Language of document : ECLI:EU:T:2024:34

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

24 ta’ Jannar 2024 (*)

“Għajnuna mill-Istat – Għajnuna mogħtija minn ċerti dispożizzjonijiet tal-liġi Ġermaniża emendata dwar il-koġenerazzjoni tas-sħana u tal-elettriku – Riforma tal-iskema ta’ għajnuna għall-koġenerazzjoni – Deċiżjoni li tiddikjara l-għajnuna inkompatibbli mas-suq intern – Kunċett ta’ ‘għajnuna mill-Istat’ – Riżorsi tal-Istat”

Fil-Kawża T‑409/21,

Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, irrappreżentata minn J. Möller u R. Kanitz, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn A. Bouchagiar, C. Kovács u C.-M. Carrega, bħala aġenti,

konvenuta,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża),

komposta minn A. Kornezov, President, G. De Baere (Relatur), D. Petrlík, K. Kecsmár u S. Kingston, Imħallfin,

Reġistratur: S. Jund, Amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑4 ta’ Mejju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        Permezz tar-rikors tagħha bbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2021) 3918 final, tat‑3 ta’ Ġunju 2021, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56826 (2020/N) – Il-Ġermanja – Riforma 2020 tal-Iskema ta’ Appoġġ għall-Koġenerazzjoni u l-Għajnuna mill-Istat SA.53308 (2019/N) – Il-Ġermanja – Modifika tal-iskema ta’ għajnuna għall-impjanti ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u ta’ elettriku eżistenti (Artikolu 13 tal-Gesetz zur Neuregelung des Kraft-Wärme-Kopplungsgesetzes (il-Liġi li Tistabbilixxi Leġiżlazzjoni Ġdida bil-Liġi dwar il-Koġenerazzjoni tas-Sħana u tal-Elettriku)), tal‑21 ta’ Diċembru 2015 (BGBl. 2015 I, p. 2498, iktar ’il quddiem il-“KWKG tal-2016”) (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni kkontestata”), li permezz tagħha din tikkonstata li diversi miżuri (iktar ’il quddiem il-“miżuri inkwistjoni”) intiżi sabiex isostnu l-produzzjoni tal-elettriku mill-impjanti ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u ta’ elettriku (combined heat and power, iktar ’il quddiem iċ-“CHP”) jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat.

 Ilfatti li wasslu għallkawża

 Ilproċedura amministrattiva

2        Fit‑28 ta’ Jannar 2019, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni Ewropea bl-emenda li saret għall-Artikolu 13 tal-KWKG tal-2016 mill-Gesetz zur Änderung des Erneuerbare-Energien-Gesetzes, tal-Kraft-Wärme-Kopplungsgesetzes, tal-Energiewirtschaftgesetzes und weiterer energierechtlicher Vorschriften (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Enerġija Rinnovabbli, tal-Liġi dwar il-Koġenerazzjoni tas-Sħana u tal-Elettriku u tal-Liġi dwar is-Settur tal-Enerġija u Dispożizzjonijiet oħra fil-Qasam tal-Enerġija), tas‑17 ta’ Diċembru 2018 (BGBl. 2018 I, p. 2549).

3        Fit‑23 ta’ Settembru 2020, l-awtoritajiet Ġermaniżi nnotifikaw lill-Kummissjoni b’emendi oħra magħmula lill-KWKG tal-2016. Dawn l-emendi ddaħħlu fl-Artikoli 7 u 8 tal-Gesetz zur Reduzierung und zur Beendigung der Kohlerverstromung und zur Änderung weiterer Gesetze (Kohleausstiegsgesetz) (il-Liġi bl-Għan li Tnaqqas u Ttemm il-Produzzjoni tal-Elettriku bil-Faħam u li Temenda Liġijiet Oħra (il-Liġi dwar il-Waqfien Gradwali tal-Faħam)) tat‑8 ta’ Awwissu 2020 (BGBl. 2020 I, p. 1818) u ġew emendati bl-Artikoli 17 u 18 tal-Gesetz zur Änderung des Erneuerbare-Energien-Gesetzes und weiterer energierechtlicher Vorschriften (il-Liġi li Temenda l-Liġi dwar l-Enerġija Rinnovabbli u Dispożizzjonijiet Oħra fil-Qasam tal-Enerġija) tal‑21 ta’ Diċembru 2020 (BGBl. 2020 I, p. 3138).

4        Dawn l-emendi għall-KWKG tal-2016 jikkorrispondu għal-leġiżlazzjoni dwar l-appoġġ liċ-CHP fis-seħħ mill‑1 ta’ Jannar 2021 (iktar ’il quddiem il-“KWKG tal-2020”).

5        Fit‑8 ta’ April 2021, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja nnotifikat ukoll lill-Kummissjoni bl-emenda dwar il-limitu massimu tat-taxxa favur il-produtturi tal-idroġenu kif previst fl-Artikolu 27 tal-KWKG tal-2020.

 Ilmiżuri inkwistjoni

 Għan u deskrizzjoni talmiżuri inkwistjoni

6        Il-KWKG tal-2020 għandha l-għan li ttejjeb l-effiċjenza enerġetika u l-protezzjoni tal-klima u tal-ambjent, billi żżid il-produzzjoni netta tal-elettriku CHP sal-2025. Huwa intiż b’mod partikolari sabiex jinkoraġġixxi t-tranżizzjoni lejn impjanti ġodda ta’ koġenerazzjoni jew impjanti li jaħdmu bil-gass immodernizzati u sabiex jippromwovi l-elettriku prodott minn tali impjanti ta’ koġenerazzjoni b’effiċjenza għolja. Għandu wkoll l-għan li jiżgura l-koerenza bejn l-appoġġ għaċ-CHP u l-objettivi tat-tranżizzjoni tal-enerġija. Għal dan l-għan, il-KWKG tal-2020 tipprevedi diversi miżuri.

–       Miżura ta’ appoġġ ġenerali għallproduzzjoni talelettriku millimpjanti CHP b’effiċjenza għolja li għadhom kif inbnew, immodernizzati u aġġornati

7        Il-KWKG tal-2020 tipprevedi miżura ta’ għajnuna ġenerali għall-produzzjoni tal-elettriku minn impjanti CHP b’effiċjenza għolja li jkunu għadhom kif inbnew, immodernizzati u aġġornati, li jistgħu jużaw diversi teknoloġiji ta’ koġenerazzjoni u li jistgħu jiġu pprovduti minn tipi differenti ta’ karburant.

8        L-appoġġ ġenerali jieħu l-forma ta’ primjum li jiżdied mad-dħul mill-bejgħ bil-prezz tas-suq tal-elettriku prodott (Artikolu 5 et seq. tal-KWKG tal-2020).

9        L-operaturi tal-impjanti CHP b’kapaċità ta’ iktar minn 100 kilowatts (kW) għandhom ibigħu l-elettriku fis-suq lil terz, jew jikkonsmawh huma stess. L-operaturi ta’ impjanti CHP li għandhom kapaċità inqas għandhom l-għażla li jbigħu l-elettriku fis-suq, jikkonsmawh huma stess jew jitolbu lill-ġestjonarji ta’ network jixtrih bi prezz miftiehem (Artikolu 4 tal-KWKG tal-2020).

10      L-appoġġ jingħata jew permezz ta’ sejħiet għal offerti organizzati mir-regolatur nazzjonali, jiġifieri l-Bundesnetzagentur (l-Aġenzija Federali ta’ Networks, il-Ġermanja) (Artikolu 8 tal-KWKG tal-2020), jew direttament bis-saħħa tal-KWKG tal-2020. F’dan l-aħħar każ, il-benefiċjarji huma awtomatikament intitolati li jirċievu tali appoġġ meta jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà. L-eliġibbiltà tal-benefiċjarji hija vverifikata mill-Bundesamt für Wirtschaft und Ausfuhrkontrolle (l-Uffiċċju Federali tal-Ekonomija u tal-Kontroll tal-Esportazzjoni, il-Ġermanja, iktar ’il quddiem il-“BAFA”), fuq talba ta’ dawn tal-aħħar. Jekk jissodisfaw il-kriterji kollha, il-BAFA għandu joħroġ awtorizzazzjoni li tikkonferma l-eliġibbiltà (Artikolu 10 tal-KWKG tal-2020).

11      Il-KWKG tal-2020 tipprevedi wkoll l-appoġġ għall-produzzjoni tal-elettriku li ġej minn sistemi CHP innovattivi, kemm permezz ta’ sejħiet għal offerti organizzati mill-Aġenzija Federali ta’ Networks, kif ukoll permezz tal-għoti ta’ bonus, u temenda s-sistema ta’ bonus marbut mal-waqfien mill-użu tal-faħam, implimentata mill-KWKG tal-2016. Dawn il-bonus jingħataw biss jekk l-operaturi ta’ ċentrali CHP jibbenefikaw mill-miżura ta’ appoġġ ġenerali.

–       Miżura ta’ appoġġ għallproduzzjoni talelettriku millimpjanti CHP eżistenti, b’effiċjenza għolja u li jaħdmu bilgass, fissettur tattisħin distrettwali

12      Il-KWKG tal-2016 kienet tipprevedi miżura ta’ għajnuna għall-produzzjoni tal-elettriku mill-impjanti CHP eżistenti, b’effiċjenza għolja u li jaħdmu bil-gass, fis-settur tat-tisħin distrettwali sal‑31 ta’ Diċembru 2019. Peress li dan l-appoġġ seta’ jwassal għal kumpens żejjed għas-snin 2018 u 2019, l-Artikolu 13 tal-KWKG tal‑2016 ġie emendat b’mod li jaġġusta l-primjums mogħtija lil dawn l-impjanti għas-sena 2019 u b’hekk jelimina dan il-kumpens żejjed. Il-modalitajiet tal-għoti tal-primjums li jirriżultaw mill-KWKG tal-2020, deskritti fil-punti 8 u 9 iktar ’il fuq, japplikaw mutatis mutandis.

