Language of document : ECLI:EU:T:2015:595

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

4 ta’ Settembru 2015 (*)

“FAEGG – Sezzjoni ‘Garanzija’ – FAEG u FAEŻR – Infiq eskluż mill-finanzjament – Skema ta’ pagament uniku – Verifiki ewlenin – Verifiki sekondarji – Artikoli 51, 53, 73 u 73a tar-Regolament (KE) Nru 796/2004”

Fil-Kawża T‑245/13,

Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq, inizjalment irrappreżentat minn C. Murrell, M. Holt u E. Jenkinson, sussegwentement minn M. Holt, bħala aġenti, assistiti minn D. Wyatt, QC, u de V. Wakefield, barrister,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentat minn P. Rossi u K. Skelly, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, tas‑26 ta’ Frar 2013, dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), skont il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) u skont il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) (ĠU L 67, p. 20), sa fejn din id-deċiżjoni tirrigwarda entrata li tinsab fl-Anness I tagħha, dwar korrezzjoni estrapolata ta’ 5.19 % applikata għal infiq magħmul fl-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit) matul is-sena finanzjarja 2010, li kien jammonta għal EUR 16 513 582.57.

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla),

komposta minn M. E. Martins Ribeiro (Relatur), President, S. Gervasoni u L. Madise, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta tat‑3 ta’ Diċembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola l-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni

 Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005

1        Il-leġiżlazzjoni bażika relatata mal-finanzjament tal-politika agrikola komuni hija kkostitwita, fir-rigward tal-infiq magħmul mill-Istati Membri mis‑16 ta’ Ottubru 2006 u fir-rigward ta’ dak magħmul mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mill‑1 ta’ Jannar 2007, mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005, tal‑21 ta’ Ġunju 2005, dwar il-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni (ĠU L 209, p. 1).

2        Skont l-Artikolu 3(1)(c) tar-Regolament Nru 1290/2005, il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FEAG) għandu jiffinanżja, f’ġestjoni kondiviża bejn l-Istati Membri u l-Unjoni Ewropea, il-ħlasijiet diretti għall-bdiewa previsti fil-kuntest tal-Politika Agrikola Komuni, magħmula konformement mad-dritt tal-Unjoni.

3        L-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005, intitolat “Approvazzjoni [clearance] tal-konformità”, jipprovdi fil-paragrafi 1 sa 3 tiegħu:

“1.      Jekk il-Kummissjoni ssib li l-infiq kif indikat fl-Artikolu 3(1) u l-Artikolu 4 twettaq b’mod li kiser ir-regoli [tal-Unjoni], hija għandha tiddeċiedi liema ammonti għandhom jiġu esklużi mill-finanzjament [tal-Unjoni] f’konformità mal-proċedura msemmija fl-Artikolu 41(3).

2.      Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-ammonti li jridu jiġu esklużi abbażi tal-gravità tan-nuqqas ta’ konformità reġistrat. Hija għandha tieħu kont xieraq tan-natura u l-gravità tal-vjolazzjoni u tad-dannu finanzjarju kkawżat lill-[Unjoni].

3.      Qabel ma tittieħed kwalunkwe deċiżjoni sabiex jiġi rrifjutat finanzjament, ir-riżultati tal-ispezzjoni mill-Kummissjoni u t-tweġibiet mill-Istati Membri għandhom jiġu nnotifikati bil-miktub, u wara dan, iż-żewġ partijiet għandhom jagħmlu ħilithom biex jaslu għal qbil dwar l-azzjoni li trid tittieħed.

Jekk ma jintlaħaqx qbil, l-Istat Membru jista’ jitlob proċedura mmirata lejn ir-rikonċiljazzjoni tal-pożizzjoni ta’ kull parti fi żmien erba’ xhur. Rapport tar-riżultat tal-proċedura għandu jingħata lill-Kummissjoni, li għandha teżaminah qabel ma tiddeċiedi dwar kwalunkwe rifjut għall-finanzjament.”

 Ir-Regolament (KE) Nru 885/2006

4        Il-modalitajiet tal-proċedura ta’ clearance ta’ konformità huma stabbiliti fl-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 885/2006, tal‑21 ta’ Ġunju 2006, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1290/2005 dwar l-akkreditazzjoni tal-aġenziji tal-ħlas u ta’ korpijiet oħrajn u l-approvazzjoni tal-kontijiet tal-FAEG u tal-FAEŻR (ĠU L 322M, p. 162). Barra minn hekk l-Artikolu 16 ta’ dan l-istess regolament jiffissa l-modalitajiet tal-proċedura ta’ konċiljazzjoni.

 Ir-Regolamenti (KE) Nru 1782/2003 u 73/2009

5        Fil-kuntest tar-riforma tal-Politika Agrikola Komuni, il-Kunsill adotta r-Regolament (KE) Nru 1782/2003, tad‑29 ta’ Settembru 2003, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi diretti ta’ appoġġ fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għall-bdiewa u li jemenda r-Regolamenti (KEE) Nru 2019/93, (KE) Nru 1452/2001, (KE) Nru 1453/2001, (KE) Nru 1454/2001, (KE) Nru 1868/94, (KE) Nru 1251/1999, (KE) Nru 1254/1999, (KE) Nru 1673/2000, (KEE) Nru 2358/71 u (KE) Nru 2529/2001 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 269). Dan ir-regolament stabbilixxa, b’mod partikolari, skema ta’ għajnuna għad-dħul tal-bdiewa li ma tkunx marbuta mal-produzzjoni. Din l-iskema, indikata fit-tieni inċiż tal-Artikolu 1 ta’ dan ir-regolament bħala “skema ta’ pagament uniku”, tiġbor ċertu numru ta’ pagamenti diretti mħallsa lill-bdiewa taħt diversi skemi ta’ għajnuna li kienu jeżistu sa dak iż-żmien.

6        L-iskema ta’ pagament uniku huwa s-suġġett tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003, li jiġbor fih, f’ħames kapitoli, l-Artikoli 33 sa 71m tiegħu.

7        Il-Kapitolu 2 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003 jistabbilixxi r-regoli relatati mal-iffissar tal-ammont ta’ referenza. Dan l-ammont huwa kkalkolat kif ġej, konformement mal-Artikolu 37(1) tal-imsemmi regolament:

“L-ammont ta’ referenza għandu jkun l-medja ta’ tlett snin ta’ l-ammonti totali ta’ pagamenti, li bidwi ġie mogħti taħt l-iskemi ta’ appoġġ imsemmija fl-Anness VI, kalkulati u aġġustati skont l-Anness VII, f’kull sena kalendarja tal-perjodu ta’ referenza msemmi fl-Artikolu 38.”

8        Il-perijodu ta’ referenza huwa ddefinit, fl-Artikolu 38 tar-Regolament Nru 1782/2003, bħala li jinkludi s-snin kalendarji 2000, 2001 u 2002.

9        Il-Kapitolu 3 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003 jitratta d-drittijiet għall-pagament. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 43 ta’ dan ir-regolament, intitolat “Determinazzjoni tad-drittijiet għall-pagament”, jipprovdi b’mod partikolari:

“1.      [...K]ull b]idwi għandu jirċievi dritt ġħall-pagament għal kull ettaru li jiġi kalkulat bid-diviżjoni ta’ l-ammont ta’ referenza bil-medja ta’ tlett snin tan-numru ta’ ettari kollha li fil-perjodu ta’ referenza taw id-dritt għall-pagamenti diretti mniżżla fl-Anness VI.

In-numru totali ta’ drittjiet għall-pagament għandu jkun ugwali għan-numru medju ta’ ettari fuq imsemmi.

[…]”

10      L‑Artikolu 44(2) tar‑Regolament Nru 1782/2003 jiddefinixxi l-kunċett ta’ “ettaru eliġibbli”, fil-verżjoni inizjali tiegħu, b’mod partikolari bħala “kull żona agrikola ta’ l‑azjenda meħuda minn art li tinħarat u mergħa permanenti ħlief żoni kkultivati bi prodotti permanenti, foresti jew żoni użati għall-attivitajiet mhux agrikoli”.

11      It-Taqsima 1 tal-Kapitolu 5 tat-Titolu III tar-Regolament Nru 1782/2003 kienet tippermetti lill-Istati Membri, b’mod partikolari li jagħżlu implementazzjoni reġjonali tal-iskema ta’ pagament uniku. F’dan is-sens, l-Artikolu 58 ta’ dan ir-regolament jiddisponi:

“1.      Stat Membru jista’ jiddeċidi, sa mhux aktar tard mill‑1 ta’ Awissu 2004, li japplika l-iskema ta’ pagament uniku pprovduta fil-Kapitoli 1 sa 4 fuq livell reġjonali taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti f’din it-taqsima.

2.      L-Istati Membri għandhom jiddefinixxu r-reġjuni skond kriterji oġġettivi.

L-Istati Membri b’inqas minn tlett miljun ettaru eliġibbli jistgħu jiġu kkunsidrati bħala reġjun wieħed.

3.      L-Istati Membri għandhom jissubdividu l-limitu msemmi fl-Artikolu 41 bejn ir-reġjuni skont kriterji oġġettivi.”

12      L-Artikolu 59 tar-Regolament Nru 1782/2003 jiffissa r-regoli relatati mar-reġjonalizzazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku kif ġej:

“1.      F’każijiet ġustifikati u skond kriterji oġġettivi l-Istat Membru jista’ jiddividi l-ammont totali tal-limitu reġjonali stabbilit taħt l-Artikolu 58 jew parti minnu bejn il-bdiewa kollha li l-azjendi tagħhom jinsabu fir-reġjun konċernat, inklużi dawk li ma jilħqux il-kriterju ta’ eliġibilità stabbilit fl-Artikolu 33.

2.      F’dan il-każ ta’ diviżjoni ta’ l-ammont totali tal-limitu reġjonali, il-bdiewa għandhom jirċievu drittjiet, li l-valur tal-‘unit’ tagħhom hu kkalkulat bid-diviżjoni tal-limitu reġjonali stabbilit taħt l-Artikolu 58 bin-numru ta’ ettari eliġibbli, fis-sens ta’ l-Artikolu 44(2), stabbilit fuq livell reġjonali.

3.      Fil-każ ta’ diviżjoni parzjali ta’ l-ammont totali tal-limitu reġjonali, il-bdiewa għandhom jirċievu drittijiet li l-valur tal-‘unit’ tagħhom hu kkalkulat bid-diviżjoni tal-parti korrispondenti tal-limitu reġjonali stabbilit taħt l-Artikolu 58 bin-numru ta’ ettari eliġibbli, fis-sens ta’ l-Artikolu 44(2), stabbilit fuq livell reġjonali.

Fil-każ li l-bidwi għandu wkoll dritt jirċievi drittijiet fuq il-bqija tal-limitu reġjonali, il-valur tal-‘unit’ reġjonali ta’ kull wieħed mid-drittijiet tiegħu, ħlief għad-drittijiet ta’ l-art imwarrba, għandu jiżdied b’ammont li jikkorrispondi ma’ l-ammont ta’ referenza diviż bin-numru ta’ drittijiet tiegħu stabbilit skond il-paragrafu 4.

L-Artikoli 48 u 49 għandhom japplikaw mutatis mutandis.

4.      In-numru ta’ drittijiet għal kull bidwi għandu jkun ugwali għan-numru ta’ ettari li huwa jiddikjara skond l-Artikolu 44(2) fl-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ l-iskema ta’ pagament uniku, ħlief fil-każ ta’ ‘force majeure’ jew ċirkustanzi eċċezzjonali fis-sens ta’ l-Artikolu 40(4).”

13      Ir-Regolament Nru 1782/2003 tħassar u ġie ssostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009, tad‑19 ta’ Jannar 2009, li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka ir-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, p. 16), b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2009.

14      L-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 73/2009, intitolat “Attivazzjoni ta’ drittijiet għal pagament għal kull ettaru eliġibbli”, jipprovdi:

“1.      L-appoġġ lill-bdiewa taħt l-iskema tal-pagament uniku għandu jingħata malli jiġi attivat id-dritt għal pagament għal kull ettaru eliġibbli. Drittijiet għal pagament attivati għandhom jagħtu dritt għal pagament tal-ammonti ffissati bihom.”

15      Skont l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 73/2009, intitolat “Modifika tad-drittijiet għal pagament”:

“Id-drittijiet għal pagament għal kull ettaru ma għandhomx jiġu mmodifikati, ħlief jekk previst f’dan ir-Regolament.”

 Ir-Regolamenti (KE) Nru 796/2004 u 1122/2009

16      Skont il-premessi 29 u 55 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 796/2004, tal‑21 ta’ April 2004, li jippreskrivi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni ta’ konformità, modulazzjoni u amministrazzjoni integrata u sistema ta’ kontroll kif hemm provvediment dwarhom fir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1782/2003 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 44, p. 243), huwa ddikjarat kif ġej:

“(29) Il-konformità mad-dispożizzjonijiet dwar l-iskemi għall-għajnuna mmaniġġati taħt is-sistema integrata għandha tkun immonitorjata effettivament. […]

(55)      Biex jiġu protetti effettivament l-interessi finanzjarji tal-[Unjoni] għandhom jiġu adottati miżuri adegwati għall-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi. Għandhom isiru dispożizzjonijiet separati fil-każi ta’ irregolaritajiet misjuba fir-rigward tal-kriterji ta’ eliġibilita għall-iskemi differenti konċernati ta’ għajnuna.”

17      Il-punt 22 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 jiddefinizzi ż-“Żona [superfiċi] stabbilita” bħala:

“[...]iż-żona [superfiċi] li dwarha jkunu tħarsu l-kondizzjonijiet kollha preskritti fir-regoli għall-għoti ta’ l-għajnuna; fil-każ ta’ l-iskema ta’ ħlas waħdieni, iż-żona dikjarata tista’ titqies biss bħala li tkun stabbilita jekk tkun akkumpanjata b’numru li jikkorrispondi ta’ drittijiet għall-ħlas.”

18      L-Artikolu 50(1) sa (3) tar-Regolament Nru 796/2004, intitolat “Bażi għall-kalkolazzjoni fir-rigward ta’ żoni [superfiċi] dikjarati”, kif emendat, jipprovdi:

“1.      Fil-każ ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna taħt skemi ta’ appoġġ marbuta maż-żona [superfiċi], minbarra għal-lamtu tal-patata, iż-żerriegħa u t-tabakk kif hemm provvediment għalihom fil-Kapitoli 6, 9 u 10c rispettivament tat-Titolu IV tar-Regolament (KE) Nru 1782/2003, jekk iż-żona tal-grupp tal-wiċċ tar-raba determinata tinsab li hija akbar minn dik iddikjarata fl-applikazzjoni għall-għajnuna, iż-żona ddikjarata għandha tintuża għall-kalkolu ta’ l-għajnuna.

2.      Fir-rigward ta’ applikazzjoni għal għajnuna skont l-iskema ta’ ħlas uniku, jekk ikun hemm diskrepanza bejn l-intitolamenti għall-ħlas iddikjarati u ż-żona [superfiċi] ddikjarata, il-kalkolazzjoni tal-ħlas għandha tissejjes fuq l-iċken fost dawn.

3.      Mingħajr preġudizzju għat-tnaqqis u l-esklużjonijiet bi qbil ma’ l-Artikoli 51 u 53, fil-każ ta’ applikazzjonijiet għal għajnuna taħt l-iskemi ta’ għajnuna marbuta maż-żona [superfiċi], minbarra għal-lamtu tal-patata, iż-żerriegħa u t-tabakk kif jemm provvediment għalihom fil-Kapitoli 6, 9 u 10c rispettivament tat-Titolu IV tar-Regolament [...] Nru 1782/2003, jekk iż-żona ddikjarata fl-applikazzjoni waħdanija taqbeż iż-żona determinata għal dak il-grupp tal-wiċċ tar-raba, l-għajnuna għandha tkun ikkalkulata fuq il-bażi taż-żona determinata għal dak il-grupp tal-wiċċ tar-raba’.

Madankollu, mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 29 tar-Regolament [...] Nru 1782/2003, jekk id-differenza bejn il-medda [superfiċi] totali determinata u l-medda totali ddikjarata għall-ħlas taħt l-iskemi għall-għajnuna stabbiliti fit-Titoli III, IV u IVa tar-Regolament [...] Nru 1782/2003 tkun inqas minn jew ugwali għal 0.1 ta’ ettaru, il-medda determinata għandha tiġi stabbilita b’mod ugwali għall-medda ddikjarata. Għal din il-kalkulazzjoni biss, id-dikjarazzjonijiet żejda tal-medda fuq livell ta’ grupp ta’ uċuħ tar-raba’ għandhom ikunu kkunsidrati.

Id-dispożizzjoni msemmija fit-tieni subparagrafu ma għandhiex tapplika fejn dik id-differenza tkun tirrappreżenta aktar minn 20 % tal-medda [superfiċi] totali ddikjarata għall-pagamenti.”

19      L-Artikolu 50(5) tar-Regolament Nru 796/2004 jinkludi regoli għall-bażi ta’ kalkolu applikabbli għas-superfiċi ddikjarati fir-rigward tas-superfiċi ddikjarati għall-primjum speċjali għall-kwalità għall-qamħ durum previst fl-Artikolu 72 tar-Regolament Nru 1782/2003 u fid-dawl tas-suppliment ta’ qamħ durum u ta’ għajnuna speċjali previsti fl-Artikolu 105 tal-imsemmi regolament.

20      L-Artikolu 51 ta-Regolament Nru 796/2004, kif emendat bir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 380/2009, tat‑8 ta’ Mejju 2009 (ĠU L 116, p. 9), jesponi t-“[t]naqqis u esklużjonijiet fil-każ ta’ dikjarazzjoni biż-żejjed” kif ġej:

“1.      Jekk, għal grupp ta’ uċuħ tar-raba’, iż-żona [superfiċi] ddikjarata għall-għanijiet ta’ kwalunkwe skema ta’ għajnuna relatata maż-żona, ħlief għal dawk għal-lamtu tal-patata, għaż-żrieragħ u għat-tabakk kif ipprovdut fit-Taqsimiet 2 u 5 tal-Kapitolu 1 tat-Titolu IV tar-Regolament [...] Nru 73/2009 u fil-Kapitolu 10c tat-Titolu IV tar-Regolament [...] Nru 1782/2003, tkun taqbeż iż-żona stabbilita skont l-Artikolu 50(3) u (5) ta’ dan ir-Regolament, l-għajnuna għandha tiġi kkalkulata abbażi taż-żona stabbilita mnaqqsa bid-doppju tad-differenza misjuba jekk dik id-differenza tkun ta’ iktar minn 3 % jew minn żewġ ettari, iżda ma tkunx taqbeż l-20 % taż-żona stabbilita.

Jekk id-differenza tkun ta’ iktar minn 20 % taż-żona stabbilita, ma għandha tingħata l-ebda għajnuna marbuta maż-żona għall-grupp ta’ uċuħ tar-raba’ kkonċernat.

Jekk id-differenza tkun ta’ iktar minn 50 %, il-bidwi għandu għal darb’oħra jiġi eskluż milli jirċievi għajnuna sa ammont daqs l-ammont li jikkorrispondi mad-differenza bejn iż-żona [superfiċi] ddikjarata u dik stabbilita skont l-Artikolu 50(3) u (5) ta’ dan ir-Regolament. Dak l-ammont għandu jkun ibbilanċjat skont l-Artikolu 5(b) tar-Regolament [Nru 885/2006] tal-Kummissjoni. Jekk l-ammont ma jkunx jista’ jiġi bbilanċjat kollu skont dak l-Artikolu matul it-tliet snin kalendarji ta’ wara s-sena kalendarja tas-sejba, il-bilanċ li jkun għad fadal għandu jitħassar.

2a.      Jekk bidwi jiddikjara aktar żona [superfiċi] milli drittijiet għall-ħlas u ż-żona ddikjarata tkun tissodisfa r-rekwiżiti l-oħra kollha tal-eliġibbiltà, it-tnaqqis jew l-esklużjonijiet li dwarhom hemm dispożizzjoni fil-paragrafu 1 m’għandhomx japplikaw.

