Language of document :

Rikors ippreżentat fl-1 ta' Lulju 2010 - Monty Program vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-292/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Monty Program AB (Tuusula, il-Finlandja) (rappreżentanti: H. Anttilainen-Mochnacz, avukat u C. Pouncey, Solicitor)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 142 finali, tal-21 ta' Jannar 2010, fil-Każ COMP/M.5529 - Oracle/Sun Microsystems; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż tar-rikorrenti marbuta ma' dawn il-proċeduri.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti qiegħda titlob, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 142 finali, tal-21 ta' Jannar 2010, fil-Każ COMP/M.5529 - Oracle/Sun Microsystems, fejn l-akkwist minn Oracle Corporation tal-kontroll esklużiv ta' Sun Microsystems ġie ddikjarat kompatibbli mas-suq komuni u mal-funzjonament tal-Ftehim ŻEE skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 1.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tressaq dawn il-motivi:

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tallega li l-Kummissjoni evalwat b'mod żbaljat in-natura tal-garanziji ta' Oracle, u għalhekk kisret l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004 u l-Avviż tal-Kummissjoni dwar rimedji 2. Fil-fehma tar-rikorrenti, il-Kummissjoni wettqet żball ta' liġi meta kklassifikat b'mod inkorrett l-għaxar garanziji mogħtija minn Oracle dwar l-aġir futur tagħha bħala elementi fattwali ġodda li kienu jippermettu l-eliminazzjoni ta' tħassib dwar il-kompetizzjoni u l-adozzjoni ta' deċiżjoni ta' approvazzjoni mingħajr kundizzjonijiet.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li, billi ma applikatx l-Avviż tal-Kummissjoni dwar rimedji, u għalhekk billi naqset milli teżamina l-garanziji fil-kuntest tas-suq, il-Kummissjoni kisret kemm regoli proċedurali essenzjali u kif ukoll l-aspettattivi leġittimi tar-rikorrenti billi ċaħditha mill-opportunità li tesprimi formalment il-fehma tagħha dwar il-garanziji mogħtija minn Oracle.

Barra minn hekk, billi kklassifikat il-garanziji mogħtija minn Oracle bħala elementi fattwali ġodda u mhux bħala impenji, il-Kummissjoni użat il-poteri tagħha b'mod żbaljat.

It-tielet nett, il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004 billi evalwat b'mod inkorrett l-effetti tal-garanziji fuq Oracle wara l-merger u għalhekk naqset milli tissodisfa l-oneru ta' prova impost fuq il-Kummissjoni taħt id-dritt tal-UE, b'tali mod li wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni. Il-Kummissjoni, għalhekk, wettqet żball ta' liġi meta adottat deċiżjoni ta' approvazzjoni taħt l-Artikolu 2 tar-Regolament Nru 139/2004.

Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni meta evalwat il-limitazzjoni kompetittiva imposta minn kompetituri open source oħra fuq Oracle wara l-merger. Il-Kummissjoni żbaljat meta qieset li anki jekk Oracle tneħħi MySQL (il-prodott ta' softwer ta' database prinċipali ta' Sun Microsystems) mis-suq wara l-merger, bejjiegħa oħra ta' database open source ser jissostitwixxu l-limitazzjoni kompetittiva maħluqa minn MySQL.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004, tal-20 ta' Jannar 2004, dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi (ir-Regolament tal-KE dwar l-Għaqdiet) (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 3, p. 40).

2 - Avviż tal-Kummissjoni dwar ir-rimedji aċċettabbli taħt ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004u taħt ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (ĠU 2008 C 267, p. 1).