Language of document :

Appell ippreżentat fl-10 ta' Settembru 2008 mill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej mis-sentenza mogħtija fit-8 ta' Lulju 2008 mit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-76/07, Birkhoff vs Il-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej

(Kawża T-377/08 P)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Appellanti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: J. Currall u B. Eggers, aġenti)

Parti oħra fil-kawża: Gerhard Birkhoff (Weitnau, il-Ġermanja)

Talbiet tal-appellanti

tannulla d-deċiżjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta' Lulju 2008, fil-Kawża F-76/07, Birkhoff vs Il-Kummissjoni;

tikkundanna lill-appellat għall-ispejjeż tal-proċedura quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll għall-ispejjeż tal-appell.

Aggravji u argumenti prinċipali

L-appell huwa intiż kontra s-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tat-8 ta' Lulju 2008, fil-Kawża F-76/07, li permezz tagħha ġiet annullata d-deċiżjoni tal-kamra tal-ikklerjar rigward ilment, li ma jiġix irrimborsat siġġu bir-roti sentejn wara l-aħħar akkwist minħabba n-nuqqas ta' neċessità.

L-appellanti tibbaża l-appell tagħha, fl-ewwel lok, fuq il-fatt li s-sentenza, bi ksur tad-dritt Komunitarju fis-seħħ, tiddefinixxi għall-ewwel darba l-marġni ta' diskrezzjoni tat-tabib tal-familja u tal-kumitat mediku, b'tali mod li huma biss korpi ta' tobba li huma indipendenti li għandhom tali marġni ta' diskrezzjoni.

Fit-tieni lok, is-sentenza tiċħad minn kwalunkwe rilevanza l-opinjonijiet importanti tal-kumitat mediku fl-evalwazzjoni tan-neċessità tal-ispejjeż, safejn hija ssostni li l-imsemmi kumitat huwa sempliċement konsultattiv u li l-opinjonijiet tiegħu ma jiġux ippubblikati. Dan imur kontra l-ġurisprudenza stabbilita fuq ir-regolamenti kollha dwar is-sigurtà tal-assigurazzjoni għall-marda għall-uffiċjali tal-Komunitajiet Ewropej fil-verżjoni tagħhom tat-22 ta' Marzu 2004. Dawn il-pariri jikkostitwixxu, barra minn hekk, preżunzjoni relattiva fir-rigward tan-neċessità tal-ispejjeż.

Barra minn hekk l-appellanti tallega l-iżnaturament tal-fatti, u jekk ikun il-każ, żball fil-klassifikazzjoni legali tal-fatti u tal-kawża inkwistjoni kif ukoll ksur tad-dmir ta' motivazzjoni tas-sentenza, peress li parti fundamentali tad-deċiżjoni rigward l-ilment ġiet iddikjarata bħala ineżistenti.

____________