Jekk bidwi jiddikjara aktar żona [superfiċi] milli drittijiet għall-ħlas u ż-żona ddikjarata ma tkunx tissodisfa r-rekwiżiti l-oħra kollha tal-eliġibbiltà, id-differenza msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun id-differenza bejn iż-żona li tkun tissodisfa r-rekwiżiti l-oħra kollha tal-eliġibbiltà u l-ammont tad-drittijiet għall-ħlas iddikjarat.

[…]”

21      L-Artikolu 51(2a) tar-Regolament Nru 796/2004 ġie inkluż f’dan tal-aħħar permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 659/2006, tas‑27 ta’ April 2006, li jemenda r-Regolament Nru 796/2004 (ĠU L 338M, p. 350). Il-premessa 12 tar-Regolament Nru 659/2006 jiddikjara dan li ġej:

“F’każ fejn bidwi jkun iddikjara aktar art minn intitolamenti għall-ħlas, l-Artikolu 50(2) tar-Regolament [...] Nru 796/2004 jistipula li l-kalkolazzjoni tal-għajnuna għandha tissejjes fuq l-ammont ta’ ettari flimkien ma’ l-intitolamenti għall-ħlas. F’każijiet fejn iż-żona [superfiċi] ddikjarata tissodisfa r-rekwiżiti kollha l-oħra tal-eliġibbiltà, m’hemmx bżonn lijkun hemm l-applikazzjoni għal tnaqqis jew esklużjonijiet b’konformità mal-Artikoli 51 jew 53 ta’ dak ir-Regolament. Għaldaqstant, dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu ċċarati sa dak il-punt.”

22      L-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 796/2004 jirrigwarda d-dikjarazzjonijiet żejda intenzjonali. Fl-ewwel paragrafu tiegħu huwa jipprovdi li, meta d-differenzi bejn is-superfiċi ddikjarata u s-superfiċi stabbilita konformement mal-Artikolu 50(3) u (5) tal-istess regolament jirriżultaw f’irregolaritajiet imwettqa intenzjonalment, jiġi rrifjutat lill-bidwi l-benefiċċju tal-iskema ta’ għajnuna li seta jistenna skont l-Artikolu 50(3) u (5) tal-imsemmi regolament, għas-sena kalendarja kkunsidrata, jekk din id-differenza tkun ogħla minn 0.5 % tas-superfiċi stabbilita jew ogħla minn ettaru. Barra minn hekk, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 796/2004, jekk id-differenza tkun ogħla minn 20 % tas-superfiċi stabbilita, il-bidwi jiġi wkoll ippenalizzat b’ammont ugwali għall-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn is-superfiċi ddikjarata u s-superfiċi stabbilita konformement mal-Artikolu 50(3) u (5) tal-imsemmi regolament.

23      L-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 796/2004 jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-irkupru tal-pagament indebitu. Din id-dispożizzjoni tipprovdi, fil-paragrafi 1 u 4 tagħha:

“1.      Jekk isir ħlas indebitu, il-bidwi għandu jħallas lura l-ammont in kwistjoni miżjud b’mgħax kalkolat skond il-paragrafu 3.

[…]

4.      L-obbligu tal-ħlas lura msemmi fil-paragrafu 1 ma għandux jgħodd jekk il-ħlas ikun sar bi żball tal-awtorità kompetenti jew ta’ xi awtorità oħra u jekk l-iżball ma setgħax jiġi raġonevo[lm]ent skopert mill-bidwi.

Iżda, fejn l-iżball jirrelata ma’ elementi fattwali relevanti għall-kalkolazzjoni tal-ħlas konċernat, l-ewwel subparagrafu għandu jgħodd biss jekk id-deċiżjoni biex jiġi rkuprat ma kienitx notifikata fi żmien 12‑il xahar mill-ħlas.”

24      L-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004, intitolat “Irkuprar ta’ drittijiet mhux mistħoqqa”, kif emendat, jipprovdi b’mod partikolari:

“1.      Fejn, wara li jkunu ġew allokati d-drittijiet tal-ħlas lill-bdiewa skont ir-Regolament (KE) Nru 795/2004, jiġi stabbilit li ċerti drittijiet tal-ħlas ġew allokati b’mod mhux mistħoqq, il-bidwi kkonċernat għandu jrodd lura d-drittijiet allokati mhux mistħoqqa lir-riserva naturali msemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament [...] Nru 1782/2003.

[…]

Id-drittijiet allokati b’mod mhux mistħoqq m’għandhomx jitqiesu li ġew allokati ab initio.

2.      Fejn, wara li jkunu ġew allokati d-drittijiet għall-ħlas lill-bdiewa skont ir-Regolament [...] Nru 795/2004, jiġi stabbilit li l-valur tad-drittijiet għall-ħlas hu għoli wisq, dak il-valur għandu jiġi aġġustat kif xieraq. [...] Il-valur tat-tnaqqis għandu jiġi allokat lir-riserva naturali msemmija fl-Artikolu 42 tar-Regolament [...] Nru 1782/2003.

Id-drittijiet għall-ħlas għandhom jitqiesu daqs li kieku ġew allokati ab initio fil-valur li jirriżulta mill-aġġustament.

2a.      Fejn, għall-finijiet ta’ l-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 jiġi stabbilit li n-numru ta’ kwoti allokati lill-bidwi b’mod konformi mar-Regolament [...] Nru 795/2004 ma jkunx korrett, u fejn l-allokazzjoni mhix dovuta ma jkollha l-ebda impatt fuq il-valur totali tal-kwoti li l-bidwi jkun irċieva, l-Istat Membru għandu jikkalkula mill-ġdid il-kwoti tal-ħlasijiet u fejn ikun xieraq għandu jikkoreġi t-tip tal-kwoti li jiġu allokati lill-bidwi. Madankollu, dan ma għandux japplika jekk l-iżbalji setgħu jiġu identifikati b’mod raġonevoli mill-bidwi stess.

[…]

4.      Ammonti mħallsa mhux mistħoqqa għandhom jiġu rkuprati skont l-Artikolu 73.”

25      L-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004 ġie inkluż permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 239/2005, tal‑11 ta’ Frar 2005, li jemenda u jikkoreġi r-Regolament Nru 796/2004 (ĠU L 348M, p. 61), li l-premessa 15 tiegħu hija fformulata kif ġej:

“Hemm bżonn li jiġu stabbiliti regoli sabiex tkunkoperta l-eventwalità fejn bidwi jirċievi għadd ta’ drittijiet għall-ħlas mhux mistħoqqa jew fejn il-valur ta’ kull wieħed mid-drittijiet għall-ħlas ikun iffissat fil-livell ħażin skont il-mudelli differenti taħt l-Iskema ta’ Ħlas Uniku [skema ta’ pagament uniku]. […]”

26      L-Artikolu 73(2a) tar-Regolament Nru 796/2004 ġie inkluż permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 972/2007, tal‑20 ta’ Awwissu 2007, li jemenda r-Regolament Nru 796/2004 (ĠU L 216, p. 3), li daħal fis-seħħ fil‑21 ta’ Awwissu 2007 u sar applikabbli għall-applikazzjonijiet għal għajnuna ppreżentati għas-snin jew perijodi ta’ għoti ta’ primjums li jibdew jgħoddu mill‑1 ta’ Jannar 2008, u li l-premessa 19 tiegħu hija fformulata kif ġej:

“F’ċerti każijiet l-allokazzjonijiet ta’ kwoti mhux dovuti ma affettwawx il-valur totali, iżda biss in-numru tal-kwoti tal-bidwi. F’dawn il-każijiet, l-Istati Membri għandhom jikkoreġu l-allokazzjoni, jew fejn ikun xieraq it-tip ta’ kwoti, mingħajr ma jnaqqsu l-valur tagħhom. Id-dispożizzjoni għandha tapplika biss jekk il-bidwi ma jkunx jista’ jsib l-iżball.”

27      Ir-Regolament Nru 796/2004 ġie mħassar u ssostitwit permezz tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1122/2009, tat‑30 ta’ Novembru 2009, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 fir-rigward tal-kundizzjonalità, il-modulazzjoni u s-sistema integrata ta’ amministrazzjoni u kontroll, skont l-iskemi ta’ appoġġ għall-bdiewa previsti għal dak ir-Regolament, kif ukoll għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tal-kundizzjonalità skont l-iskema ta’ appoġġ prevista għas-settur tal-inbid (ĠU L 316, p. 65), b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2010.

28      Skont il-premessa 78 tar-Regolament Nru 1122/2009:

“Il-pagament ta’ appoġġ li jaqa’ taħt l-iskema ta’ pagament uniku jeħtieġ għadd ugwali ta’ drittijiet għall-pagament u ta’ ettari eliġibbli. Għall-finijiet ta’ din l-iskema jkun xieraq għalhekk li jiġi previst li l-kalkolu tal-pagament f’każ ta’ diskrepanzi bejn id-drittijiet għall-pagamenti ddikjarati u l-erja [s-superfiċi] ddikjarata għandu jiġi bbażat fuq l-iżgħar daqs. Sabiex jiġi evitat il-kalkolu abbażi ta’ drittijiet li mhumiex eżistenti, għandu jiġi previst li l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament użati għall-kalkolu ma għandux jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-bdiewa.”

29      L-Artikolu 57 tar-Regolament Nru 1122/2009, intitolat “Bażi għall-kalkolu fir-rigward ta’ erjas [superfiċi] dikjarati”, jipprovdi fil-paragrafu 2 tiegħu:

“Fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-għajnuna li taqa’ taħt l-iskema tal-pagament uniku:

–        jekk hemm diskrepanza bejn id-drittijiet għall-pagament dikjarati u l-erja [s-superfiċi] dikjarata, il-kalkolu tal-pagament għandu jiġi bbażat fuq l-iżgħar daqs;

–        jekk l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament dikjarat jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-bidwi, id-drittijiet għall-pagament dikjarati għandhom jitnaqqsu għall-għadd ta’ drittijiet ta’ pagament disponibbli għall-bidwi.”

30      L-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009 jsemmi t-“[t]naqqisiet u esklużjonijiet f’każijiet ta’ dikjarazzjoni żejda”. Huwa jikkorrispondi, essenzjalment, għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004.

31      Konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 1122/2009, dan ir-regolament għandu japplika għall-applikazzjonijiet għal għajnuna ippreżentati għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni jew għall-perijodi ta’ referenza tal-primjums li jibdew jgħoddu mill‑1 ta’ Jannar 2010.

 Id-Dokument Nru VI/5330/97

32      Il-linji gwida tal-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji ġew iddefiniti fid-dokument tal-Kummissjoni Nru VI/5330/97, tat‑23 ta’ Diċembru 1997, intitolat “Linji gwida li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija” (iktar ’il quddiem id-“dokument Nru VI/5330/97”).

33      L-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97, dwar il-konsegwenzi finanzjarji, għall-clearance tal-kontijiet tas-Sezzjoni “Garanzija” tal-Fond Agrikolu Ewropew dwar Gwida u Garanzija (FAEGG), tan-nuqqasijiet fil-verifiki mwettqa mill-Istati Membri, jipprovdi, fil-parti tiegħu intitolata “Introduzzjoni”:

“Meta l-Kummissjoni tikkonstata li nfiq speċifiku jirrigwarda talba li ma tissodisfax ir-regoli Komunitarji, il-konsegwenzi finanzjarji huma ċari: ħlief fil-każ li l-pagament irregolari jkun diġà ġie kkonstatat mill-organi nazzjonali ta’ verifika u jkun ta’ lok għall-miżuri adegwati ta’ korrezzjoni u ta’ rkupru (ara l-Anness 4), il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-finanzjament tiegħu mill-baġit Komunitarju. Meta l-konsegwenzi finanzjarji jirriżultaw mill-eżami tal-infiq li jkunu jikkonċernaw numru kbir ta’ fajls, l-ammont eskluż mill-finanzjament Komunitarju għandu jiġi kkalkolat, sa fejn ikun possibbli, abbażi ta’ estrapolazzjoni tar-riżultati li jinsiltu mill-istudju tal-kampjun rappreżentattiv ta’ fajls. L-istess metodu ta’ estrapolazzjoni għandu jiġi applikat għall-Istati Membri kollha, inkluż fir-rigward tal-livell ta’ affidabbiltà u tal-portata tal-ineżattezzi, l-istratifikazzjoni tal-popolazzjoni, id-daqs tal-kampjun u l-evalwazzjoni tal-iżbalji waqt it-teħid tal-kampjun fid-dawl tal-konsegwenzi finanzjarji globali.

Meta Stat Membru ma josservax ir-regoli Komunitarji intiżi sabiex tiġi vverifikata l-eliġibbiltà tat-talbiet, dan in-nuqqas waħdu għandu jimplika li l-pagamenti jmorru kontra d-dispożizzjonijiet Komunitarji applikabbli għall-miżura kkonċernata u kontra l-obbligu ġenerali, tal-Istati Membri, ta’ detezzjoni u ta’ prevenzjoni tal-irregolaritajiet previsti mill-Artikolu 8 tar-Regolament [Nru] 729/70. Dan ma jfissirx neċessarjament li t-talbiet kollha sodisfatti jikkostitwixxu irregolaritajiet, iżda r-riskju li l-[FAEGG] jkollha tbati l-infiq indebitu huwa wieħed aċċentwat. Għalkemm huwa veru li, f’ċerti każijiet flagranti, il-Kummissjoni tista’ tkun awtorizzata tirrifjuta l-infiq kollu kkonċernat meta l-verifiki rikjesti minn regolament ma jitwettqux, f’ċertu numru ta’ każijiet l-ammont tal-infiq li għandu jiġi skartat ikun jeċċedi, skont kull probabbiltà, it-telf finanzjarju mġarrab mill-Komunità. Għaldaqstant jeħtieġ li ssir stima tat-telf waqt l-evalwazzjoni tal-korrezzjonijiet finanzjarji.

[...]”

34      L-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97 jippreċiża, fil-parti tiegħu intitolata “Evalwazzjoni abbażi tal-iżbalji inklużi fil-fajls individwali”:

“Abbażi tal-proċeduri diġà stabbiliti skont id-direttivi interni, il-kalkoli relatati mal-korrezzjoni finanzjarja għandhom jitwettqu abbażi ta’ waħda mis-segwenti tekniki:

a)      rifjut ta’ talba individwali li ma ġietx suġġetta għall-verifika meħtieġa;

b)      rifjut ta’ somma kkalkolata permezz tal-estrapolazzjoni tar-riżultati tal-verifiki mwettqa fuq kampjun rappreżentattiv tal-fajls flimkien mal-fajls li minnhom ittieħed il-kampjun, iżda li hija limitata għas-settur amministrattiv li fih hemm riskju li jiġi riprodott l-istess nuqqas. L-Istat Membru għandu jingħata l-possibbilità li jipproduċi l-prova li r-riżultati tal-estrapolazzjoni ma jikkorrispondux għal dawk miksuba wara l-eżami tal-fajls kollha li minnhom ittieħed il-kampjun.

[…]”

35      L-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97 jippreċiża, fil-parti tiegħu intitolata “Evalwazzjoni bbażata fuq ir-riskji ta’ telf finanzjarju: korrezzjonijiet b’rata fissa”:

“Peress li l-prassi tal-verifika tas-sistemi hija regolari ħafna, id-dipartimenti tal-Kummissjoni b’iktar regolarità wettqu evalwazzjoni tar-riskju li jġibu magħhom in-nuqqasijiet tas-sistemi. Meta l-livell reali tal-infiq irregolari, u għaldaqstant l-ammont tat-telf finanzjarju subit mill-Komunità, ma jkunx jista’ jiġi ddeterminat, il-Kummissjoni għandha tapplika, wara l-clearance tal-kontijiet tas-sena finanzjarja 1990, korrezzjonijiet b’rata fissa li jammontaw għal 2 %, 5 % jew 10 % tal-infiq iddikjarat, skont l-entità tar-riskju ta’ telf. F’każijiet eċċezzjonali, jistgħu jiġu deċiżi rati ta’ korrezzjoni superjuri sa 100 %. Il-prerogattiva tal-Kummissjoni li tapplika korrezzjonijiet ta’ dan it-tip ġiet ikkonfermata mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest ta’ deċiżjonijiet relatati ma’ azzjonijiet ippreżentati kontra deċiżjonijiet ta’ clearance annwali tal-kontijiet (pereżempju s-sentenza C‑50/94).

[…]”

36      L-Anness 2 tad-dokument Nru VI/5330/97 jiddikjara, fil-parti tiegħu intitolata “Linji gwida għall-applikazzjoni tal-korrezzjonijiet b’rata fissa”:

“Jistgħu jsiru korrezzjonijiet b’rata fissa meta l-informazzjoni pprovduta mill-investigazzjoni ma tkunx tippermetti lill-kontrollur li jevalwa t-telf billi juża estrapolazzjoni tat-telf iddeterminat, b’mezzi tal-istatistika, jew b’riferiment għal informazzjoni oħra verifikabbli, iżda li madankollu tkun tippermettilu li jikkonkludi li l-Istat Membru naqas mill-obbligu tiegħu li jivverfika b’mod adegwat l-eliġibbiltà ta’ ċerti talbiet sodisfatti.

[…] In-nuqqas isir iktar serju jekk Stat Membru jeskludi titjib tal-verifiki tiegħu meta l-Kummissjoni diġà tkun innotifikatlu t-tibdiliet neċessarji.

[…]

Meta jkunu twettqu l-verifiki ewlenin kollha iżda ma jkunux saru skont in-numru, il-frekwenza u d-dettal meħtieġ mir-regolamenti, għandu jiġi applikat aġġustament ta’ 5 %, peress li jkun jista’ jiġi raġonevolment konkluż li dawn il-verifiki ma jipprovdux il-livell mistenni ta’ garanzija ta’ regolarità tat-talbiet u li r-riskju ta’ telf għall-FAEGG huwa sinjifikanti.

[…]”

 Leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

37      Ir-Regolament tal-Kunsill Nru 2988/95, (KE, Euratom), tat‑18 ta’ Diċembru 1995, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 1, p. 340), li jistabbilixxi qafas ġuridiku komuni għall-oqsma kollha koperti mill-politiki tal-Unjoni, jiddikjara fid-disa’ premessa tiegħu:

“Billi l-miżuri u l-penali [tal-Unjoni] stabbiliti skond l-għanijiet tal-politika agrikola komuni jifformaw parti integrali mis-sistemi ta’ l-għajnuna; billi dawn isegwu l-għanijiet tagħhom li ma jaffettwawx il-valutazzjoni tal-kondotta ta’ l-operaturi ekonomiċi involuti mill-awtoritajiet kompetenti ta’ l-Istati Membri mill-aspett tal-liġi kriminali; billi l-effikaċja tagħhom għandha tiġi żgurata mill-effett immedjat tar-regoli [tal-Unjoni] u billi jiġu applikati bis-sħiħ il-miżuri [tal-Unjoni] kollha, fejn minkejja li jiġu adottati l-miżuri preventivi ma saritx ħaġa possibbli li jintlaħaq dak l-għan […]”

38      L-Artikolu 1 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi:

“1.      Sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji [tal-Unjoni Ewropea], qegħdin hawnhekk jiġu adottati regoli ġenerali fir-rigward ta’ verifiki omoġenji u miżuri amministrattivi u penali li għandhom x’jaqsmu ma’ l-irregolaritajiet fir-rigward tal-liġi [tal-Unjoni].

2.      ‘Irregolarità’ għandha tfisser kull ksur ta’ dispożizzjoni tal-liġi [tal-Unjoni] li jirriżulta minn att jew nuqqas ta’ operatur ekonomiku, li għandu, jew li jista’ jkollu, l-effett li jippreġudika l-budget ġenerali [tal-Unjoni] jew il-budget mmexxi [minnha], jew billi jnaqqas jew jitlef id-dħul li jakkumula minn riżorsi tagħhom stess miġbura direttament għan-nom [tal-Unjoni], jew permezz ta’ nefqa mhux ġustifikata.”

