Language of document : ECLI:EU:C:2022:589

KONKLUŻJONIJIET TAL-AVUKAT ĠENERALI

COLLINS

ippreżentati fl‑14 ta’ Lulju 2022(1)

Kawża C332/21

Quadrant Amroq Beverages SRL

vs

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală – Direcţia Generală de Administrare a Marilor Contribuabili

(Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija))

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Dazju tas-sisa – Direttiva 92/83/KEE – Artikolu 27(1)(e) – Alkoħol etiliku – Eżenzjonijiet – Produzzjoni ta’ ħwawar użati fil-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum – Rikonoxximent mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ eżenzjoni mogħtija mill-Istat Membru ta’ produzzjoni – Kundizzjonijiet imposti mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni”






I.      Introduzzjoni

1.        Din it-talba għal deċiżjoni preliminari mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija) oriġinat fil-kuntest ta’ rikors minn Quadrant Amroq Beverages SRL (iktar ’il quddiem ir-“rikorrenti”) għall-annullament ta’ deċiżjonijiet tal-Agenția Națională de Administrare Fiscală – Direcția Generală de Administrare a Marilor Contribuabili (l-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni Fiskali Nazzjonali ‐ id-Direttorat Ġenerali għall-Amministrazzjoni tal-Kontribwenti l-Kbar, ir-Rumanija) li ċaħdu t-talbiet tagħha għar-rimbors ta’ dazji tas-sisa mħallsa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 (2).

2.        Ir-rikorrenti xtrat ħwawar għall-użu għall-preparazzjoni ta’ xorb rinfreskanti fir-Rumanija mingħand produttur fl-Irlanda. Hija kienet fehmet li l-alkoħol etiliku użat għall-produzzjoni tal-ħwawar ġie rrilaxxat għall-konsum fl-Irlanda u kien ġie eżentat mid-dazju tas-sisa skont il-leġiżlazzjoni Irlandiża li timplimenta l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83. Din id-dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni Ewropea teżenta mid-dazju tas-sisa l-alkoħol etiliku “użat għall-produzzjoni ta’ essenzi għall-preparazzjonijiet […] tax-xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1,2 % vol.” L-Irlanda teżenta l-alkoħol etiliku li huwa maħsub għall-użu, jew li diġà ntuża, fil-produzzjoni ta’ tali ħwawar. Ir-Rumanija teżenta biss l-alkoħol etiliku maħsub għall-użu fil-produzzjoni tal-ħwawar.

3.        Dawn il-konklużjonijiet jirrigwardaw il-kamp ta’ applikazzjoni tal-eżenzjoni mogħtija mill-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, iċ-ċirkustanzi li fihom Stat Membru ta’ destinazzjoni għandu jirrikonoxxi eżenzjoni li Stat Membru ieħor ikun ta skont din id-dispożizzjoni u l-punt sa fejn Stat Membru li tintbagħat il-merkanzija lejh jista’ jimponi rekwiżiti proċedurali fuq l-operaturi ekonomiċi li jkunu kisbu l-benefiċċju ta’ din l-eżenzjoni.

II.    Ilkuntest ġuridiku

A.      Iddritt talUnjoni

1.      IdDirettiva 92/83

4.        Id-Direttiva 92/83 tinkludi dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tal-istrutturi tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku.

5.        Skont l-Artikolu 19(1) tagħha, l-Istati Membri għandhom japplikaw id-dazju tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku skont id-Direttiva 92/83.

6.        L-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 jiddefinixxi l-alkoħol etiliku bħala:

“il-prodotti kollha b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l‑1,2 % volum u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2207 u 2208, anki fejn dawn il-prodotti jifformaw parti ta’ prodott li jaqa’ taħt Kapitolu ieħor tan-NM,

[…]”

7.        Skont tal-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83:

“L-Istati Membri għandhom jeżentaw il-prodotti koperti b’din id-Direttiva mis-sisa armonizzata taħt il-kondizzjonijiet li għandhom jistipulaw għall-iskop li tkun assigurata l-aplikazzjoni korretta u ħafifa ta’ dawn l-eżenzjonijiet u li tkun ipprevenuta xi evażjoni, ħelsien jew abbuż:

[…]

(e)      meta użat għall-produzzjoni ta’ essenzi għall-preparazzjonijiet ta’ l-ikel u tax-xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1,2 % vol.”

2.      IdDirettiva 2008/118

8.        L-Artikolu 7(1) tad-Direttiva 2008/118/KE (3) jistabbilixxi:

“Id-dazju tas-sisa għandu jsir imponibbli fil-ħin, u fl-Istat Membru, tar-rilaxx għall-konsum.”

9.        L-Artikolu 7(2) tad-Direttiva 2008/118 jiddefinixxi r-“rilaxx għall-konsum” kif ġej:

“(a)      it-tluq ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż it-tluq irregolari, minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

(b)      iż-żamma ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa barra minn arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju fejn id-dazju tas-sisa ma jkunx inġabar skont id-dispożizzjonijiet applikabbli tad-dritt Komunitarju u l-leġislazzjoni nazzjonali;

(ċ)      il-produzzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluża l-produzzjoni irregolari, barra minn arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju;

(d)      l-importazzjoni ta’ prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa, inkluż l-importazzjoni irregolari, sakemm il-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa ma jitqegħdux, immedjatament mal-importazzjoni, taħt arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju.”

B.      Iddritt Rumen

10.      L-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni Ewropea jistabbilixxu d-dispożizzjonijiet segwenti tad-dritt Rumen.

11.      L-Artikolu 20658 tal-Legea nr. 571 din 22 decembrie 2003 privind Codul fiscal (il-Liġi Nru 571/2003 tat‑22 ta’ Diċembru 2003 dwar il-Kodiċi Fiskali) (4), fis-seħħ sal‑31 ta’ Diċembru 2015, li l-formulazzjoni tiegħu hija riprodotta fl-Artikolu 397(1) (5) tal-Legea nr. 227 din 8 septembrie 2015 privind codul fiscal (il-Liġi Nru 227 tat‑8 ta’ Settembru 2015 dwar il-Kodiċi Fiskali), applikabbli mis-sena 2016 (6) (iktar ’il quddiem il-“Kodiċi Fiskali”), jipprevedi:

“(1)      L-alkoħol etiliku u l-prodotti alkoħoliċi l-oħra msemmija fl-Artikolu 2062(a) huma eżentati mid-dazju tas-sisa meta dawn ikunu:

[…]

(e)      użati għall-produzzjoni ta’ ħwawar tal-ikel maħsuba għall-preparazzjoni ta’ ikel jew ta’ xorb mhux alkoħoliku b’kontenut alkoħoliku li ma jaqbiżx il‑1.2 % fil-volum;”

12.      Ir-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 20658 [tal-Kodiċi Fiskali] jipprevedu:

13.      “[…]

(13)      Fil-każijiet kollha msemmija fl-Artikolu 20658(1) tal-Kodiċi Fiskali, l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa tingħata biss lill-utent, bil-kundizzjoni li l-kunsinna ssir direttament minn maħżen tat-taxxa.

