Language of document : ECLI:EU:C:2023:227

DIGRIET TAL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA

10 ta’ Marzu 2023 (*)

“Appell – Intervent – It-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea – Interess fis-soluzzjoni tat-tilwima – Kompetizzjoni – Konċentrazzjonijiet – Suq tal-industrija farmaċewtika – Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li teżamina operazzjoni ta’ konċentrazzjoni rreferita mill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ Stat Membru – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li taċċetta li Stati Membri oħra jingħaqdu mat-talba inizjali għal referenza – Assoċjazzjoni professjonali mhux rappreżentattiva tas-settur ikkonċernat – Ċaħda”

Fil-Kawża C‑625/22 P,

li għandha bħala suġġett appell skont l-Artikolu 56 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ippreżentat fit‑30 ta’ Settembru 2022,

Grail LLC, stabbilita f’Menlo Park (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn A. Giraud, avocat, J. M. Jiménez‑Laiglesia Oñate, abogado, D. Little, solicitor, J. Ruiz Calzado, abogado, u S. Troch, advocaat,

rikorrenti,

il-partijiet l-oħra fil-kawża li huma:

Illumina Inc., stabbilita f’San Diego (l-Istati Uniti), irrappreżentata minn D. Beard, BL, J. Blanco, abogada, B. Cullen, BL, F. González Díaz, abogado, J. Holmes, barrister, G. Rizza u M. Siragusa, avvocati,

rikorrenti fl-ewwel istanza,

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn G. Conte, N. Khan u C. Urraca Caviedes, bħala aġenti,

konvenuta fl-ewwel istanza,

Ir-Repubblika Ellenika,

Ir-Repubblika Franċiża, irrappreżentata minn T. Stéhelin u N. Vincent, bħala aġenti,

Ir-Renju tal-Pajjiżi l-Baxxi, irrappreżentat minn M. K. Bulterman u P. P. Huurnink, bħala aġenti,

L-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-EFTA, irrappreżentata minn C. Simpson, M. Sánchez Rydelski u M.‑M. Joséphidès, bħala aġenti,

intervenjenti fl-ewwel istanza,

IL-PRESIDENT TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,

wara li ra l-proposta ta’ N. Wahl, Imħallef Relatur,

wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, N. Emiliou,

jagħti l-preżenti

Digriet

1        Permezz tal-appell tagħha, Grail LLC titlob l-annullament tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tat‑13 ta’ Lulju 2022, Illumina vs Il-Kummissjoni (T‑227/21, EU:T:2022:447), li biha din tal-aħħar ċaħdet ir-rikors intiż għall-annullament, l-ewwel, tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2021) 2847 final tad‑19 ta’ April 2021 li tilqa’ t-talba tal-Awtorità tal-Kompetizzjoni Franċiża sabiex teżamina l-operazzjoni ta’ konċentrazzjoni intiża għall-akkwist minn Illumina, Inc. tal-kontroll esklużiv ta’ Grail, Inc. (Każ COMP/M.10188 – Illumina/Grail), it-tieni, tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni C(2021) 2848 final, C(2021) 2849 final, C(2021) 2851 final, C(2021) 2854 final u C(2021) 2855 final, tad‑19 ta’ April 2021, li jilqgħu t-talbiet tal-Awtoritajiet tal-Kompetizzjoni Griegi, Belġjani, Norveġiżi, Islandiżi u Olandiżi sabiex jingħaqdu ma’ din it-talba għal referenza, kif ukoll, it-tielet, tal-ittra tal-Kummissjoni tal‑11 ta’ Marzu 2021 li biha għarrfet lil Illumina u lil Grail bl-imsemmija talba għal referenza.

2        Permezz ta’ atti ppreżentati fir-Reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid‑9 ta’ Jannar 2023, l-association française des juristes d’entreprise (l-Assoċjazzjoni Franċiża tal-Avukati tal-Impriżi (AFJE)) u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Avukati tal-Impriżi (AEJE) talbu, abbażi tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kif ukoll tal-Artikoli 130 u 190 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja, li jiġu ammessi jintervjenu f’din il-kawża insostenn tat-talbiet ta’ Grail.

3        Wara li, konformement mal-Artikolu 131(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 190(1) tal-istess regoli, japplika għall-proċedura ta’ appell, it-talbiet għal intervent imressqa mill-AFJE u l-AEJE ġew innotifikati lill-partijiet mir-Reġistratur tal-Qorti tal-Ġustizzja, Illumina, Grail u l-Kummissjoni Ewropea ppreżentaw osservazzjonijiet dwar dawn it-talbiet fit-terminu stabbilit.

4        Filwaqt li Illumina u Grail indikaw li kienu favur dawn it-talbiet għal intervent, il-Kummissjoni, min-naħa tagħha, talbet li l-imsemmija talbiet ma jintlaqgħux.