39      Skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament (KEE) Nru 2988/95:

“Ebda penali amministrattiva ma tista’ tiġi imposta [mingħajr ma din tkun ġiet introdotta permezz ta’ att tal-Unjoni li jippreċedi l-irregolarità]. Fil-każ ta’ emenda sussegwenti tad-dispożizzjonijiet li jimponu penali amministrattivi u li jinsabu fir-regoli [tal-Unjoni], id-dispożizzjonijiet l-anqas ħorox għandhom japplikaw b’mod retroattiv.”

40      L-Artikolu 5 tar-Regolament Nru 2988/95 jipprovdi, fil-paragrafu 1(ċ) u (d):

“L-irregolaritajiet intenzjonati jew dawk kawżati minn negliġenza jistgħu jwasslu għal dawn il-penali amministrattivi:

[…]

ċ)      it-tneħħija totali jew parzjali ta’ vantaġġ mogħti mir-regoli tal-Komunità, anke jekk l-operatur ikun ibbenefika bla jedd minn parti biss minn dak il-vantaġġ;

d)      l-esklużjoni minn, jew l-irtirar tal-vantaġġ għal perjodu sussegwenti għal dak ta’ l-irregolarità;

[…]”

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

41      Bejn id‑9 u t‑13 ta’ Novembru 2009, id-dipartimenti tal-Kummissjoni wettqu investigazzjoni fir-Renju Unit fir-rigward tal-applikazzjoni korretta tar-regoli relatati mal-finanzjament tal-infiq imwettaq, fil-kuntest tal-iskema ta’ pagament uniku, fl-Irlanda ta’ Fuq (ir-Renju Unit) fl‑2010, għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009 (investigazzjoni AA/2009/24).

42      Permezz ta’ ittra tat‑8 ta’ Jannar 2010 (iktar ’il quddiem l-“ewwel komunikazzjoni tat‑8 ta’ Jannar 2010”), mibgħuta skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament Nru 885/2006, il-Kummissjoni informat lill-awtoritajiet tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar ir-riżultat tal-investigazzjoni. Anness, intitolat “Osservazzjonijiet u talbiet għal informazzjoni”, li kien fih il-konklużjonijiet tal-investigazzjoni, ġie inkluż ma’ din l-ittra.

43      Mill-ewwel komunikazzjoni tat‑8 ta’ Jannar 2010, jirriżulta, b’mod partikolari, li l-Kummissjoni kkunsidrat li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma kinux osservaw għal kollox ir-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni u li kienu neċessarji miżuri korrettivi sabiex fil-futur tiġi żgurata l-konformità ma’ dawn ir-rekwiżiti. Il-Kummissjoni talbet sabiex tiġi informata dwar il-miżuri korrettivi li diġà ġew adottati kif ukoll dwar il-pjan kalendarju previst għall-implementazzjoni tagħhom. Barra minn hekk, il-Kummissjoni indikat li hija tista’ teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni parti mill-ispejjeż iffinanzjati mill-FAEG (iktar ’il quddiem il-“Fond”) u l-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), konformement mal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1290/2005. Barra minn hekk, ġie ppreċiżat li l-insuffiċjenzi kkonstatati ntużaw bħala bażi ta’ kalkolu għall-korrezzjonijiet finanzjarji relatati mal-infiq imwettaq sal-implementazzjoni ta’ miżuri korrettivi adegwati.

44      Fl-osservazzjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet li jinsabu annessi mal-ewwel komunikazzjoni tat‑8 ta’ Jannar 2010, il-Kummissjoni, b’mod partikolari, ikkonstatat, qabel kollox, insuffiċjenzi fis-Sistema ta’ Identifikazzjoni tal-Irqajja tal-Art (SIIA) u tas-Sistema ta’ Informazzjoni Ġeografika (SIĠ) (iktar ’il quddiem, ikkunsidrati flimkien, is-“SIIA-SIĠ”), inkwantu l-informazzjoni li kienet tinsab fihom ma kinitx preċiża biżżejjed biex tippermetti twettiq konklussiv tal-verifiki amministrattivi u tal-verifiki fuq il-post imwettqa bil-għan li jiġu vverifikati l-eliġibbiltà tas-superfiċi ddikjarati, sussegwentement, insuffiċjenzi fil-verifiki fuq il-post u, fl-aħħar nett, insuffiċjenzi fl-applikazzjoni tas-sanzjonijiet, fil-korrezzjoni retroattiva tal-applikazzjonijiet inammissibbli għall-għajnuna, fl-irkupru tal-pagamenti indebiti u fl-applikazzjoni tat-tnaqqis minħabba nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Barra minn hekk minn dan l-anness jirriżulta li, għalkemm il-Kummissjoni tosserva titjib meta mqabbel ma’ investigazzjonijiet preċedenti (investigazzjonijiet AA/2006/07 u AA/2008/18), hija tqis ukoll li l-insuffiċjenzi ikkonstatati waqt l-imsemmija investigazzjonijiet għadhom jeżistu.

45      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Mejju 2010, il-Kummissjoni stiednet lill-awtoritajiet tar-Renju Unit jagħtu l-osservazzjonijiet tagħhom dwar l-aspetti kontenzjużi bil-għan li ssir laqgħa bilaterali prevista fl‑1 ta’ Lulju 2010.

46      Il-laqgħa bilaterali bejn id-dipartimenti tal-Kummissjoni u l-awtoritajiet tar-Renju Unit żvolġiet fi Brussell (il-Belġju) fl‑1 ta’ Lulju 2010. Il-minuti ta’ din il-laqgħa ntbagħtu lill-imsemmija awtoritajiet fl‑4 ta’ Awwissu 2010.

47      Mill-minuti tal-laqgħa bilaterali tal‑1 ta’ Lulju 2010 jirriżulta li, wara din il-laqgħa, il-Kummissjoni kompliet issostni l-essenzjali tal-konklużjonijiet tagħha li jinsabu fl‑ewwel komunikazzjoni tat‑8 ta’ Jannar 2010. B’hekk hija kkonfermat il-konklużjonijiet tagħha marbuta mal-konstatazzjoni ta’ insuffiċjenzi relatati, b’mod partikolari, mal-informazzjoni li tinsab fis‑SIIA-SIĠ, mal-verifiki fuq il-post, kif ukoll mal-applikazzjoni ta’ sanzjonijiet, mal-korrezzjoni retroattiva tat-talbiet inammissibbli għall-għajnuna, mal-irkupru tal-pagamenti indebiti u mal-applikazzjoni tat-tnaqqis minħabba nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Barra minn hekk hija indikat li dawn l-insuffiċjenzi kienu jaffettwaw verifiki ewlenin u verifiki sekondarji fis-sens tad-dokument Nru VI/5330/97 u ġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet tar-Renju Unit dwar il-fatt li huma kellhom il-possibbiltà li juru li r-riskju finanzjarju kien inqas importanti mill-korrezzjonijiet b’rata fissa applikabbli konformement mal-imsemmi dokument. Barra minn hekk, il-Kummissjoni speċifikat li n-natura rikorrenti tal-insuffiċjenzi kkonstatati kellha tittieħed inkunsiderazzjoni, b’riferiment, f’dan ir-rigward, għad-dokument tax-xogħol tal-Kummissjoni AGRI/60637/2006, intitolat “Komunikazzjoni tal-Kummissjoni – Fuq l-ipproċessar mill-Kummissjoni, fil-kuntest tal-clearance tal-kontijiet tas-Sezzjoni Garanzija tal-FAEGG, tal-każijiet ta’ rikorrenza ta’ insuffiċjenza fis-sistemi ta’ verifika”.

48      Wara l-laqgħa bilaterali tal‑1 ta’ Lulju 2010, l-awtoritajiet tar-Renju Unit bdew investigazzjoni ta’ evalwazzjoni tar-riskju. Permezz ta’ ittra tal‑25 ta’ Ottubru 2010, l-awtoritajiet tar-Renju Unit informaw lill-Kummissjoni li huma ma kinux f’pożizzjoni li jiffinalizzaw din l-investigazzjoni fid-data prevista.

49      Permezz ta’ ittra tad‑29 ta’ Marzu 2011, l-awtoritajiet tar-Renju Unit bagħtu lill-Kummissjoni rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskju għall-iskema ta’ pagament uniku fl-Irlanda ta’ Fuq għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009 (iktar ’il quddiem ir-“rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskju”), ibbażat fuq kampjun ta’ 394 applikazzjoni ppreżentati fl‑2009. Mir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskju, qabel kollox, jirriżulta li, fl‑2009, is-superfiċi inammissibbli attivati mill-applikanti kienu jikkorrispondu għal 2.72 % tad-drittijiet għall-pagament attivati. Sussegwentement, ir-riskju finanzjarju, mifhum bħala d-differenza bejn is-somma mħallsa u pagament rivedut li jinkludi, jekk ikun il-każ, is-sanzjonijiet applikabbli, kien jikkorrispondi, fuq il-medja tal-kampjun, għal 2.05 % qabel l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet u għal 5.19 % wara l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet. Fl-aħħar nett, fir-rigward tas-sanzjonijiet, minn dan ir-rapport jirriżulta li l-pagamenti u s-sanzjonijiet ġew ikkalkolati abbażi tad-dispożizzjonijiet rilevanti tar-Regolament Nru 796/2004, hekk kif interpretati mill-Kummissjoni. Fl-Anness 1 ta’ dan ir-rapport, li għaliha dan tal-aħħar jagħmel riferiment espliċitu, l-awtoritajiet tar-Renju Unit madankollu indikaw li, skont l-interpretazzjoni tagħhom tal-istess dispożizzjonijiet, ir-riskju sostnut mill-Fond huwa ta’ madwar 0.59 % qabel l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet u ta’ madwar 0.86 % wara l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet.

50      Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Frar 2012, il-Kummissjoni bagħtet komunikazzjoni formali lir-Renju Unit taħt l-Artikolu 11(2) tar-Regolament Nru 885/2006 li fiha hija reġgħet tenniet il-pożizzjoni tagħha fir-rigward tal-insuffiċjenzi msemmija iktar ’il fuq li jaffettwaw l-infiq imwettaq fl‑2010 għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009. Fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji, minn naħa, il-Kummissjoni aċċettat l-evalwazzjoni tar-riskju proposta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, fejn qieset li l-ammont tat-telf finanzjarju seta’ jiġi raġonevolment identifikat abbażi tal-imsemmija evalwazzjoni. Għalhekk, abbażi tad-dokument Nru VI/5330/97, il-Kummissjoni kkunsidrat, fir-rigward tat-tliet tipi ta’ insuffiċjenzi kkonstatati, korrezzjoni fissa ta’ 5.19 % applikabbli għall-infiq imwettaq fl-Irlanda ta’ Fuq taħt l-iskema ta’ pagament uniku għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-infiq relatat mal-iżvilupp rurali, il-Kummissjoni, fl-assenza ta’ evalwazzjoni proposta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, applikat korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5 % minħabba insuffiċjenzi fir-rigward ta’ verifika prinċipali.

51      Għaldaqstant il-Kummissjoni pproponiet li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni s-somma ta’ EUR 17 687 303.16 għall-infiq magħmul fl‑2010, fosthom EUR 16 513 582.57 fir-rigward tal-infiq relatat mal-iżvilupp rurali.

52      L-awtoritajiet tar-Renju Unit ma ressqux talba ta’ konċiljazzjoni mal-Korp ta’ konċiljazzjoni skont l-Artikolu 16 tar-Regolament Nru 885/2006.

53      Fil‑15 ta’ Ottubru 2012, il-Kummissjoni kkomunikat lir-Renju Unit rapport ta’ sinteżi fir-rigward tar-riżultati tal-investigazzjoni AA/2009/24.

54      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li, fis‑26 ta’ Frar 2013, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implementazzjoni dwar l-esklużjoni mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ta’ ċertu nefqa mġarrba mill-Istati Membri skont it-Taqsima ta’ Garanziji tal-FAEGG, skont il-FAEG u skont il-FAEŻR (ĠU L 67, p. 20, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), fosthom l-infiq imwettaq mir-Renju Unit fl-Irlanda ta’ Fuq fl‑2010 u li huwa inkwistjoni f’din il-kawża.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

55      Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit‑2 ta’ Mejju 2013, ir-Renju Unit ippreżenta dan ir-rikors.

56      Permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑19 ta’ Lulju 2013, ir-Renju Unit talab sabiex din il-kawża tiġi magħquda mal-Kawża T‑503/12, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, għall-finijiet tal-fażi orali tal-proċedura u tas-sentenza. Il-Kummissjoni ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha dwar din it-talba permezz ta’ ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid‑29 ta’ Lulju 2013.

57      Billi kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-Awli tal-Qorti Ġenerali u l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tieni Awla, din il-kawża ġiet għalhekk assenjata lil din l-awla.

58      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (it-Tieni Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha tat‑2 ta’ Mejju 1991, għamlet mistoqsija bil-miktub lill-Kummissjoni. Hija wieġbet din il-mistoqsija fit-terminu stabbilit.

59      It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tat-3 ta’ Diċembru 2014.

60      Ir-Renju Unit jitlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata, sa fejn din tirrigwarda punt fl-Anness I tagħha dwar korrezzjoni estrapolata ta’ 5.19 % applikata għal infiq imwettaq fl-Irlanda ta’ Fuq matul is-sena finanzjarja 2010 (li kienet tammonta għal EUR 16 513 582.57);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

61      Il-Kummissjoni titlob lill-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-Renju Unit għall-ispejjeż.

 Id-dritt

62      Insostenn tar-rikors għal annullament tiegħu, ir-Renju Unit iqajjem żewġ motivi, fejn, essenzjalment, l-ewwel wieħed huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tat-telf reali għall-Fond u t-tieni wieħed huwa bbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt li jaffettwaw il-konklużjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tal-insuffiċjenzi tal-verifiki sekondarji u, b’mod partikolari, tal-metodi ta’ kalkolu tal-pagamenti indebiti u tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda.

63      Hekk kif jirriżulta mis-sottomissjonijiet bil-miktub tal-partijiet u mid-dibattiti li seħħew waqt is-seduta, permezz taż-żewġ motivi mqajma insostenn ta’ dan ir-rikors, ir-Renju Unit jikkontesta, essenzjalment, minn naħa, il-bażi ta’ kalkolu, jiġifieri l-infiq kollu, li għalih il-Kummissjoni applikat il-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5.19 % (l-ewwel motiv) u, min-naħa l-oħra, b’mod partikolari l-metodu ta’ kalkolu tal-pagamenti indebiti u tas-sanzjonijiet applikabbli, applikat bil-għan tal-evalwazzjoni tar-riskju u li huwa s-suġġett tal-konstatazzjonijiet, mill-Kummissjoni, ta’ insuffiċjenzi fir-rigward tal-verifiki sekondarji (it-tieni motiv).

 Kunsiderazzjonijiet preliminari

64      Preliminarjament, fl-ewwel lok, l-ewwel nett, għandu jitfakkar li l-Fond jiffinanzja biss l-interventi magħmula konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑9 ta’ Jannar 2003, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑157/00, Ġabra, EU:C:2003:5, punt 15 u l-ġurisprudenza ċċitata; tal‑24 ta’ Frar 2005, Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, C‑300/02, Ġabra, EU:C:2005:103, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal‑4 ta’ Settembru 2009, L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, T‑368/05, EU:T:2009:305, punt 70).

65      It-tieni nett, skont ġurisprudenza stabbilita, hija l-Kummissjoni li għandha tipprova l-eżistenza ta’ ksur tar-regoli tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli. Konsegwentement, il-Kummissjoni għandha l-obbligu li tiġġustifika d-deċiżjoni tagħha li tikkonstata l-assenza jew id-difetti fil-verifiki implementati mill-Istat Membru kkonċernat. Madankollu, il-Kummissjoni ma għandhiex l-obbligu li tipprova b’mod eżawrjenti l-insuffiċjenza tal-verifiki mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew l-irregolarità taċ-ċifri trażmessi minnha, iżda li tipproduċi prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija għandha fir-rigward ta’ dawn il-verifiki jew ta’ dawn iċ-ċifri. L-Istat Membru kkonċernat, min-naħa tiegħu, ma jistax jinvalida l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni mingħajr ma jissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu nnifsu permezz ta’ elementi li jistabbilixxu l-eżistenza ta’ sistema ta’ verifika affidabbli u li taħdem. Ġaladarba r-rikorrent ma jirnexxilux jipprova li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni huma ineżatti, dawn jikkostitwixxu elementi li jistgħu jqajmu dubji serji fir-rigward tal-istabbiliment ta’ miżuri ta’ sorveljanza u ta’ verifika adegwati u effikaċi. Dan it-tnaqqis tar-rekwiżit tal-oneru tal-prova li tgawdi minnu l-Kummissjoni huwa dovut għall-fatt li huwa l-Istat Membru li jinsab fl-aħjar pożizzjoni sabiex jiġbor u jivverifika d-data neċessarja għall-approvazzjoni tal-kontijiet tal-Fond u li, bħala konsegwenza, għandu l-obbligu li jipproduċi l-prova l-iktar dettaljata u kompleta tar-realtà tal-verifiki jew taċ-ċifri tiegħu u, jekk ikun il-każ, tal-ineżattezza tal-affermazzjonijiet tal-Kummissjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Il‑Greċja vs Il‑Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, EU:C:2005:103, punti 33 sa 36 u l-ġurisprudenza ċċitata; tas‑6 ta’ Marzu 2001, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑278/98, Ġabra, EU:C:2001:124, punti 39 sa 41 u l-ġurisprudenza ċċitata, u L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, EU:T:2009:305, punt 71 u l-ġurisprudenza ċċitata).

66      It-tielet nett, skont il-ġurisprudenza, għalkemm il-Kummissjoni għandha l-oneru li tipprova l-eżistenza ta’ ksur tal-liġijiet tal-Unjoni, meta dan il-ksur jiġi stabbilit, huwa l-Istat Membru li għandu juri, jekk ikun il-każ, li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinsiltu minn dak il-ksur (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal‑24 ta’ April 2008, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑418/06 P, Ġabra, EU:C:2008:247, punt 135, u L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, EU:T:2009:305, punt 181).

67      Fil-fatt, il-ġestjoni tal-finanzjament tal-Fond tistrieħ prinċipalment fuq l-amministrazzjonijiet nazzjonali inkarigati milli jħarsu għall-osservanza stretta tar-regoli tal-Unjoni u hija bbażata fuq il-fiduċja bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-awtoritajiet tal-Unjoni. L-Istat Membru biss huwa f’pożizzjoni li jsir jaf u li jiddetermina bi preċiżjoni d-data neċessarja għall-elaborazzjoni tal-kontijiet tal-Fond, ġaladarba l-Kummissjoni ma tgawdix mill-prossimità neċessarja sabiex tikseb l-informazzjoni li hija jkollha bżonn mingħand l-uffiċjali ekonomiċi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Ottubru 2004, Spanja vs Il‑Kummissjoni, C‑153/01, Ġabra, EU:C:2004:589, punt 133 u l-ġurisprudenza ċċitata, u L‑Awstrija vs Il‑Kummissjoni, punt 64 iktar ’il fuq, EU:T:2009:305, punt 182 u l-ġurisprudenza ċċitata).

68      Fit-tieni lok, fid-dawl tal-iskambju ta’ argumenti mill-partijiet fil-kuntest taż-żewġ motivi mqajma mir-Renju Unit, għandu jiġi ppreċiżat il-metodu ta’ allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament applikat, fl‑2005, mir-Renju Unit bil-għan tal-implementazzjoni tal-iskema ta’ pagament uniku stabbilit mir-Regolament Nru 1782/2003.

69      F’dan ir-rigward, mill-proċess jirriżulta li r-Renju Unit għażel implementazzjoni reġjonali tal-iskema ta’ pagament uniku, konformement mad-dispożizzjonijiet tat-Titolu III, Kapitolu 5 tar-Regolament Nru 1782/2003.