(14)      Meta utent jagħmel xiri intra-Komunitarju ta’ alkoħol etiliku sabiex jużah għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 20658(1)(b) sa (i) tal-Kodiċi Fiskali, dan l-utent għandu wkoll ikun destinatarju rreġistrat.

[…]

(16)      Eżenzjoni għandha tingħata direttament:

(a)      fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20659(1)(d), (f), (g) u (h) tal-Kodiċi Fiskali;

(b)      fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20658(1)(a), (b), (c) u (e) tal-Kodiċi Fiskali, għall-magazziniera awtorizzati li joperaw fi ħdan sistema integrata. ‘Sistema integrata’ tfisser l-użu tal-alkoħol etiliku u prodotti alkoħoliċi oħra minn magazziniera għall-produzzjoni ta’ prodotti lesti maħsuba għall-konsum bħala tali, mingħajr ma jkunu suġġetti għal iktar bidliet. […]

(17)      Fil-każijiet kollha li jinvolvu eżenzjoni diretta, l-eżenzjoni għandha tingħata fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni tal-utenti finali. Din l-awtorizzazzjoni għandha tingħata lill-utenti kollha li jixtru prodotti eżentati mid-dazju tas-sisa.

[…]

(34)      Fil-każijiet kollha ta’ eżenzjoni diretta, il-prezzijiet għall-kunsinna tal-prodotti ma għandhomx jinkludu d-dazju tas-sisa u ċ-ċirkulazzjoni tagħhom għandha tkun akkumpanjata minn kopja stampata tad-dokument amministrattiv elettroniku msemmi fil-punt 91.

[…]

(37)      Fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 20658(1)(a), (b), (c), (e) u (i) tal-Kodiċi Fiskali, għandha tingħata eżenzjoni indirettament. Il-prezzijiet tal-kunsinna tal-prodotti għandhom jinkludu d-dazju tas-sisa, u li wara ssir il-kunsinna l-operaturi ekonomiċi li huma utenti jistgħu jitolbu kumpens jew rimbors tad-dazju tas-sisa skont id-dispożizzjonijiet tal-[Codul de procedură fiscală (il-Kodiċi ta’ Proċedura Fiskali)].

(38)      Għar-rimbors tad-dazju tas-sisa, l-utenti għandhom jippreżentaw lill-awtorità fiskali territorjali, fuq bażi mensili, mhux iktar tard mill-ħamsa u għoxrin jum tax-xahar ta’ wara dak li għalih ikun intalab ir-rimbors, talba għal rimbors tad-dazju tas-sisa, flimkien ma’:

(a)      kopja tal-fattura għax-xiri ta’ alkoħol etiliku u/jew ta’ prodott alkoħoliku ieħor, fejn id-dazju tas-sisa huwa enfasizzat separatament;

(b)      il-prova tal-ħlas tad-dazju tas-sisa lill-fornitur, jiġifieri dokument ta’ ħlas ikkonfermat mill-bank li l-utent fetaħ kont miegħu;

(c)      prova tal-kwantità użata għall-għan li għalih ingħatat l-eżenzjoni, jiġifieri sommarju tal-kwantitajiet attwalment użati u d-dokumenti relatati.”

14.      Ir-regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tal-Artikolu 397 tal-Kodiċi Fiskali jipprevedu:

“81.      (1)      F’sitwazzjonijiet li jinvolvu eżenzjoni diretta, għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 397(1) tal-Kodiċi Fiskali, l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għandha tingħata biss lill-utent, bil-kundizzjoni li l-kunsinna ssir direttament minn maħżen tat-taxxa, mix-xiri intra-Komunitarju tal-utent innifsu jew mit-tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni tal-utent innifsu.

(2)      F’sitwazzjonijiet li jinvolvu eżenzjoni indiretta, għall-prodotti msemmija fl-Artikolu 397(1) tal-Kodiċi Fiskali, l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għandha tingħata biss lill-utent, bil-kundizzjoni li l-kunsinna ssir direttament minn maħżen tat-taxxa, minn destinatarju rreġistrat jew mit-tranżazzjonijiet ta’ importazzjoni tal-utent innifsu. Destinatarju rreġistrat li jikkunsinna prodotti maħsuba sabiex jintużaw għal għan eżentat mid-dazju tas-sisa għandu jenfasizza, fil-fattura, il-valur ekwivalenti għad-dazju tas-sisa mħallas għall-baġit tal-Istat.

(3)      Meta utent jagħmel xiri intra-Komunitarju ta’ alkoħol etiliku sabiex jintuża għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 397(1)(b) sa (i) tal-Kodiċi Fiskali, dan l-utent għandu wkoll ikun destinatarju rreġistrat.

(4)      Meta l-alkoħol etiliku jiġi importat minn pajjiż terz sabiex jintuża għall-finijiet imsemmija fl-Artikolu 397(1)(b) sa (i) tal-Kodiċi Fiskali, l-importatur għandu wkoll ikun utent tal-materja prima.

82.      (1)      Eżenzjoni mid-dazju tas-sisa għandha tingħata direttament:

(a)      fis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 397(1)(d) u (f) tal-Kodiċi Fiskali;

(b)      fis-sitwazzjoni msemmija fl-Artikolu 397(1)(b) tal-Kodiċi Fiskali, għall-produzzjoni ta’ alkoħol sanitarju biss;

(c)      fil-każijiet imsemmija fl-Artikolu 397(1)(a), (c) u (e) tal-Kodiċi Fiskali.

(2)      Huma biss il-magazziniera awtorizzati li joperaw fi ħdan sistema integrata li għandhom jibbenefikaw mill-eżenzjoni diretta msemmija fil-punti (b) u (c) tal-paragrafu 1. ‘Sistema integrata’ tfisser l-użu ta’ alkoħol etiliku u prodotti oħra alkoħoliċi, fil-maħżen tat-taxxa li fih ġew prodotti dawn il-prodotti, għall-produzzjoni ta’ prodotti lesti li għandhom jiġu kkunsmati bħala tali, mingħajr ma jiġu suġġetti għal ebda tibdil ulterjuri.

(3)      Fis-sitwazzjonijiet kollha li jinvolvu eżenzjoni diretta, l-eżenzjoni għandha tingħata fuq il-bażi ta’ awtorizzazzjoni tal-utent finali.”

C.      Iddritt Irlandiż

15.      L-Artikolu 77(a)(iii) tal-Liġi dwar il-Finanzi tal‑2003 jittrasponi l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 fid-dritt tal-Irlanda. Huwa jipprevedi li:

“Bla ħsara għal kull tnaqqis ieħor mid-dazju tas-sisa li jista’ japplika, u taħt il-kundizzjonijiet li l-Kummissarji jistgħu jippreskrivu jew jimponu b’xi mod ieħor, għandu jingħata tnaqqis mit-taxxa fuq il-prodotti alkoħoliċi għall-prodotti alkoħoliċi kollha li jintwerew għas-sodisfazzjon tal-Kummissarji:

(a)      li huma maħsuba għall-użu jew ikunu ntużaw għall-produzzjoni ta’ –

[…]

(iii) ħwawar għall-preparazzjoni ta’ ikel jew ta’ xorb li ma jeċċedix il‑1.2 % fil-vol.

