Language of document : ECLI:EU:T:2015:221

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

22 ta’ April 2015 (*)

“Agrikoltura – Organizzazzjoni komuni tas-swieq – Setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat – Għajnuna lill-gruppi ta’ produtturi – Limitazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni – Ċertezza legali – Aspettattivi leġittimi – Obbligu ta’ motivazzjoni – Kooperazzjoni leali”

Fil-Kawża T‑290/12,

Ir-Repubblika tal-Polonja, inizjalment irrappreżentata minn B. Majczyna u M. Szpunar, sussegwentement minn Majczyna u K. Strás, bħala aġenti,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, inizjalment irrappreżentata minn N. Donnelly, B. Schima u D. Milanowska, sussegwentement minn D. Milanowska u B. Schima, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba għall-annullament, tal-Artikolu 1(2) sa (4), (6), (12) u (13), tad-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 2(1) sa (3) u tal-Artikolu 3 kif ukoll tal-Annessi I u II tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 302/2012 tal-4 ta’ April 2012 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 99, p. 21),

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn D. Gratsias, President, M. Kancheva u C. Wetter (Relatur), Imħallfin,

Reġistratur : J. Weychert, amministratur,


wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-17 ta’ Settembru 2014,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Fil-5 ta’ April 2012, daħal fis-seħħ ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 302/2012, tal-4 ta’ April 2012, li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 543/2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 99, p. 21). Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012, huwa intiż li jemenda r- Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 543/2011 tas-7 ta’ Ġunju 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-applikazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 għas-setturi tal-frott u l-ħaxix u tal-frott u l-ħaxix ipproċessat (ĠU L 157, p. 1), sabiex jillimita l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea għall-għajnuna lil gruppi tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix (iktar ’il quddiem il-“GP”).

2        Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 jipprevedi l-inklużjoni tal-Annessi Va u Vb fir-Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 kif ukoll l-introduzzjoni ta’ emendi fl-Artikoli 36 sa 39, 44, 47, 92, 95, 97, 98 u 112 tal-imsemmi regolament.

3        Il-GP huma entitajiet stabbiliti fuq l-inizjattiva ta’ produtturi tal-frott u l-ħaxix li jinsabu fl-Istati Membri li aderixxew mal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2004 jew wara din id-data, fir-reġjuni l-iktar imbiegħda tal-Unjoni jew fil-gżejjer minuri tal-baħar Eġew. Huma għandhom natura tranżitorja u nħolqu bil-għan li jissodisfaw il-kriterji li jippermettulhom li jiġu rrikonoxxuti bħala organizzazzjonijiet tal-produtturi (iktar ’il quddiem l-“OP”), fi tmiem perijodu massimu ta’ ħames snin.

4        Il-possibbiltà li jiġu kkostitwiti GP hija prevista fl-Artikolu 125e tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007, tat-22 ta’ Ottubru 2007, li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni ta’ swieq agrikoli u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għal ċerti prodotti agrikoli (ir-Regolament Waħdieni dwar l-OKS) (ĠU L 299, p. 1), kif emendat.

5        L-OP huma l-atturi prinċipali tas-settur tal-frott u l-ħaxix. Sabiex jinkiseb l-istatus ta’ OP, entità partikolari għandha tissodisfa l-kriterji ddefiniti fl-Artikolu 122, fl-Artikolu 125a u fl-Artikolu 125b tar-Regolament Waħdieni OKS, li fihom jissemma, b’mod partikolari, l-obbligu li jinġabar numru minimu ta’ membri u li jiġi kkummerċjalizzat volum minimu ta’ produzzjoni. L-OP rikonoxxuti jibbenefikaw minn għajnuna finanzjarja fil-kuntest ta’ programmi operattivi.