70      Id-drittijiet għall-pagament, ġew stabbiliti, fl-Irlanda ta’ Fuq, abbażi tal-mudell imsejjaħ “ibridu statiku”. F’dan il-mudell, kull dritt għall-pagament huwa magħmul minn element “storiku” (iktar ’il quddiem l-“element storiku”) u minn element ta’ “rata fissa” marbut mas-superfiċi (iktar ’il quddiem l-“element ta’ rata fissa”), fejn is-somma tal-valur ta’ dawn l-elementi jikkorrispondi għall-valur unitarju tad-dritt għall-pagament. Minn naħa, sabiex jiġi stabbilit il-valur tal-element storiku, ammont ta’ referenza, stabbilit abbażi tal-pagamenti mħallsa lill-bdiewa matul il-perijodu ta’ referenza (snin 2000 sa 2002), huwa diviż bin-numru ta’ ettari eliġibbli ddikjarati mill-bdiewa, fejn għalhekk dan in-numru jikkostitwixxi n-numru ta’ drittijiet għall-pagament allokati. Għalhekk, filwaqt li s-somma tal-elementi storiċi tikkostitwixxi ammont fiss stabbilit abbażi tal-pagamenti mħallsa matul il-perijodu ta’ referenza, il-valur unitarju tal-kull element storiku ta’ dawn id-drittijiet għall-pagament jiddependi min-numru ta’ drittijiet allokati fl-2005 u, b’hekk, min-numru ta’ ettari eliġibbli ddikjarati f’dik is-sena. Min-naħa l-oħra, l-element ta’ rata fissa huwa valur invarjabbli, f’dan il-każ ta’ EUR 78.33.

71      Huwa fid-dawl ta’ dan it-tfakkir u preċiżazzjonijiet li għandha tiġi eżaminata, b’mod prinċipali, il-fondatezza ta’ dan ir-rikors billi wieħed jibda bl-eżami tat-tieni motiv imqajjem mir-Renju Unit.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tal-insuffiċjenzi tal-verifiki sekondarji u, b’mod partikolari, tal-metodi ta’ kalkolu tal-pagamenti indebiti u tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda

72      Permezz tat-tieni motiv ta’ annullament, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tal-konstatazzjoni ta’ difetti fil-verifiki sekondarji, ir-Renju Unit iqiegħed inkwistjoni, b’mod partikolari, il-metodu ta’ kalkolu tal-pagamenti indebiti u tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda ta’ superfiċi, metodu segwit mill-Kummissjoni u użat fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskju. Dan il-motiv huwa maqsum f’ħames ilmenti, fejn l-ewwel ilment jirrigwarda l-evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur tad-drittijiet għall-pagament, it-tieni jirrigwarda t-teħid inkunsiderazzjoni, meta jsir il-kalkolu l-ġdid tad-drittijiet għall-pagament, tad-differenzi ta’ superfiċi li jaffettwaw il-primjums “annimali”, it-tielet, l-irkupru tal-indebitu, ir-raba’, it-tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda ta’ superfiċi u l-ħames, id-dikjarazzjoni żejda intenzjonali.

73      Peress li, b’differenza għat-tieni u l-ħames ilmenti, l-ewwel, it-tielet u r-raba’ lmenti jirrigwardaw speċifikament il-metodu ta’ kalkolu tal-pagamenti żejda u tas-sanzjonijiet li abbażi tagħhom ir-riskju finanzjarju mġarrab mill-Fond ġie evalwat f’dan il-każ fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskju, qabel kollox għandhom jiġu eżaminati dawn it-tliet ilmenti qabel ma jiġu evalwati t-tieni u l-ħames ilmenti.

 Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba’ lmenti, relatati mal-metodu ta’ evalwazzjoni tar-riskju finanzjarju mġarrab mill-Fond

74      Permezz tal-ewwel, it-tielet u r-raba’ lmenti mqajma insostenn ta’ dan il-motiv, ir-Renju Unit jikkontesta b’mod simultanju konstatazzjonijiet insuffiċjenti, imwettqa mill-Kummissjoni, li jaffettwaw ċerti verifiki sekondarji u l-metodu ta’ kalkolu, irrakkomandat minn din tal-aħħar u użat fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskju, tal-pagamenti indebiti li għandhom jiġu rkuprati u tat-tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda.

75      Dawn it-tliet ilmenti jirrigwardaw l-interpretazzjoni ta’ numru ta’ dispożizzjonijiet tar-Regolament Nru 796/2004 f’sitwazzjoni fejn il-pagamenti saru abbażi ta’ ċerti drittijiet għall-pagament indebitament allokati ma’ ettari mhux eliġibbli. B’mod iktar partikolari, is-sitwazzjoni inkwistjoni fil-kuntest ta’ dawn l-ilmenti tirrigwarda l-fatt li, waqt l-allokazzjoni inizjali tad-drittijiet għall-pagament fid-dawl tal-iskema ta’ pagament uniku, twettqu żbalji fir-rigward tas-superfiċi eliġibbli. Minħabba f’hekk, ġie allokat lil ċerti bdiewa numru elevat wisq ta’ drittijiet għall-pagament. Fid-dawl tal-metodu ta’ allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament magħżul mir-Renju Unit (ara l-punt 70 iktar ’il fuq), minn naħa, din l-allokazzjoni indebita kellha bħala effett evalwazzjoni mnaqqsa tal-valur unitarju ta’ kull dritt għall-pagament tal-bdiewa kkonċernati u, iktar preċiżament, tal-element storiku tagħhom. Min-naħa l-oħra, hija kellha bħala effett evalwazzjoni żejda tal-valur totali tas-somma ta’ dawn id-drittijiet għall-pagament minħabba l-element ta’ rata fissa. L-iżbalji fir-rigward tas-superfiċi eliġibbli reġgħu seħħew matul is-snin ta’ wara sa meta ġew skoperti meta saru l-verifiki, b’tali mod li ngħataw pagamenti abbażi ta’ ettari li ma kinux eliġibbli.

76      Huwa f’dawn iċ-ċirkustanzi li r-Renju Unit jallega, essenzjalment, li, f’sitwazzjoni bħal din, il-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament għandu, simultanjament mat-tnaqqis tan-numru tagħhom, jiġi retrospettivament evalwat mill-ġdid ’il fuq skont l-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004 (l-ewwel ilment) qabel l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73 tal-istess regolament, relatat mal-irkupru tal-pagamenti indebiti (it-tielet ilment), u l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 tal-imsemmi regolament, relatat mat-tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda (ir-raba’ lment).

–       Fuq l-ewwel ilment, relatat mal-evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur tad-drittijiet għall-pagament

77      Ir-Renju Unit isostni li, kuntrarjament għal dak li kkunsidrat il-Kummissjoni fil-proċedura ta’ clearance, l-Artikolu 73a(1) u (2) tar-Regolament Nru 796/2004 jimponi, mingħajr ma jittieħed inkunsiderazzjoni l-għarfien tal-bidwi, l-aġġustament tal-valur tad-drittijiet għall-pagament fil-każ ta’ allokazzjoni inizjali ta’ numru għoli wisq ta’ drittijiet għall-pagament. L-għarfien tal-bidwi għandu effett biss fil-kuntest tal-paragrafu 2a ta’ din id-dispożizzjoni, li, madankollu, ma huwiex applikabbli f’dan il-każ. Barra minn hekk, filwaqt li jikkonstata li l-Kummissjoni nnifisha taġġusta sistematikament, abbażi tal-Artikolu 73a(1) u (2) tar-Regolament Nru 796/2004, il-valur tad-drittijiet għall-pagament għall-futur, ir-Renju Unit josserva li l-Artikolu 73a tal-imsemmi regolament ma jagħmel ebda distinzjoni bejn l-evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid u l-evalwazzjoni prospettiva mill-ġdid u li kalkolu prospettiv sistematiku ġdid huwa saħansitra kuntrarju għal dawn id-dispożizzjonijiet. Bi tweġiba għall-argumenti tal-Kummissjoni, ir-Renju Unit jallega li r-riferiment, mill-Artikolu 73a(4) tar-Regolament Nru 796/2004, għall-Artikolu 73 ta’ dan l-istess regolament ma jqegħidx inkwistjoni l-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 73a tal-imsemmi regolament.

78      Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

79      Fil-kuntest ta’ dan l-ilment, il-partijiet ma jaqblux, essenzjalment, dwar il-kwistjoni jekk, fil-każ ta’ allokazzjoni, minħabba żbalji fir-rigward tas-superfiċi eliġibbli mwettqa fl‑2005 u rripetuti wara, ta’ numru għoli wisq ta’ drittijiet għall-pagament li wassal għal evalwazzjoni mnaqqsa tal-valur unitarju tagħhom u evalwazzjoni żejda tal-valur totali tagħhom, l-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004 jimponix, qabel ma jiġu applikati d-dispożizzjonijiet relatati mal-irkupru tal-pagament indebitu u s-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda inkwistjoni fit-tielet u r-raba’ lmenti ta’ dan il-motiv, li ssir evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament.

80      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-Artikolu 36 tar-Regolament Nru 73/2009 jipprovdi li d-drittijiet għall-pagament għal kull ettaru ma għandhomx jiġu mmodifikati, sakemm dan ir-regolament ma jipprovdix mod ieħor (sentenza tal‑5 ta’ Ġunju 2014, Vonk Noordegraaf, C‑105/13, Ġabra, EU:C:2014:1126, punt 37).

81      Fil-fatt, sa fejn, konformement mal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 73/2009, kull dritt għall-pagament attivat jagħti dritt għall-pagament tal-ammont li jiffissa, modifika ta’ dan l-ammont ikollha l-konsegwenza tnaqqis, jew żieda, tal-ammont tal-għajnuna mħallsa lill-bidwi kkonċernat. Issa, hekk kif jirriżulta mill-premessa 29 tar-Regolament Nru 1782/2003, wieħed mill-għanijiet tal-iskema ta’ pagament uniku huwa li kull bidwi jkun jista’ jkompli jibbenefika minn livell ta’ għajnuna ekwivalenti għall-ammonti li ngħatawlu matul il-perijodu ta’ referenza (sentenza Vonk Noordegraaf, punt 80 iktar ’il fuq, EU:C:2014:1126, punt 38).

82      Madankollu għandu jiġi kkonstatat li ebda dispożizzjoni tar-Regolament Nru 73/2009 ma tipprevedi espressament il-possibbiltà li timmodifika d-drittijiet għall-pagament ta’ bidwi li rċieva numru għoli wisq ta’ drittijiet għall-pagament meta saret l-allokazzjoni inizjali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vonk Noordegraaf, punt 80 iktar ’il fuq, EU:C:2014:1126, punt 40).

83      Min-naħa l-oħra, l-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004 jipprovdi regoli relatati mal-irkupru tad-drittijiet allokati indebitament li minnhom jirriżulta li, fiċ-ċirkustanzi li huma jsemmu, id-drittijiet għall-pagament jistgħu jkunu suġġetti għal kalkolu ġdid. Din id-dispożizzjoni tipproċedi, hekk kif jirriżulta mill-premessa 15 tar-Regolament Nru 239/2005, li permezz tiegħu hija ġiet inkluża fir-Regolament Nru 796/2004, mir-rieda li jiġu ffissati regoli għall-każ fejn bidwi indebitament irċieva ċerta kwantità ta’ drittijiet għall-pagament jew għall-każ fejn il-valur ta’ kull wieħed mid-drittijiet għall-pagament ġie stabbilit fuq livell żbaljat.

84      Peress li r-Renju Unit jibbaża fuq l-Artikolu 73a(1) tar-Regolament Nru 796/2004, jekk ikun il-każ moqri flimkien mal-paragrafu 2 ta’ din l-istess dispożizzjoni, l-allegazzjoni li jeħtieġ, fil-każ ta’ allokazzjoni indebita ta’ ċerti drittijiet għall-pagament, li jsir it-tnaqqis u l-evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tagħhom, hemm lok li tingħata l-interpretazzjoni tal-Artikolu 73a tal-imsemmi regolament.

85      Għal dan il-għan, għandu jitfakkar li, għall-interpretazzjoni ta’ dispożizzjoni tad-dritt tal-Unjoni, għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni mhux biss it-termini ta’ din tal-aħħar, iżda wkoll il-kuntest tagħha u l-għanijiet li l-leġiżlazzjoni li tifforma parti minnha tfittex li tilħaq (sentenza tas‑17 ta’ Novembru 1983, Merck, 292/82, Ġabra EU:C:1983:335, punt 12).

86      L-ewwel nett, għandhom jitfakkru d-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004. F’dan ir-rigward, qabel kollox, l-Artikolu 73a(1) tar-Regolament Nru 796/2004 jipprovdi li, meta ċerti drittijiet għall-pagament ikunu ngħataw indebitament, il-bidwi jittrasferihom lir-riżerva nazzjonali u li dawn id-drittijiet jitqiesu li ma ġewx attribwiti mill-bidu. Sussegwentement, mill-Artikolu 73a(2) tar-Regolament Nru 796/2004 jirriżulta li, meta l-valur tad-drittijiet għall-pagament ikun għoli wisq, dan il-valur jiġi konsegwentement aġġustat, fejn id-drittijiet jitqiesu li ngħataw sa mill-bidu lill-valur li jirriżulta mill-aġġustament. Fl-aħħar nett, l-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004, introdott permezz tar-Regolament Nru 972/2007, jipprovdi li, meta, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, huwa stabbilit li agrikoltur ingħata ċerti drittijiet għall-pagament b’mod indebitu, iżda li tali allokazzjoni ta’ drittijiet hija mingħajr effett fuq il-valur totali tad-drittijiet li ngħatawlu, dawn tal-aħħar għandhom ikunu suġġetti għal kalkolu ġdid, sakemm l-iżbalji ma setgħux raġonevolment jiġu identifikati mill-bidwi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Vonk Noordegraaf, punt 80 iktar ’il fuq, EU:C:2014:1126, punt 41). Barra minn hekk, konformement mal-Artikolu 73a(4) tar-Regolament Nru 796/2004, l-ammonti indebitament imħallsa għandhom jiġu rkuprati konformement mal-Artikolu 73 tal-istess regolament, li jitratta l-irkupru tal-pagament indebitu.

87      It-tieni nett, għandu jiġi osservat li, f’dan il-każ, il-partijiet jaqblu fir-rigward tan-nuqqas ta’ applikabbiltà tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004, ġaladarba l-allokazzjoni indebita, għalkemm wasslet għal evalwazzjoni mnaqqsa tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament, affettwat ukoll, minħabba l-element ta’ rata fissa, il-valur totali tad-drittijiet għall-pagament.

88      It-tielet nett, fir-rigward tal-interpretazzjoni tal-Artikolu 73a(1) tar-Regolament Nru 796/2004, għandu jiġi osservat li l-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni la tipprovdi u lanqas teskludi espliċitament evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament wara li jkun sar l-irkupru tad-drittijiet allokati indebitament.

89      Madankollu l-partijiet josservaw li l-preċiżazzjoni, imsemmija fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 73a(1) tar-Regolament Nru 796/2004, li d-drittijiet allokati indebitament għandhom jitqiesu li ma ġewx attribwiti sa mill-bidu tista’ tinftiehem fis-sens li jeħtieġ, meta allokazzjoni indebita tad-drittijiet għall-pagament tkun affettwat il-valur unitarju tad-drittijiet allokati, li ssir evalwazzjoni mill-ġdid tal-valur unitarju tad-drittijiet li jissussistu.

90      Madankollu, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 73a(1) tar-Regolament Nru 796/2004 titwaqqa’ meta kkonfrontata b’analiżi kuntestwali ta’ din id-dispożizzjoni.

91      Fil-fatt, għandu jiġi osservat li tali interpretazzjoni tal-Artikolu 73a(1) tar-Regolament Nru 796/2004 ċċaħħad, minn tal-inqas parzjalment, minn kull sens iż-żieda, mir-Regolament Nru 972/2007, tal-paragrafu 2a ta’ din id-dispożizzjoni. Fil-kuntest tal-Artikolu 73a(2a) tal-imsemmi regolament, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-paragrafi 1 u 2 tal-istess artikolu, l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament, fil-każ ta’ allokazzjoni indebita, hija limitata għall-ipoteżi, differenti, bħalma jaqblu l-partijiet, ta’ dik inkwistjoni f’din il-kawża, li fiha l-imsemmija allokazzjoni indebita ma kellha ebda effett fuq il-valur totali tad-drittijiet għall-pagament, sa fejn il-bidwi ma setax raġonevolment ikkonstata l-iżbalji mwettqa. Issa, għalkemm l-Artikolu 73a(1) tar-Regolament Nru 796/2004 kellu jiġi interpretat fis-sens li jinkludi fih innifsu l-obbligu li ssir evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament – mingħajr kunsiderazzjoni għall-effett ta’ tali evalwazzjoni mill-ġdid fuq il-valur totali tad-drittijiet għall-pagament, u dan, jekk ikun il-każ, minkejja li l-bidwi seta raġonevolment ikkonstata l-iżbalji mwettqa –, din il-preċiżazzjoni li tinsab fl-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004 hija nieqsa minn kull utilità u kull rilevanza.

92      Din l-interpretazzjoni barra minn hekk hija kkonfermata fir-rigward tal-motivi li ġġustifikaw l-inklużjoni, mir-Regolament Nru 972/2007, tal-paragrafu 2a fl-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004. Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-premessa 19 tar-Regolament Nru 972/2007, huwa biss fil-każijiet fejn l-allokazzjonijiet indebiti ta’ drittijiet ma kellhomx effett fuq il-valur totali tad-drittijiet għall-pagament, iżda biss fuq in-numru ta’ drittijiet tal-agrikoltur, li l-Istati Membri jikkoreġu, meta l-bidwi ma setax raġonevolment jidentifika l-iżbalji, l-allokazzjoni jew, jekk ikun il-każ, it-tip ta’ drittijiet, mingħajr ma jnaqqsu l-valur korrispondenti, konformement ma’ din l-aħħar dispożizzjoni.

93      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li l-preċiżazzjoni, fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 73a(1) tar-Regolament Nru 796/2004, li “[i]d-drittijiet allokati b’mod mhux mistħoqq m’għandhomx jitqiesu li ġew allokati ab initio” ma tistax tiġi interpretata fis-sens li hija timponi li ssir l-evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament. Min-naħa l-oħra, din il-preċiżazzjoni għandha tinqara flimkien mal-Artikolu 73a(4) tal-imsemmi regolament, li jgħid “[a]mmonti mħallsa mhux mistħoqqa għandhom jiġu rkuprati skont l-Artikolu 73 [tal-istess regolament]”. Għalhekk il-preċiżazzjoni msemmija iktar ’il fuq li tinsab fit-tielet subparagrafu tal-Artikolu 73a(1) tar-Regolament Nru 796/2004 għandha tiġi interpretata fis-sens li għandha bħala għan waħdieni li tindika li l-għajnuna, jekk ikun il-każ, mogħtija abbażi ta’ drittijiet allokati indebitament hija min-naħa tagħha indebita, inkwantu għandha, konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 796/2004, tiġi rrestitwita.

94      Qabel kollox, għandu jiġi kkunsidrat li din l-interpretazzjoni ma hijiex kuntrarja għall-għanijiet tas-sistema ta’ pagament uniku. Hekk kif tfakkar fil-punt 81 iktar ’il fuq, skont il-ġurisprudenza, mill-premessa 29 tar-Regolament Nru 1782/2003 jirriżulta li wieħed mill-għanijiet tal-iskema ta’ pagament uniku huwa li kull bidwi jkun jista jkompli jibbenefika minn livell ta’ għajnuna ekwivalenti għall-ammonti li ngħataw lilu matul il-perijodu ta’ referenza (sentenza Vonk Noordegraaf, punt 80 iktar ’il fuq, EU:C:2014:1126, punt 38). Fil-fatt, hekk kif jirriżulta mill-użu tal-aġġettiv “ekwivalenti”, din l-iskema ma tiggarantix identità stretta tal-livell tal-għajnuna.