 Fuq ittalbiet għal intervent

5        Bis-saħħa tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, kull persuna li tista’ turi li għandha interess fis-soluzzjoni ta’ tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, ħlief tilwima bejn Stati Membri, bejn istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea jew bejn dawn l-Istati, minn naħa, u l-imsemmija istituzzjonijiet, min-naħa l-oħra, għandha d-dritt tintervjeni f’din it-tilwima.

6        Skont ġurisprudenza stabbilita, il-kunċett ta’ “interess fis-soluzzjoni ta’ tilwima”, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, għandu jiġi mfisser fid-dawl tas-suġġett tat-tilwima u għandu jinftiehem bħala interess dirett u attwali fl-eżitu tat-talbiet innifishom, u mhux bħala interess fir-rigward tal-motivi jew tal-argumenti mressqa. Fil-fatt, il-kliem “soluzzjoni tat-tilwima” jirreferu għad-deċiżjoni finali mitluba, kif stabbilita fid-dispożittiv tas-sentenza li għandha tingħata (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑7 ta’ Frar 2019, Bayer CropScience u Bayer vs Il-Kummissjoni, C‑499/18 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:107, punt 5, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

7        F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi vverifikat jekk min iressaq it-talba għal intervent huwiex affettwat direttament mill-att ikkontestat u jekk l-interess tiegħu fl-eżitu tat-tilwima huwiex wieħed ċert. Issa, bħala prinċipju, interess fis-soluzzjoni tat-tilwima jista’ biss jitqies li huwa suffiċjentement dirett sa fejn din is-soluzzjoni tkun ta’ natura li tbiddel il-pożizzjoni ġuridika ta’ min iressaq it-talba għal intervent (digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑27 ta’ Frar 2019, Uniwersytet Wrocławski u l-Polonja vs REA, C‑515/17 P u C‑561/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:174, punt 8, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

8        Madankollu, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li assoċjazzjoni professjonali rappreżentattiva, li l-għan tagħha huwa li tipproteġi l-interessi tal-membri tagħha, tista’ tiġi ammessa tintervjeni fejn it-tilwima tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju ta’ natura li jaffettwaw l-imsemmija interessi (digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Ville de Paris et, C‑179/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:836, punt 7, kif ukoll tal‑1 ta’ Settembru 2022, Google u Alphabet vs Il-Kummissjoni, mhux ippubblikat, EU:C:2022:667, C‑48/22 P, punt 7, kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata). Għaldaqstant, ir-rekwiżit li tali assoċjazzjoni għandu jkollha interess dirett u attwali fis-soluzzjoni tat-tilwima għandu jitqies li huwa ssodisfatt fejn din l-assoċjazzjoni tistabbilixxi li hija tinsab f’tali sitwazzjoni, u dan indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk is-soluzzjoni tat-tilwima hijiex ta’ natura li tbiddel il-pożizzjoni ġuridika tal-assoċjazzjoni bħala tali.

9        Fil-fatt, l-għan ta’ tali interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt ta’ intervent ta’ assoċjazzjonijiet professjonali rappreżentattivi huwa li l-kuntest li fih jiġu ppreżentati l-kawżi mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun jista’ jiġi evalwat aħjar, filwaqt li tiġi evitata multipliċità ta’ interventi individwali li jdgħajfu l-effiċjenza u jfixklu l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura (ara, f’dan is-sens, id-digrieti tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tas‑17 ta’ Ġunju 1997, National Power u PowerGen vs Il-Kummissjoni, C‑151/97 P(I) u C‑157/97 P(I), EU:C:1997:307, punt 66, kif ukoll tal‑1 ta’ Ottubru 2019, Il-Kummissjoni vs Ville de Paris et, C‑179/19 P, mhux ippubblikat, EU:C:2019:836, punt 12). Madankollu, b’differenza minn persuni fiżiċi u ġuridiċi li jaġixxu f’isimhom stess, l-assoċjazzjonijiet professjonali rappreżentattivi jistgħu jitolbu li jintervjenu f’tilwima mressqa quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jiddefendu l-interessi kollettivi tal-membri tagħhom u mhux sabiex jiddefendu l-interessi individwali. Fil-fatt, l-intervent ta’ tali assoċjazzjoni joffri perspettiva ġenerali ta’ dawn l-interessi kollettivi, affettwati minn kwistjoni ta’ prinċipju li minnha tiddependi s-soluzzjoni tat-tilwima, u huwa għalhekk ta’ natura li bih il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tevalwa aħjar il-kuntest li fih kawża tkun tressqet quddiemha.