6        L-Artikolu 103a(1) tar-Regolament Waħdieni OKS jipprevedi li matul perijodu tranżitorju, l-Istati Membri jistgħu jagħtu lill-GP żewġ tipi ta’ għajnuna finanzjarja, jiġifieri, minn naħa waħda, għajnuna intiża li tinkoraġġixxi l-istabbiliment tagħhom u sabiex tiffaċilita l-funzjonament amministrattiv tagħhom u, min-naħa l-oħra, għajnuna intiża li tkopri parti mill-investimenti neċessarji għar-rikonoxximent u li jissemmew, f’dan is-sens, fil-pjan ta’ rikonoxximent.

7        Fl-ewwel stadju, l-Istat Membru jagħti għajnuna lill-GP. Fit-tieni stadju, parti mill-fondi mħallsa tiġi rrimborsata mill-Unjoni.

8        L-emendi introdotti bIr-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 li jikkonċernaw ir-rimbors mill-Unjoni. L-Artikolu 103a(2) tar-Regolament Waħdieni OKS jipprevedi li l-għajnuna msemmija fil-paragrafu 1 tal-istess artikolu għandha tiġi rrimborsata mill-Unjoni, skont ir-regoli li għandhom jiġu adottati mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-finanzjament ta’ tali miżuri, u, b’mod partikolari l-livelli u l-limiti applikabbli għall-għajnuna u l-grad ta’ finanzjament tal-Unjoni. L-għoti ta’ għajnuna lill-GP tiddependi fil-fatt, fil-parti l-kbira, mill-Istati Membri. L-Artikolu 10a(1) tar-Regolament Waħdieni OKS jipprevedi li “l-Istati Membri jistgħu jagħtu lil [GP] [għajnuna]”. L-Artikolu 36 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, kif emendat, iħalli lill-Istati Membri marġni ta’ diskrezzjoni sabiex jiddeċiedu l-kriterji minimi li entità għandha tissodisfa sabiex tkun tista’ tressaq pjan ta’ rikonoxximent, ir-regoli dwar il-kontenut u l-implementazzjoni tal-pjani ta’ rikonoxximent, il-proċeduri amministrattivi għall-approvazzjoni, il-monitoraġġ u t-twettiq tal-pjani ta’ rikonoxximent, kif ukoll l-emendi magħmula fil-pjani mingħajr il-ħtieġa tal-awtorizzazzjoni tal-awtorità kompetenti. Barra minn hekk l-Istati Membri jiddeċiedu kemm għandu jingħata finanzjament lill-GP fil-politika agrikola nazzjonali. L-applikazzjoni għall-GP ta’ regoli ta’ finanzjament iktar favorevoli minn dawk li jirrigwardaw l-OP hija intiża sabiex tippermetti lill-produtturi tas-settur tal-frott u l-ħaxix, li għadhom ma humiex f’pożizzjoni li jissodisfaw il-kriterji previsti għall-OP, li jorganizzaw ruħhom formalment fis-suq. Skont il-premessa 29 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 kif emendat, sabiex jiġi promoss il-ħolqien ta’ organizzazzjonijiet ta’ produtturi stabbli li jkunu jistgħu jikkontribwixxu b’mod sostenibbli għat-twettiq tal-għanijiet tas-settur tal-frott u l-ħaxix, għandu jingħata rikonoxximent preliminari biss lill-gruppi ta’ produtturi li jistgħu juru l-kapaċità tagħhom li jikkonformaw ruħhom mar-rekwiżiti kollha dwar ir-rikonoxximent f’perijodu ta’ żmien determinat.

9        Il-qbiż sinjifikattiv tal-ammonti inizjalment previsti u l-konstatazzjoni, matul iż-żjarat ta’ kontroll fl-Istati Membri, ta’ ċerti irregolaritajiet fl-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Unjoni dwar il-finanzjament tal-GP, inkoraġġew lill-Kummissjoni sabiex tadotta r-Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012.

10      Qabel il-5 ta’ April 2012, id-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012, ma kienx jeżisti limitu annwali fuq il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-għajnuna mogħtija lill-GP u lanqas limitu fuq il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-għajnuna għall-investiment imsemmija fl-Artikolu 103a(1)(b) tar-Regolament Waħdieni OKS.

