Language of document : ECLI:EU:F:2009:49

SENTENZA TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU

(L-Ewwel Awla)

18 ta’ Mejju 2009

Kawża F-66/08

Emile De Smedt et

vs

Il-Parlament Ewropew

“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Remunerazzjoni – Allowances fil-kuntest ta’ xogħol permanenti jew bis-shift – Allowance għal uffiċjali regolarment suġġetti għal dmirijiet ta’ standby – Artikoli 56a u 56b tar-Regolamenti tal-Persunal”

Suġġett:  Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEEA, li permezz tiegħu E. De Smedt u 20 uffiċjal ieħor tal-Parlament jitolbu l-annullament tad-deċiżjonijiet individwali tal-Parlament li jirrifjutaw li jakkordawlhom, minn naħa, l-allowance mogħtija lill-uffiċjali li jaħdmu fil-kuntest ta’ xogħol permanenti jew bis-shift, prevista fl-Artikolu 56a tar-Regolamenti tal-persunal u li għaliha huma għandhom dritt skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1873/2006, tal-11 ta’ Diċembru 2006, li jemenda r-Regolament (KEFA, KEE, Euratom) Nru 300/76 li jistabbilixxi l-kategoriji ta’ uffiċjali intitolati għal allowances għal xogħol bix-xift, u r-rati u l-kondizzjonijiet tagħhom, min-naħa l-oħra, l-allowance mogħtija lill-uffiċjali regolarment suġġetti għal dmirijiet ta’ standby, prevista fl-Artikolu 56b tar-Regolamenti tal-persunal li li għaliha huma għandhom dritt skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1945/2006, tal-11 ta’ Diċembru 2006, li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 495/77 li jistabbilixxi l-kategoriji ta’ uffiċjali li jkunu intitolati għal, u l-kondizzjonijiet għal, u r-rati ta’, allowances għal xogħol regolari ta’ stand-by.

Deċiżjoni: Huwa kkonstatat li r-rikorrenti rtiraw it-talbiet tagħhom fir-rigward tal-annullament tad-deċiżjonijiet individwali tal-Parlament li jirrifjutaw li jakkordawlhom l-allowance mogħtija lill-uffiċjali regolarment suġġetti għal dmirijiet ta’ standby, prevista fl-Artikolu 56a tar-Regolamenti tal-persunal. Id-deċiżjonijiet individwali tal-Parlament li jirrifjutaw li jakkordaw lir-rikorrenti l-allowance mogħtija lill-uffiċjali li jaħdmu fil-kuntest ta’ xogħol permanenti jew bis-shift, prevista fl-Artikolu 56a tar-Regolamenti tal-persunal, huma annullati. Il-Parlament għandu jbati l-ispejjeż kollha.

Sommarju

Uffiċjali – Kundizzjonijiet tax-xogħol – Allowance għax-xogħol permanenti jew bis-shift

(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 56a)

Deċiżjonijiet individwali ta’ istituzzjoni li jirrifjutaw li jagħtu l-allowance li tingħata lill-uffiċjali li jaħdmu fil-kuntest ta’ xogħol permanenti jew bis-shift, prevista fl-Artikolu 56a tar-Regolamenti tal-persunal, lil uffiċjali li jagħtu tali servizz, impost mill-“eżiġenzi” taċ-ċentrali telefonika li fiha huma jaħdmu, meta dan is-servizz ikun wieħed “regolari u permanenti”, u meta, barra minn hekk, bl-għoti ta’ din l-allowance permezz ta’ deċiżjonijiet individwali li jkunu ttieħdu f’data sussegwenti għad-deċiżjonijiet hawn fuq imsemmija, l-imsemmija istituzzjoni tkun irrikonoxxiet hija stess b’mod impliċitu – iżda ċar – li r-rikorrenti jkunu ssodisfaw il-kundizzjonijiet li għalihom l-Artikolu 56a jissuġġetta l-għoti tagħha, u meta, fl-aħħar nett, ma jkunx jista’ jiġi kkontestat li l-kundizzjonijiet materjali tax-xogħol tagħhom kienu l-istess qabel u wara d-data li fiha d-deċiżjonijiet individwali li jakkordawlhom din l-allowance ikunu ġew fis-seħħ, għandhom jiġu annullati.

F’dan ir-rigward, li wieħed jirrakkomanda l-inapplikabbiltà tal-Artikolu 56a tar-Regolamenti tal-persunal minħabba li x-xogħol permanenti jew bis-shift tal-uffiċjali ma jirriżultax minn deċiżjonijiet formali ta’ din l-istituzzjoni huwa abbużiv.

Bl-istess mod, il-fatt li l-imsemmija uffiċjali ma jagħmlux sigħat addizzjonali u jkollhom ħinijiet tax-xogħol fil-ġimgħa li jkunu inqas mill-ħinijiet tax-xogħol normali ta’ din l-istituzzjoni ma jistax jaffettwa d-dritt għall-allowance prevista fl-Artikolu 56a tar-Regolamenti tal-Persunal. Fil-fatt, din id-dispożizzjoni la teżiġi li jinħadmu sigħat addizzjonali u lanqas li jkun hemm ħinijiet tax-xogħol fil-ġimgħa li jkunu ugwali għall-ħinijiet tax-xogħol normali ta’ din l-istituzzjoni. F’kull każ, u fid-dawl tal-inkonvenjenzi fuq livell personali u familjari li l-ħinijiet tax-xogħol fil-ġimgħa ta’ xogħol permanenti jew bis-shift jinvolvu, id-differenza ta’ 7.5 sigħat li tiddistingwi l-ħinijiet tax-xogħol fil-ġimgħa normali fi ħdan din l-istituzzjoni minn dawk implementati għaċ-ċentrali telefonika ma hijiex irraġonevoli.

(ara l-punti 21 sa 23)