[…]”

III. Ittilwima filkawża prinċipali u ddomandi preliminari

16.      Fuq il-bażi tad-deċiżjoni tar-rinviju, l-opinjoni dwar id-dritt tal-Irlanda li r-rikorrenti kienet permessa tissottometti lill-qorti tar-rinviju u l-osservazzjonijiet bil-miktub tar-rikorrenti, il-fatti u l-kuntest tat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju jinftiehmu li huma s-segwenti.

17.      Concentrate Manufacturing Company Ireland (iktar ’il quddiem “CMCI”) hija sussidjarja Irlandiża ta’ PepsiCo, kumpannija multinazzjonali li tipproduċi ikel u xorb. Hija tuża 100 % alkoħol etiliku mhux żnaturat għall-produzzjoni tal-ħwawar (7). Dawn għandhom kontenut alkoħoliku ta’ bejn 15 % u 62 % fil-volum u huma maħsuba għall-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku. CMCI tipproduċi l-ħwawar fl-Irlanda u tbigħhom lil sussidjarja Irlandiża oħra ta’ PepsiCo, Pepsi Ireland. Din l-aħħar kumpannija biegħet il-ħwawar lir-rikorrenti, li tużahom sabiex tagħmel xarbiet rinfreskanti fir-Rumanija. CMCI tittrasporta l-ħwawar direttament mill-Irlanda lir-rikorrenti fir-Rumanija.

18.      Skont l-opinjoni dwar id-dritt tal-Irlanda, CMCI hija magazziniera awtorizzata. Hija wkoll destinatarja awtorizzata, bl-awtorità li tirċievi mhux iktar minn 1 500 000 litru bl-ingrossa ta’ alkoħol etiliku mhux żnaturat annwalment, bla dazju, għall-użu fil-manifattura ta’ konċentrat ta’ xarbiet rinfreskanti. Hija tirċievi dan l-alkoħol fil-maħżen tat-taxxa tagħha taħt sospensjoni tad-dazju. It-tneħħija ta’ dan il-prodott mill-maħżen tat-taxxa għall-produzzjoni tal-ħwawar tikkostitwixxi rilaxx għall-konsum (8). Dan ir-rilaxx għall-konsum jeħtieġ il-ħlas tad-dazju tas-sisa kieku ma kinitx għall-eżenzjoni fl-Artikolu 77(a)(iii) tal-Att dwar il-Finanzi tal‑2003, li jittrasponi l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83.

19.      Ir-rikorrenti tispjega li, meta akkwistat il-ħwawar mingħand Pepsi Ireland, hija kienet fehmet li l-alkoħol etiliku li kien fih kien diġà ġie rrilaxxat għall-konsum fl-Irlanda, kien eżentat mid-dazju tas-sisa skont il-leġiżlazzjoni Irlandiża li tittrasponi l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 u ma kienx għadu suġġett għall-arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju u lanqas għal xi formalitajiet amministrattivi oħra relatati mad-dazju tas-sisa. Ir-rikorrenti kienet madankollu obbligata tħallas dazju tas-sisa fuq il-ħwawar mad-dħul tagħhom fir-Rumanija. Hija talbet rimbors tad-dazju tas-sisa skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83. Ir-rimbors ġie rrifjutat għal raġunijiet sostantivi u proċedurali. L-ewwel, ir-rikorrenti ma kinitx xtrat l-alkoħol etiliku għall-produzzjoni tal-ħwawar, iżda kienet xtrat il-ħwawar, li fihom l-alkoħol etiliku, għall-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku. It-tieni, il-ħwawar ma kinux ġew ittrasferiti minn maħżen tat-taxxa u r-rikorrenti ma kellhiex l-istatus ta’ destinatarja rreġistrata (iktar ’il quddiem ir-“rekwiżiti proċedurali”).

20.      Ir-rikorrenti talbet l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni Fiskali Nazzjonali Rumen li ċaħdu l-ilment tagħha u li rrifjutaw ir-rimbors tad-dazju tas-sisa.

21.      Sabiex issolvi din it-tilwima, il-qorti tar-rinviju kkunsidrat li kien neċessarju li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:

“1)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(e) tad-[Direttiva 92/83] għandhom jiġu interpretati fis-sens li jaqgħu taħt l-eżenzjoni mid-dazji tas-sisa dawk il-prodotti tat-tip tal-alkoħol etiliku biss li huma użati għall-produzzjoni ta’ ħwawar li huma min-naħa tagħhom użati fil-produzzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum, jew għandhom jiġu interpretati fis-sens li jibbenefikaw mill-imsemmija eżenzjoni anki l-prodotti tat-tip tal-alkoħol etiliku li diġà ntużaw għall-produzzjoni ta’ tali ħwawar li kienu jew li ser jintużaw għall-produzzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum?

2)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, fil-kuntest tal-għanijiet u tal-iskema ġenerali tad-Direttiva, għandhom jiġu interpretati fis-sens li, ladarba prodotti tat-tip tal-alkoħol etiliku maħsuba għall-bejgħ fi Stat Membru ieħor diġà tqiegħdu għall-konsum fl-ewwel Stat Membru, peress li huma kkunsidrati eżenti mid-dazji tas-sisa, minħabba li jintużaw għall-manifattura ta’ ħwawar użati fil-produzzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum, l-Istat Membru tad-destinazzjoni għandu jittrattahom bl-istess mod fit-territorju tiegħu?

3)      Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(e) u (2)(d) tad-Direttiva 92/83 u l-[prinċipji] ta’ effettività u ta’ [proporzjonalità] għandhom jiġu interpretati bħala li jippermettu lil Stat Membru jimponi kundizzjonijiet proċedurali, li jagħmlu l-applikazzjoni għall-eżenzjoni suġġetta għall-pussess tal-kwalità ta’ destinatarju rreġistrat mill-utent u tal-kwalità ta’ magazzinier awtorizzat tal-bejjiegħ ta’ prodotti suġġetti għad-dazji tas-sisa, anki jekk l-Istat Membru li minnu jinxtraw dawn il-prodotti ma jeħtieġx li l-operatur ekonomiku li jqiegħdhom fis-suq ikollu l-istatus ta’ maħżen tat-taxxa?

4)      Il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività, b’riferiment għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, fil-kuntest tal-għanijiet u tal-iskema ġenerali tad-Direttiva, jipprekludu ċ-ċaħda tal-eżenzjoni prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet sakemm il-persuna taxxabbli mill-Istat Membru ta’ destinazzjoni li rċieva prodotti tat-tip tal-alkoħol etiliku u li bbaża ruħu fuq il-fatt li dawn il-prodotti ġew ikkunsidrati eżenti abbażi tal-interpretazzjoni uffiċjali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istat Membru ta’ oriġini, li kienet kostanti fuq perijodu twil ta’ żmien, trasposta f’liġi nazzjonali u applikata fil-prattika, iżda li sussegwentement irriżultat żbaljata, meta l-eżistenza ta’ frodi jew l-evitar tad-dazji tas-sisa hija eskluża wara li jiġu kkunsidrati ċ-ċirkustanzi tal-każ?”