10      Għaldaqstant, konformement mal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 8 ta’ dan id-digriet u, b’mod iktar preċiż, kif jirriżulta wkoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali (ara d-digriet tal-President tat-Tielet Awla Estiża tas‑6 ta’ Ottubru 2021, Illumina vs Il-Kummissjoni, T‑227/21, EU:T:2021:672, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata), assoċjazzjoni tista’ tiġi ammessa tintervjeni f’kawża jekk, l-ewwel, hija tirrappreżenta numru kbir ta’ impriżi attivi fis-settur ikkonċernat, jekk, it-tieni, l-għan tagħha jinkludi l-protezzjoni tal-interessi tal-membri tagħha, jekk, it-tielet, il-kawża tista’ tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju li jaffettwaw il-funzjonament tas-settur ikkonċernat u jekk, għalhekk, ir-raba’, l-interessi tal-membri tagħha jistgħu jiġu affettwati b’mod sinjifikattiv mis-sentenza li għandha tingħata.

11      Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, li hemm lok li jiġi kkonfermat jekk għandhiex tkun eżaminata l-fondatezza tat-talbiet għal intervent imressqa mill-AFJE u l-AEJE.

12      Insostenn tat-talbiet tagħhom, l-AFJE u l-AEJE jsostnu, l-ewwel, li huma jirrappreżentaw numru kbir ta’ membri attivi fis-settur ekonomiku affettwat mill-konċentrazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża. Fil-fatt, l-AFJE tirrappreżenta l-korp kollu tal-avukati tal-kumpanniji preżenti fit-territorju Franċiż u tkopri s-setturi kollha tal-ekonomija Franċiża. Fir-rigward tal-AEJE, din hija l-organizzazzjoni ewlenija ta’ 22 assoċjazzjoni Ewropea ta’ avukati ta’ kumpanniji u tirrappreżenta għalhekk l-interessi komuni tal-assoċjazzjonijiet tal-avukati tal-kumpanniji li jkopru s-setturi kollha tal-ekonomija Ewropea. It-tieni, l-AFJE u l-AEJE, li l-għan tagħhom huwa li jżommu l-istat tad-dritt u li jħarsu l-prinċipju ta’ ċertezza legali fl-Ewropa, huma inkarigati jiddefendu u jipproteġu l-interessi tal-membri tagħhom. It-tielet, din il-kawża tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikolu 22 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal‑20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40), li jaffettwaw it-tranżazzjonijiet ġuridiċi ta’ diversi setturi ekonomiċi. Ir-raba’, jeżisti r-riskju li l-interessi rrappreżentati mill-AFJE u l-AEJE jkunu affettwati b’mod sinjifikattiv mill-eżitu tal-appell. B’mod partikolari, fir-rigward ta’ operazzjonijiet ta’ konċentrazzjoni, l-avukati tal-kumpanniji għandhom ikunu jistgħu jimplimentaw proċeduri ċari u prevedibbli sabiex jiġi evitat li l-impriżi li jimpjegawhom jitqiegħdu f’diffikultà minn regolatur inkarigat jivverifika dawk l-operazzjonijiet jew jkunu mġiegħla jwaqqfu operazzjoni diġà mibdija, jew saħansitra magħluqa.

13      Madankollu, dan l-argument ma jistax jippermetti li jintlaqgħu dawn it-talbiet għal intervent.

14      Fl-ewwel lok, l-AFJE u l-AEJE ma jistabbilixxux li l-interessi tagħhom jew dawk tal-membri tagħhom ser ikunu affettwati mis-soluzzjoni ta’ din it-tilwima fis-sens tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 6 u 7 ta’ dan id-digriet. B’hekk, fid-dawl tal-fatt li la dawn l-assoċjazzjonijiet u lanqas il-membri tagħhom ma huma affettwati mill-konċentrazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, fatt li, barra minn hekk, huma ma jallegawx, id-dispożittiv tas-sentenza li għandha tingħata ma jistax ikollu effett dirett u attwali fuq is-sitwazzjoni ġuridika tagħhom.

15      Fit-tieni lok, l-AFJE u l-AEJE ma jistabbilixxux li, l-ewwel, konformement mal-prinċipji mfakkra fil-punt 10 ta’ dan id-digriet, huma rappreżentattivi ta’ numru kbir ta’ impriżi attivi fis-settur affettwat mill-konċentrazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża, it-tieni, li din tal-aħħar tista’ tqajjem kwistjonijiet ta’ prinċipju li jaffettwaw il-funzjonament ta’ dan is-settur u t-tielet, li l-interessi tal-membri tagħhom jistgħu jiġu affettwati b’mod sinjifikattiv mis-sentenza li għandha tingħata.

16      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li l-konċentrazzjoni inkwistjoni f’din il-kawża tikkonċerna s-settur tat-testijiet tad-demm ta’ screening bikri tal-kanċer li jużaw il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ sekwenzjar ġenomiku (next-generation sequencing, imsejħa “NGS”) u, b’mod iktar wiesa’, is-settur farmaċewtiku u/jew is-settur tal-apparati mediċi.

