Language of document :

Rikors ippreżentat fit-12 ta' Novembru 2012 - von Storch et vs BĊE

(Kawża T-492/12)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Sven A. von Storch (Berlin, il-Ġermanja) u 5216 oħra (rappreżentanti: M. Kerber u B. von Storch, avukati)

Konvenut: Bank Ċentrali Ewropew

Talbiet

tiddikjara li d-deċiżjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-6 ta' Settembru 2012, dwar l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi li jirrigwardaw tranżazzjonijiet monetarji f'titoli tal-Eurosistema fis-swieq sekondarji tad-dejn sovran huma inkompatibbli mal-Artikoli 123 sa 125 TFUE, tiddikjara l-effett legali taħt l-Artikolu 264 TFUE u tipprevjeni l-implementazzjoni ulterjuri tad-deċiżjoni;

tiddikjara li d-deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-6 ta' Settembru 2012, dwar il-miżuri supplementari intiżi għaż-żamma tad-disponibbiltà tal-garanziji sabiex jinżamm l-aċċess tal-kontropartijiet għat-tranżazzjonijiet monetarji f'titoli tal-Eurosistema hija inkompatibbli mal-Artikoli 123 sa 125 TFUE, tiddikjara l-effett legali taħt l-Artikolu 264 TFUE u tipprevjeni l-implementazzjoni ulterjuri tad-deċiżjoni;

tikkundanna lill-konvenut għall-ispejjeż skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw il-motivi segwenti.

Id-deċiżjonijiet inkwistjoni jiksru l-Artikoli 123 sa 125 TFUE. F'dan ir-rigward, ir-rikorrent isostnu li l-Artikolu 123 TFUE jipprojbixxi l-ikkwantifikar tal-valur tad-dejn pubbliku u li, kif jirriżulta mir-Regolament (KE) Nru 3603/93 2, din il-projbizzjoni għandha applikazzjoni ġenerali, jiġifieri tkopri kemm swieq primarji u kemm sekondarji.

Il-BĊE kiser ukoll l-Artikolu 127 TFUE. Ir-rikorrenti jsostnu li l-mandat tal-BĊE f'dak li jirrigwarda politika monetarja għandu l-għan ta' stabbiltà tal-prezzijiet. Bl-implementazzjoni tal-miżuri l-BĊE qed jopera politika fiskali u għalhekk qed jaġixxi ultra vires.

Barra minn hekk, id-deċiżjonijiet ikkontestati huma inkompatibbli mal-Protokoll (Nru 27) dwar is-suq intern u l-kompetizzjoni , flimkien mal-Artikolu 51 TUE. Skont ir-rikorrenti, ix-xiri ta' titoli pubbliċi maħruġa minn Stati fi kriżi finanzjarja huwa intervent dirett f'parti minn suq li huwa kkaratterizzat minn provvista eċċessiva. Dan ix-xiri huwa tnaqqis artifiċjali fil-provvista, li għandu effett korrispondenti fuq il-qliegħ minn dawn it-titoli u għalhekk ma humiex kompatibbli mal-prinċipju li ma jkunx hemm distorsjoni tal-kompetizzjoni.

Il-BĊE aġixxa bi ksur tal-Artikolu 130 TFUE flimkien mal-Artikolu 7 tal-Istatut tas-SEBĊ u tal-BĊE , minħabba li kien hemm pressjoni fuq il-President tal-BĊE sabiex jadotta d-deċiżjonijiet ikkontestati.

Ix-xiri ta' dejn sovran li ma jkunx motivat minn kunsiderazzjonijiet ta' politika monetarja iżda ta' politika fiskali u li ma jkunx intiż sabiex tinżamm l-istabbiltà tal-prezzijiet, jaffettwa s-swieq u b'hekk jipperikola l-fiduċja f'politika monetarja indipendenti. Skont ir-rikorrenti, mill-qafas legali tal-Unjoni Monetarja Ewropea jirriżulta dritt suġġettiv li ma jkunx hemm aġir li jmur manifestament kontra l-istabbiltà u li jkun b'mod partikolari inkompatibbli mal-Artikoli 123 u 125 TFUE.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3603/93, tat-13 Diċembru 1993, li jistabbilixxi d-definizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-projbizzjonijiet previsti fl-Artikoli 104 u 104b (1) tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 10, Vol. 1, p. 27).

2 - ĠU 2010, C 83, p. 309.

3 - Protokoll (nru 4) dwar l-istatuti tas-Sistema Ewropea ta' Banek Ċentrali u tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU 2010, C 83, p. 230).