95      Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argumenti tar-Renju Unit ibbażati fuq l-Artikolu 73a(2) tar-Regolament Nru 796/2004, għandu jiġi osservat li din id-dispożizzjoni tipprovdi biss evalwazzjoni mill-ġdid ’l isfel tad-drittijiet għall-pagament. Min-naħa l-oħra, ma jirriżulta mkien mill-formulazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni li hija tippermetti evalwazzjoni mill-ġdid ’il fuq meta, minħabba allokazzjoni inizjali ta’ numru għoli wisq ta’ drittijiet għall-pagament, il-valur ta’ dawn tal-aħħar ġie evalwat għal livell baxx wisq.

96      Barra minn hekk, għandu jiġi kkunsidrat li, kuntrarjament għal dak li xtaq ir-Renju Unit waqt is-seduta, l-Artikolu 73a(2) tar-Regolament Nru 796/2004 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jimponi evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid ’il fuq tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament meta, fil-każ ta’ allokazzjoni indebita ta’ ċerti drittijiet għall-pagament u ta’ evalwazzjoni mnaqqsa tal-valur unitarju tad-drittijiet allokati, tkun saret evalwazzjoni żejda tal-valur totali tad-drittijiet allokati lil bidwi. Fil-fatt, minbarra l-fatt li, moqri fil-kuntest tal-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004, l-użu, fil-paragrafu 2 ta’ din l-istess dispożizzjoni, tal-kelma “valur” għandu jinftiehem, fin-nuqqas ta’ preċiżazzjoni li dan huwa l-valur totali, bħall-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament individwali, l-interpretazzjoni ssuġġerita mir-Renju Unit fi kwalunkwe każ għandha tiġi miċħuda għal raġunijiet analogi għal dawk li jirriżultaw fil-punti 91 u 92 iktar ’il fuq.

97      Għalhekk, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Renju Unit, interpretazzjoni magħquda tal-paragrafi 1 u 2 tal-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004 ma tippermettix li jiġi kkunsidrat li, fil-każ ta’ allokazzjoni inizjali ta’ numru għoli wisq ta’ drittijiet għall-pagament li jagħti lok għal evalwazzjoni mnaqqsa tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament filwaqt li jaffettwa l-valur totali tal-imsemmija drittijiet, ikun meħtieġ, meta jiġi kkonstatat l-iżball, li ssir evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament wara li n-numru tagħhom ikun tnaqqas.

98      Barra minn hekk, sa fejn ir-Renju Unit josserva, fir-replika tiegħu, li l-Kummissjoni rrikonoxxiet in-natura żbaljata tal-analiżi tagħha, inkwantu hija aċċettat li l-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004, li jirreferi biss għall-għarfien tal-bidwi, ma kienx applikabbli, għandu jiġi osservat li mkien ma jirriżulta mill-atti tal-proċess li l-Kummissjoni kellha l-intenzjoni li tibbaża l-kontestazzjoni tagħha bbażata fuq l-l-evalwazzjoni sistematika mill-ġdid tad-drittijiet għall-pagament tagħha fuq l-Artikolu 73a(2a) tar-Regolament Nru 796/2004.

99      Għalhekk, u mingħajr ma jkun meħtieġ li jiġu eżaminati l-argumenti tal-Kummissjoni bbażati fuq l-Artikolu 73(4) tar-Regolament Nru 796/2004 u relatati mal-irkupru tal-pagamenti indebiti, kwistjoni li taqa’ taħt it-tielet ilment ta’ dan il-motiv, hemm lok li jiġi konkluż li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq it-tielet ilment, relatat mal-irkupru tal-pagament indebitu

100    Ir-Renju Unit jikkontesta l-kunsiderazzjonijiet magħmula mill-Kummissjoni fir-rigward tal-irkupru tal-pagament indebitu skont l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 796/2004. Huwa jqis, essenzjalment, li jeħtieġ, fil-każ ta’ allokazzjoni inizjali ta’ numru għoli wisq ta’ drittijiet għall-pagament, li jiġu kkalkolati mill-ġdid id-drittijiet għall-pagament, konformement mal-Artikolu 73a tal-istess regolament, qabel ma jiġu stabbiliti l-ammonti indebitament ireċevuti li għandhom jiġu rkuprati. Għaldaqstant, f’każ bħal dan, l-ammonti relatati mal-element storiku tal-għajnuna ma għandhomx jiġu rrestitwiti. L-approċċ tal-Kummissjoni, li tistabbilixxi l-ammonti li għandhom jiġu rkuprati abbażi tal-valur inizjali tad-drittijiet għall-pagament ineżistenti, huwa inkompatibbli mal-Artikoli 73 u 73a tar-Regolament Nru 796/2004 inkwantu l-Kummissjoni, minn naħa, ma tipproċedix għall-aġġustament retroattiv tal-valur tad-drittijiet u, min-naħa l-oħra, tobbliga lill-bdiewa jirrimborsaw ammonti ogħla mit-telf reali għall-Fond u mill-pagamenti indebiti. F’dan is-sens, l-approċċ tal-Kummissjoni jwassal sabiex il-bdiewa jiġu ssanzjonati.

101    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

102    Fl-ewwel lok, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 73/2009:

“L-appoġġ lill-bdiewa taħt l-iskema tal-pagament uniku għandu jingħata malli jiġi attivat id-dritt għal pagament għal kull ettaru eliġibbli. Drittijiet għal pagament attivati għandhom jagħtu dritt għal pagament tal-ammonti ffissati bihom.”

103    Fit-tieni lok, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 73(1) tar-Regolament Nru 796/2004, fil-każ ta’ pagament indebitu, il-bidwi kkonċernat għandu l-obbligu li jirrimborsa l-ammonti inkwistjoni flimkien mal-interessi kkalkolati skont kif preskritt fil-paragrafu 3 ta’ din id-dispożizzjoni.

104    Skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 73(4) tar-Regolament Nru 796/2004, l-obbligu ta’ rimbors imsemmi fl-Artikolu 73(1) tal-imsemmi regolament japplika biss jekk il-pagament ikun sar wara żball tal-awtorità kompetenti jew ta’ awtorità oħra u jekk l-iżball ma setax jiġi raġonevolment identifikat mill-bidwi. Barra minn hekk mit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 73(4) tar-Regolament Nru 796/2004 jirriżulta li, madankollu, meta l-iżball jirrigwarda fatti rilevanti għall-kalkolu tal-għajnuna inkwistjoni, l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni japplika biss jekk id-deċiżjoni ta’ rkupru ma tkunx ġiet ikkomunikata fit-tnax-il xahar wara l-pagament.

105    Fit-tielet lok, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l‑leġiżlatur tal-Unjoni jistabbilixxi kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għall-għoti ta’ għajnuna, l-esklużjoni li twassal għan-nuqqas ta’ osservanza ta’ waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tammontax għal sanzjoni, iżda għal sempliċi konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal-imsemmija kundizzjonijiet previsti mil-liġi (sentenzi tal‑24 ta’ Mejju 2007, Maatschap Schonewille‑Prins, C‑45/05, Ġabra, EU:C:2007:296, punt 47, u tal‑24 ta’ Mejju 2012, Hehenberger, C‑188/11, Ġabra, EU:C:2012:312, punt 37).

106    F’dan il-każ, għandu jiġi osservat li l-argument tar-Renju Unit huwa bbażat fuq il-premessa li, fil-każ ta’ allokazzjoni indebita ta’ drittijiet għall-pagament li kellhom inċidenza kemm fuq il-valur unitarju u l-valur totali tad-drittijiet, jeħtieġ, konformement mal-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004, li ssir l-evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur tad-drittijiet għall-pagament wara li jitnaqqas in-numru ta’ drittijiet, qabel ma jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73 tal-istess regolament fir-rigward tal-irkupru tal-pagament indebitu.

107    Issa, dan l-argument ma jistax jintlaqa’.

108    Fil-fatt, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet magħmula fil-punt 97 iktar ’il fuq, tali evalwazzjoni mill-ġdid ma tistax tibbaża ruħha, kuntrarjament għal kif jidher fl-argumenti tar-Renju Unit, fuq id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004, meta, fil-każ ta’ żbalji fir-rigward tas-superfiċi eliġibbli li jmorru lura għas-sena ta’ allokazzjoni tad-drittijiet għall-pagament, il-valur totali tagħhom ġie affettwat mill-imsemmija żbalji.

109    Għalhekk l-argument tar-Renju Unit ibbażat fuq il-fatt li għandha ssir evalwazzjoni mill-ġdid retrospettiva tad-drittijiet għall-pagament qabel ma jiġi applikat l-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 796/2004 ma jistax jintlaqa’.

110    Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-argumenti l-oħra tar-Renju Unit, ibbażati fuq il-fatt li l-applikazzjoni tal-Artikolu 73(1) tar-Regolament Nru 796/2004 mingħajr ma ssir evalwazzjoni mill-ġdid minn qabel tad-drittijiet għall-pagament tagħti lok għall-irkupru tal-ammonti ogħla mir-riskju reali għall-Fond u, minħabba f’hekk, tikkostitwixxi sanzjoni għall-bidwi.

111    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li, konformement mal-Artikolu 34(1) tar-Regolament Nru 73/2009, l-għajnuna tingħata għad-drittijiet għall-pagament attivati, jew għad-drittijiet għall-pagament li jinkludu numru korrispondenti ta’ ettari eliġibbli. Għalhekk, żball fir-rigward tas-superfiċi eliġibbli fi kwalunkwe każ jaffettwa, bħal ma tosserva ġustament il-Kummissjoni, l-ammont tal-għajnuna mħallsa kollha kemm hi.

112    Min-naħa l-oħra, mill-kunsiderazzjonijiet li jinsabu fil-punt 93 iktar ’il fuq jirriżulta li għajnuna mogħtija abbażi ta’ drittijiet għall-pagament indebitament allokati tikkostitwixxi, fid-dawl tad-dispożizzjonijiet magħquda tat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 73a(1) tar-Regolament Nru 796/2004 u tal-Artikolu 73a(4) tal-istess regolament, għajnuna indebita li għandha tiġi rkuprata konformement mal-Artikolu 73 tal-imsemmi regolament.

113    Issa, qabel kollox, l-approċċ tar-Renju Unit li jikkonsisti f’li jipproċedi, qabel ma jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 796/2004, għall-evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur unitarju ta’ kull dritt għall-pagament u f’li jikkalkola mill-ġdid, abbażi ta’ numru korrett ta’ drittijiet għall-pagament li għalhekk ikunu ġew evalwati mill-ġdid, l-ammont totali tal-għajnuna li jmissha tħallset lill-bidwi fl-assenza tal-iżball imwettaq fl‑2005 huwa difettuż, hekk kif tosserva ġustament il-Kummissjoni b’risposta kemm għall-ewwel kif ukoll għat-tielet ilment ta’ dan il-motiv, fir-rigward tal-irkupru korrett u effettiv tal-għajnuna indebita.

114    Għalhekk, pjuttost milli jikkunsidra bħala indebita l-għajnuna mogħtija abbażi ta’ dritt għall-pagament indebitament allokat u li jinkludi superfiċi kollha kemm hi mhux eliġibbli, l-approċċ tar-Renju Unit għandu bħala effett li jnaqqas il-parti indebita mid-differenza bejn il-pagament mogħti u l-pagament rivedut abbażi tad-drittijiet għall-pagament evalwati mill-ġdid ’il fuq u tan-numru ta’ ettari kkunsidrati bħala eliġibbli, li tikkorrispondi għall-ammont tal-element ta’ rata fissa tad-dritt għall-pagament indebitament allokat.

115    Issa, għandu jiġi kkunsidrat li, fl-assenza ta’ kull dispożizzjoni li tipprevedi, fil-każ ta’ allokazzjoni indebita ta’ ċerti drittijiet għall-pagament li affettwaw il-valur totali tad-drittijiet għall-pagament, l-evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur unitarju tagħhom ’il fuq, interpretazzjoni bħal din hija inkompatibbli mar-rekwiżit ta’ interpretazzjoni stretta tal-kundizzjonijiet ta’ teħid ta’ responsabbiltà għall-ispejjeż li l-Qorti tal-Ġustizzja stabbiliet fil-kuntest tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 729/70, tal‑21 ta’ April 1970, dwar il-finanzjament tal-politika agrikola komuni (ĠU L 94, p. 13), issostitwit bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1258/1999, tas‑17 ta’ Mejju 1999, dwar il-finanzjament tal-politika komuni agrikola (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 25, p. 414), li min-naħa tagħha, ġiet issostitwita bir-Regolament Nru 1290/2005 (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑6 ta’ Novembru 2014, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, C‑610/13 P, EU:C:2014:2349, punt 41 u l-ġurisprudenza ċċitata).

116    Sussegwentement, sa fejn, fir-replika, ir-Renju Unit osserva li approċċ li skontu l-ammont eċċessiv jiġi evalwat abbażi tad-drittijiet għall-pagament inizjalment allokati jostakola l-irkupru korrett tal-pagament indebitu inkwantu, skont il-każ, dan l-approċċ iwassal sabiex l-ammont eċċessiv ma jiġi qatt irkuprat jew jagħti lok għal irkupru eċċessiv, minn naħa, fir-rigward tal-irkupri eċċessivi, għandu jiġi osservat li, fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet esposti fil-punti 113 u 114 iktar ’il fuq, dan l-argument jista’ biss jiġi miċħud.

117    Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-argument ibbażat fuq il-fatt li l-imsemmi approċċ tal-Kummissjoni jista’ jkollu l-effett li jipprekludi l-irkupru tal-ammonti eċċessivi minħabba kalkolu tal-għajnuna abbażi ta’ drittijiet għall-pagament ineżistenti, għandu jiġi osservat li dan l-argument, li tqajjem fir-rikors fil-kuntest tar-raba’ lment biss u li ġie espost fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004, huwa invokat fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-ammonti eċċessivi għall-ewwel darba fir-replika u huwa ssostanzjat biss b’riferiment għall-ispjegazzjonijiet li jinsabu fir-rikors taħt ir-raba’ lment. Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, hekk kif jirriżulta mill-punt 93 iktar ’il fuq, għajnuna mogħtija abbażi ta’ dritt għall-pagament indebitament allokat hija fiha nnifisha indebita. Għalkemm ir-Renju Unit jallega li l-approċċ tal-Kummissjoni għandu, f’ċerti ċirkustanzi, l-effett li ma jikkunsidrax tali pagament bħala indebitu inkwantu hija tikkalkola l-ammonti eċċessivi abbażi tad-drittijiet għall-pagament hekk kif iddikjarati, madankollu għandu jiġi osservat li, fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, il-Kummissjoni tosserva espliċitament, b’risposta għall-ewwel motiv imqajjem mir-Renju Unit, li bidwi ma jistax jikseb pagament abbażi ta’ dritt għall-pagament allokat. Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li, fil-kuntest tar-rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskju, ir-Renju Unit wasal sabiex jeskludi mill-kalkolu tal-ammonti eċċessivi ċerti ammonti mogħtija abbażi ta’ drittijiet għall-pagament allokati b’mod indebitu.

118    Fl-aħħar nett, għandu jiġi ppreċiżat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 105 iktar ’il fuq, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Renju Unit, l-irkupru ma jikkostitwix sanzjoni iżda sempliċi konsegwenza tan-nuqqas ta’ osservanza tal-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà.

119    Barra minn hekk, għandu jingħad ukoll li, fi kwalunkwe każ, l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 73(4) tar-Regolament Nru 796/2004 jipprovdi li l-obbligu ta’ rimbors imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni ma japplikax jekk il-pagament ikun sar wara żball tal-awtorità kompetenti jew ta’ awtorità oħra u jekk l-iżball ma setax jiġi raġonevolment identifikat mill-bidwi. Għalhekk il-bidwi in bona fide huwa protett mill-irkupru tal-għajnuna indebita meta l-iżball li affettwa s-superfiċi eliġibbli jew saħansitra l-għoti tad-drittijiet għall-pagament ikun imputabbli lill-awtoritajiet u li huwa ma setax raġonevolment jidentifikah.

120    Għalhekk dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

–       Fuq ir-raba’ lment, relatat mat-tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda ta’ superfiċi

121    Ir-Renju Unit jikkontesta l-kunsiderazzjoni li huwa applika b’mod żbaljat id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004. L-ewwel nett, huwa jqis li, meta jkunu twettqu żbalji waqt l-allokazzjoni inizjali tad-drittijiet, is-sanzjonijiet imsemmija mill-imsemmi artikolu jistgħu jiġu applikati biss wara li jkun ġie kkalkolat mill-ġdid il-valur tad-drittijiet għall-pagament konformement mal-Artikolu 73a tal-istess regolament. It-tieni nett, filwaqt li jirrikonoxxi li sanzjonijiet għandhom ikunu jistgħu jiġu imposti għas-sena kollha ta’ dikjarazzjoni meta l-bidwi jiddikjara superfiċi mhux eliġibbli biex jingħata lok għal dritt għall-pagament li huwa realment għandu, ir-Renju Unit madankollu josserva li l-Kummissjoni tqis b’mod żbaljat li, fil-każ ta’ żbalji mwettqa waqt l-allokazzjoni inizjali tad-drittijiet għall-pagament u rripetuti waqt is-snin ta’ dikjarazzjoni segwenti, għandhom jiġu applikati sanzjonijiet mhux biss għas-sena 2005, iżda wkoll għas-snin ulterjuri, anki meta l-bidwi jiddikjara biżżejjed ettari eliġibbli biex jingħata lok għad-drittijiet għall-pagament li huwa effettivament għandu. Id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004 jagħmlu wkoll distinzjoni bejn dikjarazzjonijiet żejda ta’ superfiċi li jagħtu lok għall-attivazzjoni ta’ drittijiet għall-pagament għad-dispożizzjoni effettiva ta’ bidwi u dikjarazzjonijiet żejda li jwasslu għal żball imwettaq fl-allokazzjoni inizjali tad-drittijiet għall-pagament. Fil-fatt, kemm mill-istruttura tal-Artikolu 51(1) u (2a) tar-Regolament Nru 796/2004, ikkonfermat mit-tieni inċiż tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1122/2009, jirriżulta li, sussidjarjament, mill-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-inqas sanzjoni severa, f’dan il-każ l-imsemmi tieni inċiż tal-Artikolu 57(2) ta’ dan l-aħħar regolament, ebda sanzjoni ma hija dovuta għas-snin ulterjuri.

122    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-Renju Unit.

123    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-argument imqajjem mir-Renju Unit insostenn ta’ dan l-ilment huwa bbażat fuq il-premessa li, qabel l-applikazzjoni tat-tnaqqis u esklużjonijiet konformement mal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004, jeħtieġ li jiġi applikat l-Artikolu 73a tal-istess regolament, hekk kif interpretat mir-Renju Unit.

124    F’dan ir-rigward, jeħtieġ sempliċement li jitfakkar li, hekk kif jirriżulta fil-punti 97 u 108 iktar ’il fuq, din il-premessa hija żbaljata.

125    Fil-fatt, diġà ġie kkonstatat, fil-punti 97 u 108 iktar ’il fuq, li l-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004 ma jistax jiġi interpretat fis-sens li jipprevedi, f’ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, għal evalwazzjoni retroattiva mill-ġdid tal-valur tad-drittijiet għall-pagament.

126    Għalhekk isegwi wkoll li, sa fejn l-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004 ma jippermettix, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk ta’ din il-kawża, il-kalkolu retrospettiv il-ġdid tad-drittijiet għall-pagament, ir-Renju Unit ma jistax jikkritika lill-Kummissjoni talli tittratta b’mod differenti s-superfiċi ddikjarata u d-drittijiet għall-pagament iddikjarati sa fejn hija taġġusta tal-ewwel mingħajr madankollu ma taġġusta tat-tieni.

