liberu tal-Persuni, Servizzi u Kapital”, tat-Tielet Parti tat-Trattat KE, intitolata “Politika tal-Komunità” u li l-moviment liberu tal-ħaddiema huwa żgurat fi ħdan l-Unjoni (Artikolu 75 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 39 KE)). Skont l-Artikolu 48 TFUE (li qabel kien l-Artikolu 42 KE), il-leġiżlatur għandu jadotta, fil-qasam tas-sigurtà soċjali, il-miżuri neċessarji għall-istabbiliment tal-moviment liberu tal-ħaddiema. Sa fejn ir-relazzjoni ta’ impjieg inkwistjoni f’dan il-każ ġiet esklużivament konkluża u eżegwita barra mit-territorju tal-Unjoni, din il-kawża bl-ebda mod ma tirrigwarda l-eżerċizzju mir-rikorrent tad-dritt tiegħu għall-moviment liberu bħala ħaddiem, b’tali mod li l-allegazzjoni li d-diskriminazzjoni li kienu wettqu l-ewwel tliet konvenuti “tmur kontra [t]-Trattat” hija manifestament infondata.

225    It-tieni, fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq abbuż ta’ poter li allegatament twettaq mill-Kunsill, mill-Kummissjoni u mis-SEAE, essenzjalment, ir-rikorrent isostni li huma implimentaw u użaw sistema ta’ okkupazzjoni tal-persunal tal-missjonijiet bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju. Barra minn hekk, huwa jafferma li l-istituzzjonijiet stess kienu jafu bir-riskji legali, finanzjarji u bi ħsara għar-reputazzjoni li kienu jimplikaw il-kuntratti konklużi bejn il-missjonijiet differenti PESK u l-persunal ċivili internazzjonali. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jiġbed għall-attenzjoni tal-Kunsill, minn naħa, rapport annwali ta’ attività 2012, imfassal mis-servizz tal-istrumenti ta’ politika barranija (“Service for Foreign Policy Instruments”) tal-Kummissjoni u, min-naħa l-oħra, dokumenti li tfasslu mill-grupp ta’ konsulenti għar-relazzjonijiet esterni (RELEX).

226    Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li l-Artikolu 28 TFUE, li ssostitwixxa, billi emendah, l-Artikolu 14 tat-Trattat UE fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ waqt il-ħolqien tal-Missjoni Eulex Kosovo (ara l-punt 158 iktar ’il fuq), jipprovdi fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tiegħu, li, meta sitwazzjoni internazzjonali teżiġi azzjoni operazzjonali tal-Unjoni, il-Kunsill għandu jadotta d-deċiżjonijiet neċessarji u li dawn għandhom jistabbilixxu l-għanijiet tagħhom, il-portata tagħhom, il-mezzi li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni, il-kundizzjonijiet dwar l-implimentazzjoni tagħhom u, jekk neċessarju, it-tul tagħhom. Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest speċifiku tal-PESK, huwa l-Kunsill li għandu jiddeċiedi dwar il-mezzi li għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-Unjoni u dwar il-kundizzjonijiet tal-implimentazzjoni tad-deċiżjonijiet li huwa jadotta fir-rigward tal-azzjoni operattiva tal-Unjoni kkonċernata. Peress li din id-dispożizzjoni ma tipprevedi ebda restrizzjoni fir-rigward tal-mezzi li tirreferi għalihom, hemm lok li jitqies li dawn huma relatati b’mod partikolari mal-mezzi personali mqiegħda għad-dispożizzjoni tal-imsemmija azzjoni.