11      Min-naħa l-oħra, f’dak li jikkonċerna l-OP, il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-għajnuna għall-investiment ġiet limitata għal 4.1 % tal-valur tal-produzzjoni kkummerċjalizzata. Il-GP jistgħu wkoll jiffinanzjaw investimenti li mhux eliġibbli għal finanzjament fil-każ tal-OP.

12      Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 ġie ppreċedut mix-xogħol fi ħdan Kumitat ta’ Tmexxija għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli (iktar ’il quddiem il-“Kumitat ta’ Tmexxija”). L-ewwel abbozz ta’ emenda tar-regoli dwar il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni li jissemmew fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 ġie ppreżentat lill-Kumitat ta’ Tmexxija fix-xahar ta’ Settembru 2011. Dan l-abbozz tal-Kummissjoni ppropona, b’mod partikolari, limitazzjoni tal-għajnuna għall-investimenti previsti mill-Artikolu 103a(1)(b) tar-Regolament Waħdieni OKS, lista ta’ investimenti mhux eliġibbli għall-għajnuna u limitu massimu fuq il-possibbiltà ta’ emenda tal-pjani ta’ rikonoxximent matul is-sena għal 25 % tal-ammont inizjalment approvat. Dan l-ewwel abbozz ġie eżaminat matul il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija li nżammew fl-20 ta’ Settembru, fl-4 u fid-19 ta’ Ottubru 2011. Matul il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tad-19 ta’ Ottubru 2011, l-abbozz ta’ emenda tqiegħed għal votazzjoni. Peress li l-Kumitat ta’ Tmexxija ma setax jagħti opinjoni matul din il-laqgħa, il-Kummissjoni ddeċidiet li tissospendi l-adozzjoni tiegħu.

13      Sussegwentement, il-Kummissjoni ppreżentat it-tieni abbozz ta’ emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, li ġie eżaminat matul il-laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija tas-27 u 29 ta’ Marzu kif ukoll tat-3 ta’ April 2012, data li fiha seħħet il-votazzjoni fuq dan l-abbozz. F’dan l-imsemmi abbozz, il-Kummissjoni, riedet, essenzjalment, temenda l-limitazzjoni tal-għajnuna għall-investimenti previsti mill-Artikolu 103a(1)(b) tar-Regolament Waħdieni OKS, iżżomm il-lista ta’ investimenti mhux eliġibbli għall-għajnuna u tnaqqas il-limitu ta’ emendi possibbli matul is-sena tal-pjan ta’ rikonoxximent għal 5 % tal-ammont inizjalment approvat. Hija pprevediet ukoll li ddaħħal limitazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għall-għajnuna msemmija fl-Artikolu 103a tar-Regolament Waħdieni OKS għal EUR 10 miljun għal kull sena kalendarja. Il-Kumitat ta’ Tmexxija, għal darb’oħra, reġa’ ma tax opinjoni fuq dan l-abbozz.

14      Fl-4 ta’ April 2012, il-Kummissjoni adottat Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 .

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

15      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fid-29 ta’ Ġunju 2012, ir-Repubblika tal-Polonja ppreżentat dan ir-rikors.

16      Ir-risposta ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-14 ta’ Settembru 2012,

17      Ir-replika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-6 ta’ Novembru 2012.

18      Il-kontroreplika ġiet ippreżentata fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fit-18 ta’ Jannar 2013.

19      Wara t-tluq tal-Imħallef Relatur inizjalment assenjat, din il-kawża ġiet fdata f’idejn Imħallef Relatur ġdid.

20      Wara t-tiġdid parzjali tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla, li għaldaqstant ġiet assenjata quddiemha din il-kawża.

21      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tibda l-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, għamlet xi mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet. Dawn tal-aħħar irrispondew fit-termini stabbiliti.

22      It-trattazzjoni tal-partijiet u r-risposti tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tas-17 ta’ Settembru 2014.

23      Ir-Repubblika tal-Polonja titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-punti 2 sa 4, 6, 12 u 13 tal-Artikolu 1, l-Artikolu 2(1) sa (3) moqri flimkien mal-Artikolu 3, u l-Annessi I u II tar-Regolament ta’ Implementazzjoni Nru 302/2012 (iktar ’il quddiem “id-dispożizzjonijiet ikkontestati”);

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

24      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.