127    Sussegwentement, ir-Renju Unit iqis li, fir-rigward tas-sena ta’ dikjarazzjoni 2005, jeħtieġ, konformement mal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004, li tiġi applikata sanzjoni minħabba dikjarazzjoni żejda, fejn din is-sanzjoni għandha tiġi kkalkolata abbażi tad-drittijiet għall-pagament, hekk kif korretti retrospettivament. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tas-snin ta’ dikjarazzjoni ulterjuri li matulhom ġie rripetut l-istess żball, ir-Renju Unit iqis li l-applikazzjoni magħquda tal-paragrafi 1 u 2a tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004 għandha bħala effett li teskludi kull sanzjoni għal dawn is-snin. Din il-kunsiderazzjoni hija bbażata fuq l-istruttura tal-imsemmija dispożizzjonijiet fis-sens li, skont ir-Renju Unit, meta l-bidwi jiddikjara superfiċi eliġibbli suffiċjenti biex jingħata lok għad-drittijiet għall-pagament li huwa realment għandu (jiġifieri jekk ikun il-każ wara t-tnaqqis tan-numru tagħhom u l-evalwazzjoni mill-ġdid tal-valur tagħhom), ma jkunx effettiv, konformement mal-Artikolu 51(2a), tar-Regolament Nru 796/2004, li tiġi imposta sanzjoni fuqu.

128    Sabiex tiġi eżaminata l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti, għandu jiġi vverifikat, minn naħa, jekk l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004 jimponix, minkejja l-formulazzjoni tal-Artikolu 73a tal-istess regolament, li ssir l-evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur tad-drittijiet għall-pagament u, min-naħa l-oħra, jekk mill-Artikolu 51(2a) tal-imsemmi regolament jirriżultax li, hekk kif isostni r-Renju Unit, ebda sanzjoni ma għandha tiġi applikata sa fejn il-bidwi jiddikjara superfiċi suffiċjenti sabiex jingħata lok għan-numru ta’ drittijiet għall-pagament li huwa realment għandu.

129    Qabel kollox, preliminarjament, għandu jiġi osservat li l-għanijiet tar-Regolament Nru 796/2004 u, b’mod partikolari, tal-Artikolu 51 tiegħu huma, konformement mal-premessi 29 u 55 ta’ dan ir-regolament, rispettivament, li jiġi żgurat monitoraġġ effikaċi tal-osservanza tad-dispożizzjonijiet relatati mal-iskemi ta’ għajnuna ġestiti fil-kuntest tas-sistema integrata u, sabiex jiġu protetti effikaċjament l-interessi finanzjarji tal-Unjoni, li jiġu adottati miżuri adegwati għall-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi (ara, b’analoġija, is-sentenza tat‑28 ta’ Novembru 2002, Agrargenossenschaft Pretzsch, C‑417/00, Ġabra, EU:C:2002:715, punt 33).

130    Sussegwentement, l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004 jipprevedi, fil-każ fejn is-superfiċi ddikjarata fit-talba għal għajnuna teċċedi dik stabbilita waqt verifika, sanzjonijiet mifruxa skont il-gravità tal-irregolarità mwettqa (ara, b’analoġija, is-sentenza Agrargenossenschaft Pretzsch, punt 129 iktar ’il fuq, EU:C:2002:715, punt 35). L-ewwel nett, meta d-differenza bejn is-superfiċi ddikjarata u dik stabbilita konformement mal-Artikolu 50(3) u (5) tal-istess regolament taqbeż it‑3 % jew żewġ ettari u ma teċċedix 20 % tas-superfiċi stabbilita, l-ammont tal-għajnuna huwa kkalkolat abbażi tas-superfiċi stabbilita, imnaqqsa bid-doppju tad-differenza kkonstatata. It-tieni nett, meta l-imsemmija differenza teċċedi 20 % tas-superfiċi stabbilita, ma tingħata ebda għajnuna. It-tielet nett, meta din id-differenza teċċedi 50 %, il-bidwi huwa wkoll ippenalizzat milli jirċievi għajnuna ta’ ammont ugwali għall-ammont li jikkorrispondi għad-differenza bejn is-superfiċi ddikjarata u s-superfiċi stabbilita konformement mal-Artikolu 50(3) u (5) tar-Regolament Nru 796/2004.

131    Madankollu, minn naħa, l-Artikolu 51(2a) tar-Regolament Nru 796/2004 jipprevedi, fl-ewwel subparagrafu tiegħu, li dan it-tnaqqis u esklużjonijiet ma japplikawx jekk bidwi jiddikjara superfiċi ogħla mid-drittijiet għall-pagament u jekk is-superfiċi ddikjarata tissodisfa l-kriterji l-oħra kollha ta’ ammissibbiltà. Min-naħa l-oħra, konformement mat-tieni subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni, jekk bidwi jiddikjara superfiċi ogħla mid-drittijiet għall-pagament u jekk is-superfiċi ddikjarata ma tissodisfax il-kriterji kollha ta’ ammissibbiltà, id-differenza msemmija fl-Artikolu 51(1) tal-istess regolament għandha tkun id-differenza bejn is-superfiċi li tissodisfa l-kriterji kollha ta’ ammissibbiltà u l-ammont tad-drittijiet għall-pagament iddikjarati.

132    Fl-aħħar nett, għandu jingħad ukoll li mill-ġurisprudenza jirriżulta li, jekk l-awtorità kompetenti tiskopri li applikant għal għajnuna ppreżenta dikjarazzjoni żbaljata, u li ma jkunx għamel dan b’mod intenzjonali, liema fatt jagħti lok għal evalwazzjoni ogħla tas-superfiċi eliġibbli għall-għajnuna, u jekk l-istess żball ikun twettaq matul is-snin li jippreċedu dik li matulha ġie identifikat dan l-iżball, liema fatt ta lok għal evalwazzjoni ogħla tas-superfiċi eliġibbli għall-għajnuna għal kull waħda minn dawn is-snin, din l-awtorità għandha l-obbligu, suġġett għall-osservanza tat-termini ta’ preskrizzjoni previsti fl-Artikolu 3(1) tar-Regolament Nru 2988/95, li tnaqqas is-superfiċi effettivament stabbilita għall-finijiet tal-kalkolu tal-għajnuna dovuta għas-snin kollha kkonċernati (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tad‑19 ta’ Novembru 2002, Strawson u Gagg & Sons, C‑304/00, Ġabra, EU:C:2002:695, punt 64, u tal‑25 ta’ Lulju 2006, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, T‑221/04, EU:T:2006:223, punt 88).

133    Huwa fid-dawl ta’ dan it-tfakkir li jeħtieġ li jiġu eżaminati suċċessivament iż-żewġ kwistjonijiet imqajma fil-punt 128 iktar ’il fuq.

134    Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk it-tnaqqis u l-esklużjonijiet previsti fl-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004 għandhomx jiġu ddeterminati abbażi ta’ valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament ikkalkolat mill-ġdid, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għall-allegazzjonijiet tar-Renju Unit, ma jirriżulta la mill-formulazzjoni ta’ dan l-artikolu, li huwa, skont dan l-Istat Membru, “espress [...] f’termini ta’ drittijiet”, u lanqas mill-interpretazzjoni tiegħu fid-dawl tad-definizzjoni, fil-punt 22 tal-Artikolu 2 ta’ dan ir-regolament, tal-kunċett ta’ “Żona [superfiċi] stabbilita” li s-sanzjoni prevista fl-imsemmi Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004 għandha tiġi ddeterminata abbażi tad-drittijiet għall-pagament retrospettivament ikkalkolati mill-ġdid.

135    Fil-fatt, mill-kliem tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004 jirriżulta li t-tnaqqis u esklużjonijiet li huma previsti fih japplikaw ladarba s-superfiċi ddikjarata mill-bidwi hija ogħla mis-superfiċi stabbilita konformement, b’mod partikolari, għall-Artikolu 50(3) tal-istess regolament u li d-differenza bejn iż-żewġ superfiċi taqbeż il-marġni indikati minn din id-dispożizzjoni.

136    Issa, għalkemm minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li dikjarazzjoni żejda hija ssanzjonata bit-tnaqqis, fil-kundizzjonijiet imsemmija fiha, tas-superfiċi stabbilita li abbażi tagħha huwa kkalkolat l-ammont tal-għajnuna, madankollu għandu jiġi kkonstatat li, fid-dawl tal-formulazzjoni nnifisha ta’ din id-dispożizzjoni, l-applikazzjoni tagħha bl-ebda mod ma hija suġġetta għal evalwazzjoni mill-ġdid minn qabel tal-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament fil-każ ta’ allokazzjoni indebita ta’ tali drittijiet.

137    Qabel kollox, sa fejn ir-Renju Unit jirreferi għall-punt 22 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004, għandu jiġi osservat li, fis-sens ta’ din id-dispożizzjoni, superfiċi hija stabbilita biss sa fejn hija tkun konformi mal-kundizzjonijiet kollha applikabbli għall-għoti ta’ għajnuna, fejn, fir-rigward tal-iskema ta’ pagament uniku, is-superfiċi ddikjarata ma tista’ tiġi kkunsidrata bħala stabbilita biss jekk magħha jkun hemm numru korrispondenti ta’ drittijiet għall-pagament.

138    Issa, anki li kieku kellu jitqies, hekk kif isostni r-Renju Unit, li l-imsemmi punt 22 tal-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 796/2004 jiddefinixxi b’dan il-mod is-superfiċi stabbilita b’rabta mas-superfiċi li tinkludi numru ta’ drittijiet għall-pagament li l-bidwi realment għandu u li din id-definizzjoni hija rilevanti fil-kuntest tal-Artikolu 51 tal-imsemmi regolament, din id-definizzjoni ma hijiex tali li timponi l-kalkolu tas-sanzjoni applikabbli skont l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004 abbażi ta’ valur ikkalkolat mill-ġdid tad-drittijiet għall-pagament. Fil-fatt, il-punt 22 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament ma jinkludi ebda indikazzjoni fir-rigward tal-valur tad-drittijiet għall-pagament li għandu, jekk ikun meħtieġ, jittieħed inkunsiderazzjoni.

139    Din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004 hija wisq iżjed meħtieġa, minn naħa, fir-rigward tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 50 tal-istess regolament u, b’mod partikolari tal-paragrafu 2 ta’ dan tal-aħħar. Mill-Artikolu 50(2) tar-Regolament Nru 796/2004, li jiddefinixxi l-bażi ta’ kalkolu tal-għajnuna, jirriżulta li, fil-każ ta’ differenza bejn id-drittijiet għall-pagament iddikjarati u s-superfiċi ddikjarata, il-kalkolu tal-għajnuna jsir fuq il-bażi l-iktar baxxa. Fi kliem ieħor, minn din id-dispożizzjoni jirriżulta li l-kalkolu tal-għajnuna jsir, fl-assenza ta’ kull indikazzjoni kontrarja, abbażi tad-drittijiet għall-pagament iddikjarati mill-bidwi, mingħajr ma jkun hemm lok li tittieħed inkunsiderazzjoni evalwazzjoni eventwali mill-ġdid ’il fuq tal-valur unitarju tagħhom.

140    Min-naħa l-oħra, din l-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004 hija koerenti ma’ dik, magħmula fil-kuntest tal-ewwel ilment imqajjem insostenn ta’ dan il-motiv, tal-Artikolu 73a tal-istess regolament fis-sens li, hekk kif tfakkar fil-punt 125 iktar ’il fuq, fiċ-ċirkustanzi bħal dawk inkwistjoni f’din il-kawża, din tal-aħħar ma tipprovdi ebda evalwazzjoni retroattiva mill-ġdid tal-valur tad-drittijiet għall-pagament.

141    Għalhekk, l-argumenti tar-Renju Unit, ibbażati fuq l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004, moqri fid-dawl tal-punt 22 tal-Artikolu 2 tal-imsemmi regolament, ma humiex tali li jistabbilixxu li t-tnaqqis u l-esklużjonijiet għandhom jiġu ddeterminati abbażi ta’ drittijiet għall-pagament retrospettivament evalwati mill-ġdid.

142    Fit-tieni lok, fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, fil-każ ta’ ripetizzjoni ta’ żball fir-rigward tas-superfiċi eliġibbli, bħal dak inizjalment imwettaq fl-2005, l-Artikolu 51(2a) tar-Regolament Nru 796/2004 jeskludi l-applikazzjoni ta’ tnaqqis jew ta’ esklużjoni skont il-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni sa fejn il-bidwi jiddikjara superfiċi suffiċjenti sabiex jingħata lok għan-numru ta’ drittijiet għall-pagament li huwa għandu realment, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 51(2a) tal-imsemmi regolament jirriżulta li, meta l-bidwi jiddikjara superfiċi ogħla mid-drittijiet għall-pagament u jekk is-superfiċi ddikjarata tissodisfa l-kriterji l-oħra kollha ta’ ammissibbiltà, it-tnaqqis jew esklużjonijiet previsti fil-paragrafu 1 ta’ din id-dispożizzjoni ma japplikawx, fejn madankollu, meta, f’każ bħal dan, is-superfiċi ddikjarata ma tissodisfax il-kriterji l-oħra kollha ta’ ammissibbiltà, id-differenza msemmija fl-Artikolu 51(1) għandha tkun id-differenza bejn is-superfiċi li tissodisfa l-kriterji kollha ta’ ammissibbiltà u l-ammont tad-drittijiet għall-pagament iddikjarati.

143    L-ewwel nett, minn interpretazzjoni magħquda taż-żewġ subparagrafi tal-Artikolu 51(2a) tar-Regolament Nru 796/2004 jirriżulta li, minbarra l-fatt li l-kliem ta’ din id-dispożizzjoni ma jipprevedu ebda riżerva fir-rigward tal-ipoteżi tar-ripetizzjoni ta’ dikjarazzjoni żejda li kienet inizjalment wasslet għall-allokazzjoni ta’ numru għoli wisq ta’ drittijiet għall-pagament u ma jistabbilixxu ebda distinzjoni bejn dikjarazzjoni żejda magħmula fil-mument tal-allokazzjoni inizjali tad-drittijiet u ripetuta sussegwentement u dikjarazzjoni żejda magħmula wara l-imsemmija allokazzjoni, din id-dispożizzjoni għandha tapplika, bħal ma tosserva barra minn hekk il-Kummissjoni, meta s-superfiċi ddikjarata mill-bidwi teċċedi n-numru ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati minnu mingħajr kunsiderazzjoni għan-numru ta’ drittijiet li huwa effettivament għandu. Fil-fatt, għalkemm, ċertament, l-ewwel subparagrafu ta’ din id-dispożizzjoni ma jiddefinixxix id-drittijiet għall-pagament li huma msemmija fih bħala dawk li huma ddikjarati, din il-kwalifika hija madankollu espliċitament magħmula skont it-tieni subparagrafu ta’ din l-istess dispożizzjoni.

144    Għaldaqstant huwa biss fl-ipoteżi fejn is-superfiċi ddikjarata hija ogħla min-numru ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati u li l-imsemmija superfiċi tissodisfa l-kriterji l-oħra kollha ta’ ammissibbiltà li, konformement mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51(2a) tar-Regolament Nru 796/2004, li t-tnaqqis u esklużjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 51(1) ma japplikawx.

145    Min-naħa l-oħra, kuntrarjament għall-argumenti tar-Renju Unit, il-paragun bejn is-superfiċi ddikjarata u d-drittijiet għall-pagament iddikjarati ssir, fil-kuntest tal-Artikolu 51(2a) tar-Regolament Nru 796/2004, mingħajr kunsiderazzjoni għan-numru ta’ drittijiet għall-pagament li l-bidwi realment għandu, jekk ikun il-każ wara l-irkupru tad-drittijiet indebitament allokati abbażi tal-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004.

146    It-tieni nett, għandu jingħad ukoll li din l-interpretazzjoni litterali tal-Artikolu 51(2a) tar-Regolament Nru 796/2004 hija wkoll ikkonfermata b’interpretazzjoni kuntestwali u teleoloġika ta’ din id-dispożizzjoni.

147    F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li l-Artikolu 50(2) tar-Regolament Nru 796/2004 jipprovdi li, fil-każ ta’ differenza bejn id-drittijiet għall-pagament iddikjarati u s-superfiċi ddikjarata, il-kalkolu tal-għajnuna taħt l-iskema ta’ pagament uniku jsir fuq il-bażi l-iktar baxxa. Din id-dispożizzjoni għalhekk tiddefinixxi l-bażi ta’ kalkolu tal-ammont tal-għajnuna.

148    Min-naħa l-oħra, hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 129 iktar ’il fuq, l-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004 jidħol, essenzjalment, fl-għan ta’ protezzjoni effikaċi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi. Għal dan il-għan, meta s-superfiċi ddikjarata teċċedi s-superfiċi stabbilita, l-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004 jipprovdi sanzjonijiet mifruxa skont il-gravità mwettqa (ara l-punt 130 iktar ’il fuq).

149    Min-naħa l-oħra, hekk kif jirriżulta mill-premessa 12 tar-Regolament Nru 659/2006, li permezz tiegħu l-paragrafu 2a ddaħħal fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004, sanzjonijiet bħal dawn huma kkunsidrati bħala inutli fil-każijiet fejn, meta l-bidwi jiddikjara superfiċi ogħla mid-drittijiet għall-pagament, is-superfiċi ddikjarata tissodisfa l-kundizzjonijiet l-oħra kollha ta’ ammissibbiltà. Fil-fatt, f’każ bħal dan, hekk kif tesponi l-istess premessa, l-Artikolu 50(2) tar-Regolament Nru 796/2004 jipprovdi li n-numru ta’ ettari flimkien mad-drittijiet għall-pagament korrispondenti jikkostitwixxu l-bażi għall-kalkolu tal-għajnuna.

150    Għalhekk, minn naħa, ir-rabta magħmula, fil-premessa 12 tar-Regolament Nru 659/2006, bejn l-Artikolu 50(2) tar-Regolament Nru 796/2004, dispożizzjoni espliċitament ibbażata fuq paragun bejn is-superfiċi ddikjarata u d-drittijiet għall-pagament iddikjarati, u l-Artikolu 51(2a) ta’ dan l-aħħar regolament tikkonferma l-konklużjoni li l-paragun li għandu jsir taħt din l-aħħar dispożizzjoni għandha ssir bejn, minn naħa, is-superfiċi ddikjarata u, min-naħa l-oħra, id-drittijiet għall-pagament iddikjarati u mhux id-drittijiet għall-pagament effettivament miżmuma mill-bidwi, jekk ikun il-każ wara l-irkupru tad-drittijiet indebitament allokati abbażi tal-Artikolu 73a tar-Regolament Nru 796/2004.

151    Min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-istruttura ġenerali tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004, li tagħmel parti mill-ġlieda kontra l-irregolaritajiet u l-frodi, l-inklużjoni tal-paragrafu 2a f’din id-dispożizzjoni hija bbażata fuq il-kunsiderazzjoni li, fil-każ ta’ differenza bejn is-superfiċi ddikjarata u d-drittijiet għall-pagament iddikjarati, ma jeżisti, bħala prinċipju, ebda riskju ta’ irregolarità jew ta’ frodi sakemm is-superfiċi ddikjarata tissodisfa l-kriterji l-oħra kollha ta’ ammissibbiltà. Fil-fatt, fil-każ ta’ tali differenza bejn is-superfiċi ddikjarata u n-numru ta’ drittijiet iddikjarati, l-ammont tal-għajnuna huwa, fi kwalunkwe każ, iddeterminat, konformement mal-Artikolu 50(2) tal-imsemmi regolament, fuq il-bażi l-iktar baxxa, b’tali mod li, fi kwalunkwe każ, huwa eskluż li titħallas għajnuna abbażi ta’ superfiċi mhux stabbilita. Għalhekk, bħala prinċipju, f’każ bħal dan, ma hemm ebda riskju ta’ ħlas indebitu mogħti abbażi ta’ superfiċi mhux stabbilita.

152    It-tielet nett, għandu jiġi osservat li huwa minnu li, bħal ma josserva r-Renju Unit, din l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004, u b’mod partikolari tal-paragrafu 2a tiegħu, ma teskludix li, eċċezzjonalment, tiġi kkalkolata sanzjoni abbażi ta’ drittijiet għall-pagament ineżistenti meta l-bidwi jiddikjara numru ta’ drittijiet ogħla min-numru ta’ drittijiet għall-pagament li huwa realment għandu.