22.      Ir-rikorrenti, l-Irlanda, ir-Repubblika tal-Polonja, ir-Rumanija u l-Kummissjoni ppreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub.

IV.    Ammissibbiltà

23.      Ir-Rumanija tikkontesta l-ammissibbiltà tat-talba għal deċiżjoni preliminari minħabba li hija tikkunsidra li l-qorti tar-rinviju ma pprovdietx lill-Qorti tal-Ġustizzja l-informazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 94(c) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja (9).

24.      Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura prevista fl-Artikolu 267 TFUE hija strument ta’ kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali, li permezz tiegħu l-Qorti tal-Ġustizzja tagħti lill-qrati nazzjonali l-elementi ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li jkunu jeħtieġu sabiex jiddeċiedu l-kawża li jkollhom quddiemhom (10).

25.      Minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta wkoll li l-ħtieġa li tingħata interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni li tkun utli għall-qorti nazzjonali teżiġi li dik il-qorti tiddefinixxi l-kuntest fattwali u leġiżlattiv tad-domandi magħmula minnha jew li, minn tal-inqas, tispjega ċ-ċirkustanzi fattwali li fuqhom ikunu bbażati dawn id-domandi. Id-deċiżjoni tar-rinviju għandha barra minn dan tindika r-raġunijiet preċiżi li wasslu lill-qorti nazzjonali sabiex ikollha dubji dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni u sabiex tikkunsidra neċessarju li tagħmel domanda preliminari lill-Qorti tal-Ġustizzja (11).

26.      Huwa minnu li d-deċiżjoni tar-rinviju hija ’l bogħod milli tkun perfetta u li hemm numru ta’ lakuni u diskrepanzi fil-preżentazzjoni tal-fatti. Pereżempju, hija ma tagħmel l-ebda riferiment għad-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt Rumen, minkejja li jinsabu fl-osservazzjonijiet bil-miktub tal-Kummissjoni.

27.      Madankollu, fil-fehma tiegħi, il-qorti tar-rinviju stabbilixxiet b’mod suffiċjentement ċar ir-raġunijiet li wassluha tagħmel domandi lill-Qorti tal-Ġustizzja dwar l-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni. Barra minn hekk, id-deċiżjoni tar-rinviju tinkludi informazzjoni suffiċjenti sabiex tippermetti lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-partijiet ikkonċernati li huma intitolati jippreżentaw osservazzjonijiet li jifhmu b’mod suffiċjentement ċar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv tal-kawża prinċipali, kif jixhed in-numru ta’ parteċipanti fil-proċedura bil-miktub. In-nuqqas ta’ ċarezza fir-rigward tan-natura tar-rekwiżiti proċedurali imposti mill-awtoritajiet Rumeni lanqas ma jidher li jipprekludi lill-Qorti tal-Ġustizzja milli tipprovdi risposta utli għat-tielet domanda. Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja taċċetta u tirrispondi din it-talba għal deċiżjoni preliminari.

V.      Analiżi legali

A.      Lewwel domanda

28.      Permezz tal-ewwel domanda tagħha l-qorti tar-rinviju tistaqsi jekk l-eżenzjoni fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 tapplikax għall-alkoħol etiliku maħsub għall-produzzjoni ta’ ħwawar għall-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum jew jekk tapplikax ukoll għall-alkoħol etiliku li diġà ntuża għall-produzzjoni ta’ dawn il-ħwawar (12).

29.      L-Uffiċċju tal-Amministrazzjoni Fiskali Nazzjonali Rumen huwa tal-fehma li din l-eżenzjoni tapplika biss għall-alkoħol etiliku maħsub għall-użu fil-produzzjoni ta’ ħwawar għall-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum. Fuq din il-bażi huwa rrifjuta li jirrimborsa d-dazju tas-sisa li r-rikorrenti kienet ħallset fuq id-dħul tal-ħwawar fir-Rumanija. Ir-Rumanija tappoġġja din il-pożizzjoni. Ir-rikorrenti, l-Irlanda, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni kollha huma tal-fehma li l-eżenzjoni stabbilita mill-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 tapplika wkoll għall-alkoħol etiliku li ntuża għall-produzzjoni tal-ħwawar.

30.      L-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 jiddefinixxi l-“alkoħol etiliku” bħala “l-prodotti kollha b’qawwa alkoħolika attwali skond il-volum li teċċedi l‑1,2 % volum u li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2207 u 2208, anki fejn dawn il-prodotti jifformaw parti ta’ prodott li jaqa’ taħt Kapitolu ieħor tan-NM.” L-opinjoni dwar id-dritt tal-Irlanda tinnota li l-alkoħol etiliku inkorporat fil-ħwawar inkwistjoni kien, fiż-żmien meta ġiet adottata d-Direttiva 92/83, klassifikabbli taħt il-kodiċi NM 2207; il-ħwawar innifishom kienu jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2208 (13). Il-ħwawar jaqgħu taħt id-definizzjoni tal-alkoħol etiliku fl-ewwel inċiż tal-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 u huma suġġetti għad-dazju tas-sisa (14).

31.      Skont l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, il-prodotti koperti minn din id-direttiva huma eżentati mid-dazju tas-sisa armonizzat “meta użat[i] għall-produzzjoni ta’ essenzi […]” (15). Huwa għalhekk l-użu tal-alkoħol etiliku li jiddetermina l-applikazzjoni tal-eżenzjoni (16). Madankollu, il-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni ma hijiex nieqsa mill-ambigwità: hija tista’ tiġi interpretata li tfisser “meta jkun maħsub għall-użu fil-produzzjoni ta’ essenzi” jew “meta jkun ġie użat għall-produzzjoni ta’ essenzi” (17).

32.      Għaldaqstant, għandhom jintużaw kriterji oħra ta’ interpretazzjoni li l-Qorti tal-Ġustizzja tuża abitwalment, jiġifieri, l-għan u l-kuntest tad-dispożizzjoni inkwistjoni (18).

33.      Ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni jenfasizzaw li l-għan tal-eżenzjonijiet previsti fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 92/83 huwa li jinnewtralizzaw l-impatt tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol etiliku meta jintuża bħala prodott intermedjarju li jagħmel parti mill-kompożizzjoni ta’ prodotti oħra kummerċjali jew industrijali (19). Dan il-prodott huwa “taħwir għall-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku ta’ qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum”.