227    Huwa abbażi ta’ dawn id-dispożizzjonijiet speċifiċi għall-PESK, kif kienu diġà jinsabu fl-Artikolu 14 tat-Trattat UE fil-verżjoni tiegħu fis-seħħ fl-2008, li l-Kunsill ippreveda, fl-Artikolu 9(3) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, li l-Missjoni Eulex Kosovo setgħet ukoll tirrekluta, skont il-bżonnijiet, persunal ċivili internazzjonali u lokali fuq bażi kuntrattwali. Fir-rigward tal-kundizzjonijiet tal-impjieg tal-persunal ċivili internazzjonali, il-Kunsill qabelxejn iddeċieda, kif jirriżulta mill-Artikolu 10(3) tal-Azzjoni Konġunta 2008/124, fil-verżjoni inizjali tiegħu, li “[i]l-kundizzjonijiet tal-impjieg kif ukoll id-drittijiet u l-obbligi tal-persunal ċivili internazzjonali [kienu] jinsabu fil-kuntratti konklużi bejn il-kap tal-missjoni u l-membri tal-persunal”. Din id-dispożizzjoni baqgħet l-istess sal-adozzjoni tad-Deċiżjoni 2014/349, li emendatha sabiex tieħu inkunsiderazzjoni l-għoti tal-personalità ġuridika lill-Missjoni Eulex Kosovo, skont l-Artikolu 15a li hija inkludiet fl-Azzjoni Konġunta 2008/124. Huwa għalhekk li minn dak iż-żmien din id-dispożizzjoni ssemmi kuntratti konklużi bejn il-Missjoni Eulex Kosovo u l-membri tal-persunal.

228    Mill-konstatazzjonijiet preċedenti jirriżulta li huwa abbażi tad-dispożizzjonijiet tad-dritt primarju li jirrigwardaw speċifikament il-PESK li d-dispożizzjonijiet normattivi dwar il-Missjoni Eulex Kosovo stabbilixxew espliċitament bażi legali li tippermetti lill-kap tal-missjoni, u sussegwentement lil din tal-aħħar, jirreklutaw persunal ċivili internazzjonali fuq bażi kuntrattwali.

229    Barra minn hekk, huwa għalxejn li r-rikorrent jinvoka, minn naħa, ir-rapport annwali tal-2012 imfassal mis-servizz tal-istrumenti ta’ politika barranija tal-Kummissjoni, li jinkludi proposta li jiġu applikati l-Kondizzjonijiet tal-impjieg għall-membri tal-persunal bil-kuntratt tal-missjonijiet tal-PESK, proposta li ġiet ifformulata sabiex “jiġu evitati riskji legali, finanzjarji u ta’ ħsara għar-reputazzjoni”, u, min-naħa l-oħra, dokumenti li tfasslu mill-grupp RELEX għall-attenzjoni tal-Kunsill, li jinkludu proposti legali li jirrigwardaw qafas legali ġdid applikabbli għall-membri tal-persunal ċivili internazzjonali. Fil-fatt, anki jekk jitqies li l-eżistenza ta’ tali proposti hija stabbilita, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jurix kif il-fatt li dawn il-proposti ma ġewx aċċettati jikkostitwixxi, fih innifsu, ksur suffiċjentement serju ta’ dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lill-individwi.

230    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-allegat ksur tal-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ nondiskriminazzjoni, l-ewwel, ir-rikorrent huwa żbaljat meta jsostni li kienet teżisti diskriminazzjoni bejn id-diversi membri tal-persunal bil-kuntratt tal-Missjoni Eulex Kosovo, minħabba l-applikazzjoni ta’ drittijiet nazzjonali differenti li kienu jirreferu għalihom il-klawżoli kuntrattwali bbażati fuq il-Komunikazzjoni C(2009) 9502. Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma jiġux ittrattati b’mod differenti u li sitwazzjonijiet differenti ma jiġux ittrattati b’mod ugwali, sakemm tali trattament ma jkunx oġġettivament iġġustifikat (ara sentenza tal‑10 ta’ Ottubru 2013, Manova, C‑336/12, EU:C:2013:647, punt 30 u l-ġurisprudenza ċċitata). Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, għandu jitqies li, minkejja l-fatt li membri tal-persunal ċivili internazzjonali kkonkludew individwalment il-kuntratti tagħhom mal-Missjoni Eulex Kosovo, dawn il-membri tal-persunal huma ttrattati bl-istess modalijiet, li huma stabbiliti b’mod identiku fil-kuntratti li jikkonċernawhom (ara, f’dan is-sens digriet tat‑30 ta’ Settembru 2014, Bitiqi et vs Il-Kummissjoni et, T‑410/13, mhux ippubblikat, EU:T:2014:871, punt 35). Għaldaqstant, din l-allegazzjoni għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