–       Miżura ta’ appoġġ għallfaċilitajiet talħżin tattisħin u ttkessiħ

13      Il-KWKG tal-2020 jipprevedi li għandha tingħata għajnuna finanzjarja lill-faċilitajiet ta’ ħżin bil-kundizzjoni li dawn jiġbru prinċipalment sħana prodotta minn impjant CHP konness man-network tal-elettriku pubbliku. Il-benefiċjarji għandhom awtomatikament ikunu intitolati li jirċievu tali appoġġ meta jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà. L-eliġibbiltà tal-benefiċjarji tiġi vverifikata mill-BAFA, fuq talba ta’ dawn tal-aħħar. Jekk jissodisfaw il-kriterji kollha, il-BAFA għandu joħroġ awtorizzazzjoni li tikkonferma l-eliġibbiltà (l-Artikoli 22 sa 25 tal-KWKG tal-2020).

–       Miżura ta’ appoġġ għannetworks ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali effiċjenti flużu talenerġija

14      Il-KWKG tal-2020 jemenda l-kundizzjonijiet għall-promozzjoni ta’ networks tat-tisħin billi jagħti appoġġ finanzjarju lin-networks li jkun fihom mill-inqas 75 % ta’ CHP jew mill-inqas 75 % ta’ sorsi kkombinati ta’ sħana. Il-benefiċjarji għandhom awtomatikament ikunu intitolati li jirċievu tali appoġġ meta jissodisfaw il-kriterji ta’ eliġibbiltà. L-eliġibbiltà tal-benefiċjarji tiġi vverifikata mill-BAFA, fuq talba ta’ dawn tal-aħħar. Jekk jissodisfaw il-kriterji kollha, il-BAFA għandu joħroġ awtorizzazzjoni li tikkonferma l-eliġibbiltà (l-Artikoli 18 sa 21 tal-KWKG tal-2020).

–       Miżura ta’ limitu massimu tattaxxa fuq ilprodutturi talidroġenu

15      Il-KWKG tal-2020 tipprevedi regoli speċifiċi għall-impriżi li jappartjenu għas-settur tal-manifattura tal-gass industrijali, li fih il-produzzjoni tal-idroġenu tikkostitwixxi l-maġġoranza tal-valur miżjud totali. Dan jillimita l-ammont tal-imposta li tista’ tiġi rkuprata mingħand il-produtturi tal-idroġenu mill-ġestjonarju ta' network (ara l-punt 18 iktar ’il quddiem) jekk l-imsemmija produtturi jibbenefikaw mill-imposta mnaqqsa skont il-liġi li temenda l-Liġi dwar l-Enerġija Rinnovabbli u minn dispożizzjonijiet oħra fil-qasam tal-enerġija tal‑21 ta’ Diċembru 2020 (Artikolu 27 tal-KWKG tal-2020).

 Mekkaniżmu ta’ finanzjament talmiżuri inkwistjoni

16      Il-ġestjonarji ta’ network ikkonċernat huwa legalment obbligat li jħallas lill-benefiċjarji l-ammonti previsti mill-KWKG tal-2020. L-operatur ta’ ċentrali CHP għandu d-dritt li jirċievi l-primjum imsemmi fil-punt 8 iktar ’il fuq, eventwalment flimkien mal-bonus imsemmi fil-punt 11 iktar ’il fuq, min-naħa tal-operatur ta’ network li miegħu dan l-impjant huwa konness direttament jew indirettament (Artikolu 6(1), Artikolu 7(1) u (3), u Artikolu 7(1) tal-KWKG tal-2020).

17      L-operatur ta’ network ta’ tisħin u ta’ tkessiħ għandu d-dritt li jirċievi l-appoġġ finanzjarju msemmi fil-punt 14 iktar ’il fuq mill-operatur tas-sistema ta’ trażmissjoni li ż-żona ta’ kontroll tiegħu tinkludi n-network li fih iċ-CHP prinċipali li jipprovdi n-network tat-tisħin u tat-tkessiħ huwa direttament jew indirettament konness (Artikolu 18(1) u (3) u Artikolu 21 tal-KWKG tal-2020). Bl-istess mod, l-operatur ta’ faċilità ta’ ħżin tas-sħana u tal-kesħa għandu d-dritt li jirċievi l-appoġġ finanzjarju msemmi fil-punt 13 iktar ’il fuq mill-operatur ta’ network ta’ trażmissjoni li ż-żona ta’ kontroll tiegħu tinkludi n-network li miegħu l-impjant tal-enerġija CHP li jipprovdi l-faċilità l-ġdida għall-ħżin tas-sħana u tal-kesħa huwa direttament jew indirettament konness (Artikolu 22(1) u (3) u Artikolu 25 tal-KWKG tal-2020).

18      Il-ġestjonarji ta’ network għandhom id-dritt, mingħajr ma jkunu obbligati mil-liġi, li jgħaddu l-ispejjeż marbuta mal-miżuri inkwistjoni bħala sovrataxxa (iktar ’il quddiem “l-imposta KWKG”) fil-kalkolu tat-tariffi ta’ network li huma jitolbu lill-klijenti tagħhom għal kull kilowatt-siegħa (KWh) ta’ elettriku pprovdut fil-Ġermanja permezz ta' network tal-elettriku (Artikolu 26(1) tal-KWKG tal-2020). B’deroga, il-ġestjonarji ta’ network ta’ trażmissjoni għandhom id-dritt li jitolbu imposta KWKG imnaqqsa għall-konsumaturi li jagħmlu użu intensiv mill-enerġija bħall-produtturi tal-idroġenu (Artikolu 27 tal-KWKG tal-2020).

19      L-ammont tal-imposta KWKG huwa kkalkolat kull sena mill-ġestjonarji ta’ network ta’ trażmissjoni, skont il-metodoloġija prevista mill-KWKG tal-2020. Dan huwa espress fi prezz uniformi għal kull KWh ta’ elettriku kkunsmat, suġġett għar-rata mnaqqsa li minnha jibbenefikaw ċerti kategoriji ta’ utenti.

20      Sabiex jiġi żgurat li kull operatur ta’ sistema jkun jista’ jiġi kkumpensat bil-piż finanzjarju addizzjonali li jirriżulta mill-obbligi tiegħu taħt il-KWKG tal-2020, din il-liġi stabbilixxiet mekkaniżmu li permezz tiegħu din l-ispiża tinqasam b’mod ġust bejn l-ġestjonarji ta’ network (distribuzzjoni jew trażmissjoni) fi proporzjon mal-konsum tal-konsumaturi konnessi man-network tagħhom, u sussegwentement ikkumpensata permezz tal-imposta KWKG (Artikolu 28 tal-KWKG tal-2020).

21      Il-KWKG tal-2020 jipprevedi limitu annwali tal-baġit ta’ EUR 1.8 biljun għall-miżuri inkwistjoni u għalhekk għall-imposta KWKG totali (Artikolu 29 tal-KWKG tal-2020).

 IdDeċiżjoni kkontestata

22      Fit‑3 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni kkontestata.

23      Il-Kummissjoni kklassifikat il-miżuri inkwistjoni bħala għajnuna mill-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE billi kkonstatat li dawn kienu ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

24      B’mod partikolari, fil-punti 220 u 221 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet, minn naħa, li l-miżuri ta’ appoġġ, l-ewwel nett, għall-produzzjoni tal-elettriku minn impjanti CHP b’effiċjenza għolja li għadhom kif inbnew, immodernizzati u aġġornati, it-tieni nett, għan-networks ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali effiċjenti fl-użu tal-enerġija, it-tielet nett, għall-faċilitajiet ta’ ħżin ta’ sħana u ta’ kesħa u, ir-raba’ nett, għall-produzzjoni tal-elettriku permezz ta’ koġenerazzjoni f’impjanti ta’ koġenerazzjoni eżistenti, b’rendiment għoli u li jiġu pprovduti bil-gass, fis-settur tat-tisħin distrettwali (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP”) kienu ffinanzjati mid-dħul minn kontribuzzjoni obbligatorja de jure imposta mill-Istat, ġestiti u allokati skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni.

25      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li l-miżura dwar il-limitu massimu tat-taxxa KWKG favur il-produtturi tal-idroġenu kienet tikkostitwixxi rinunzja għal riżorsi tal-Istat.

26      Madankollu, il-Kummissjoni kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni kienu kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikolu 107(3)(c) TFUE, b’tali mod li hija ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet.

 Ittalbiet talpartijiet

27      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-Deċiżjoni kkontestata sa fejn fiha ġie kkonstatat li l-miżuri inkwistjoni jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

28      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Repubblika Federali tal-Ġermanja għall-ispejjeż.

 Iddritt

29      Insostenn tar-rikors tagħha, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tqajjem motiv wieħed, ibbażat fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni żbaljata tal-Artikolu 107(1) TFUE, sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat li l-impriżi kkonċernati mill-miżuri inkwistjoni kienu jibbenefikaw minn għajnuna mogħtija permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

30      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-klassifikazzjoni bħala “għajnuna mill-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE tippresupponi li huma ssodisfatti erba’ kundizzjonijiet, jiġifieri li jkun hemm intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li dan l-intervent ikun kapaċi jaffettwa l-kummerċ bejn l-Istati Membri, li dan l-intervent jagħti vantaġġ lill-benefiċjarju tiegħu u li dan l-intervent iwassal għal distorsjoni jew theddida ta’ distorsjoni tal-kompetizzjoni (sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 46, u tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 31).

31      Fir-rigward tal-eżistenza ta’ intervent tal-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, li hija l-uniku rekwiżit inkwistjoni f’din il-kawża, għandu jitfakkar li, sabiex vantaġġi jkunu jistgħu jiġu kklassifikati bħala “għajnuna” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, huma għandhom, minn naħa, jingħataw direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat u, min-naħa l-oħra, ikunu imputabbli lill-Istat (sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 47, u tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 32).