153    Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li, mingħajr lanqas ma jkun meħtieġ li jiġi ddeterminat jekk, bħal ma jsostni r-Renju Unit, ir-riferiment għas-superfiċi stabbilita, fl-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004, għandu jiġi interpretat bħala riferiment għas-superfiċi ammissibbli li tinkludi numru korrispondenti ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati jew ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati li l-bidwi realment għandu, iċ-ċirkustanza msemmija fil-punt 152 iktar ’il fuq ma hijiex, kuntrarjament għal dak li jsostni r-Renju Unit, tali li tivvizzja b’illegalità d-deċiżjoni kkontestata.

154    Fil-fatt, minbarra li r-Renju Unit ma qajjimx dubji dwar il-legalità tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004, għandu jiġi kkunsidrat li din iċ-ċirkustanza, minkejja li infeliċi, ma hijiex tali li tikkonfuta l-interpretazzjoni, magħmula iktar ’il fuq, tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(2a) tar-Regolament Nru 796/2004 u li hija neċessarja fir-rigward ta’ analiżi litterali, kuntestwali u teleoloġika tagħhom.

155    F’dan ir-rigward, barra minn hekk għandu jingħad ukoll li r-Regolament Nru 1122/2009, li ħassar u ssostitwixxa r-Regolament Nru 796/2004 b’effett mill‑1 ta’ Jannar 2010, issa jipprovdi espliċitament, fit-tieni inċiż tal-Artikolu 57(2) tiegħu, intitolat “Bażi għall-kalkolu fir-rigward ta’ erjas [superfiċi] dikjarati”, li “jekk l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament dikjarat jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-bidwi, id-drittijiet għall-pagament dikjarati għandhom jitnaqqsu għall-għadd ta’ drittijiet ta’ pagament disponibbli għall-bidwi”.

156    Din id-dispożizzjoni l-ġdida hija bbażata, hekk kif jirriżulta mill-premessa 78 tar-Regolament Nru 1122/2009, fuq il-kunsiderazzjoni li huwa previst dan li ġej:

“Il-pagament ta’ appoġġ [għajnuna] li jaqa’ taħt l-iskema ta’ pagament uniku jeħtieġ għadd ugwali ta’ drittijiet għall-pagament u ta’ ettari eliġibbli. Għall-finijiet ta’ din l-iskema jkun xieraq għalhekk li jiġi previst li l-kalkolu tal-pagament f’każ ta’ diskrepanzi bejn id-drittijiet għall-pagamenti ddikjarati u l-erja [superfiċi] ddikjarata għandu jiġi bbażat fuq l-iżgħar daqs. Sabiex jiġi evitat il-kalkolu abbażi ta’ drittijiet li mhumiex eżistenti, għandu jiġi previst li l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament użati għall-kalkolu ma għandux jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-bdiewa.”

157    Issa, kuntrarjament għall-argument tar-Renju Unit ibbażat fuq il-fatt li l-interpretazzjoni tiegħu tal-Artikolu 51(2a) tar-Regolament Nru 796/2004 hija kkonfermata bl-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1122/2009, għandu jiġi rrilevat li l-adozzjoni ta’ dan l-aħħar regolament u t-tibdiliet li jinvolvi ma jistgħux ibiddlu l-interpretazzjoni tal-Artikolu 51(2a) tar-Regolament Nru 796/2004 hekk kif ikkunsidrat iktar ’il fuq u jiġġustifikaw interpretazzjoni ta’ din l-aħħar dispożizzjoni li ma tmurx biss kontra l-kliem tagħha, iżda wkoll kontra r-raġunijiet wara l-inklużjoni tagħha fl-imsemmi regolament (ara, f’dan is-sens, u b’analoġija, is-sentenza tas‑16 ta’ Settembru 2013, Il‑Pajjiżi l-Baxxi vs Il‑Kummissjoni, T‑343/11, EU:T:2013:468, punt 91).

158    Fil-fatt, minbarra l-fatt li, fir-rigward tat-titolu tiegħu, l-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1122/2009 għandu għan differenti minn dak tal-Artikolu 51(2a), tar-Regolament Nru 796/2004, fejn dan tal-aħħar jirrigwarda t-tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjonijiet żejda, jeħtieġ, mingħajr lanqas ma jkun hemm bżonn li jiġi interpretat l-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1122/2009, li jiġi osservat li dan l-aħħar regolament ma kienx applikabbli meta saru l-verifiki li matulhom l-iżbalji dovuti għad-dikjarazzjonijiet żejda ġew ikkonstatati, fejn dan ir-regolament kien japplika biss, konformement mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 87 tiegħu, mill-applikazzjonijiet ippreżentati għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni jew għall-perijodi ta’ referenza tal-primjums mill‑1 ta’ Jannar 2010.

159    Fit-tielet lok, sa fejn ir-Renju Unit għandu l-intenzjoni jissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu relatati mal-interpretazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004 bil-produzzjoni ta’ eżempji ta’ kalkoli ta’ sanzjonijiet skont l-imsemmija dispożizzjonijiet, għandu jingħad ukoll li eżempji bħal dawn, ifformulati b’mod purament illustrattiv, ma humiex tali li jistabbilixxu li l-Kummissjoni kellha tort meta kkritikat lir-Renju Unit talli kkalkola b’mod żbaljat is-sanzjonijiet skont l-imsemmija dispożizzjonijiet u li l-metodu ta’ kalkolu użat, fir-rigward tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda, fl-evalwazzjoni tar-riskju finanzjarju għall-Fond huwa żbaljat.

160    Finalment, ir-Renju Unit jinvoka, sussidjarjament, il-prinċipju ta’ applikazzjoni retroattiva tal-inqas sanzjoni severa. F’dan ir-rigward, huwa jqis, essenzjalment, li t-tieni inċiż tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1122/2009 jikkostitwixxi regola ġdida relatata mal-applikazzjoni tat-tnaqqis u esklużjonijiet u li, peress li din ir-regola hija inqas severa minn dik li tirriżulta mill-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004 kif interpretat mill-Kummissjoni, hija għandha tapplika retroattivament. Din ir-regola l-ġdida għandha bħala effett li teskludi t-tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda meta l-bidwi jiddikjara superfiċi eliġibbli ta’ mill-inqas ugwali għan-numru ta’ drittijiet għall-pagament iddikjarati, fejn dan in-numru ma jistax jeċċedi n-numru ta’ drittijiet għall-pagament li huwa għandu.

161    F’dan ir-rigward, hekk kif diġà ġie osservat fil-punt 158 iktar ’il fuq, għandu jitfakkar li, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 87 tar-Regolament Nru 1122/2009, dan kien japplika biss mill-applikazzjonijiet ippreżentati għas-snin ta’ kummerċjalizzazzjoni jew għall-perijodi ta’ referenza tal-primjums mill‑1 ta’ Jannar 2010, b’tali mod li r-Regolament Nru 796/2004 kien, bħala prinċipju, applikabbli għat-talbiet ta’ għajnuna ppreżentati għas-sena 2009. Madankollu, għandu jitfakkar ukoll li, skont l-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95, fil-każ ta’ emenda ulterjuri tad-dispożizzjonijiet li jintroduċu sanzjonijiet amministrattivi u li jagħmlu parti minn leġiżlazzjoni tal-Unjoni, l-inqas dispożizzjonijiet severi għandhom japplikaw retroattivament.

162    Skont il-ġurisprudenza, it-tnaqqis u esklużjonijiet tal-għajnuna, bħal dawk previsti fl-Artikolu 51 tar-Regolament Nru 796/2004, jikkostitwixxu sanzjoni amministrattiva fis-sens tal-Artikolu 2(2) tar-Regolament Nru 2988/95 (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑17 ta’ Lulju 1997, National Farmers’ Union et, C‑354/95, Ġabra, EU:C:1997:379, punti 40 u 41; Strawson u Gagg & Sons, punt 132 iktar ’il fuq, EU:C:2002:695, punt 46, u tal‑4 ta’ Mejju 2006, Haug, C‑286/05, Ġabra, EU:C:2006:296, punt 21).

163    Min-naħa l-oħra, mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw id-definizzjoni ta’ bażi ta’ kalkolu ma jikkostitwux sanzjoni amministrattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Haug, punt 162 iktar ’il fuq, EU:C:2006:296, punt 24).

164    Issa, dan huwa preċiżament il-każ tat-tieni inċiż tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1122/2009, invokat mir-Renju Unit.

165    Fil-fatt, it-tieni inċiż tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1122/2009, li jipprovdi li “jekk l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament dikjarat jaqbeż l-għadd ta’ drittijiet għall-pagament disponibbli għall-bidwi, id-drittijiet għall-pagament dikjarati għandhom jitnaqqsu għall-għadd ta’ drittijiet ta’ pagament disponibbli għall-bidwi”, jidħol, hekk kif jirriżulta mit-titolu tiegħu u kif osservat il-Kummissjoni waqt is-seduta, fid-definizzjoni tal-bażi ta’ kalkolu applikabbli għas-superfiċi ddikjarati.

166    Barra minn hekk, it-tieni inċiż tal-Artikolu 57(2) tar-Regolament Nru 1122/2009 bl-ebda mod ma jemenda r-regoli relatati mat-tnaqqis u esklużjonijiet, hekk kif jirriżultaw mill-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009. Dan l-aħħar artikolu barra minn hekk jirriproduċi r-regoli li jinsabu fl-Artikolu 51(1) tar-Regolament Nru 796/2004, fejn madankollu d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 51(2a) tar-Regolament Nru 796/2004, li kienu jifformaw eċċezzjoni għat-tnaqqis u esklużjonijiet tal-Artikolu 51(1) tal-istess regolament, ma humiex riprodotti fl-Artikolu 58 tar-Regolament Nru 1122/2009.

167    Għalhekk l-argumenti tar-Renju Unit relatati mal-applikazzjoni retroattiva ta’ sanzjoni inqas severa ma jistgħux jintlaqgħu.

168    Għaldaqstant, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud fit-totalità tiegħu.

 Fuq it-tieni lment, relatat mat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu l-ġdid tad-drittijiet għall-pagament, tad-differenzi ta’ superfiċi li jaffettwaw il-primjums “annimali”

169    Ir-Renju Unit isostni, essenzjalment, li l-Kummissjoni kkunsidrat b’mod żbaljat li l-element storiku seta’ ġie affettwat bi żbalji mwettqa fir-rigward tal-istabbiliment tas-superfiċi relatati mal-primjums “annimali”. Fil-fatt, mid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/399/UE, tal‑15 ta’ Lulju 2010, li teskludi mill-finanzjament tal-Unjoni Ewropea ċertu nfiq imġarrab mill-Istati Membri taħt it-Taqsima ta’ Garanzija tal-[FAEGG], taħt il-[FAEG] u taħt il-[FAEŻR] (ĠU L 184, p. 6), jirriżulta li, fir-rigward tas-sena ta’ dikjarazzjoni 2004, il-Kummissjoni applikat biss korrezzjoni b’rata fissa ta’ 2 % għall-infiq imwettaq fil-kuntest tal-iskema tal-primjum tal-estensifikazzjoni. Issa, l-istess riskju, baxx ħafna, jirriżulta, fid-dawl tax-xebh kbir tal-iskemi u tal-kundizzjonijiet assoċjati, matul il-perijodu ta’ referenza.

170    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza ta’ dawn l-argumenti.

171    F’dan il-każ, mill-proċess jirriżulta li, matul il-proċedura ta’ clearance, il-Kummissjoni qieset li l-kalkolu l-ġdid tad-drittijiet għall-pagament, hekk kif magħmul mir-Renju Unit, kien jieħu inkunsiderazzjoni biss l-element ta’ rata fissa, filwaqt li ebda verifika ma kienet saret sabiex jiġi ddeterminat jekk id-differenzi ta’ superfiċi kinux jaffettwaw ukoll il-primjums “annimali” mħallsa matul il-perijodu ta’ referenza, inkluż bejn l‑2000 u l‑2002, u, għalhekk, l-element storiku tad-drittijiet għall-pagament.

172    Issa, anki li kieku kellu jitqies li, hekk kif jallega r-Renju Unit, ir-riskju dovut għall-assenza ta’ verifika tal-inċidenza ta’ żbalji li jirrigwardaw id-determinazzjoni tas-superfiċi relatati mal-primjums “annimali” kien baxx ħafna, madankollu għandu jiġi kkonstatat li r-Renju Unit bl-ebda mod ma qiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni nnifisha li huwa ma wettaqx tali verifika. Fil-fatt, ir-Renju Unit ma jikkontestax l-eżistenza ta’ differenzi ta’ superfiċi li setgħu affettwaw il-primjums “annimali”. Barra minn hekk, dan l-Istat Membru kkonferma waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali li huwa ma kienx wettaq verifiki tal-inċidenza eventwali ta’ tali differenzi fuq l-element storiku tad-drittijiet għall-pagament, liema fatt ġie rreġistrat fil-proċess verbali tas-seduta.

173    Għalhekk, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, li, għalkemm hija l-Kummissjoni li għandha l-obbligu tipproduċi prova tad-dubju serju u raġonevoli li hija għandha fir-rigward tal-verifiki mwettqa mill-amministrazzjonijiet nazzjonali jew taċ-ċifri trażmessi minnhom, huwa l-Istat Membru kkonċernat li għandu juri li l-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni huma ineżatti, ir-Renju Unit ma rnexxilux jinvalida dawn il-konstatazzjonijiet tal-Kummissjoni, hekk kif spjegati fil-qosor, essenzjalment, fil-punt 171 iktar ’il fuq.

174    Barra minn hekk, sa fejn ir-Renju Unit isostni li r-riskju mġarrab minħabba l-assenza ta’ verifiki fir-rigward tal-primjums “annimali” huwa baxx ħafna, għandu jiġi osservat li r-rata tal-korrezzjoni finanzjarja applikata f’dan il-każ kienet ġustifikata b’numru ta’ insuffiċjenzi identifikati mill-Kummissjoni taħt il-verifiki prinċipali u sekondarji u tirriżulta minn evalwazzjoni tar-riskju mwettqa mir-Renju Unit innifsu. Issa, minbarra l-fatt li dan tal-aħħar naqas milli jispjega fiex ir-rata ta’ 5.19 % kienet, jekk ikun il-każ, affettwata mit-teħid inkunsiderazzjoni tal-assenza tal-imsemmija verifiki, jeħtieġ sempliċement li jiġi osservat li, minkejja li din tidher li ħolqot riskju negliġibbli għall-Fond, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex tali li tqiegħed inkwistjoni l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tar-rata ta’ korrezzjoni fissa ta’ 5.19 %.

175    Għaldaqstant, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

 Fuq il-ħames ilment, relatat mad-dikjarazzjoni żejda intenzjonali

176    Ir-Renju Unit jikkontesta l-konstatazzjoni ta’ insuffiċjenzi li jaffettwaw il-verifiki sekondarji relatati mad-dikjarazzjoni żejda intenzjonali msemmija fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 796/2004. Huwa jsostni, essenzjalment, li d-dikjarazzjoni żejda intenzjonali tikkostitwixxi frodi li tista’ tkun suġġetta għal sanzjonijiet kriminali u, fid-dritt tal-Irlanda ta’ Fuq, għal ksur kriminali. Għalhekk, għalkemm huwa minnu li l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 796/2004 jistabbilixxi sanzjoni ta’ natura amministrattiva u mhux kriminali xorta jibqa’ l-fatt li d-Dipartiment tal-Agrikoltura u tal-Iżvilupp Rurali tal-Irlanda ta’ Fuq (Northern Ireland Department of Agriculture and Rural Development, DARD) jista’ jikkonkludi li bidwi ressaq applikazzjoni frawdolenti biss meta dan jiġi stabbilit permezz ta’ proċeduri kriminali ordinarji. Bl-istess mod, il-Kummissjoni ma tistax tikkritika lir-Renju Unit il-fatt li d-DARD ma rreferiex lis-Servizz Ċentrali ta’ investigazzjoni tagħha (Central Investigation Service, CIS) każijiet li, fl-opinjoni tagħha, jmisshom ġew irriferuti, u dan speċjalment meta ma jeżisti ebda obbligu ta’ rinviju ta’ dan it-tip meta, fi kwalunkwe każ, il-provi huma insuffiċjenti. Barra minn hekk ir-Renju Unit iżid jgħid li l-applikazzjonijiet frawdolenti huma estremament rari, b’tali mod li l-proporzjon tal-infiq espost għar-riskju minħabba d-dikjarazzjoni intenzjonali żejda fl-Irlanda ta’ Fuq huwa probabbilment estremament żgħir.

177    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-Renju Unit.

178    Fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li, waqt is-seduta, ir-Renju Unit, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali, iddeżista, wara s-sentenza tas‑27 ta’ Frar 2013, Il‑Polonja vs Il‑Kummissjoni (T‑241/10, EU:T:2013:96), mill-argument tiegħu ibbażat fuq il-fatt li, essenzjalment, il-Kummissjoni b’mod żbaljat ikkritikatu talli ssuġġetta s-sanzjoni tad-dikjarazzjoni intenzjonali żejda skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 796/2004 għall-iżvolġiment preċedenti ta’ proċeduri kriminali, liema fatt ġie rreġistrat fil-proċess verbali tas-seduta.

179    Fit-tieni lok, sa fejn ir-Renju Unit ma ddeżistiex espliċitament mill-argument tiegħu bbażat fuq il-fatt li l-Kummissjoni ma tistax tikkritikalu l-fatt li d-DARD ma rreferiex ċerti każijiet lis-CIS, jeħtieġ, mingħajr lanqas ma titqiegħed inkwistjoni n-natura operattiva ta’ dan l-argument, li jiġi osservat li s-sempliċi fatt, mhux ikkontestat hekk kif jirriżulta mill-punt 178 iktar ’il fuq, li r-Renju Unit issuġġetta l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi għall-iżvolġiment preċedenti ta’ proċeduri kriminali huwa suffiċjenti biex tiġi konkluża l-eżistenza ta’ difetti li jaffettwaw is-sistema ta’ applikazzjoni, fir-Renju Unit, tas-sanzjonijiet amministrattivi stabbiliti mill-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 796/2004. Għalhekk, ma huwiex meħtieġ li jiġi eżaminat jekk, barra minn hekk, din is-sistema ġietx affettwata minn insuffiċjenzi inkwantu ċerti każijiet ta’ dikjarazzjoni żejda li jmisshom, skont il-Kummissjoni, ġew ittrasferiti lis-CIS, madankollu, ma tressqux quddiemha.

180    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li r-Renju Unit ma stabbiliex in-natura żbaljata tal-konklużjoni tal-Kummissjoni dwar l-assenza ta’ trażmissjoni tal-każ lis-CIS. Fil-fatt, ir-Renju Unit kien issodisfatt bl-affermazzjonijiet ġenerali li r-riferiment għal awtorità inkarigata mill-azzjonijiet legali ma huwiex obbligatorju meta jkun evidenti li l-provi ma humiex suffiċjenti biex tkun tista’ tiġi konkluża l-eżistenza ta’ nuqqas ta’ konformità intenzjonali. Issa, allegazzjoni bħal din hija, fir-rigward tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 65 iktar ’il fuq, insuffiċjenti biex tneħħi d-dubji serji u raġonevoli tal-Kummissjoni.

181    Fit-tielet lok, fir-rigward tal-argument tar-Renju Unit ibbażat fuq il-fatt li r-riskju finanzjarju għall-Fond minħabba d-dikjarazzjoni żejda intenzjonali fl-Irlanda ta’ Fuq huwa, fi kwalunkwe każ, “probabbilment estremament żgħir”, jeħtieġ, mingħajr lanqas ma titqiegħed inkwistjoni n-natura operattiva ta’ dan l-argument meta, skont l-indikazzjonijiet imressqa mir-Renju Unit fis-seduta, l-evalwazzjoni tar-riskju mwettqa minnu ma tiħux inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjonijiet żejda intenzjonali, li jiġi osservat li argument bħal dan huwa insuffiċjenti biex iqiegħed inkwistjoni l-konstatazzjoni, mill-Kummissjoni, ta’ difett fl-applikazzjoni tas-sanzjonijiet amministrattivi previsti fl-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 796/2004.