231    It-tieni, huwa wkoll żbaljat li r-rikorrent jallega li ġarrab dannu minħabba inugwaljanza fit-trattament u minħabba diskriminazzjoni meta mqabbel mal-kollegi Ewropej tiegħu impjegati bl-istatus ta’ membru tal-persunal suġġett għall-Kondizzjonijiet tal-impjieg, status li, fil-fehma tiegħu, kellu jingħatalu bħala membru tal-persunal impjegat fi ħdan is-SEAE, filwaqt li żied li, konformement mad-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ECMM, il-persunal ma kienx preżunt li ġie rreklutat b’mod ieħor għajr bħala “persunal Ewropew”.

232    Fil-fatt, minn naħa, kif jirriżulta mill-punti 224 sa 230 iktar ’il fuq, il-leġiżlatur ma wettaqx żball ta’ liġi meta ppreveda, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet normattivi dwar il-Missjoni Eulex Kosovo, bażi legali li tippermetti lill-kap tal-missjoni, u sussegwentement lil din tal-aħħar, jirreklutaw persunal ċivili internazzjonali fuq bażi kuntrattwali. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-allegazzjoni li mid-deċiżjoni li tistabbilixxi l-ECMM jirriżulta li l-persunal ma huwiex preżunt li ġie rreklutat b’mod ieħor għajr bħala “persunal Ewropew”, minn naħa, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent la jipproduċi l-imsemmija deċiżjoni u lanqas kwalunkwe informazzjoni insostenn ta’ din l-allegazzjoni. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi kkonstatat li l-memorandum ta’ ftehim iffirmat f’Belgrad fit‑13 ta’ Lulju 1991, li stabbilixxa l-ECMM, li ssejħet sussegwentement EUMM, ma jinkludix dispożizzjoni li tista’ tistabbilixxi li huwa b’mod illegali li l-persunal bil-kuntratt kien sussegwentement impjegat fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo.

233    Fit-tielet lok, huwa wkoll għalxejn li r-rikorrent jirreferi, minn naħa, għas-sentenza tat-tribunal du travail francophone de Bruxelles (il-Qorti Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) tat‑30 ta’ Ġunju 2014 fil-Kawża RG Nru 12/3600/A u, min-naħa l-oħra, għas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni (T‑45/01, EU:T:2004:289), bħala li ma humiex biss indikaturi tal-problema ta’ diskriminazzjoni li tirriżulta mill-kuntratti “mhux Ewropej”, iżda wkoll illustrattivi fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li dan jimplika għall-istituzzjonijiet Ewropej.

234    Fil-fatt, l-ewwel, ir-rikorrent ma jesponix ir-raġunijiet li għalihom dawn iż-żewġ deċiżjonijiet jistgħu, f’dan il-każ, ikunu l-bażi tat-talba għal kumpens inkluża fit-tieni kap tat-talbiet.

235    It-tieni, fir-rigward tas-sentenza tal-Qorti Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża tat‑30 ta’ Ġunju 2014 fil-Kawża RG Nru 12/3600/A, għandu jiġi kkonstatat li t-tilwima kkonċernata minn din is-sentenza kienet tirrigwarda fatti li ma għandhomx rabta rilevanti ma’ dawk f’dan il-każ. Fil-fatt, din it-tilwima kienet tirrigwarda, prinċipalment, talba għal kumpens minħabba terminazzjoni ta’ KŻD ta’ membru tal-persunal ċivili internazzjonali impjegat fi ħdan il-Missjoni Eulex Kosovo wara t-tkeċċija tiegħu minħabba nuqqasijiet serji. F’din is-sentenza, il-Qorti Industrijali ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża qieset li l-kuntratt ta’ xogħol inkwistjoni kien ġie tterminat qabel l-iskadenza normali barra mill-każ ta’ raġuni serja, ta’ inkapaċità għax-xogħol jew ta’ każ ta’ forza maġġuri, bi ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt industrijali Franċiż li kienu applikabbli, b’tali mod li kien hemm lok li r-rikorrent jiġi kkumpensat. Għaldaqstant, peress li r-rikorrent naqas milli jippreċiża l-konsegwenzi li għandhom jinsiltu minn din id-deċiżjoni, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tidentifikahom.