32      Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ma tikkontestax li l-miżuri inkwistjoni huma imputabbli lilha. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li dawn il-miżuri ġew stabbiliti permezz ta’ leġiżlazzjoni u li għalhekk huma imputabbli lill-Istat Membru kkonċernat (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punti 17 u 18, u tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 33).

33      Min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja tikkontesta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li l-miżuri inkwistjoni ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

34      F’dan ir-rigward, minn ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-projbizzjoni stipulata fl-Artikolu 107(1) TFUE tinkludi kemm l-għajnuna mogħtija direttament mill-Istat jew permezz ta’ riżorsi tal-Istat, kif ukoll dik mogħtija minn organi pubbliċi jew privati maħtura jew innominati minn dan tal-aħħar sabiex jiġġestixxu l-għajnuna (sentenzi tat‑22 ta’ Marzu 1977, Steinike оWeinlig, 78/76, EU:C:1977:52, punt 20, u tal‑21 ta’ Ottubru 2020, Eco TLC, C‑556/19, EU:C:2020:844, punt 25).

35      Fil-fatt, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jaċċetta li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi responsabbli mid-distribuzzjoni tal-għajnuna jippermetti li jiġu evitati r-regoli li jirrigwardaw l-għajnuna mill-Istat (sentenzi tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 51, u tal‑21 ta’ Ottubru 2020, Eco TLC, C‑556/19, EU:C:2020:844, punt 27).

36      Il-Qorti tal-Ġustizzja riċentement iddeċidiet, essenzjalment, li setgħu jiġu kklassifikati bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, minn naħa, fondi pprovduti permezz ta’ taxxa jew imposti obbligatorji oħra skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali u ġestiti u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni u, min-naħa l-oħra, somom li jibqgħu kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Dawn iż-żewġ kriterji jikkostitwixxu kriterji alternattivi tal-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat” fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punti 38, 39 u 42).

37      L-uniku motiv tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja jinqasam fi tliet partijiet. Permezz tal-ewwel parti tal-motiv uniku, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li n-natura fiskali ta’ imposta ma tagħtix, waħedha, natura Statali lir-riżorsi miġbura fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, peress li dan tal-aħħar jippreżupponi dejjem li r-riżorsi jkunu konstantement jinsabu taħt kontroll pubbliku u għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Waqt is-seduta, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja madankollu ddikjarat li qiegħda tirrinunzja għall-argumenti fformulati fil-kuntest ta’ din il-parti, fid-dawl tas-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1), u, b’mod partikolari, tad-dikjarazzjoni tan-natura alternattiva taż-żewġ kriterji tal-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat” (ara l-punt 36 iktar ’il fuq), u ttieħdet nota ta’ dan fil-proċess verbal tas-seduta. Minn dan isegwi li ma hemmx iktar lok li tingħata deċiżjoni fuq l-ewwel parti tal-motiv uniku.

38      Permezz tat-tieni parti tal-motiv uniku, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, essenzjalment, li, la l-imposta KWKG u lanqas l-ammonti mħallsa mill-ġestjonarju ta’ network lill-operaturi taċ-ċentrali CHP, tal-faċilitajiet ta’ ħżin u ta’ networks ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali (iktar ’il quddiem l-“operaturi taċ-ċentrali CHP u tal-faċilitajiet l-oħra marbuta maċ-CHP”) ma jikkostitwixxu taxxa li timplika l-użu ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Permezz tat-tielet parti tal-motiv uniku, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-Kummissjoni qieset b’mod żbaljat li r-riżorsi miġbura mill-ġestjonarji ta’ network kienu jinsabu taħt kontroll pubbliku kostanti u fid-dispożizzjoni tal-Istat.

39      Permezz tat-tieni u t-tielet parti tal-motiv uniku, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni għalhekk, essenzjalment, li ebda wieħed miż-żewġ kriterji alternattivi tal-kunċett ta’ “riżorsi tal-Istat”, imsemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq, ma huwa ssodisfatt f’dan il-każ.

40      Peress li, fil-kuntest tal-analiżi tagħha tal-kundizzjoni dwar ir-riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni għamlet distinzjoni bejn, minn naħa, il-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP u, min-naħa l-oħra, il-miżura dwar it-tnaqqis tal-imposta KWKG favur il-produtturi tal-idroġenu (ara l-punti 24 u 25 iktar ’il fuq), il-Qorti Ġenerali tqis opportun li teżamina flimkien it-tieni u t-tielet parti tal-motiv uniku l-ewwel f’dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP u sussegwentement f’dak li jirrigwarda l-miżura dwar il-limitu massimu tat-taxxa KWKG favur il-produtturi tal-idroġenu.

 Fuq ilmiżuri ta’ appoġġ għaċCHP

41      Fid-Deċiżjoni kkontestata, sabiex tqis li l-miżuri ta’ sostenn liċ-CHP kienu ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat, il-Kummissjoni kkonstatat, qabelxejn, li, fil-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), iċċarata mis-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268), kienet ġiet stabbilita distinzjoni bejn il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat u l-miżuri ta’ sempliċi leġiżlazzjoni tal-prezzijiet li ma jinvolvux l-intervent ta’ riżorsi tal-Istat.

42      Il-Kummissjoni rrilevat li, f’dan il-każ, l-operaturi ta’ impjanti CHP kienu marbuta bil-liġi li jbigħu l-elettriku tagħhom direttament fis-suq, b’tali mod li l-prezz kien iffissat liberament mill-forzi tas-suq u mhux permezz ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet. Fir-rigward tal-faċilitajiet ta’ ħżin ta’ sħana u ta’ kesħa distrettwali u ta’ networks ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali, ma kien hemm l-ebda tranżazzjoni bi prezz partikolari għal prodotti u servizzi, b’tali mod li lanqas ma kienet regolamentazzjoni tal-prezzijiet.

43      Il-ħlas ta’ dħul addizzjonali lill-operaturi tal-impjanti CHP u tal-faċilitajiet l-oħra marbuta maċ-CHP, mingħajr korrispettiv, ma jikkorrispondix għall-kompitu abitwali ta’ ġestjonarju ta’ network ta’ elettriku. Il-kriterji ta’ eliġibbiltà kienu previsti mill-KWKG tal-2020 u vverifikati mill-BAFA. Il-firxa tal-appoġġ finanzjarju mħallas lill-benefiċjarji kienet kompletament stabbilita mill-Istat u, jekk il-baġit totali ta’ EUR 1.8 biljun seta’ jinqabeż, kien il-BAFA li kien jiddetermina r-rati mnaqqsa tal-appoġġ.

44      Il-Kummissjoni fakkret li l-ġestjonarju ta’ network kienu obbligati jsostnu l-ispejjeż tal-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP b’tali mod li l-piż finanzjarju li l-liġi timponi fuqhom kien jikkostitwixxi kontribuzzjoni obbligatorja de jure imposta mill-Istat. Il-fatt li l-ġestjonarji ta’ network kienu ġġustifikati li jgħaddu l-ispejjeż fuq il-konsumaturi tagħhom stess, iżda ma kinux obbligati jagħmlu dan, kien ifisser biss li dawn il-konsumaturi ma kinux suġġetti għal kontribuzzjoni obbligatorja fid-dritt. Il-ġestjonarji ta’ network kienu jibqgħu, min-naħa tagħhom, suġġetti għal tali kontribuzzjoni. Il-finanzjament tal-għajnuna minn tali taxxa f’livell tal-katina ta' provvista jkun biżżejjed biex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat, mingħajr il-ħtieġa li tiġi identifikata kontribuzzjoni obbligatorja oħra f’livell ieħor tal-katina.

45      Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri ta’ appoġġ għaċ-CHP kienu ffinanzjati mid-dħul ta’ kontribuzzjoni obbligatorja de jure imposta mill-Istat, ġestita u allokata skont id-dispożizzjonijiet tal-leġiżlazzjoni.

46      Fil-kuntest tat-tieni u tat-tielet parti tal-motiv uniku, l-ewwel nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li l-imposta KWKG ma tikkostitwixxix taxxa li timplika l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat sa fejn il-KWKG tal-2020 ma tobbligax lill-ġestjonarji ta’ network li jgħaddu din it-taxxa fuq il-klijenti ta’ network. Il-ġestjonarji ta’ network jiffinanzjaw il-pagamenti lill-operaturi tal-impjanti CHP u faċilitajiet oħra relatati maċ-CHP permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess.

47      Dawn l-aħħar ħlasijiet lanqas ma jikkostitwixxu taxxa. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tinjora l-ġurisprudenza dwar it-taxxi parafiskali, b’mod partikolari s-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent network Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413), tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407), u tal‑20 ta’ Settembru 2019, FVE Holýšov I et vs Il‑Kummissjoni (IT-217/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:633). Din il-ġurisprudenza dejjem taqa’, bħal f’dan il-każ, f’kuntest li jinkludi żewġ livelli jew, fi kliem ieħor, relazzjoni trijangolari bejn l-operatur tal-impjant, il-ġestjonarju ta’ network u l-klijent ta’ network. Il-qorti tal-Unjoni ma kklassifikatx bħala taxxa l-fluss finanzjarju bejn l-ġestjonarji ta’ network u l-benefiċjarji.

48      Barra minn hekk, il-Kummissjoni tibbaża ruħha b’mod żbaljat fuq il-fatt li l-KWKG tal-2020 ma jikkostitwixxix miżura ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet fis-sens tas-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160). Il-kwistjoni dwar jekk il-prezz tal-elettriku huwiex irregolat mil-liġi hija irrilevanti għall-finijiet tad-determinazzjoni tal-eżistenza ta’ taxxa.

49      It-tieni nett, ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni li r-riżorsi jistgħu jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat biss meta jkunu kontinwament taħt kontroll pubbliku u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali, ħaġa li l-Kummissjoni ma eżaminatx.

50      Barra minn hekk, l-influwenza tal-Istat fuq il-qafas legali ma hijiex biżżejjed, fiha nnifisha, sabiex jiġi konkluż li dan għandu setgħa ta’ dispożizzjoni fuq il-fondi. Fir-rigward tal-KWKG tal-2020, la l-Istat u lanqas l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti ma jeżerċitaw influwenza fuq l-użu tar-riżorsi.