34.      Kieku kellha tipprevali l-interpretazzjoni mogħtija mir-Rumanija, dan ikun ifisser li l-alkoħol etiliku maħsub għall-produzzjoni ta’ tali ħwawar ikun eżentat mid-dazju tas-sisa, filwaqt li l-alkoħol etiliku diġà inkorporat f’dawn il-ħwawar ma jkunx. Din l-interpretazzjoni tagħti lok għar-riżultat assurd li, peress li ġie eżentat mid-dazju tas-sisa fil-fażi li dan ġie maħsub għall-produzzjoni tal-ħwawar, ladarba l-alkoħol etiliku jkun intuża għall-produzzjoni ta’ dawn il-ħwawar, dan jerġa’ jsir suġġett għad-dazju tas-sisa. Eżitu bħal dan ċertament ma jkollux l-għan li jinnewtralizza l-impatt tad-dazji tas-sisa fuq l-alkoħol użat għall-produzzjoni ta’ ħwawar għall-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum.

35.      Għaldaqstant, interpretazzjoni teleoloġika u kuntestwali tal-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 tikkonferma l-pożizzjoni meħuda mir-rikorrenti, l-Irlanda, ir-Repubblika tal-Polonja u l-Kummissjoni. Din il-pożizzjoni hija kkorroborata wkoll mil-linji gwida mhux vinkolanti adottati mill-Kumitat għad-Dazju tas-Sisa tal-Kummissjoni (20), li eżamina diversi drabi l-applikazzjoni tal-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(e).

36.      Il-Kumitat għad-Dazju tas-Sisa ppropona qabel kollox li l-Istati Membri jagħtu l-eżenzjoni meta l-ħwawar ikunu ntużaw għall-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku suġġett għall-mekkaniżmi ta’ monitoraġġ stabbiliti mill-Istati Membri (21). Iċ-ċirkulazzjoni intra-Komunitarja tal-ħwawar hija suġġetta għad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 92/12/KEE (22).

37.      Madankollu, fuq il-bażi ta’ iktar riflessjoni, il-Kumitat għad-Dazju tas-Sisa ħa inkunsiderazzjoni l-fatt li l-ħwawar huma prinċipalment użati bħala konċentrati għall-preparazzjoni ta’ xorb rinfreskanti. Peress li ma jistgħux jiġu kkunsmati f’għamla mhux dilwita, l-alkoħol jista’ jitqies bħala żnaturat. Il-ħwawar huma relattivament għoljin, ogħla mill-orħos alkoħol ikkummerċjalizzat fil-parti l-kbira tal-Istati Membri. Finalment, il-purifikazzjoni tal-ħwawar sabiex jiġi estratt l-alkoħol etiliku minnhom hija għolja ħafna. Fid-dawl ta’ dawn il-karatteristiċi, il-kumitat seta’ raġonevolment jikkonkludi li l-għoti tal-eżenzjoni fil-mument tal-produzzjoni tal-ħwawar ma kienx iwassal għal riskju ta’ evażjoni tat-taxxa. Għalhekk, huwa ppropona li l-eżenzjoni fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 għandha tapplika minn dan il-mument (23).

38.      Fil-linji gwida adottati waqt il-laqgħa tiegħu tat‑12 u l‑14 ta’ Novembru 2003, il-Kumitat għad-Dazju tas-Sisa nnota li kien ġie miftiehem kważi unanimament li, għall-finijiet taċ-ċirkulazzjoni intra-Komunitarja ta’ ħwawar li jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 1302 1930, 2106 9020 u 3302 (24), l-eżenzjoni fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 kellha tapplika mill-mument meta dawn il-prodotti jiġu prodotti jew importati (25).

39.      Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat għad-Dazju tas-Sisa jappoġġjaw ukoll il-konklużjoni li, kuntrarjament għall-pożizzjoni adottata mir-Rumanija, l-eżenzjoni tkopri l-alkoħol etiliku li ġie użat għall-produzzjoni tal-ħwawar.

40.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda kif ġej:

L-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat li jfisser li l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa tkopri kemm l-alkoħol etiliku maħsub għall-użu, kif ukoll l-alkoħol etiliku li diġà ġie użat, fil-produzzjoni ta’ ħwawar maħsub għall-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum.

B.      Ittieni domanda

41.      Permezz tat-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 għandux jiġi interpretat li jfisser li, jekk l-alkoħol etiliku jiġi rrilaxxat għall-konsum fi Stat Membru u jiġi kkunsidrat bħala eżentat mid-dazju tas-sisa peress li dan ikun intuża għall-produzzjoni ta’ ħwawar għall-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’saħħa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum, Stati Membri oħra għandhom jittrattaw b’mod identiku l-alkoħol etiliku li jinsab f’dawn il-ħwawar. Ir-rikorrenti, l-Irlanda u l-Kummissjoni huma tal-fehma li eżenzjoni mogħtija minn Stat Membru li fih jiġi mmanifatturat prodott għandha tiġi rrikonoxxuta minn kull Stat Membru li dan il-prodott jintbagħat lejh. Ir-Rumanija tosserva li dan ma jistax ikun il-każ fiċ-ċirkustanzi kollha. Ir-Repubblika tal-Polonja ma għamlet l-ebda osservazzjonijiet dwar din id-domanda.

42.      Fid-dawl tar-risposta proposta minni għall-ewwel domanda, l-Istati Membri huma obbligati jeżentaw mid-dazju tas-sisa l-alkoħol etiliku diġà użat fil-produzzjoni ta’ ħwawar maħsuba għall-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum.

43.      Barra minn hekk, fil-ġurisprudenza tagħha dwar l-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1)(f) tad-Direttiva 92/83, applikabbli b’analoġija għall-Artikolu 27(1)(e), il-Qorti tal-Ġustizzja tenfasizza li, bħala regola, l-Istati Membri kollha għandhom jirrikonoxxu d-deċiżjoni ta’ Stat Membru li timponi d-dazju tas-sisa fuq prodott jew li teżentah minnu. Interpretazzjoni kuntrarja tikkomprometti li jintlaħaq l‑għan segwit minn din id‑direttiva u tista’ tostakola l‑moviment liberu tal‑merkanzija (26). Fil-fehma tiegħi, dan imur ukoll kontra l-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali bejn l-Istati Membri li jinsab fl-Artikolu 4(3) TUE (27).

44.      Għaldaqstant, meta l-ħwawar ikunu ġew irrilaxxati għall-konsum fl-Istat Membru ta’ produzzjoni skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali li tittrasponi l-Artikolu 7 tad-Direttiva 2008/118 u meta dan l-Istat Membru jkun applika l-eżenzjoni għal dawn il-ħwawar skont il-leġiżlazzjoni tiegħu li tittrasponi l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 (28), l-Istat Membru ta’ destinazzjoni ta’ dawn il-prodotti għandu jittrattahom bl-istess mod mal-wasla tagħhom fit-territorju tiegħu, sakemm ma jkunx hemm raġuni tajba sabiex wieħed jaħseb li l-eżenzjoni ngħatat illegalment (29). Fid-dawl tar-risposta li nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja għandha tagħti għall-ewwel domanda, ma ntweriex f’dawn il-proċeduri li l-Istat Membru fejn il-ħwawar ġew prodotti u rrilaxxati għall-konsum applika b’mod żbaljat l-eżenzjoni fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83.