182    Barra minn hekk, anki li kieku kellu jitqies li r-Renju Unit għandu l-intenzjoni jikkontesta, permezz ta’ dan l-argument, ir-rata ta’ korrezzjoni finanzjarja applikata mill-Kummissjoni, għandu jiġi osservat li, hekk kif intqal diġà fil-punt 174 iktar ’il fuq, din ir-rata kienet iġġustifikata b’numru ta’ insuffiċjenzi identifikati mill-Kummissjoni taħt il-verifiki prinċipali u sekondarji u tirriżulta minn evalwazzjoni tar-riskju mwettqa mir-Renju Unit. Għalhekk, minkejja l-fatt li d-difetti li jaffettwaw il-proċedura ta’ sanzjoni amministrattiva skont l-Artikolu 53 tar-Regolament Nru 796/2004 ħolqu riskju negliġibbli għall-Fond, din il-kunsiderazzjoni ma hijiex tali li tqiegħed inkwistjoni l-applikazzjoni, f’dan il-każ, tar-rata ta’ korrezzjoni fissa ta’ 5.19 %.

183    Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi osservat li, kuntrarjament għall-ġurisprudenza ċċitata fil-punt 66 iktar ’il fuq, li huwa l-Istat Membru li għandu jistabbilixxi li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinsiltu minn ksur li hija kkonstatat, ir-Renju Unit sempliċement ippreżenta allegazzjonijiet ipotetiċi u vagi, li, għalkemm huma bbażati fuq ir-Rapport annwali tal-Kummissjoni, tal‑2009, dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunitajiet u l-ġlieda kontra l-frodi, madankollu dawn ma humiex issostanzjati minn elementi ddettaljati li jippermettu li jintwera li, f’dan il-każ, ir-rata ta’ korrezzjoni applikata mill-Kummissjoni kienet żbaljata.

184    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, il-ħames ilment tat-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

185    Għaldaqstant it-tieni motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tat-telf reali għall-Fond

186    Fil-kuntest tal-ewwel motiv, ir-Renju Unit jikkritika lill-Kummissjoni talli, billi applikat il-korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5.19 % għall-infiq kollu magħmul, għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009, fl-Irlanda ta’ Fuq, wettqet żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tal-portata tar-riskju ta’ telf għall-Fond. Huwa jsostni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li, minn naħa, madwar 80 % tal-iżbalji mwettqa għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009 fir-rigward tas-superfiċi eliġibbli għall-għajnuna kienu jirriżultaw minn dikjarazzjonijiet żejda ta’ dawn is-superfiċi fl‑2005, waqt l-allokazzjoni inizjali tad-drittijiet għall-pagament, u li, min-naħa l-oħra, il-valur unitarju tad-drittijiet għall-pagament, stabbilit fl‑2005 abbażi tal-mudell ibridu statiku, huwa magħmul minn element storiku, li jirriżulta mid-diviżjoni tal-ammont ta’ referenza bin-numru totali tad-drittijiet għall-pagament, u minn element ta’ rata fissa, li jikkorrispondi għal EUR 78.33 għal kull dritt għall-pagament. Issa, fir-rigward ta’ 80 % tal-infiq, il-Fond huwa espost għal riskju biss għall-infiq li jirrigwarda l-element ta’ rata fissa, li jikkorrispondi għal madwar 22 % tat-totalità tal-infiq magħmul. Għalhekk, billi tiġi applikata korrezzjoni b’rata fissa ta’ 5.19 % fuq il-parti tal-infiq esposta għar-riskju, il-korrezzjoni finanzjarja ma setgħetx tkun ogħla minn korrezzjoni ta’ 1.95 %.

187    Il-Kummissjoni tikkontesta l-fondatezza tal-argumenti tar-Renju Unit.

188    Preliminarjament, għandu jiġi osservat li, fir-rigward tal-korrezzjonijiet finanzjarji, id-dokument Nru VI/5330/97 jipprevedi, fl-Anness 2 tiegħu, li għandhom jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji meta l-Kummissjoni tikkonstata li infiq partikolari jkun sar b’nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tal-Unjoni. Dan id-dokument jipprevedi wkoll li, sakemm il-ħlas irregolari ma jkunx diġà ġie identifikat mill-entitajiet nazzjonali ta’ verifika u jkun ingħata lok għal miżuri xierqa ta’ korrezzjoni u ta’ rkupru, il-Kummissjoni għandha tirrifjuta l-finanzjament tiegħu mill-baġit tal-Unjoni. Fil-każ fejn l-infiq irregolari jista’ jiġi ddeterminat, u għaldaqstant l-ammont tat-telf finanzjarju mġarrab mill-Unjoni, fid-dokument Nru VI/5330/97 huwa previst li għandha tiġi miċħuda somma kkalkolata billi jiġu estrapolati riżultati ta’ verifiki mwettqa fuq kampjun rappreżentattiv ta’ fajls minn fuq il-fajls kollha li minnhom ittieħed il-kampjun, iżda li huwa limitat għas-settur amministrattiv li fih l-istess nuqqas jista’ raġonevolment jirriżulta mill-ġdid (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2013, Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, T‑2/11, Ġabra, EU:T:2013:307, punt 120). Min-naħa l-oħra, meta l-livell reali tal-infiq irregolari ma jistax jiġi ddeterminat, għandhom jiġu applikati korrezzjonijiet finanzjarji b’rata fissa (sentenzi tat‑18 ta’ Settembru 2003, Ir-Renju Unit vs Il‑Kummissjoni, C‑346/00, Ġabra, EU:C:2003:474, punt 53, u tal‑24 ta’ April 2008, Il‑Belġju vs Il‑Kummissjoni, C‑418/06 P, Ġabra, EU:C:2008:247, punt 136; ara wkoll is-sentenza Il‑Portugall vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, EU:T:2013:307, punt 121 u l-ġurisprudenza ċċitata).

189    F’dan ir-rigward, għandu jingħad ukoll li filwaqt li d-dokument Nru VI/5330/97 ġie adottat mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-FAEGG u jinkludi, hekk kif jindika t-titolu tiegħu, il-linji gwida li jirrigwardaw il-kalkolu tal-konsegwenzi finanzjarji fil-preparazzjoni tad-deċiżjoni ta’ clearance tal-kontijiet tal-FAEGG-Garanzija, xejn ma jipprojbixxi lill-Kummissjoni milli tapplika dan id-dokument ukoll fl-eżerċizzju tal-kompetenzi li l-Artikolu 31(1) tar-Regolament Nru 1290/2005 jagħtiha għall-clearance tal-kontijiet tal-Fond (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Mejju 2013, Il‑Bulgarija vs Il‑Kummissjoni, T‑335/11, EU:T:2013:262, punt 86), liema fatt barra minn hekk ma huwiex ikkontestat mir-Renju Unit.

190    Huwa fid-dawl ta’ dan it-tfakkir li għandha tiġi eżaminata, b’mod prinċipali, il-fondatezza ta’ dan il-motiv.

191    F’dan il-każ, mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-Kummissjoni applikat korrezzjoni fissa ta’ 5.19 % fuq l-infiq kollu magħmul, taħt l-iskema ta’ pagament uniku għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009, fl-Irlanda ta’ Fuq. Ir-rata tal-korrezzjoni applikata tirriżulta minn evalwazzjoni tar-riskju mwettqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit u aċċettata mill-Kummissjoni inkwantu l-imsemmija evalwazzjoni kienet tippermetti, fil-fehma tagħha, li jiġi ddeterminat, b’mod raġonevoli, l-ammont tat-telf finanzjarju subit mill-Unjoni. Fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni mwettqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit, ir-riskju finanzjarju ġie ddefinit bħala d-differenza bejn is-somma mħallsa u pagament rivedut li jinkludi, jekk ikun il-każ, is-sanzjonijiet applikabbli, fejn il-pagamenti indebiti u s-sanzjonijiet applikabbli ġew iddeterminati, mir-Renju Unit, skont il-metodu ssuġġerit mill-Kummissjoni. L-evalwazzjoni tar-riskju kienet ibbażata fuq estrapolazzjoni magħmula abbażi ta’ kampjun ta’ 394 applikazzjoni ppreżentati fl‑2009 taħt l-iskema ta’ pagament uniku.

192    Għalhekk mill-atti tal-proċess jirriżulta li l-evalwazzjoni tar-riskju finanzjarju mwettqa mill-awtoritajiet tar-Renju Unit ikkonsista fid-determinazzjoni, abbażi ta’ kampjun u permezz ta’ estrapolazzjoni, tat-telf finanzjarju realment imġarrab fl-Unjoni. Dan it-telf finanzjarju u, għalhekk, ir-riskju finanzjarju jikkorrispondu, hekk kif jirriżulta kemm mir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskju kif ukoll mis-sottomissjonijiet bil-miktub tar-Renju Unit, għas-somma tal-pagamenti indebiti u tas-sanzjonijiet, determinati abbażi tal-metodu suġġerit mill-Kummissjoni. Ir-riskju finanzjarju evalwat ġie espress, fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskju, f’perċentwali tat-totalità tal-pagamenti kkonċernati. Fil-fatt, mingħajr ekwivoku mir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskju jirriżulta li r-riskju finanzjarju jikkorrispondi għal 5.19 % tat-totalità tal-infiq magħmul mill-Irlanda ta’ Fuq taħt l-iskema ta’ pagament uniku għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009, liema fatt ġie barra minn hekk ikkonfermat mir-Renju Unit waqt is-seduta bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali.

193    Għalhekk, peress li l-Kummissjoni setgħet tiddetermina, abbażi ta’ evalwazzjoni tar-riskju proposta mill-awtoritajiet tar-Renju Unit u aċċettata minnha, l-infiq irregolari u għaldaqstant l-ammont tat-telf finanzjarju mġarrab mill-Unjoni, ġustament hija, konformement mal-linji gwida li jinsabu fid-dokument Nru VI/5330/97, hekk kif imfakkra b’mod partikolari fil-punt 188 iktar ’il fuq, talbet għaċ-ċaħda tas-somma korrispondenti għall-ammont tat-telf.

194    Barra minn hekk, sa fejn l-ammont tat-telf kien, hekk kif ġie kkonstatat fil-punt 192 iktar ’il fuq, espress f’perċentwali tat-totalità tal-infiq magħmul taħt l-iskema ta’ pagament uniku fl-Irlanda ta’ Fuq għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009, il-Kummissjoni ġustament applikat il-korrezzjoni fissa ta’ 5.19 % għat-totalità tal-imsemmi nfiq.

195    Din il-konklużjoni ma hijiex imqiegħda inkwistjoni mill-argumenti mqajma mir-Renju Unit fil-kuntest ta’ dan il-motiv u misluta, essenzjalment, mill-fatt li jeħtieġ li tiġi applikata l-korrezzjoni fissa ta’ 5.19 % biss għall-parti tal-infiq magħmul għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009 fl-Irlanda ta’ Fuq li, skont dan l-Istat Membru, hija affettwata mill-irregolaritajiet, b’tali mod li r-riskju finanzjarju reali huwa ta’ 1.95 %. Ir-Renju Unit f’dan ir-rigward jallega li 80 % tal-iżbalji mwettqa fl‑2009 jirriżultaw minn żbalji mwettqa waqt l-allokazzjoni u l-kalkolu inizjali tad-drittijiet għall-pagament fir-rigward tas-superfiċi eliġibbli. B’hekk, essenzjalment, fir-rigward ta’ 80 % tal-infiq magħmul fl-Irlanda ta’ Fuq matul il-perijodu kkonċernat, jeħtieġ, minħabba l-metodu ta’ kalkolu ta’ dawn id-drittijiet għall-pagament magħmula minn element storiku u minn element ta’ rata fissa (ara l-punt 70 iktar ’il fuq), li jittieħed inkunsiderazzjoni l-fatt li dan l-aħħar element biss u mhux il-ħlas kollu kemm hu huwa affettwat bir-riskju għall-Fond. Issa, l-element ta’ rata fissa jirrappreżenta biss madwar 22 % tal-pagamenti kollha magħmula fl-Irlanda ta’ Fuq.

196    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, f’dan il-każ, il-korrezzjoni finanzjarja ġiet iddeterminata abbażi ta’ evalwazzjoni tar-riskju ppreżentat mir-Renju Unit innifsu waqt il-proċedura ta’ clearance.

197    Qabel kollox, għandu jiġi osservat li, fid-dawl ta’ din l-evalwazzjoni tar-riskju, ir-Renju Unit iddefinixxa r-riskju finanzjarju bħala d-differenza bejn is-somma mħallsa u pagament rivedut li jinkludi, jekk ikun il-każ, is-sanzjonijiet applikabbli, fejn għandu jiġi ppreċiżat li l-pagamenti indebiti u s-sanzjonijiet applikabbli ġew iddeterminati, mir-Renju Unit, bis-saħħa tal-metodu ssuġġerit mill-Kummissjoni.

198    Issa, f’dan il-każ, minbarra l-fatt li l-argumenti mqajma mir-Renju Unit, fil-kuntest tat-tieni motiv, sabiex jikkontesta dan il-metodu ta’ kalkolu ġew miċħuda iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li dan l-Istat Membru bl-ebda mod ma jikkontesta l-fatt li r-riskju finanzjarju għall-Fond huwa kkostitwit mis-somma tal-pagamenti indebiti u tas-sanzjonijiet.

199    Sussegwentement, huwa r-Renju Unit innifsu li, bil-għan tal-evalwazzjoni tar-riskju finanzjarju propost lill-Kummissjoni, uża bħala bażi ta’ kalkolu t-totalità tal-infiq magħmul, għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009, fl-Irlanda ta’ Fuq, hekk kif ikkonferma fis-seduta (ara l-punt 192 iktar ’il fuq). Qabel kollox, mill-atti tal-proċess ma jirriżultax li, meta ppreżenta l-evalwazzjoni tiegħu tar-riskju, waqt il-proċedura ta’ clearance, ir-Renju Unit esprima l-iċken riżerva fir-rigward ta’ din il-bażi ta’ kalkolu.

200    Issa, billi jsostni, f’din l-istanza, li l-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5.19 % stabbilita fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskju b’rabta mat-totalità tal-imsemmi nfiq, għandha tiġi applikata biss għall-parti, iktar ridotta, tal-pagamenti li, skont dan l-Istat Membru, huwa realment affettwat bir-riskju, hija fil-verità l-bażi tal-evalwazzjoni tagħha nnifisha tar-riskju finanzjarju li r-Renju Unit iqiegħed inċidentalment inkwistjoni.

201    Fl-aħħar nett, l-argument tar-Renju Unit huwa tali li jqiegħed inkwistjoni l-kalkoli li wasslu, fir-rapport ta’ evalwazzjoni tar-riskju, għar-rata ta’ 5.19 %. Għalhekk, sa fejn din ir-rata tirrifletti l-parti tat-totalità tal-infiq li tikkorrispondi għas-somma tal-pagamenti indebiti u tas-sanzjonijiet applikabbli (għaldaqstant għar-riskju finanzjarju kkwantifikat), din ir-rata titlef is-sinjifikat tagħha meta tiġi applikata għal bażi ta’ kalkolu oħra. Fil-fatt, is-sostituzzjoni, bil-għan tal-istabbiliment tar-riskju finanzjarju, ta’ bażi ta’ kalkolu mnaqqsa (il-parti tal-pagamenti li, skont ir-Renju Unit, hija realment affettwata mir-riskju) mal-bażi ta’ kalkolu inizjalment ikkunsidrata (it-totalità tal-infiq) u li kienet tat is-sinjifikat tagħha għar-rata ta’ korrezzjoni finanzjarja applikata, tikser ir-relazzjoni bejn il-bażi ta’ kalkolu inizjali u r-rata stabbilita.

202    Għalhekk, billi sostna li l-korrezzjoni finanzjarja ta’ 5.19 %, stabbilita abbażi tat-totalità tal-infiq magħmul fl‑2010 fl-Irlanda ta’ Fuq, għandha tiġi applikata biss lil parti ta’ dan l-infiq, ir-Renju Unit iqiegħed fundamentalment inkwistjoni l-bażi tal-evalwazzjoni mwettqa waqt il-proċedura ta’ clearance. Barra minn hekk, billi ried japplika korrezzjoni finanzjarja li tikkorrispondi għar-riskju reali għall-Fond u espressa f’perċentwali tat-totalità tal-imsemmi nfiq għal parti biss ta’ dan l-infiq, hija l-eżattezza nnifisha tal-analiżi tar-riskju u tar-rata ta’ 5.19 % li hija mqiegħda inkwistjoni mir-Renju Unit, meta dan tal-aħħar innifsu wettaq din l-analiżi u ddetermina din ir-rata abbażi ta’ definizzjoni tar-riskju li dan l-Istat Membru ma jikkontestax.

203    Barra minn hekk, sa fejn, bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti Ġenerali waqt is-seduta, ir-Renju Unit osserva li r-rata ta’ 1.95 % imsemmija fil-kuntest ta’ dan il-motiv kienet dovuta għall-metodu ta’ kalkolu tal-pagamenti indebiti u tas-sanzjonijiet inkwistjoni fit-tieni motiv, jeħtieġ sempliċement li jiġi mfakkar li l-argumenti ppreżentati minn dan l-Istat Membru fir-rigward tal-imsemmi metodu ġew miċħuda fl-analiżi tat-tieni motiv iktar ’il fuq.

204    Għalhekk, dan l-argument tar-Renju Unit, li kellu l-obbligu, konformement mar-rekwiżiti mfakkra fil-punt 66 iktar ’il fuq, li juri li l-Kummissjoni kienet wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinsiltu mill-ksur tar-regoli tal-Unjoni dwar l-organizzazzjoni komuni tas-swieq agrikoli, ma jistax jippermetti li jiġi stabbilit li l-Kummissjoni wettqet żball fir-rigward tal-konsegwenzi finanzjarji li għandhom jinsiltu mill-irregolaritajiet li hija kkonstatat.

205    Għaldaqstant, għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx żbalji billi applikat il-korrezzjoni fissa ta’ 5.19 % għat-totalità tal-infiq magħmul, taħt l-iskema ta’ pagament uniku, fl-Irlanda ta’ Fuq għas-sena ta’ dikjarazzjoni 2009.

206    Għalhekk l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.

207    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

208    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, il-parti li titlef għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Renju Unit tilef, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tieni Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq għandu jbati, minbarra l-ispejjeż rispettivi tiegħu, dawk sostnuti mill-Kummissjoni Ewropea.

Martins Ribeiro

Gervasoni

Madise

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑4 ta’ Settembru 2015.

Firem

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Leġiżlazzjoni tal-Unjoni li tirregola l-finanzjament tal-Politika Agrikola Komuni

Ir-Regolament (KE) Nru 1290/2005

Ir-Regolament (KE) Nru 885/2006

Ir-Regolamenti (KE) Nru 1782/2003 u 73/2009

Ir-Regolamenti (KE) Nru 796/2004 u 1122/2009

Id-Dokument Nru VI/5330/97

Leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Kunsiderazzjonijiet preliminari

Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tal-insuffiċjenzi tal-verifiki sekondarji u, b’mod partikolari, tal-metodi ta’ kalkolu tal-pagamenti indebiti u tas-sanzjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda

Fuq l-ewwel, it-tielet u r-raba’ lmenti, relatati mal-metodu ta’ evalwazzjoni tar-riskju finanzjarju mġarrab mill-Fond

– Fuq l-ewwel ilment, relatat mal-evalwazzjoni retrospettiva mill-ġdid tal-valur tad-drittijiet għall-pagament

– Fuq it-tielet ilment, relatat mal-irkupru tal-pagament indebitu

– Fuq ir-raba’ lment, relatat mat-tnaqqis u esklużjonijiet applikabbli fil-każ ta’ dikjarazzjoni żejda ta’ superfiċi

Fuq it-tieni lment, relatat mat-teħid inkunsiderazzjoni, fil-kalkolu l-ġdid tad-drittijiet għall-pagament, tad-differenzi ta’ superfiċi li jaffettwaw il-primjums “annimali”

Fuq il-ħames ilment, relatat mad-dikjarazzjoni żejda intenzjonali

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq żbalji ta’ liġi u ta’ fatt fir-rigward tad-determinazzjoni tal-ammont tat-telf reali għall-Fond

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.