 Id-dritt

25      Insostenn tar-rikors, ir-Repubblika tal-Polonja invokat erba’ motivi bbażati, l-ewwel nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali u tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, it-tieni nett, fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità, it-tielet nett fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE, minħabba motivazzjoni insuffiċjenti tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, u r-raba’ nett, fuq ksur tal-prinċipji ta’ kooperazzjoni leali u ta’ solidarjetà.

26      Qabel jiġu eżaminati l-motivi l-oħrajn għandu jiġi eżaminat it-tielet motiv ibbażat fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni.

 Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE minħabba motivazzjoni insuffiċjenti tad-dispożizzjonijiet ikkontestati

27      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-Kummissjoni ma mmotivatx suffiċjentement il-limitazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni favur il-GP u għaldaqstant ma ssodisfatx l-obbligu ta’ motivazzjoni previst fl-Artikolu 296 TFUE.

28      Ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-Kummissjoni kellha timmotiva d-dispożizzjonijiet ikkontestati peress li l-imsemmija dispożizzjonijiet kellhom effetti ferm negattivi fuq il-produtturi tal-frott u l-ħaxix u li jimplikaw tibdil mhux tas-soltu u mingħajr preċedent li ġie stabbilit b’ritmu mgħaġġel.

29      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja hija tal-fehma, li, fid-dawl tal-ġurisprudenza fis-seħħ, il-Kummissjoni kellha tindika l-fatti li jiġġustifikaw l-introduzzjoni ta’ limiti fuq il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni favur il-GP u l-għanijiet intiżi mill-introduzzjoni ta’ dawn il-limiti.

30      Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li l-Kummissjoni ma indikatx b’mod inekwivoku l-għanijiet intiżi mill-introduzzjoni tal-limiti inkwistjoni.

31      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.

32      Skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 KE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, li tkun adottatu, b’tali mod li tippermetti lill-persuni interessati jkunu jistgħu jagħrfu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u l-qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2005, L-Italja vs Il-Kummissjoni, C‑138/03, C-324/03 u C-431/03, Ġabra, EU:C:2005:714, punt 54 u l-ġurisprudenza ċċitata).

33      Dan ir-rekwiżit għandu jiġi evalwat abbażi taċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji tal-att jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika l-punti kollha ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni ta’ jekk il-motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandhiex tiġi evalwata mhux biss fid-dawl tad-diċitura tagħha, iżda wkoll fid-dawl tal-kuntest tagħha u tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (ara s-sentenza L-Italja vs Il-Kummissjoni, punt 32 iktar ’il fuq, EU:T:2005:714, punt 55 u l-ġurisprudenza ċċitata). Għalhekk, dan huwa wisq iżjed minnu meta l-Istati Membri kienu strettament assoċjati fil-proċess tal-abbozzar tal-att kontenzjuż u għaldaqstant jafu r-raġunijiet li fuqhom huwa bbażat dan l-att (ara s-sentenzi tat-22 ta’ Novembru 2001, Il-Pajjiżi l-Baxxi vs Il-Kunsill, C‑301/97, Ġabra, EU:C:2001:621, punt 188, u tas-26 ta’ Ġunju 2012, Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, C‑335/09 P, Ġabra, EU:C:2012:385, punt 153 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Fil-każ ta’ regolament, il-motivazzjoni tista’ sempliċement tindika, minn naħa, is-sitwazzjoni ġenerali li wasslet għall-adozzjoni tiegħu u, min-naħa l-oħra, l-għanijiet ġenerali li jkun intiż li jilħaq (sentenzi tat-3 ta’ Lulju 1985, Abrias et vs Il-Kummissjoni, 3/83, Ġabra, EU:C:1985:283, punt 30, u tal-10 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Il-Kunsill, C-342/03, Ġabra , EU:C:2005:151, punt 55).