45.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għat-tieni domanda kif ġej:

L-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat li jfisser li, meta l-alkoħol etiliku jkun ġie rrilaxxat għall-konsum fi Stat Membru u meta dan l-Istat Membru jkun applika korrettament l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa skont din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandu jittrattah b’mod identiku fit-territorju tiegħu.

C.      Ittielet domanda

46.      Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tixtieq tkun taf jekk l-Artikolu 27(1)(e) u l-Artikolu 27(2)(d) tad-Direttiva 92/83, u l-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, jippermettux lil Stat Membru jimponi rekwiżiti proċedurali fuq operatur ekonomiku ta’ prodotti suġġetti għas-sisa li jkunu bbenefikaw minn eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fl-Istat Membru fejn dawn il-prodotti kienu ġew prodotti u rrilaxxati għall-konsum.

47.      Ir-rikorrenti tispjega li, fil-kuntest ta’ akkwisti intra-Unjoni, id-dritt Rumen jobbliga li, sabiex jibbenefikaw minn eżenzjoni skont l-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, il-ħwawar għandhom jiġu ttrasferiti minn magazzinier awtorizzat għal operatur irreġistrat jew għal destinatarju rreġistrat. Peress li hija akkwistat il-ħwawar mingħand kumpannija Irlandiża, li bigħethom wara r-rilaxx tagħhom għall-konsum skont il-leġiżlazzjoni Irlandiża, ir-rikorrenti ssostni li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tissodisfa dawn il-kundizzjonijiet. Il-fatturi rilevanti ma wrewx li kien tħallas id-dazju tas-sisa fuq il-prodotti, u lanqas ma indikaw li kien japplika għalihom arranġament ta’ sospensjoni tad-dazju. L-opinjoni dwar id-dritt tal-Irlanda tiddikjara li l-kumpannija Irlandiża li minnha r-rikorrenti kisbet il-ħwawar ma kienet taħt ebda obbligu skont id-dritt Irlandiż jew tal-Unjoni li tkun magazzinier awtorizzat peress li hija ma kinitx iżżomm, tipproċessa, tipproduċi jew tibgħat prodotti suġġetti għas-sisa.

48.      L-Irlanda tikkunsidra li ebda rekwiżit proċedurali ma jista’ jiġi impost fuq l-operaturi ekonomiċi fiċ-ċirkustanzi indikati fid-deċiżjoni tar-rinviju. Skont il-Kummissjoni, rekwiżiti proċedurali jistgħu jiġu imposti biss fiċ-ċirkustanzi aċċettati mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja. Ir-Repubblika tal-Polonja u r-Rumanija jikkunsidraw li r-rekwiżiti proċedurali inkwistjoni huma ammissibbli u ġġustifikati peress li għandhom l-għan li jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tal-eżenzjoni u li jipprevjenu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż. B’mod partikolari, ir-Rumanija tikkunsidra li, jekk il-ħwawar jitħallew jiċċirkulaw barra mill-arranġamenti ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa (30), ikun hemm riskju li dawn jiġu ttrasformati f’xarbiet alkoħoliċi għall-konsum li għalihom ma jitħallasx dazju tas-sisa.

49.      L-ewwel żewġ domandi huma intiżi biss għall-interpretazzjoni tal-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83. Peress li d-deċiżjoni tar-rinviju ma tagħmilx iktar riferiment għall-Artikolu 27(2)(d), jew għal-leġiżlazzjoni nazzjonali li timplimenta din id-dispożizzjoni, u lanqas għaċ-ċirkustanzi li fihom din id-dispożizzjoni tista’ tapplika għall-kawża prinċipali, nikkunsidra li t-tielet domanda tista’ tingħata risposta biss fir-rigward tal-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83.

50.      L-Artikolu 27(1), moqri flimkien mat-tnejn u għoxrin premessa tad-Direttiva 92/83, jipprevedi li l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu kundizzjonijiet sabiex jiżguraw l-applikazzjoni korretta u ċara tal-eżenzjonijiet skont din id-dispożizzjoni u sabiex jipprevjenu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż. Il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Istati Membri permezz ta’ din is-setgħa ma jistgħux imorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq l-għan stabbilit f’din id-dispożizzjoni (31). Fiċ-ċirkustanzi li wasslu għat-tilwima quddiem il-qorti tar-rinviju, jidher li l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huwa limitat għall-verifika li l-ħwawar huma fil-fatt użati għall-preparazzjoni ta’ xarbiet mhux alkoħoliċi b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum.

51.      Barra minn hekk, fl-eżerċizzju tas-setgħa li huma għandhom sabiex jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li għalihom hija suġġetta l-eżenzjoni prevista fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt li jifformaw parti mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni. Fost dawn jinsabu, inter alia, il-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività (32).

52.      Il-prinċipju ta’ proporzjonalità jeżiġi li jittieħed inkunsiderazzjoni jekk jinqabżux il-limiti ta’ dak li huwa xieraq u neċessarju għat-twettiq tal-għanijiet leġittimament imfittxija mill-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83. Meta teżisti għażla bejn diversi miżuri xierqa, għandha tintgħażel dik li hija l-inqas oneruża u l-iżvantaġġi kkawżati ma għandhomx ikunu sproporzjonati meta pparagunati mal-għanijiet imfittxija (33).

53.      Il-prinċipju ta’ effettività jeżiġi li r-regoli proċedurali nazzjonali ma jagħmlux impossibbli jew eċċessivament diffiċli l-eżerċizzju tad-drittijiet mogħtija mid-dritt tal-Unjoni (34).

54.      Hija l-qorti nazzjonali, li quddiemha tinsab it-tilwima fil-kawża prinċipali u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja finali tagħha, li għandha tiddetermina jekk ir-regoli li l-awtoritajiet fiskali Rumeni għandhom l-intenzjoni li japplikaw jissodisfawx ir-rekwiżiti deskritti fil-punti 50 sa 52 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-kunsiderazzjonijiet segwenti jistgħu jgħinu lill-qorti tar-rinviju fit-twettiq ta’ dan l-inkarigu.

55.      Fir-rigward tal-għan li tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ċara tal-eżenzjoni u tal-prevenzjoni ta’ kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni l-fatti segwenti: l-ewwel, il-ħwawar kienu ġew irrilaxxati għall-konsum fl-Istat Membru fejn ġew prodotti; it-tieni, dan l-istess Stat Membru kien applika korrettament l-eżenzjoni għall-ħwawar; it-tielet, il-Kumitat għad-Dazju tas-Sisa kkunsidra li l-għoti tal-eżenzjoni fil-mument tal-produzzjoni tal-ħwawar ma kienx iwassal għal riskju ta’ evażjoni tat-taxxa(35); u, ir-raba’, ma hemm l-ebda indikazzjoni li r-rikorrenti pprovat tikseb il-benefiċċju tal-eżenzjoni b’mod frawdolenti.