51      Il-Kummissjoni tammetti li l-imposta KWKG, meħuda waħidha, ma huwiex taxxa sa fejn il-ġestjonarji ta’ network ma humiex obbligati jiffatturawh lill-klijenti tagħhom. Min-naħa l-oħra, il-primjum li l-ġestjonarji ta’ network iħallsu lill-operaturi taċ-ċentrali CHP u tal-faċilitajiet l-oħra marbuta maċ-CHP skont il-KWKG tal-2020 jikkostitwixxi taxxa li timplika l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat.

52      Skont il-Kummissjoni, dan il-primjum jikkostitwixxi piż unilaterali obbligatorju impost mill-Istat fuq persuna taxxabbli u, għaldaqstant, taxxa li timplika l-użu ta’ riżorsi tal-Istat. Ma huwiex neċessarju li jiġi kkonstatat riperkussjoni tal-oneru finanzjarju fuq il-konsumatur meta tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ kontribuzzjoni tal-input obbligatorja tal-katina ta’ provvista. Għalhekk, f’dan il-każ, id-debitur finali huwal-ġestjonarju ta’ network, li jinsab fl-istess sitwazzjoni ġuridika bħal konsumatur finali. Fil-każijiet kollha, l-Istat jieħu somma li ġejja minn sors privat.

53      Id-deroga mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE, bħal dik inkwistjoni fis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), tista’ tiġi applikata biss għall-każijiet ta’ regolamentazzjoni tal-prezzijiet u għalhekk ma tistax tiġi applikata għall-ħlasijiet addizzjonali tal-prezz mill-ġestjonarji ta’ network. Il-fatt li obbligu legali ta’ ħlas jiġi assimilat ma’ sempliċi regolamentazzjoni tal-prezzijiet tas-suq iwassal, skont il-Kummissjoni, sabiex din id-deroga tiġi estiża indebitament, u dan ineħħi s-sustanza tal-Artikolu 107(1) TFUE.

54      Il-Kummissjoni ssostni wkoll li, skont il-ġurisprudenza, huwa biżżejjed li taxxa, bħal dik f’dan il-każ, tinġabar sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ riżorsi tal-Istat u li ma huwiex neċessarju li jiġi kkonstatat kontroll statali iktar estensiv. Madankollu, hija ssostni li hja eżaminat, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-kwistjoni dwar jekk ir-riżorsi li l-ġestjonarji ta’ network kienu jiġbru permezz tal-imposta KWKG kinux suġġetti għall-kontroll tal-Istat. B’mod eżawrjenti, hija ssostni li l-ħlas tal-primjums isegwi d-dispożizzjonijiet legali tal-KWKG tal-2020 li l-ġestjonarji ta’ network ma jistgħux jidderogaw minnhom, u dan jippermetti li tiġi dedotta n-natura tal-Istat tagħhom.

55      Qabel kollox, għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja bbażati fuq l-allegazzjoni li la l-imposta KWKG u lanqas l-ammonti mħallsa lill-operaturi taċ-ċentrali CHP u tal-faċilitajiet l-oħra marbuta maċCHP ma jikkostitwixxu taxxa jew imposta obbligatorja oħra fis-sens tal-ewwel kriterju msemmi fil-punt 36 iktar ’il fuq, sussegwentement, l-argumenti bbażati fuq l-assenza ta’ kontroll pubbliku kostanti fuq ir-riżorsi fis-sens tat-tieni kriterju msemmi fil-punt 36 iktar ’il fuq u, fl-aħħar nett, l-argumenti dwar l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160).

 Fuq leżistenza ta’ taxxa jew ta’ imposta obbligatorja oħra (lewwel kriterju msemmi fil-punt 36 iktar ’il fuq)

56      Skont il-ġurisprudenza, ammonti li jirriżultaw miż-żieda fil-prezz impost mill-Istat fuq ix-xerrejja tal-elettriku jixbhu taxxa imposta fuq l-elettriku u li joriġinaw minn “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 34 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      B’hekk, fondi għandhom jitqiesu li huma “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, meta joriġinaw minn kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-liġi tal-Istat Membru kkonċernat u meta jkunu amministrati u mqassma konformement ma’ din il-liġi. F’dan ir-rigward, huwa irrilevanti li l-mekkaniżmu ta’ finanzjament ma jaqax, fis-sens strett, fil-kategorija tal-ġbir ta’ natura fiskali fid-dritt nazzjonali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C-702/20 u C-17/21, EU:C:2023:1, punt 35 u l-ġurisprudenza ċċitata).

58      Għall-kuntrarju, il-fatt li l-piż finanzjarju tal-imposta jkun sostnut fil-fatt minn kategorija ddefinita ta’ persuni ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi stabbilit li l-fondi li jirriżultaw minn din l-imposta għandhom in-natura ta’ “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. Huwa meħtieġ ukoll li l-imsemmija imposta tkun obbligatorja skont id-dritt nazzjonali. B’hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li ma kienx biżżejjed li l-ġestjonarji ta’ network jgħaddu, fuq il-prezz ta’ bejgħ tal-elettriku lill-klijenti finali tagħhom, l-ispejjeż addizzjonali kkawżati mill-obbligu tagħhom li jixtru l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bit-tariffi stabbiliti fil-liġi kemm-il darba dan il-kumpens irriżulta biss minn prattika u mhux minn obbligu legali (ara s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punti 36 u 37 u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Qabel kollox, għandu jiġi kkonstatat li l-parti jaqblu fuq il-fatt li s-sistema implimentata mill-KWKG tal-2020 hija kkaratterizzata mill-eżistenza ta’ “żewġ livelli” fil-katina ta’ provvista tal-elettriku. Għalhekk, l-“ewwel livell” jikkorrispondi għar-relazzjoni bejn, minn naħa, l-operaturi tal-impjanti CHP u tal-faċilitajiet l-oħra marbuta maċ-CHP u, min-naħa l-oħra, il-ġestjonarji ta’ network. It-“tieni livell” jikkorrispondi għar-relazzjoni bejn l-ġestjonarji ta’ network u l-klijenti tagħhom. Kif fakkret ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja waqt is-seduta, il-ġestjonarji ta’ network huma entitajiet privati.

60      Fil-kuntest tal-“ewwel livell”, il-ġestjonarju ta’ network ikkonċernat għandu obbligu legali li jħallas appoġġ finanzjarju lill-operaturi taċ-ċentrali CHP u faċilitajiet oħra marbuta maċ-CHP eliġibbli (ara l-punti 16 u 17 iktar ’il fuq). Fil-kuntest tat-“tieni livell”, il-ġestjonarji ta’ network jistgħu, mingħajr ma jkunu obbligati mil-liġi, jgħaddu l-piż finanzjarju li jirriżulta mill-obbligu tagħhom ta’ ħlas tal-għajnuna finanzjarja skont il-KWKG tal-2020 fuq il-klijenti tagħhom permezz tal-imposta KWKG (ara l-punti 18 sa 20 iktar ’il fuq).

61      Fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ma kkunsidratx li l-imposta KWKG, fit-“tieni livell” tal-katina ta’ provvista, kienet tikkostitwixxi taxxa obbligatorja fid-dritt ta’ natura li tikkaratterizza riżorsi tal-Istat. Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-ġestjonarji ta’ network ma humiex obbligati, skont il-liġi, li jitolbu l-imposta KWKG mingħand il-klijenti tagħhom, b’tali mod li din l-imposta ma tkunx tista’ tiġi kklassifikata bħala debitu dirett obbligatorju fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 57 u 58 iktar ’il fuq.

62      Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni qieset li l-kontribuzzjonijiet imposti mil-liġi fuq l-ġestjonarji ta’ network u mħallsa b’mod obbligatorju lill-operaturi tal-impjanti CHP u tal-faċilitajiet l-oħra marbuta maċ-CHP, fl-“ewwel livell” tal-katina ta’ provvista, kienu jimplikaw l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat mingħajr ma kien hemm lok li tiġi identifikata kontribuzzjoni obbligatorja oħra f’“livell” ieħor tal-katina ta’ provvista.

63      Issa, għandu jiġi kkonstatat, bħalma għamlet ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-Kummissjoni, f’dan ir-rigward, injorat il-ġurisprudenza dwar il-kriterju tal-eżistenza ta’ taxxa jew ta’ imposti obbligatorji oħra.

64      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 57 iktar ’il fuq, sabiex fondi jitqiesu bħala “riżorsi tal-Istat”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, dawn għandhom “jiġu” minn taxxi jew minn imposti obbligatorji oħra imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat u għandhom jiġu “ġestiti u mqassma skont [...] il-leġiżlazzjoni”.

65      L-eżistenza ta’ taxxa jew ta’ imposti obbligatorji oħra skont il-liġi hija għalhekk marbuta mal-provenjenza tal-fondi użati sabiex jingħata vantaġġ, fis-sens li tippermetti li jiġi kkonstatat li fondi tal-Istat intużaw għall-finanzjament ta’ dan il-vantaġġ. Tali taxxa jew tali imposta obbligatorja oħra tikkostitwixxi l-metodu ta’ finanzjament tal-miżuri.

66      Sussegwentement, il-fondi huma ġestiti u mqassma, jiġifieri allokati, b’mod konformi mal-liġi, li jippermetti li jiġi kkonstatat li s-somom miġbura permezz ta’ taxxa jew ta’ imposti obbligatorji oħra jintużaw esklużivament għall-finijiet tal-għoti ta’ vantaġġ lill-benefiċjarji skont il-leġiżlazzjoni.