236    Bl-istess mod, fir-rigward tas-sentenza tal‑5 ta’ Ottubru 2004, Sanders et vs Il-Kummissjoni (T‑45/01, EU:T:2004:289), li jinvoka wkoll ir-rikorrent, it-tagħlim li jirriżulta minnha ma jistax jiġi traspost b’analoġija għal dan il-każ. Fil-fatt, fil-punt 142 ta’ din is-sentenza, il-Qorti Ġenerali kkonstatat li, billi naqset milli tipproponi lir-rikorrent kuntratti ta’ membru tal-persunal temporanju bi ksur tal-istatuti tal-impriża konġunta li kienu jaħdmu magħha, il-Kummissjoni kisret, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi amministrattivi tagħha, id-dritt li l-persuni kkonċernati kienu jisiltu mill-imsemmija statuti. Madankollu, f’dan il-każ, ir-rikorrent baqa’ ma weriex li, skont id-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, huwa kellu dritt li jiġi impjegat fi ħdan il-missjonijiet imsemmija fil-punti 1 sa 3 iktar ’il fuq skont ir-regoli tal-Kondizzjonijiet tal-impjieg (jew skont statut ekwivalenti).

237    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha esposti fil-punti 224 sa 236 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma pproduċiex il-prova ta’ ksur suffiċjentement serju ta’ kwalunkwe dispożizzjoni legali li għandha l-għan li tikkonferixxi drittijiet lilu.

238    Konsegwentement, peress li waħda mill-kundizzjonijiet kumulattivi sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni hija nieqsa, it-talba għal kumpens li tinsab fit-tieni kap tat-talbiet għandha tiġi miċħuda bħala infondata, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni dwar il-kapijiet ta’ inammissibbiltà ta’ din it-talba, imsemmija fil-punti 74 u 218 iktar ’il fuq, imqajma mill-konvenuti, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 216 iktar ’il fuq.

3.      Fuq it-talba sussidjarja għad-danni mhux kuntrattwali (it-tielet kap tat-talbiet)

239    Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tiċħad it-talbiet imressqa prinċipalment fl-ewwel żewġ kapijiet tat-talbiet tiegħu, ir-rikorrent iressaq talba għad-danni bbażata fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal- “istituzzjonijiet Ewropej”. Huwa jsostni li l-konvenuti, fil-kuntest tar-relazzjoni kuntrattwali li imponew fuqu, kisru l-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ rispett tad-drittijiet kweżiti u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi kif ukoll id-dritt għal amministrazzjoni tajba, il-prinċipju ta’ trasparenza amministrattiva u d-dmir ta’ premura, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-individwi u l-Kodiċi ta’ Mġiba Tajba. Huwa jsostni li, jekk l-ewwel żewġ talbiet, ippreżentati b’mod prinċipali, jiġu miċħuda bħala inammissibbli jew infondati, dan jistabbilixxi ksur mill-konvenuti ta’ dawn il-prinċipji, dritt u dmir kif ukoll ta’ dan il-kodiċi. Fil-fatt, f’dan il-każ, huwa isib ruħu “fl-impossibbiltà li jiddetermina għal liema drittijiet kienu suġġetti dawn il-kuntratti, f’liema termini ta’ żmien u sa fejn setgħu jiġu invokati dawn id-drittijiet jew il-ksur tagħhom”. Għaldaqstant, huwa jsostni li, jekk il-Qorti Ġenerali tiċħad l-ewwel żewġ kapijiet tat-talbiet, imqajma prinċipalment, bħala inammissibbli jew infondati, dan jikkawżalu dannu, li huwa jevalwa għal EUR 150 000.