56.      Fir-rigward tal-applikazzjoni tal-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività, il-qorti tar-rinviju għandha teżamina l-allegazzjoni tar-rikorrenti li ma hijiex f’pożizzjoni li tosserva r-rekwiżiti proċedurali peress li l-ħwawar kienu kemm immanifatturati kif ukoll irrilaxxati f’ċirkulazzjoni libera fl-Istat Membru li ta l-eżenzjoni.

57.      Fiċ-ċirkustanzi tal-kawża pendenti quddiem il-qorti tar-rinviju, jidher li l-applikazzjoni tar-rekwiżiti proċedurali li jinsistu fuqhom l-awtoritajiet Rumeni x’aktarx twassal sabiex illegalment iċċaħħad lir-rikorrenti mid-dritt tagħha li tibbenefika minn eżenzjoni mid-dazju tas-sisa mogħtija korrettament minn Stat Membru ieħor. F’dan il-kuntest, il-qorti tar-rinviju għandha tieħu inkunsiderazzjoni l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fis-sens li n-nuqqas ta’ osservanza ta’ kundizzjonijiet purament formali, li ma humiex neċessarji sabiex jiġi żgurat li l-kundizzjonijiet sostantivi dwar l-użu effettiv tal-prodotti kkonċernati huma ssodisfatti, ma jistax iqiegħed inkwistjoni d-dritt tar-rikorrenti li tibbenefika mill-eżenzjoni mandatorja prevista fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 (36).

58.      Għaldaqstant nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi t-tielet domanda kif ġej:

L-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, u l-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, jippermettu lil Stat Membru jimponi rekwiżiti proċedurali fuq operatur ekonomiku ta’ prodotti suġġetti għas-sisa li jkunu bbenefikaw minn eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fl-Istat Membru fejn dawn il-prodotti jkunu ġew prodotti u rrilaxxati għall-konsum biss meta dawn ir-rekwiżiti proċedurali jkunu strettament neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ċara tal-eżenzjoni inkwistjoni u sabiex jipprevjenu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż. Meta jimponu tali rekwiżiti proċedurali, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività.

D.      Irraba’ domanda

59.      Ir-raba’ domanda tidher li hija bbażata fuq l-ipoteżi li l-Istat Membru fejn il-ħwawar ġew prodotti applika b’mod żbaljat l-eżenzjoni fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83. Fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għall-ewwel domanda tal-qorti tar-rinviju bil-mod propost f’dawn il-konklużjonijiet, ir-raba’ domanda tkun ibbażata fuq ipoteżi żbaljata, b’tali mod li ma teħtieġx risposta.

VI.    Konklużjoni

60.      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, nipproponi li l-Qorti tal-Ġustizzja tirrispondi għad-domandi magħmula mit-Tribunalul Bucureşti (il-Qorti tal-Kontea ta’ Bukarest, ir-Rumanija) kif ġej:

(1)      L-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku għandu jiġi interpretat li jfisser li l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa tkopri kemm l-alkoħol etiliku maħsub għall-użu, kif ukoll l-alkoħol etiliku li diġà ġie użat, fil-produzzjoni ta’ ħwawar maħsuba għall-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum.

(2)      L-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 għandu jiġi interpretat li jfisser li meta l-alkoħol etiliku jkun ġie rrilaxxat għall-konsum fi Stat Membru u meta dan l-Istat Membru jkun applika korrettament l-eżenzjoni mid-dazju tas-sisa skont din id-dispożizzjoni, l-Istat Membru ta’ destinazzjoni għandu jittrattah b’mod identiku fit-territorju tiegħu.

(3)      L-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83, u l-prinċipji ta’ effettività u ta’ proporzjonalità, jippermettu lil Stat Membru jimponi rekwiżiti proċedurali fuq operatur ekonomiku ta’ prodotti suġġetti għas-sisa li jkunu bbenefikaw minn eżenzjoni mid-dazju tas-sisa fl-Istat Membru fejn dawn il-prodotti jkunu ġew prodotti u rrilaxxati għall-konsum biss meta dawn ir-rekwiżiti proċedurali jkunu strettament neċessarji sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta u ċara tal-eżenzjoni inkwistjoni u sabiex jipprevjenu kwalunkwe evażjoni, evitar jew abbuż. Meta jimponu tali rekwiżiti proċedurali, l-Istati Membri għandhom josservaw il-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, inklużi l-prinċipji ta’ proporzjonalità u ta’ effettività.


1      Lingwa oriġinali: l-Ingliż.


2      Direttiva tal-Kunsill 92/83/KEE tad‑19 ta’ Ottubru 1992 dwar l-armonizzazzjoni ta’ l-istrutturi tat-taxxi tas-sisa fuq l-alkoħol u x-xorb alkoħoliku (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 206).


3      Direttiva tal-Kunsill 2008/118/KE tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-arranġamenti ġenerali għad-dazju tas-sisa u li jħassar id-Direttiva 92/12/KEE (ĠU 2009, L 9, p. 12).


4      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 927 tat‑23 ta’ Diċembru 2003.


5      Dawn id-dispożizzjonijiet jidhru fil-proċess tal-kawża nazzjonali.


6      Monitorul Oficial al României, Parti I, Nru 688 tal‑10 ta’ Settembru 2015.


7      Il-ħwawar huma magħmula minn estratti tal-frott jew tal-pjanti. Peress li dawn l-estratti huma insolubbli fl-ilma, jinħallu fl-alkoħol għall-produzzjoni ta’ konċentrat likwidu. Dan il-konċentrat imbagħad jiġi dilwit bl-ilma fi proporzjon ta’ 1:1000 għall-produzzjoni ta’ xarbiet rinfreskanti.


8      Ara l-Artikolu 7 tad‑Direttiva 2008/118, riprodott fil-punti 8 u 9 ta’ dawn il-konklużjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat din id-dispożizzjoni fis-sentenza tagħha tat‑2 ta’ Ġunju 2016, Polihim-SS (C‑355/14, EU:C:2016:403, punti 46 sa 55).


9      Kif rifless fir-Rakkomandazzjonijiet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea lill-qrati nazzjonali dwar ir-rinviji għal deċiżjoni preliminari (ĠU 2012, C 338, p. 1).


10      Ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑5 ta’ Lulju 2012, Geistbeck (C‑509/10, EU:C:2012:416, punt 47 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Impacto Azul (C‑186/12, EU:C:2013:412, punt 26 u l-ġurisprudenza ċċitata).


11      Sentenza tat‑18 ta’ April 2013, Mulders (C‑548/11, EU:C:2013:249, punt 28 u l-ġurisprudenza ċċitata).


12      L-ewwel domanda tirreferi għall-ħwawar li kienu ntużaw għall-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum. Madankollu, il-qorti tar-rinviju ma ssemmix xarbiet rinfreskanti li jiġu mibjugħa jew ittrasferiti mill-Irlanda lejn ir-Rumanija.