67      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx validament tikkunsidra li l-ħlasijiet obbligatorji mill-ġestjonarji tan-network lill-operaturi tal-impjanti CHP u tal-faċilitajiet l-oħra marbuta maċ-CHP, li seħħew fl-“ewwel livell” tal-katina ta’ provvista, kienu jikkostitwixxu taxxa jew imposta obbligatorja ta’ natura li tikkaratterizza riżorsi tal-Istat. Fil-fatt, dawn il-ħlasijiet jirrigwardaw biss l-allokazzjoni tal-fondi skont il-liġi sa fejn l-amministraturi huma legalment obbligati li jagħtu sostenn finanzjarju lill-operaturi tal-impjanti CHP u ta’ faċilitajiet oħra marbuta maċ-CHP. Madankollu, dawn ma jagħtu l-ebda indikazzjoni dwar l-oriġini tal-fondi użati mill-ġestjonarju ta’ network għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju lill-benefiċjarji. Kif tirrileva ġustament ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-fatt li jiġi kkunsidrat li l-ħlasijiet imsemmija iktar ’il fuq jikkostitwixxu taxxa jew imposta obbligatorja oħra fis-sens tal-ġurisprudenza rilevanti jwassal sabiex jitqies li l-finanzjament tal-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP jikkoinċidi mal-għoti tal-fondi lill-benefiċjarji.

68      Dawn il-konstatazzjonijiet huma kkonfermati mill-ġurisprudenza dwar il-miżuri ta’ għajnuna mill-Istat intiżi sabiex isostnu l-produzzjoni tal-elettriku, b’mod partikolari dik li tirriżulta minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli, iffinanzjati permezz ta’ supplimenti ta’ prezzijiet imposti mill-Istat fuq ix-xerrejja tal-elettriku. B’mod partikolari, is-sentenzi invokati mill-parti fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħhom u ċċitati fin-noti ta’ qiegħ il-paġni Nri 65 u 72 tad-Deċiżjoni kkontestata, jiġifieri s-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et (C‑206/06, EU:C:2008:413), tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et (C‑706/17, EU:C:2019:407), u tal‑20 ta’ Settembru 2019, FVE Holýšov I et vs Il‑Kummissjoni (T‑217/17, mhux ippubblikata, EU:T:2019:633), dan tal-aħħar ġie kkonfermat mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2021, FVE Holýšov I et vs Il‑Kummissjoni (C‑850/19 P, mhux ippubblikata, EU:C:2021:740), kienu jirrigwardaw obbligi, previsti mil-liġi, imposti fuq il-ġestjonarji ta’ networks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni ta’ enerġija elettrika, li jittrasferixxu żieda fil-prezz lil kumpannija sussidjarja tal-impriżi li jipproduċu l-enerġija elettrika jew li jixtru l-enerġija elettrika b’ċertu prezz, lil tali impriżi, bl-għan li jsostnu l-produzzjoni ta’ din l-enerġija elettrika. Sabiex tikkumpensa għall-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minn tali obbligi, sostnuti mill-ġestjonarji ta’ networks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni tal-elettriku, il-liġi kienet tipprevedi li dawn l-operaturi jimponu tnaqqis obbligatorju fuq l-elettriku fuq il-konsumaturi tal-elettriku.

69      Fis-sentenzi msemmija fil-punt 68 iktar ’il fuq, l-imposti obbligatorji miġbura u ġestiti mill-ġestjonarji ta’ networks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni tal-elettriku fit-“tieni livell” tal-katina ta’ provvista kienu jservu sabiex jikkumpensaw l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw mill-obbligi legali tagħhom fl-“ewwel livell” tal-imsemmija katina. It-trasferiment tal-ispiża addizzjonali permezz ta’ ħlas obbligatorju ekwivalenti għal taxxa imposta fuq l-elettriku kien distint mill-obbligi legali imposti fuq il-ġestjonarji ta’ networks ta’ distribuzzjoni u ta’ trażmissjoni ta’ elettriku u intiżi sabiex isostnu l-impriżi li jipproduċu l-enerġija elettrika. Il-fondi li jservu sabiex jiġu implimentati dawn l-obbligi kellhom bħala oriġini l-kontribuzzjonijiet obbligatorji fuq l-elettriku u imposti fuq il-konsumaturi tal-elettriku, li juri l-finanzjament mill-Istat tal-miżuri.

70      Huwa għalhekk b’mod żbaljat li l-Kummissjoni, billi rreferiet għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 iktar ’il fuq, qieset li l-obbligu impost fuq l-ġestjonarji ta’ network li jħallsu somom lill-benefiċjarji, lill-“ewwel livell” tal-katina ta’ provvista, kien suffiċjenti sabiex tiġi kkonstatata l-eżistenza ta’ taxxa jew ta’ imposta obbligatorja oħra ta’ natura li tikkaratterizza l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat, sa fejn din iċ-ċirkustanza tippermetti biss li tiġi kkonstatata l-allokazzjoni tal-fondi konformi mal-liġi, iżda ma tagħti ebda indikazzjoni dwar l-oriġini tal-fondi użati mill-ġestjonarji ta’ network sabiex jimplimentaw l-obbligi tagħhom. Kuntrarjament għas-sitwazzjonijiet inkwistjoni fil-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 68 iktar ’il fuq, f’dan il-każ, il-Kummissjoni ma identifikatx imposta obbligatorja fit-“tieni livell” tal-katina ta’ provvista.

71      Barra minn hekk, il-Kummissjoni bl-ebda mod ma spjegat, fid-Deċiżjoni kkontestata, f’liema mument u minn meta twettqet il-ġestjoni tal-fondi. Mid-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li d-dħul mill-kontribuzzjonijiet obbligatorji jasal direttament għand il-benefiċjarji, mingħajr ma jsir ebda ġbir jew ġestjoni ta’ fondi mill-ġestjonarji ta’ network.

72      F’dan ir-rigward, minn naħa, sa fejn dan jistabbilixxi biss kumpens għall-oneru bejn ġestjonarji ta’ network, il-mekkaniżmu ta’ tqassim ġust tal-oneru finanzjarju bejn dawn l-ġestjonarju ta’ network, deskritt fil-punt 20 iktar ’il fuq, ma jistax jitqies bħala ġestjoni tal-fondi użati sabiex jiġu ffinanzjati l-miżuri ta’ sostenn liċ-CHP. Min-naħa l-oħra, fil-punt 218 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonstatat li l-kriterji ta’ eliġibbiltà għall-appoġġ finanzjarju kienu previsti mill-KWKG tal-2020 u vverifikati mill-BAFA, li l-portata ta’ dan l-appoġġ kienet kompletament iffissata mill-Istat u li, jekk il-baġit totali ta’ EUR 1.8 biljun seta’ jinqabeż, kien il-BAFA li kien jiddetermina r-rati mnaqqsa tal-appoġġ (ara l-punt 43 iktar ’il fuq). Madankollu, dawn iċ-ċirkustanzi jippermettu biss li jiġi kkonstatat li l-ġestjonarji ta’ network ma jistgħux jidderogaw mir-regoli stabbiliti mil-liġi u li l-applikazzjoni tagħhom hija vverifikata mill-BAFA b’mod li għandhom jallokaw il-fondi skont din il-liġi. Madankollu, dawn ma jippermettux li jiġi kkonstatat li l-fondi użati mill-ġestjonarji ta’ network sabiex iħallsu lill-benefiċjarji kienu ġejjin minn taxxa jew minn ħlas obbligatorju ieħor miġbur u ġestit minn dawn tal-aħħar.

73      Barra minn hekk, il-Kummissjoni żbaljat ukoll meta affermat, fid-Deċiżjoni kkontestata, li l-ġestjonarji ta’ network kienu suġġetti għal kontribuzzjoni obbligatorja fid-dritt sa fejn il-liġi kienet tobbligahom isostnu l-piż finanzjarju tal-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP.

74      F’dan ir-rigward, ċertament, mill-ġurisprudenza jirriżulta li l-piż finanzjarju ta’ taxxa obbligatorja jista’ jiġi sostnut minn “kategorija ddefinita ta’ persuni” (sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES, C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1, punt 36), b’tali mod li ma huwiex meħtieġ li l-konsumaturi finali jkunu d-debituri ta’ din l-imposta, kif irrilevat ġustament il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha.

75      Madankollu, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni sempliċement ikkonstatat li l-ġestjonarji ta’ network kienu jsostnu l-ispejjeż tal-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP. Issa, kif hija indikat, l-imsemmija ġestjonarji jistgħu jgħaddu dawn l-ispejjeż lill-klijenti tagħhom permezz tal-imposta KWKG. Meta tali trasferiment jiġi implimentat, huma l-klijenti tal-ġestjonarji ta’ network li għandhom jitqiesu bħala li jġorru l-piż finanzjarju tal-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP.

76      Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-Istat juża r-riżorsi tal-ġestjonarji ta’ network, peress li, kuntrarjament għal dak li ssostni, dawn il-ġestjonarji ma humiex neċessarjament id-debituri finali tal-piż finanzjarju kkawżat mill-miżuri ta’ sostenn liċ-CHP.

77      Għaldaqstant, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, il-fatt li identifikat obbligu ta’ ħlas unilaterali li jaqa’ fuq l-ġestjonarji ta’ network fl-“ewwel livell” tal-katina ta’ provvista ma huwiex biżżejjed sabiex jiġi kkonstatat li l-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP huma ffinanzjati minn taxxa jew minn imposti obbligatorji oħra fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 57u 68 iktar ’il fuq.

78      Peress li l-imposta KWKG lanqas ma tista’ tiġi kklassifikata bħala taxxa jew imposti obbligatorji oħra fis-sens ta’ din il-ġurisprudenza (ara l-punt 61 iktar ’il fuq), għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li l-ewwel kriterju msemmi fil-punt 36 iktar ’il fuq, li jippermetti li jiġi kkonstatat trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kien issodisfatt.

