Language of document :

Rikors ippreżentat fis-17 ta' Diċembru 2008 - Total Raffinage Marketing vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-566/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Total Raffinage Marketing SA (Puteaux, Franza) (rappreżentanti: A. Vandencasteele, C. Falmagne, C. Lemaire u S. Naudin, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla parzjalment l-Artikoli 1 u 2 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta' Ottubru 2008, dwar proċedura skont l-Artikolu 81 tat-Trattat KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ COMP/39.181 - Xama' tax-xemgħa);

tnaqqas b'mod sostanzjali ħafna l-ammont tal-multa imposta fuq Total R.M. mill-Artikolu 2 tal-imsemmija deċiżjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni Ewropea għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

B'dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob l-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2008) 5476 finali, tal-1 ta' Ottubru 2008, fil-Każ COMP/39.181 - Xama' tax-xemgħa, li permezz tagħha l-Kummissjoni kienet ikkonstatat li ċerti impriżi, inkluża r-rikorrenti, kisru l-Artikolu 81(1) KE u l-Artikolu 53(1) tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea billi ffissat il-prezzijiet u qasmet is-swieq tax-xama' tal-paraffin fiż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE) u tas-slack wax fil-Ġermanja.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni ħdax-il motiv ibbażati rispettivament fuq ksur tal-Artikolu 81 KE, fuq ir-rekwiżit ta' motivazzjoni, fuq il-linji gwida ta' 2006 għall-kalkolu tal-multi1 u fuq il-prinċipji ta' proporzjonalità, preżunzjoni tal-innoċenza, ċertezza legali, trattament ugwali u individwalizzazzjoni tal-pieni, inkwantu l-Kummissjoni:

ikkunsidrat li l-prattiki marbuta max-xama' u mal-paraffin, minn naħa, u mas-slack wax, min-naħa l-oħra, kienu jikkostitwixxu ksur wieħed u kontinwu u kkwalifikat l-prattiki marbuta mas-slack wax bħala akkordju;

żbaljat meta kkonstatat ksur wieħed u kontinwu li jikkonsisti fi ftehim ta' ffissar tal-prezzijiet, qsim tas-swieq u/jew tal-klijentela minkejja li biss skambju ta' informazzjoni dwar l-istat tas-suq tal-paraffin, il-prezzijiet u strateġiji futuri tat-tariffi, il-klijenti u l-volumi seta' jiġi kkonstatat fil-konfront tar-rikorrenti;

minn naħa, interpretat ħażin il-ġurisprudenza Komunitarja fuq it-tbegħid pubbliku billi kkonstatat ir-responsabbiltà tar-rikorrenti għall-perijodu kollu tal-aspett tax-xemgħa u tal-paraffin, meta r-rikorrenti kienet waqfet milli tipparteċipa fil-"laqgħat tekniċi" wara l-laqgħa tal-11 u tat-12 ta' Mejju 2004, jiġifieri kważi sena qabel it-tmiem tal-ksur u, min-naħa l-oħra, irrikonoxxiet l-irtirar antiċipat ta' Repsol mill-akkordju qabel ma ntemm il-ksur u mhux dak tar-rikorrenti, meta r-rikorrenti kienet f'sitwazzjoni ekwivalenti;

talbet lir-rikorrenti ġġib il-prova li hija tbegħdet pubblikament mill-ftehim;

ma ħaditx inkunsiderazzjoni n-nuqqas ta' implementazzjoni tal-akkordju;

użat il-valur tal-bejgħ tal-aħħar tliet snin ta' parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur minflok il-valur tal-bejgħ tal-aħħar sena ta' parteċipazzjoni;

ikkonstatat perċentwali għolja wisq tal-valur tal-bejgħ għall-aspett tal-ksur li jirrigwarda s-slack wax;

applikat il-metodu ta' kalkolu tal-multa stabbilit bil-punt 24 tal-linji gwida li jmur kontra l-Artikolu 23(3) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-prinċipji ta' proporzjonalità, trattament ugwali u preżunzjoni tal-innoċenza;

applikat ammont addizzjonali għall-finijiet ta' dissważjoni mingħajr madankollu ma ġġustifikatu b'mod suffiċjenti;

imponiet multa li tirrappreżenta 410% tal-fatturat magħmul f'sena waħda mir-rikorrenti fis-suq ikkonċernat;

imputat l-aġir tar-rikorrenti lill-kumpannija parent, Total SA.

____________

1 - Linji gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (ĠU 2006, C-210, p. 2).