Language of document :

Rikors ippreżentat fit-2 ta' Lulju 2012 - Syria International Islamic Bank vs Il-Kunsill

(Kawża T-293/12)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Syria International Islamic Bank Public Joint-Stock Company (Damasku, is-Sirja) (rappreżentanti: G. Laguesse u J. P. Buyle, avukati)

Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tannulla r-Regolament 2012/544/PESK, li jimplimenta l-Artikolu 32(1) tar-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja, sa fejn jikkonċerna lir-rikorrenti;

tannulla d-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni 2012/335/PESK, li timplimenta d-Deċiżjoni 2011/782/PESK dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja, sa fejn tikkonċerna lir-rikorrenti;

tikkundanna lill-Kunsill iħallas lir-rikorrenti ammont provviżorju ta' EUR 10 000 000 bħala kumpens, bla ħsara għal żieda jew tnaqqis ulterjuri ta' dan l-ammont;

tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż kollha tal-kawża, inklużi dawk inkorsi mir-rikorrenti.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka seba' motivi.

L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża u tad-dritt għal smigħ xieraq sa fejn ir-rikorrenti ma setgħetx tinstema' qabel ma ttieħdu l-miżuri u sa fejn il-Kunsill ma ħalliex lir-rikorrenti ssostni l-argumenti tagħha fir-rigward tal-elementi konkreti li l-Kunsill seta' kellu għad-dispożizzjoni tiegħu, u dan minkejja li r-rikorrenti kienet talbet sabiex titħalla tagħmel dan.

It-tieni motiv huwa bbażat fuq żball manifest ta' evalwazzjoni tal-fatti sa fejn ir-rikorrenti, skont l-informazzjoni li għandha u wara kontrolli u verifiki interni, ma wettqitx il-fatti li bihom hija akkużata fl-atti kkontestati.

It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità sa fejn il-miżuri meħuda mill-Kunsill kellhom bħala konsegwenza l-għeluq tas-sistema finanzjarja tar-rikorrenti, li tirrappreżenta 90 % tat-tranżazzjonijiet tagħha fil-munita Euro. Dan wassal sabiex waqgħu diversi kuntratti pendenti, espona lir-rikorrenti għal responsabbiltà u ċaħħad lil eluf ta' ċittadini Sirjani mill-possibbiltà li jwettqu tranżazzjonijiet bankarji u finanzjarji.

Ir-raba' motiv huwa bbażat fuq ksur sproporzjonat tad-dritt ta' proprjetà u tad-dritt li tiġi eżerċitata attività professjonali.

Il-ħames motiv huwa bbażat fuq illegalità tal-atti kkontestati, sa fejn il-kundizzjonijiet tal-Artikolu 23 tad-Deċiżjoni 2011/782/PESK 2 u tal-Artikoli 14 u 26 tar-Regolament Nru 36/2012  ma kinux issodisfatti minħabba li r-rikorrenti ma kinitx ipparteċipat konxjament u volontarjament fi tranżazzjonijiet intiżi sabiex jiġu evitati s-sanzjonijiet.

Is-sitt motiv huwa bbażat fuq użu ħażin ta' poter sa fejn il-fatti ineżami jwasslu lir-rikorrenti sabiex temmen li l-miżuri ġew adottati għal raġunijiet differenti minn dawk indikati fl-atti kkontestati.

Is-seba' motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta' motivazzjoni sa fejn il-motivazzjoni tal-atti kkontestati hija ambigwa u ma tagħmilx riferiment għal elementi konkreti jew għal dati li jippermettu lir-rikorrenti tidentifika t-tranżazzjonijiet finanzjarji li hija akkużata bihom.

____________

1 - Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/782/PESK, tal-1 ta' Diċembru 2011, dwar miżuri restrittivi kontra s-Sirja u tħassar id-Deċiżjoni 2011/273/PESK (ĠU L 319, p. 56).

2 - Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012, tat-18 ta' Jannar 2012, dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 442/2011 (ĠU L 16, p. 1).