79      L-argumenti l-oħra tal-Kummissjoni ma jistgħux jinvalidaw dawn il-konstatazzjonijiet.

80      L-ewwel nett, il-Kummissjoni ssostni li mill-punt 218 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-ħlas tal-appoġġ finanzjarju mill-ġestjonarji ta’ network lill-operaturi ta’ ċentrali CHP u lill-faċilitajiet l-oħra marbuta maċ-CHP kif previst mil-liġi ma jagħmilx parti mill-missjonijiet abitwali ta’ dawn il-ġestjonarji. Dawn tal-aħħar ma għandhom ebda marġni ta’ diskrezzjoni kuntrattwali fir-rigward taċ-ċirku tal-benefiċjarji, tal-ammont u tat-tul tal-ħlasijiet. Dawn l-elementi juru li l-KWKG tal-2020 ma hijiex ibbażata fuq inizjattiva ekonomika privata, iżda fuq inizjattiva tal-Istat.

81      Ċertament, huwa minnu li l-KWKG tal-2020 hija bbażata fuq inizjattiva tal-Istat u li hija ssegwi politika pubblika ta’ sostenn għall-produzzjoni tal-elettriku CHP. Huwa minnu wkoll li l-ġestjonarji ta’ network huma obbligati jħallsu s-somom previsti mil-liġi lill-operaturi, skont il-modalitajiet previsti minnha.

82      Madankollu, dawn il-kunsiderazzjonijiet jingħaqdu mal-analiżi esposta fil-punt 32 iktar ’il fuq, li tgħid li l-miżuri ta’ sostenn liċ-CHP ġew stabbiliti permezz ta’ leġiżlazzjoni, b’tali mod li dawn għandhom jitqiesu bħala imputabbli lill-Istat.

83      Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 31 iktar ’il fuq, l-imputabbiltà tal-miżuri lill-Istat, għalkemm neċessarji għall-finijiet tal-klassifikazzjoni ta’ dawn il-miżuri bħala “għajnuna”, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, ma hijiex fiha nnifisha suffiċjenti sabiex tali klassifikazzjoni tkun tista’ tiġi adottata. Għandu, fil-fatt, jintwera li l-vantaġġi inkwistjoni huma mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 63).

84      Għaldaqstant, il-fatt li l-liġi tipprevedi b’mod iddettaljat il-modalitajiet ta’ assenjazzjoni tal-appoġġ finanzjarju ma huwiex ta’ natura li jikkaratterizza trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, iżda biss responsabbiltà tal-Istat fl-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu ta’ għajnuna għall-elettriku CHP u b’hekk hemm l-imputabbiltà lill-Istat tal-miżuri ta’ sostenn liċ-CHP.

85      L-istess japplika għall-argument, imressaq mill-Kummissjoni waqt is-seduta, li huwa l-leġiżlatur Ġermaniż li jiġġestixxi u jqassam id-dħul mill-kontribuzzjonijiet obbligatorji tal-ġestjonarji ta’ network. Tali kunsiderazzjoni twassal għall-konstatazzjoni li l-leġiżlazzjoni tipprevedi, minn qabel, il-modalitajiet ta’ allokazzjoni tal-appoġġ finanzjarju u għalhekk turi biss l-imputabbiltà tal-miżuri lill-Istat u mhux il-finanzjament ta’ dawn il-miżuri permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

86      It-tieni nett, il-Kummissjoni ssostni, b’risposta għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tat‑30 ta’ Marzu 2023, li s-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1), iċċarat il-ġurisprudenza preċedenti fir-rigward tal-kunċett ta’ “taxxa” fir-rigward tad-dritt tal-għajnuna mill-Istat. L-unika natura fiskali ta’ kontribuzzjoni hija suffiċjenti sabiex jiġi kkunsidrat li din tikkostitwixxi riżorsa tal-Istat.

87      Huwa minnu li, fis-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1), il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li l-kriterju dwar l-eżistenza ta’ taxxa jew ta’ imposti obbligatorji oħra seta’ jippermetti li jiġi kkonstatat l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, mingħajr ma jkun neċessarju li jintwera barra minn hekk li l-kriterju dwar il-kontroll pubbliku kostanti fuq il-fondi kien ukoll issodisfatt (ara l-punt 36 iktar ’il fuq).

88      Il-konstatazzjoni tan-natura alternattiva tal-kriterji msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq madankollu ma taffettwax id-definizzjoni rispettiva tagħhom kif tirriżulta mill-ġurisprudenza. Għalhekk, sabiex il-kriterju dwar l-eżistenza ta’ taxxa jew ta’ imposti obbligatorji oħra jitqies li huwa ssodisfatt, jibqa’ neċessarju li jintwera li l-fondi joriġinaw minn kontribuzzjonijiet obbligatorji fid-dritt, imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat fuq kategorija ddefinita ta’ persuni, u li dawn il-fondi huma ġestiti u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni (ara l-punt 64 iktar ’il fuq).

89      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 43 tas-sentenza tat‑12 ta’ Jannar 2023, DOBELES HES (C‑702/20 u C‑17/21, EU:C:2023:1), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-leġiżlazzjoni nazzjonali li kienet tobbliga lil impriża ta’ distribuzzjoni tal-elettriku awtorizzata tixtri l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli bi prezz ogħla minn dak tas-suq u li kienet tipprevedi li l-ispejjeż addizzjonali li jirriżultaw minnu kienu ffinanzjati permezz ta’ soprataxxa obbligatorja sostnuta mill-konsumaturi finali kienet tikkostitwixxi intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE. B’hekk, bħas-sentenzi msemmija fil-punt 68 iktar ’il fuq, għandu jiġi rrilevat li l-vantaġġ mogħti b’mod obbligatorju lill-benefiċjarji fl-“ewwel livell” tal-katina ta’ provvista kien iffinanzjat minn imposta mhux inqas obbligatorja fit-“tieni livell” tal-katina ta’ provvista. Issa, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li dan kien il-każ f’din il-kawża.

90      Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li l-Kummissjoni żbaljat meta bbażat ruħha fuq l-ewwel kriterju espost fil-punt 36 iktar ’il fuq sabiex tikkunsidra li, f’dan il-każ, il-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP kienu ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

 Fuq ilkontroll pubbliku kostanti fuq irriżorsi (ittieni kriterju msemmi filpunt 36 iktar ’il fuq)

91      Qabelxejn, kif jirriżulta mill-punti 41 sa 45 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li, fid-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq l-ewwel kriterju identifikat fil-punt 36 iktar ’il fuq, dwar l-eżistenza ta’ taxxa jew ta’ imposti obbligatorji oħra, sabiex tikkonkludi li l-miżuri ta’ sostenn liċ-CHP kienu ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

92      B’mod partikolari, il-Kummissjoni kkonkludiet espressament, fil-punt 220 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP kienu ffinanzjati permezz ta’ kontribuzzjoni obbligatorja, billi għamlet riferiment, f’dan ir-rigward, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna Nru 65, għall-ġurisprudenza li tgħid li l-fondi pprovduti permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat, amministrati u mqassma skont din il-leġiżlazzjoni, jistgħu jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE (sentenzi tat‑2 ta’ Lulju 1974, L‑Italja vs Il‑Kummissjoni, 173/73, EU:C:1974:71, punt 35; tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 25, u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 54). Kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni, minn dan il-punt ma jirriżultax li hija eżaminat il-kwistjoni dwar jekk ir-riżorsi li l-ġestjonarji ta’ network kienu jirċievu permezz tal-imposta KWKG kinux suġġetti għall-kontroll tal-Istat.

93      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma eżaminatx b’mod ċar u espress it-tieni kriterju identifikat fil-punt 36 iktar ’il fuq, dwar il-kontroll pubbliku kostanti fuq ir-riżorsi.

94      Għalkemm l-assenza ta’ eżami ċar u espliċitu ta’ dan it-tieni kriterju ma tikkostitwixxix, fiha nnifisha, żball ta’ liġi, kuntrarjament għal dak li tallega r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, peress li ż-żewġ kriterji identifikati fil-punt 36 iktar ’il fuq huma alternattivi, għandu madankollu jiġi rrilevat li, minħabba din l-assenza, il-Kummissjoni lanqas ma stabbilixxiet li l-miżuri ta’ appoġġ lil CHP kienu ffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat abbażi tat-tieni kriterju espost fil-punt 36 iktar ’il fuq.

95      Fi kwalunkwe każ, jekk l-argument tal-Kummissjoni, li n-natura statali tal-fondi tirriżulta mill-assenza ta’ setgħa diskrezzjonali tal-ġestjonarji ta’ network fil-kuntest tal-ħlas tal-għajnuna finanzjarja prevista mill-KWKG tal-2020, kellu jinftiehem fis-sens li hija stabbilixxiet li t-tieni kriterju huwa ssodisfatt, dan ma jistax jintlaqa’.

96      F’dan ir-rigward, huwa xieraq jitfakkar li l-Artikolu 107(1) TFUE jkopri l-mezzi finanzjarji kollha li bihom l-awtoritajiet pubbliċi jistgħu fil-fatt jappoġġjaw lill-impriżi, irrispettivament minn jekk dawk il-mezzi huma jew ma humiex parti b’mod permanenti mill-patrimonju tal-Istat. Anki jekk is-somom li jikkorrispondu mal-miżura ta’ għajnuna ma humiex kontinwament fil-pussess tat-Teżor Pubbliku, il-fatt li dawn huma kontinwament taħt kontroll pubbliku, u għalhekk għad-dispożizzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, huwa suffiċjenti sabiex jiġu kklassifikati bħala “riżorsi tal-Istat” (sentenzi tas‑16 ta’ Mejju 2002, Franza vs Il‑Kummissjoni, C-482/99, EU:C:2002:294, punt 37, kif ukoll tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 53).

97      F’dan il-każ, huwa minnu, kif jirriżulta mill-punt 218 tad-Deċiżjoni kkontestata, li l-ġestjonarji ta’ network għandhom obbligatorjament jallokaw il-fondi lill-benefiċjarji mingħajr ma jkunu jistgħu jidderogaw mill-kriterji ta’ eliġibbiltà tagħhom u lanqas mill-ammonti tal-appoġġ finanzjarju previst mil-liġi (ara l-punt 43 iktar ’il fuq).