17      F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li għalkemm, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 9 ta’ dan id-digriet, l-għan tal-interpretazzjoni wiesgħa tad-dritt ta’ intervent tal-assoċjazzjonijiet professjonali rappreżentattivi huwa li l-kuntest li fih jiġu ppreżentati l-kawżi mressqa quddiem il-qorti tal-Unjoni jkun jista’ jiġi evalwat aħjar, filwaqt li tiġi evitata multipliċità ta’ interventi individwali li jdgħajfu l-effiċjenza u jfixklu l-iżvolġiment tajjeb tal-proċedura, din, madankollu, ma għandhiex ukoll l-għan li tippermetti l-intervent ta’ assoċjazzjonijiet mhux rappreżentattivi u li għandhom biss interess indirett u ipotetiku fis-soluzzjoni tat-tilwima.

18      Kieku l-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta li, abbażi ta’ raġunijiet bħal dawk imressqa mill-AFJE u l-AEJE, assoċjazzjoni li tirrappreżenta avukati ta’ impriża tista’ tintervjeni f’każ bħal dak inkwistjoni, minn dan ikun jirriżulta li tali assoċjazzjoni tkun f’pożizzjoni li tintervjeni fil-biċċa l-kbira tal-proċeduri li jiżvolġu quddiem il-qrati tal-Unjoni li jinvolvu l-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni li taqa’ fil-qasam tal-kompetizzjoni, peress li raġunijiet simili dejjem ikunu jistgħu jitressqu fi proċeduri ta’ dan it-tip.

19      Għaldaqstant, fid-dawl ta’ dak li diġà ntqal, għandu jiġi konkluż li, indipendentement mill-kwistjoni dwar jekk l-AFJE u l-AEJE jikkostitwixxux assoċjazzjonijiet professjonali rappreżentattivi u jekk l-għan tagħhom jinkludix il-protezzjoni tal-interessi tal-membri rispettivi tagħhom, dawn ma wrewx li għandhom interess fis-soluzzjoni tat-tilwima fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Konsegwentement, it-talbiet tagħhom għal intervent għandhom jiġu miċħuda.

20      Din il-konklużjoni ma hijiex ikkontestata minħabba l-fatt li l-qrati tal-Unjoni awtorizzaw, f’ċerti kawżi, l-intervent ta’ assoċjazzjonijiet professjonali li jirrappreżentaw avukati u konsulenti legali, peress li dawn il-kawżi kienu jikkonċernaw kwistjonijiet ta’ prinċipju li setgħu jaffettwaw l-interessi tal-membri tagħhom. F’dan ir-rigward, għandu, b’mod partikolari, jiġi osservat li l-kwistjoni ta’ liġi mqajma fil-kawża li tat lok għad-digriet tal-President tal-Qorti tal-Ġustizzja tal‑5 ta’ Lulju 2018, Uniwersytet Wrocławski u l-Polonja vs REA (C‑515/17 P u C‑561/17 P, mhux ippubblikat, EU:C:2018:553), kienet tikkonċerna l-osservanza tal-kundizzjoni ta’ indipendenza meħtieġa fil-każ ta’ rappreżentanza legali ta’ parti minn konsulent legali quddiem il-qrati tal-Unjoni, li huwa marbut ma’ din il-parti permezz ta’ kuntratt irregolat mid-dritt ċivili, relatat ma’ servizzi pprovduti bħala għalliem estern, u li għalhekk din kienet tikkostitwixxi kwistjoni ta’ prinċipju li tista’ taffettwa l-interessi ta’ assoċjazzjoni professjonali li tirrappreżenta l-konsulenti legali.

21      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-AFJE u l-AEJE ma wrewx li għandhom interess fis-soluzzjoni tat-tilwima fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 40 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u li, għaldaqstant, it-talbiet għal intervent imressqa minnhom għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq lispejjeż

22      Skont l-Artikolu 138(1) tar-Regoli tal-Proċedura, li, bis-saħħa tal-Artikolu 184(1) tal-istess regoli, japplika għall-proċedura tal-appell, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li t-talbiet tal-AFJE u l-AEJE għal intervent ma ntlaqgħux u l-Kummissjoni talbet li jkunu kkundannati għall-ispejjeż, huma għandhom ibatu l-ispejjeż relatati ma’ dawn it-talbiet għal intervent.

Għal dawn il-motivi, il-President tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:

1)      It-talbiet għal intervent imressqa mill-association française des juristes d’entreprise (AFJE) u mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Avukati tal-Impriżi (AEJE) huma miċħuda.

2)      L-Assoċjazzjoni Franċiża tal-Avukati tal-Impriżi (AFJE) u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Avukati tal-Impriżi (AEJE) għandhom ibatu l-ispejjeż relatati ma’ dawn it-talbiet għal intervent.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.