Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Mejju 2013 - Ir-Renju Unit vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-245/13)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta' Fuq (rappreżentanti: D. Wyatt, QC, V. Wakefield, Barrister, u C. Murrell, aġent)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2013/123/UE, tas-26 ta' Frar 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta' ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri, sa fejn din tikkonċerna daħla fl-Anness fir-rigward ta' korrezzjoni estrapolata ta' 5.19 % tan-nefqa magħmula mill-Irlanda ta' Fuq matul is-sena finanzjarja 2010 li tammonta għal EUR 16 513 582.57 (ara ĠU L 67, p. 20); u

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas l-ispejjeż tar-Renju Unit

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka żewġ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta' liġi u ta' fatt, u naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni elementi rilevanti għall-iskala tat-telf possibbli għall-fondi tal-UE, fir-rigward tar-riskju għal tali fondi minħabba nefqa fis-snin tat-talba 2009 li jirriżulta minn żbalji fl-istabbiliment ta' żona eliġibbli fl-2005 li jaffettwa l-allokazzjoni inizjali ta' drittijiet, u (b'konsegwenza ta' dan) naqset milli tiħu inkunsiderazzjoni l-fatt li fil-parti l-kbira tal-każijiet ta' pagamenti żejda lil bdiewa, ir-riskju għall-fondi kien wieħed limitat għal madwar 22 % tan-nefqa, li hija l-proporzjoni tan-nefqa li tinkludi l-"element żona".

It-tieni motiv ibbażat fuq l-allegazzjoni li l-Kummissjoni wettqet żbalji ta' liġi u ta' fatt, sa fejn ikkonkludiet b'mod żbaljat li n-Northern Ireland Department of Agriculture and Rural Development (iktar 'il quddiem id-"DARD") naqas milli japplika, b'mod korrett jew b'ebda mod, dispożizzjonijiet dwar sanzjonijiet, ħlas lura ta' ħlasijiet indebiti u nuqqas ta' konformità intenzjonata, u li l-Kummissjoni b'hekk issovravalutat u/jew naqset milli tikkunsidra elementi rilevanti għall-iskala tat-telf possibbli għall-fondi tal-UE. B'mod partikolari, il-Kummissjoni:

ikkritikat b'mod żbaljat allegat kalkolu mill-ġdid "sistematiku" ta' drittijiet ta' ħlas minn DARD;

sostniet b'mod skorett li żbalji fl-2005 seta' jkollhom effetti materjali fuq l-element storiku tal-valur tad-drittijiet;

adottat metodu skorett tal-kalkolu tal-pagamenti żejda;

adottat approċċ żbaljat għas-sanżjonijiet, b'mod partikolari billi:

adottat metodu żbaljat għall-kalkolu tas-sanzjonijiet; u

sostniet b'mod żbaljat li sanzjoni għandha tiġi imposta għal kull sena f'każijiet fejn sanzjoni kienet applikabbli fl-2005 iżda mhux fi snin sussegwenti tat-talba, f'dan il-każ fl-2009, fejn pagament żejjed irriżulta mill-istess żball bħal dak ippenalizzat fl-2005;

adottat approċċ żbaljat għal nuqqas ta' konformità intenzjonata.

____________