98      Madankollu, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-fatt li l-fondi użati huma esklużivament allokati għall-eżekuzzjoni tal-missjonijiet legalment assenjati (prinċipju legali ta’ allokazzjoni esklużiva tal-fondi) pjuttost juri, fl-assenza ta’ kwalunkwe element ieħor fis-sens kuntrarju, li l-Istat ma huwiex preċiżament f’pożizzjoni li jiddisponi mill-imsemmija fondi, jiġifieri li l-Istat ma jistax jiddeċiedi allokazzjoni differenti minn dik prevista mil-liġi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 76, u tal‑21 ta’ Ottubru 2020, Eco TLC, C‑556/19, EU:C:2020:844, punt 41).

99      Barra minn hekk, għalkemm il-fatt li l-ħlas tas-sostenn finanzjarju jsegwi d-dispożizzjonijiet legali tal-KWKG tal-2020 jixhed l-oriġini legali tal-miżuri ta’ sostenn liċ-CHP u għalhekk ta’ influwenza ċerta tal-Istat fuq il-mekkaniżmi stabbiliti minn din il-leġiżlazzjoni, dawn l-elementi madankollu ma humiex suffiċjenti sabiex jiġi konkluż li l-Istat kellu, b’hekk, setgħa li jiddisponi mill-fondi amministrati u amministrati mill-ġestjonarji ta’ network (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, punt 75). Bl-istess mod bħal fir-rigward tal-kriterju dwar l-eżistenza ta’ taxxa jew ta’ imposti obbligatorji oħra, il-fatt li l-liġi tipprevedi b’mod iddettaljat il-modalitajiet ta’ allokazzjoni tal-appoġġ finanzjarju ma huwiex ta’ natura li jikkaratterizza trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat, iżda biss l-imputabbiltà lill-Istat tal-miżuri ta’ sostenn liċ-CHP (ara l-punt 84 iktar ’il fuq).

100    Mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti jirriżulta li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx li t-tieni kriterju msemmi fil-punt 36 iktar ’il fuq, li jippermetti li jiġi kkonstatat trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, kien issodisfatt.

 Fuq lapplikazzjoni talġurisprudenza li tirriżulta missentenza tat13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C379/98)

101    Kif jirriżulta mill-punti 41 u 42 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni qieset, essenzjalment, li l-miżuri ta’ appoġġ liċ-CHP ma kinux jikkonsistu f’miżura ta’ “sempliċi regolamentazzjoni tal-prezzijiet” li ma timplikax trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160). F’dan ir-rigward, hija rreferiet ukoll għas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268), kif ukoll għas-sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 1978, van Tiggele (82/77, EU:C:1978:10), tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA (C‑329/15, EU:C:2017:671), u tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il‑Kummissjoni (T‑57/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:470).

102    Issa, kif tirrileva r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, din l-evalwazzjoni hija żbaljata.

103    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li s-sentenzi msemmija fil-punt 101 iktar ’il fuq kienu jirrigwardaw miżuri, previsti mil-liġi, li jiffissaw il-prezzijiet ta’ prodotti jew ta’ servizzi (sentenzi tal‑24 ta’ Jannar 1978, van Tiggele, 82/77, EU:C:1978:10, u tal‑14 ta’ Settembru 2016, Trajektna luka Split vs Il‑Kummissjoni, T‑57/15, mhux ippubblikata, EU:T:2016:470) jew li jimponu, b’mod partikolari, obbligi ta’ xiri ta’ elettriku bi prezz partikolari jew f’ċerta kwantità (sentenzi tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160; tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑405/16 P, EU:C:2019:268, u tat‑13 ta’ Settembru 2017, ENEA, C‑329/15, EU:C:2017:671). Skont il-qorti tal-Unjoni, dawn il-miżuri ma kinux jinvolvu trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

104    Issa, minbarra li, fis-sentenzi msemmija fil-punt 103 iktar ’il fuq, il-qorti tal-Unjoni bl-ebda mod ma kklassifikat dawn il-miżuri bħala “sempliċi regolamentazzjoni tal-prezzijiet”, għandu jiġi rrilevat li din ma eskludietx l-impenn ta’ riżorsi tal-Istat minħabba l-mod kif il-vantaġġ ingħata lill-benefiċjarji, jiġifieri permezz tal-iffissar tal-prezz ta’ prodotti jew permezz tal-impożizzjoni ta’ obbligu ta’ xiri ta’ prodotti b’ċertu prezz jew f’ċerta kwantità, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni.

105    Fil-fatt, fil-punt 59 tas-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), ġie deċiż li l-obbligu impost fuq impriżi privati ta’ provvista ta’ elettriku li jixtru bi prezzijiet minimi fissi l-elettriku prodott minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma setax jitqies bħala intervent permezz ta’ riżorsi tal-Istat sa fejn ebda trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat lill-impriżi li jipproduċu dan it-tip ta’ elettriku ma kien sar (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C-206/06, EU:C:2008:413, punt 74; tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 35, u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 70).

106    Fil-fatt, f’tali sitwazzjonijiet, il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-impriżi privati ma kinux maħtura mill-Istat Membru kkonċernat sabiex jiġġestixxu riżorsi tal-Istat, iżda kienu marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 2008, Essent Netwerk Noord et, C‑206/06, EU:C:2008:413, punt 74; tad‑19 ta’ Diċembru 2013, Association Vent De Colère! et, C‑262/12, EU:C:2013:851, punt 35, u tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punt 70).

107    Skont il-ġurisprudenza, il-fatt li tali entitajiet huma inkarigati mill-Istat sabiex jiġġestixxu riżorsa tal-Istat, u mhux sempliċement marbuta b’obbligu ta’ xiri permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess, jikkostitwixxi l-element “deċiżiv” sabiex jitqies li l-fondi pprovduti permezz ta’ kontribuzzjonijiet obbligatorji imposti mil-leġiżlazzjoni tal-Istat, ġestiti u mqassma konformement ma’ din il-leġiżlazzjoni, ikunu jistgħu jitqiesu bħala riżorsi tal-Istat, fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE, anki jekk huma ġestiti minn entitajiet distinti mill-awtorità pubblika (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C-405/16 P, EU:C:2019:268, punti 58 u 59; tal‑15 ta’ Mejju 2019, Achema et, C‑706/17, EU:C:2019:407, punti 54 u 55, u tas‑27 ta’ Jannar 2022, Fondul Proprietatea, C‑179/20, EU:C:2022:58, punt 94).

108    Għalhekk, l-element deċiżiv ma huwiex il-fatt li l-impriżi privati kienu marbuta b’sempliċi obbligu ta’ xiri tal-elettriku, iżda l-fatt li huma kienu jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom sabiex jimplimentaw dan l-obbligu u ma kinux inkarigati mill-Istat sabiex jiġġestixxu riżorsi tal-Istat.

109    Din il-konstatazzjoni hija kkonfermata mis-sentenzi l-oħra li għalihom tirreferi l-Kummissjoni fid-Deċiżjoni kkontestata, imsemmija fil-punt 101 iktar ’il fuq. Fil-fatt, minn dawn is-sentenzi jirriżulta li, sabiex tqis li l-kundizzjoni ta’ riżorsi tal-Istat fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE ma kinitx issodisfatta, il-qorti tal-Unjoni bbażat ruħha fuq l-assenza ta’ trasferiment dirett jew indirett ta’ riżorsi tal-Istat, sa fejn il-vantaġġ kien mogħti minn entità privata lil oħra mingħajr intervent tal-Istat jew ta’ entità inkarigata mill-Istat sabiex tiġġestixxi riżorsi tal-Istat. Il-mod li bih ingħata l-vantaġġ lill-benefiċjarji ma tqiesx bħala deċiżiv għall-eżami tal-kundizzjoni ta’ finanzjament tal-miżuri permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

110    B’mod partikolari, kuntrarjament għal dak li ssostni l-Kummissjoni, fil-punt 90 tas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268), il-Qorti tal-Ġustizzja rrilevat li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-miżuri kienu ffinanzjati permezz ta’ imposta obbligatorja u lanqas li kien hemm kontroll pubbliku kostanti fuq il-fondi, b’tali mod li hija ma kinitx stabbilixxiet li dawn il-miżuri kienu jinvolvu riżorsi tal-Istat. Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ma sabitx li l-“ewwel livell” tal-katina ta’ provvista kien ikkaratterizzat minn “regolamentazzjoni tal-prezzijiet”.

111    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li tissuġġerixxi l-Kummissjoni b’mod partikolari bi tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, l-obbligu legali tal-ġestjonarji ta’ network fl-“ewwel livell” tal-katina ta’ provvista fil-kawża li tat lok għas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268), ma huwiex kompletament differenti minn dak tal-ġestjonarji ta’ network f’dan il-każ. F’dan ir-rigward, mill-punt 3 ta’ din is-sentenza jirriżulta, essenzjalment, li l-vantaġġ mogħti lill-produtturi tal-elettriku minn sorsi ta’ enerġija rinnovabbli ma kienx mogħti biss permezz ta’ obbligu legali ta’ xiri ta’ elettriku, iżda wkoll permezz tal-ħlas ta’ remunerazzjoni bit-tariffi ffissati mil-liġi jew minn primjum tas-suq indipendentement mill-konnessjoni tal-faċilità produttriċi u minn kummerċjalizzazzjoni diretta tal-elettriku. Dan l-aħħar ħlas jixbah il-ħlas tal-appoġġ finanzjarju lill-operaturi tal-impjanti CHP u tal-faċilitajiet l-oħra marbuta maċ-CHP. Fil-fatt, fiż-żewġ każijiet, il-ġestjonarji ta’ network kienu legalment obbligati li jagħtu għajnuna finanzjarja lill-benefiċjarji indipendentement mill-prezz tas-suq. Issa, għandu jiġi rrilevat li, fil-punt 90 tas-sentenza tat‑28 ta’ Marzu 2019, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni (C‑405/16 P, EU:C:2019:268), il-Qorti tal-Ġustizzja kkonkludiet li l-Kummissjoni ma kinitx stabbilixxiet li l-vantaġġi mogħtija lill-benefiċjarji kienu ngħataw permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

112    Għaldaqstant, sabiex tiġi eskluża l-applikazzjoni tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160), il-Kummissjoni kellha tistabbilixxi, indipendentement mill-fatt dwar jekk il-miżuri ta’ sostenn liċ-CHP kinux jikkostitwixxu jew le miżura ta’ “sempliċi regolamentazzjoni tal-prezzijiet”, li l-vantaġġ favur l-operaturi tal-impjanti CHP u l-proprjetarji ta’ faċilitajiet ta’ ħżin u ta’ networks ta’ tisħin u ta’ tkessiħ distrettwali ma ngħatax mill-ġestjonarji ta’ network, li huma entitajiet privati (ara l-punt 59 iktar ’il fuq), permezz tar-riżorsi finanzjarji tagħhom stess, iżda li dawn kienu inkarigati mill-Istat sabiex jiġġestixxu riżorsi tal-Istat.