240    Fl-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuti, ir-rikorrent jafferma li mir-rikors jirriżulta b’mod ċar li huwa intiż, sussidjarjament, fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet fundamentali, sabiex jistabbilixxi r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-istituzzjonijiet. Huwa jqis li ma huwiex f’pożizzjoni li jispjega f’iktar dettall liema mid-drittijiet tiegħu ġew miksura, peress li dan il-ksur jista’ jiġi stabbilit biss fil-każ li l-Qorti Ġenerali tiċħad it-talbiet tiegħu magħmula fl-ewwel żewġ kapijiet tat-talbiet, ippreżentati b’mod prinċipali. Dawn iċ-ċirkustanzi partikolari ta’ din il-kawża u l-kuntest legali applikabbli għaliha għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tiġi evalwata l-osservanza tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 76 tar-Regoli tal-Proċedura. Għall-istess raġunijiet bħal dawk esposti fir-rigward tat-tieni kap tat-talbiet, ir-rikorrent iqis li l-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea għandha ġurisdizzjoni sabiex tiddeċiedi fuq it-tielet kap tat-talbiet. Fir-rigward tan-nuqqas ta’ ċarezza, ta’ koerenza u ta’ prevedibbiltà tal-kuntest ġuridiku li nħoloq, il-Kummissjoni ma tistax tikkritika lir-rikorrent talli ma ddefinixxiex il-parti ta’ responsabbiltà rispettiva ta’ kull waħda mill-istituzzjonijiet imsemmija fit-tielet kap tat-talbiet.

241    Fil-każ li t-tielet kap tat-talbiet jiġi ddikjarat ammissibbli, dak li huma jopponu fid-dawl tal-allegat nuqqas ta’ ċarezza tal-argumentazzjoni tar-rikorrent, il-Kunsill, il-Kummissjoni u s-SEAE jitolbu li dan jiġi miċħud bħala infondat.

242    Il-Qorti Ġenerali tqis li għandha tiġi eżaminata l-ammissibbiltà tat-talba għad-danni mhux kuntrattwali fformulata fit-tielet kap tat-talbiet.

243    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21, moqri flimkien mal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53, tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura, kull rikors għandu jinkludi indikazzjoni tas-suġġett tal-kawża u espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Din l-informazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti lill-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u lill-Qorti Ġenerali tiddeċiedi fuq ir-rikors, skont il-każ, mingħajr ebda informazzjoni oħra ta’ sostenn. Sabiex jiġu ggarantiti ċ-ċertezza legali u l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja jeħtieġ, sabiex rikors jitqies li huwa ammissibbli, li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom dan ikun ibbażat jirriżultaw, tal-inqas fil-qosor, iżda b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test stess tar-rikors. B’mod iktar partikolari, sabiex jiġu ssodisfatti dawn ir-rekwiżiti, rikors għall-kumpens għal danni allegatament ikkawżati minn istituzzjoni tal-Unjoni għandu jinkludi l-informazzjoni li tippermetti li jiġi identifikat l-aġir li r-rikorrent jattribwixxi lill-istituzzjoni, ir-raġunijiet li għalihom huwa jqis li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li huwa jallega li ġarrab kif ukoll in-natura u l-portata tad-dannu (ara sentenza tat‑2 ta’ Marzu 2010, Arcelor vs Il-Parlament u Il-Kunsill, T‑16/04, EU:T:2010:54, punt 132 u l-ġurisprudenza ċċitata, u digriet tal‑5 ta’ Ottubru 2015, Grigoriadis et vs Il-Parlament et, T‑413/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:786, punt 30).

244    Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li la r-rikors, anki meqjus fl-intier tiegħu, u lanqas l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrent ma jippermettu li tiġi identifikata, bil-grad ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni meħtieġ, l-eżistenza ta’ rabta kawżali suffiċjentement diretta bejn il-ksur allegatament imwettaq mill-konvenuti u d-dannu invokat mir-rikorrent fil-kuntest tat-talba għal kumpens imressqa fit-tielet kap tat-talbiet.

245    Fil-fatt, essenzjalment, ir-rikorrent jinvoka l-eżistenza ta’ dannu li jirriżulta miċ-ċaħda mill-Qorti Ġenerali tal-ewwel żewġ kapijiet tat-talbiet tiegħu, ifformulati b’mod prinċipali. Huwa fid-dawl tal-imsemmi dannu li huwa jibbaża t-talba tiegħu intiża sabiex tiġi stabbilita r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-konvenuti, abbażi tal-Artikoli 268 u 340 TFUE.

