Language of document :

Appell ippreżentat fit-30 ta’ Settembru 2022 minn Grail LLC mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla Estiża) fit-13 ta’ Lulju 2022 fil-Kawża T-227/21, Illumina vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-625/22 P)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Appellant: Grail LLC (rappreżentanti: D. Little, Solicitor, J. Ruiz Calzado, J. M. Jiménez Laiglesia, abogados, A. Giraud, avocat, S. Troch, advocaat)

Partijiet oħra fil-proċedura: Illumina, Inc., Il-Kummissjoni Ewropea, Ir-Repubblika Ellenika, Ir-Repubblika Franċiża, Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, L-Awtorità tas-Sorveljanza EFTA

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tħassar u tannulla s-sentenza appellata;

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2847 final tad-19 ta’ April 2021, Każ COMP/M.10188 – Illumina vs Grail; id-deċiżjonijiet magħquda tal-Kummissjoni C(2021) 2848 final, C(2021) 2849 final, C(2021) 2851 final, C(2021) 2854 final u C(2021) 2855 final tad-19 ta’ April 2021 kif ukoll id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Marzu 2021 li tinforma lil Illumina u GRAIL li l-Kummissjoni kienet irċeviet referenza u li, b’konformità mal-Artikolu 22(4), Illumina u GRAIL ma setgħux jimplementaw il-konċentrazzjoni abbażi tal-Artikolu 7 tar-Regolament KE dwar il-konċentrazzjonijiet1 ;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tagħha kif ukoll għall-ispejjeż tal-appellanti, kemm għal din il-proċedura kif ukoll għall-proċedura quddiem il-Qorti Ġenerali;

tieħu kwalunkwe miżura oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis xierqa.

Aggravji u argumenti prinċipali

GRAIL tinvoka tliet aggravji insostenn tal-appell tagħha. L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi li twettqu fil-kuntest tal-interpretazzjoni storika, kuntestwali u teleoloġika tal-Artikolu 22 tar-Regolament KE dwar il-konċentrazzjoni li tinsab fis-sentenza appellata sa fejn ġie konkluż li l-Istati Membri jistgħu jagħmlu referenza abbażi ta’ din id-dispożizzjoni indipendentement mill-portata tal-leġiżlazzjoni nazzjonali fil-qasam tal-kontroll tal-konċentrazzjonijiet. It-tieni aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali fis-sens li i) ma ġibdet ebda konsegwenza legali mill-konstatazzjoni korretta tal-“perijodu ta’ żmien mhux raġonevoli” tal-Kummissjoni sabiex tibgħat lill-Istati Membri kollha l-ittra ta’ stedina relatata mal-akkwist minn Illumina tal-kontroll esklużiv ta’ GRAIL, u ii) sa fejn l-evalwazzjoni tagħha wasslet għall-konklużjoni li l-Kummissjoni ma kinitx kisret id-drittijiet tad-difiża tal-partijiet matul il-proċedura li waslet għall-adozzjoni tal-ittra ta’ stedina u fl-aħħar mill-aħħar tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2847. Fl-aħħar nett, it-tielet aggravju huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi mwettqa fl-evalwazzjoni tal-aspettattivi leġittimi u taċ-ċertezza legali li jirriżultaw mill-garanziji inkundizzjonali u preċiżi mogħtija mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni/viċi-Presidenta tal-Kummissjoni rigward il-mument u l-mod kif ir-reevalwazzjoni tal-applikazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament KE fuq il-konċentrazzjonijiet ser tiġi implimentata.

____________

1 Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).