Language of document :

Rikors ippreżentat fis-26 ta’ Jannar 2024 – BP vs EIT

(Kawża T-42/24)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrent: BP (rappreżentant: E. Lazar, avukat)

Konvenut: L-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla d-deċiżjoni tal-15 ta’ Jannar 2024 li l-kuntratt tar-rikorrenti ma jiġġeddidx;

tikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu materjali stimat għal EUR 149 850.53, li miegħu għandhom jiżdiedu l-interessi moratorji bir-rata prinċipali tal-Bank Ċentrali Ewropew b’żieda ta’ żewġ punti perċentwali;

tikkumpensa lir-rikorrenti għad-dannu morali stimat għal EUR 75 000 jew tali somma kif il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ tistabbilixxi ex aequo et bono;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż kollha, anki fil-każ li r-rikors jiġi miċħud.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka ħames motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur allegat tad-dritt tas-smigħ.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur allegat tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali u regoli interni, u l-interpretazzjoni arbitrarju u irraġonevoli ta’ tali regoli, kif ukoll nuqqas ta’ prevedibbiltà u ta’ ċertezza legali.

Ir-rikorrenti tirreferi f’dan ir-rigward għall-Artikolu 110 tar-Regolamenti tal-Persunal u għal punt 3 tat-Taqsima 2 tal-Anness 1 tar-Regolament ta’ Twaqqif tal-EIT 1 .

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur allegat tal-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u l-prinċipju ta’ ċertezza legali u ta’ aspettattivi leġittimi.

Ir-raba’ motiv ibbażat fuq ksur allegat tad-dmir tal-premura lejn il-persunal, nuqqas li jittieħdu inkonsiderazzjoni l-interessi ta’ kemm l-istituzzjoni u r-rikorrenti, u n-natura sproporzjonata tad-deċiżjoni fid-dawl tal-interess attwali tal-instituzzjoni.

Il-ħames motiv ibbażat fuq in-nuqqas tal-Awtorità tal-Ħatra tal-EIT li teżerċita s-setgħat tagħha (marġni wiesa’ ta’ diskrezzjoni) sabiex issolvi l-każ internament. Ir-rikorrenti rreferiet ukoll għall-ksur allegat tal-Artikolu 15 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE.

____________

1     Regolament (UE) 2021/819 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2021 dwar l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (riformulazzjoni) (ĠU 2021, L 189, p. 61).