113    Issa, kif jirriżulta b’mod partikolari mill-punti 90 u 100 iktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma stabbilixxietx li wieħed mill-kriterji alternattivi msemmija fil-punt 36 iktar ’il fuq kien issodisfatt f’dan il-każ. Għaldaqstant, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li hija ma stabbilixxietx li l-vantaġġ previst mill-KWKG tal-2020 favur l-operaturi tal-impjanti CHP u faċilitajiet oħra marbuta maċ-CHP kien iffinanzjat mill-ġestjonarji ta’ network permezz ta’ riżorsi tal-Istat.

114    Minn dan jirriżulta, kif issostni r-Repubblika Federali tal-Ġermanja, li l-ġestjonarji ta’ network jużaw ir-riżorsi proprji tagħhom sabiex jagħtu s-somom previsti mil-liġi lill-benefiċjarji, fis-sens tal-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C‑379/98, EU:C:2001:160). Fi kliem ieħor, il-fondi jgħaddu minn entitajiet privati għal entitajiet privati u jibqgħu ta’ natura privata matul il-perkors kollu tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑21 ta’ Ottubru 2020, Eco TLC, C‑556/19, EU:C:2020:844, punti 32 u 33).

115    Fl-aħħar nett, sa fejn il-Kummissjoni ssostni li d-deroga mill-projbizzjoni prevista fl-Artikolu 107(1) TFUE, bħal dik inkwistjoni fis-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra (C-379/98, EU:C:2001:160), għandha tiġi limitata għall-każijiet ta’ “regolamentazzjoni tal-prezzijiet” bir-riskju li l-Artikolu 107(1) TFUE jitlef l-effett utli tiegħu, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni żbaljat meta tqis, essenzjalment, li teżisti kategorija ta’ miżuri ta’ “sempliċi regolamentazzjoni tal-prezzijiet” li ma jaqgħux taħt il-klassifikazzjoni ta’ għajnuna mill-Istat (ara l-punti 103 sa 109 iktar ’il fuq).

116    Barra minn hekk, għalkemm huwa minnu li, skont il-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 35 iktar ’il fuq, id-dritt tal-Unjoni ma jistax jaċċetta li s-sempliċi fatt li jinħolqu istituzzjonijiet awtonomi responsabbli mid-distribuzzjoni tal-għajnuna jippermetti li jiġu evitati r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat, u għalhekk iċaħħad lill-Artikolu 107(1) TFUE mill-effett utli tiegħu, xorta jibqa’ l-fatt li huma biss il-vantaġġi mogħtija direttament jew indirettament permezz ta’ riżorsi tal-Istat li jitqiesu bħala għajnuna fis-sens tal-Artikolu 107(1) TFUE.

117    Issa, il-fatt li l-obbligu ta’ ħlas ta’ ammonti mill-ġestjonarji ta’ network huwa impost mil-liġi u jagħti vantaġġ inkontestabbli lil ċerti impriżi mhuwiex ta’ natura li jagħtih in-natura ta’ għajnuna mill-Istat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C-379/98, EU:C:2001:160, punt 61). Fil-fatt, l-Artikolu 107(1) TFUE ma jistax jiġi applikat għal aġir tal-Istat li ma jaqax taħtu, f’dan il-każ miżura deċiża mill-Istat, iżda ffinanzjata minn impriżi privati (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Marzu 2001, PreussenElektra, C‑379/98, EU:C:2001:160, punti 65 u 66).

118    Il-motiv uniku għandu għalhekk jintlaqa’ f’dak li jirrigwarda l-miżuri ta’ appoġġ lil CHP.

 Fuq ilmiżura dwar illimitu massimu talimposta KWKG favur ilprodutturi talidroġenu

119    Fil-punt 221 tad-Deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżura dwar il-limitu massimu tal-imposta KWKG favur il-produtturi tal-idroġenu kienet tirriżulta minn rinunzja għal riżorsi tal-Istat. Il-Qorti tal-Ġustizzja rrikonoxxiet li r-rinunzja għal dħul li, bħala prinċipju, kellu jitħallas lura lill-baġit tal-Istat kienet tikkostitwixxi trasferiment ta’ riżorsi tal-Istat.

120    Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja ssostni, fil-kuntest tat-tieni u t-tielet parti tal-motiv uniku, li l-imposta KWKG ma tikkostitwixxix kontribuzzjoni obbligatorja u li r-riżorsi rċevuta minn din l-imposta ma humiex kontinwament taħt kontroll mill-Istat u għad-dispożizzjoni tal-Istat. Fl-aħħar mill-aħħar, l-imposta KWKG ma tikkostitwixxix riżorsa tal-Istat.

121    Għandu jiġi mfakkar li l-Kummissjoni ammettiet li l-imposta KWKG, meħuda waħidha, ma kinitx tippresupponi l-impenn tar-riżorsi tal-Istat sa fejn l-ġestjonarji ta’ network ma kinux obbligati jiffatturawh lill-klijenti tagħhom.

122    B’tweġiba għall-miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura tal-Qorti Ġenerali tat‑30 ta’ Marzu 2023, il-Kummissjoni ssostni madankollu li mill-punt 174 tad-Deċiżjoni kkontestata jirriżulta li japplikaw regoli differenti għall-imposta mnaqqsa favur produtturi tal-idroġenu meta mqabbla mal-imposta KWKG. Hija ssostni li l-Artikolu 27(1) tal-KWKG tal-2020 jipprevedi li l-produtturi tal-idroġenu huma obbligati jħallsu l-imposta KWKG lill-ġestjonarji ta’ network.

123    Kif diġà ġie rrilevat fil-punt 61 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li l-KWKG tal-2020 ma tobbligax lill-ġestjonarji ta’ network li jgħaddu l-imposta KWKG fuq il-klijenti tagħhom b’tali mod li din l-imposta ma hijiex spiża li dawn tal-aħħar għandhom obbligatorjament iħallsu. Għaldaqstant, din l-imposta ma tistax titqies bħala taxxa jew bħala imposta obbligatorja fid-dritt, ta’ natura li tikkaratterizza riżorsi tal-Istat.

124    L-argument tal-Kummissjoni li l-punt 2 tal-Artikolu 27(1) tal-KWKG tal-2020 jipprevedi regola derogatorja fir-rigward tal-produtturi tal-idroġenu ma jistax jintlaqa’. Minbarra li hija ma semmietx din l-allegata regola derogatorja fid-Deċiżjoni kkontestata, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li mill-formulazzjoni tal-imsemmija dispożizzjoni ma jirriżultax li l-produtturi tal-idroġenu huma obbligati jħallsu l-imposta KWKG. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni tipprevedi b’mod partikolari li, għall-impriżi b’konsum għoli tal-elettriku, bħall-produtturi tal-idroġenu, il-limitazzjoni tal-imposta KWKG tapplika biss sa fejn l-imsemmija taxxa dovuta minn dawn l-impriżi ma taqax taħt ċertu ammont għal kull KWh. Madankollu, minn din id-dispożizzjoni ma jirriżultax li l-imposta KWKG hija dovuta b’mod obbligatorju mill-produtturi tal-idroġenu.

125    Konsegwentement, sa fejn l-imposta KWKG ma hijiex riżorsa tal-Istat, it-tnaqqis ta’ din l-imposta għall-produtturi tal-idroġenu ma jikkostitwixxix rinunzja għal riżorsi tal-Istat.

126    Għaldaqstant, il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li l-miżura dwar il-limitu massimu tal-imposta KWKG favur il-produtturi tal-idroġenu kienet iffinanzjata permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Għaldaqstant, il-motiv uniku għandu jintlaqa’ wkoll fir-rigward ta’ din il-miżura.

127    Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li r-rikors tar-Repubblika Federali tal-Ġermanja għandu jintlaqa’ sa fejn il-Kummissjoni kkonstatat b’mod żbaljat li l-miżuri inkwistjoni kienu jikkostitwixxu għajnuna mill-Istat iffinanzjati permezz ta’ riżorsi tal-Istat. Għaldaqstant id-Deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.

 Fuq lispejjeż

128    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrenti.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2021) 3918 final, tat3 ta’ Ġunju 2021, dwar l-għajnuna mill-Istat SA.56826 (2020/N) – Il-Ġermanja – Riforma 2020 tal-Iskema ta’ Appoġġ għall-Koġenerazzjoni u l-Għajnuna mill-Istat SA.53308 (2019/N) – Il-Ġermanja – Modifika tal-iskema ta’ għajnuna għall-impjanti ta’ koġenerazzjoni ta’ sħana u ta’ elettriku eżistenti (Artikolu 13 tal-Gesetz zur Neuregelung des Kraft-Wärme-Kopplungsgesetzes (il-Liġi li Tistabbilixxi Leġiżlazzjoni Ġdida bil-Liġi dwar il-Koġenerazzjoni tas-Sħana u tal-Elettriku)), tal-21 ta’ Diċembru 2015 (BGBl. 2015 I, p. 2498) hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni Ewropea hija kkundannata għall-ispejjeż.

Kornezov

De Baere

Petrlík

Kecsmár

 

      Kingston

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑24 ta’ Jannar 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.