13      Prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2207 huma: “Alkoħol etiliku mhux żnaturat b’saħħa alkoħolika bil-volum ta’ 80 % vol. jew aktar; alkoħol etiliku u spirti oħrajn, żnaturati, ta’ kull saħħa”; prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM 2208 huma: “Alkoħol etiliku mhux żnaturat ta’ livell ta’ alkoħol ta’ inqas minn 80 % vol.; spirti, likuri u xarbiet spiritużi oħra; preparazzjonijiet alkoħoliċi komposti minn tipi użati għall-produzzjoni ta’ xorb” (ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382)).


      Il-Qorti tal-Ġustizzja interpretat l-Artikolu 20 tad-Direttiva 92/83 fis-sentenza tagħha tat‑12 ta’ Ġunju 2008, Gourmet Classic (C‑458/06, EU:C:2008:338, punti 34 sa 40).


14      Ara l-punt 6 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


15      Mid-deċiżjoni tar-rinviju ma jidhirx li l-qorti tar-rinviju għandha dubji dwar in-natura tal-prodott mixtri mir-rikorrenti. Lanqas ebda waħda mill-osservazzjonijiet bil-miktub ma jikkontestaw li l-prodott akkwistat mir-rikorrenti huwa taħwir (huwa nnifsu prodott b’qawwa alkoħolika li teċċedi l‑1.2 % fil-volum) għall-preparazzjoni ta’ xorb mhux alkoħoliku b’qawwa alkoħolika li ma teċċedix il‑1.2 % fil-volum.


16      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire (C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 49 u l-ġurisprudenza ċċitata).


17      Dan huwa wkoll il-każ għal verżjonijiet lingwistiċi oħra ta’ din id-direttiva, pereżempju: “zur Herstellung […] verwendet werden” bil-Ġermaniż; “cuando se utilicen” bl-Ispanjol; “utilisés pour la production” bil-Franċiż; “wanneer zij gebruikt worden” bl-Olandiż; “impiegati per la produzione”bit-Taljan; “sejam utilizados” bil-Portugiż.


18      “Konformement ma’ ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex tingħata interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini tagħha, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet imfittxija mil-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha” (sentenza tat‑3 ta’ Settembru 2020, Niki Luftfahrt (C‑530/19, EU:C:2020:635, punt 23 u l-ġurisprudenza ċċitata)).


19      Sentenzi tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire (C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tal‑15 ta’ Ottubru 2015, Biovet (C‑306/14, EU:C:2015:689, punt 21 u l-ġurisprudenza ċċitata).


20      L-Artikolu 43(1) tad-Direttiva 2008/118 jipprevedi li l-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat imsejjaħ il-“Kumitat dwar id-Dazju tas-Sisa”.


21      Ara p. 3 taċ-CED Nru 364 rev 1 tat‑22 ta’ Jannar 2003.


22      Direttiva tal-Kunsill 92/12/KEE tal‑25 ta’ Frar 1992 dwar l-arranġamenti ġenerali għall-prodotti soġġetti għad-dazju tas-sisa u dwar iż-żamma, ċaqliq u mmonitorjar ta’ dan it-tip ta’ prodotti (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 9, Vol. 1, p. 179, rettifika fil-ĠU 2015, L 210, p. 39), kif emendata mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 807/2003 tal‑14 ta’ April 2003 li jaddatta, għad-Deċiżjoni 1999/468/KE, id-disposizzjonijiet li għandhom x’jaqsmu mal-kumitati li jassistu l-Kummissjoni fl-eżerċizzju tas-setgħat ta’ implimentazzjoni tagħha stabbiliti fi strumenti tal-Kunsill adottati skond il-proċedura ta’ konsultazzjoni (unanimità) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 335).


23      Ara p. 4 u 5 taċ-CED Nru 364 rev 1 tat‑22 ta’ Jannar 2003.


24      Il-kodiċijiet NM jirreferu għan-Nomenklatura Magħquda fid-data tal-adozzjoni tal-linji gwida, jiġifieri, it‑12 u l‑14 ta’ Novembru 2003. Dawn il-kodiċijiet jissemmew sabiex jiġi indirizzat il-fatt li l-ħwawar imsemmija fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 ma humiex identifikati b’mod korrett mill-kodiċijiet NM. Din l-impreċiżjoni ġiet ikkunsidrata bħala l-uniku sors ta’ riskju ta’ evażjoni tat-taxxa (ara p. 4 taċ-CED Nru 364 rev 1 tat‑22 ta’ Jannar 2003).


25      Ara l-p. 1 taċ-CED Nru 458 tad‑19 ta’ Novembru 2003.


26      Sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire (C‑163/09, EU:C:2010:752, punti 41 u 42).


27      Ara, pereżempju, il-konklużjonijiet tal-Avukat Ġenerali Saugmandsgaard Øe f’A-Rosa Flussschiff (C‑620/15, EU:C:2017:12, punt 60).


28      Ara wkoll il-punt 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet, b’riferiment għall-proposta tal-Kumitat għad-Dazju tas-Sisa li l-eżenzjoni fl-Artikolu 27(1)(e) tad-Direttiva 92/83 tapplika mill-mument ta’ produzzjoni tal-ħwawar inkwistjoni.


29      Ara, b’analoġija, is-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire (C‑163/09, EU:C:2010:752, punti 43 u 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).


30      Ir-Rumanija tirreferi għall-Artikoli 17 sa 20 tal-Kapitolu IV tad-Direttiva 2008/118, li jindirizzaw iċ-ċirkulazzjoni ta’ prodotti suġġetti għas-sisa f’każ ta’ sospensjoni tad-dazju tas-sisa.


31      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Diċembru 2010, Repertoire Culinaire (C‑163/09, EU:C:2010:752, punt 51).


32      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tat‑13 ta’ Lulju 2017, Vakarų Baltijos laivų statykla (C‑151/16, EU:C:2017:537, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata), u tas‑7 ta’ Novembru 2019, Petrotel-Lukoil (C‑68/18, EU:C:2019:933, punt 56 u l-ġurisprudenza ċċitata).


33      Ara s-sentenza tad‑9 ta’ Marzu 2010, ERG et (C‑379/08 u C‑380/08, EU:C:2010:127, punt 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).


34      Ara s-sentenza tat‑18 ta’ Ottubru 2012, Pelati (C‑603/10, EU:C:2012:639, punti 23 u 25 u l-ġurisprudenza ċċitata).


35      Ara l-kunsiderazzjonijiet imsemmija fil-punti 36 ta’ dawn il-konklużjonijiet.


36      Ara, b’analoġija, is-sentenzi tas‑27 ta’ Settembru 2007,  Collée (C‑146/05, EU:C:2007:549, punt 31); tat‑13 ta’ Lulju 2017, Vakarų Baltijos laivų statykla (C‑151/16, EU:C:2017:537, punt 46 u l-ġurisprudenza ċċitata); u tas‑7 ta’ Novembru 2019, Petrotel-Lukoil (C‑68/18, EU:C:2019:933, punt 59 u l-ġurisprudenza ċċitata).