246    B’hekk, minkejja li r-rikorrent jibbaża t-talba tiegħu għal kumpens fuq aġir tal-Qorti Ġenerali sabiex jikkaratterizza d-dannu allegat, hija r-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-konvenuti li huwa qiegħed jipprova jistabbilixxi minħabba, essenzjalment, l-allegat aġir illegali tagħhom imsemmi fil-kuntest tal-ewwel żewġ talbiet, li kkawżatlu danni kuntrattwali jew mhux kuntrattwali. Il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li tifhem kif id-deċiżjoni tagħha ta’ ċaħda tal-ewwel żewġ kapijiet tat-talbiet, ifformulati prinċipalment, bħala infondati, setgħet tikkawża dannu lir-rikorrent li huwa imputabbli lill-konvenuti.

247    Minn dan isegwi li t-tielet kap tat-talbiet, ifformulat sussidjarjament, ma jissodisfax ir-rekwiżiti previsti fl-Artikolu 76(d) tar-Regoli tal-Proċedura u, għaldaqstant, għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli minħabba n-nuqqas ta’ ċarezza tat-tielet kap tat-talbiet (ara l-punti 73 u 241 iktar ’il fuq).

248    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet fil-punti 216, 238 u 247 iktar ’il fuq, peress li l-ewwel u t-tieni kap tat-talbiet għandhom jiġu miċħuda bħala infondati u t-tielet bħala inammissibbli, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu, mingħajr ma huwa neċessarju li tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjonijiet l-oħra ta’ inammissibbiltà mqajma mill-konvenuti, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 216 iktar ’il fuq.

V.      Fuq l-ispejjeż

249    Skont l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura, fid-deċiżjoni tagħha mogħtija wara annullament u rinviju, il-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż relatati, minn naħa, mal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.

250    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

251    Skont l-Artikolu 134(3) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk il-partijiet jitilfu rispettivament fuq waħda jew iktar mit-talbiet tagħhom, kull parti għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

252    Fis-sentenza tal-appell, il-Qorti tal-Ġustizzja rriżervat l-ispejjeż. Għaldaqstant, hija l-Qorti Ġenerali li għandha tiddeċiedi, f’din is-sentenza, fuq l-ispejjeż relatati, minn naħa, mal-proċeduri mibdija quddiem il-Qorti Ġenerali u, min-naħa l-oħra, mal-proċedura tal-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont l-Artikolu 219 tar-Regoli tal-Proċedura.

253    Peress li l-konvenuti tilfu fil-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, skont il-Kawża C‑43/17 P, hemm lok li huma jiġu kkundannati jbatu l-ispejjeż tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent marbuta ma’ din il-proċedura kif ukoll fil-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali qabel l-appell, skont il-Kawża T‑602/15, b’effett mill-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li huma rispettivament qajmu permezz ta’ atti separati f’din il-proċedura tal-aħħar.

254    Peress li r-rikorrent tilef fuq il-mertu fil-proċedura tar-rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali, fir-rigward tal-Kawża T‑602/15 RENV, hemm lok li huwa jiġi kkundannat ibati l-ispejjeż tiegħu stess, inklużi dawk relatati mal-preżentata tar-rikors, u ma’ dawk tal-konvenuti marbuta ma’ din il-proċedura.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Missjoni Eulex Kosovo għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom kif ukoll dawk sostnuti mir-rikorrent marbuta mal-proċedura ta’ appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, fil-Kawża C43/17 P, kif ukoll mal-proċedura inizjali quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-Kawża T602/15, u dan b’effett mill-eċċezzjonijiet ta’ inammissibbiltà li huma qajmu rispettivament b’atti separati f’din l-aħħar kawża.

3)      Liam Jenkinson huwa kkundannat għall-ispejjeż marbuta mal-proċedura ta’ rinviju quddiem il-Qorti Ġenerali, fil-Kawża T602/15 RENV, inkluż dawk marbuta mal-preżentata tar-rikors, u għal dawk tal-konvenuti marbuta ma’ din il-proċedura.

Van der Woude

Tomljenović

Schalin

Škvařilová-Pelzl

 

      Nõmm

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑10 ta’ Novembru 2021.

Firem


Werrej



*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.