35      Barra minn hekk, jekk att ta’ portata ġenerali jindika l-għan essenzjali mixtieq mill-istituzzjoni, ikun eċċessiv li tintalab motivazzjoni speċifika għad-diversi għażliet tekniċi li jkunu saru (ara s-sentenza tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, Ġabra, EU:C:2006:521, punt 59, u l-ġurisprudenza ċċitata).

36      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-motivi li għalihom ġew introdotti l-emendi tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni favur il-GP huma esposti fil-premessi 5 u 6 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012. Fihom hemm riferiment għall-fatt li l-limiti li ġew introdotti “[g]ħal raġunijiet ta’ dixxiplina baġitarja” u minħabba r-rieda “sabiex tkun ottimizzata l-allokazzjoni ta’ riżorsi finanzjarji b’mod sostenibbli u effettiv”.

37      Barra minn hekk, mill-premessa 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 jirriżulta li l-emendi tas-sistema ta’ finanzjament ġew introdotti sabiex jevitaw sitwazzjonijiet li jmorru kontra l-għanijiet tar-Regolament Waħdieni OKS, b’mod partikolari l-ħolqien artifiċjali mill-entitajiet inkwistjoni ta’ ċirkustanzi li jippermettulhom il-kisba ta’ għajnuna tal-Unjoni minħabba l-fatt li l-produtturi jgħaddu minn GP għall-ieħor bil-għan li jibbenefikaw minn għajnuna għal tul ta’ żmien ta’ iktar minn ħames snin u li jirċievu din l-għajnuna anki meta huma jissodisfaw il-kriterji applikabbli għall-OP.

38      Il-premessa 17 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 tirreferi għall-aspettattivi leġittimi tal-produtturi u tipprevedi, b’mod partikolari, li l-emendi ma japplikawx għall-pjani ta’ rikonoxximent aċċettati qabel id-data tad-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament li l-entitajiet diġà impenjaw ruħhom għalihom finanzjarjament jew ikkonkludew ftehim vinkolanti ma’ terzi bil-għan li jwettqu l-investimenti.

39      F’dak li jikkonċerna d-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012, mill-premessa 19 tal-imsemmi regolament jirriżulta li dan tal-aħħar daħal fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu “[s]abiex tkun ikkontrollata n-nefqa tal-Unjoni”.

40      Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li l-kuntest li fih ġew adottati d-dispożizzjonijiet ikkontestati ppermetta lir-Repubblika tal-Polonja li ssir taf il-ġustifikazzjonijiet. Fil-fatt, din tal-aħħar ipparteċipat għal-laqgħat tal-Kumitat ta’ Tmexxija, li matulhom ġew diskussi proposti ta’ emendi. Bl-istess mod, matul is-seduta hija rrikonoxxiet li r-rappreżentanti tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix jinżammu informati bl-emendi importanti li jkunu għaddejjin.

41      Għalhekk, għandu jiġi kkunsidrat li, fid-dawl tal-ġurisprudenza ċċitata fil-punti 32 sa 35 iktar ’il fuq, il-motivazzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati hija suffiċjenti, sa fejn din tippermetti lir-Repubblika tal-Polonja u lill-operaturi ekonomiċi li jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-Qorti Ġenerali li teżerċita l-istħarriġ tagħha.

42      Konsegwentement, it-tielet motiv, ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 296 TFUE minħabba motivazzjoni insuffiċjenti tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi

43      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ġew introdotti b’mod li jkun impossibbli għall-produtturi tal-frott u l-ħaxix li jipprevedu l-emendi inkwistjoni u li jadattaw l-attività tagħhom għal dan it-tibdil. Hija tqis li, anki jekk it-tibdil tas-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom kien possibbli, l-imsemmija produtturi, madankollu, setgħu stennew li l-imsemmija emendi jiġu introdotti b’ritmu u skont modalitajiet li jippermettulhom adattament f’termini raġonevoli.

44      Ir-Repubblika tal-Polonja tenfasizza li l-produtturi tal-frott u l-ħaxix għandhom jallokaw sforzi organizzattivi u finanzjarji, anki qabel il-preżentazzjoni ta’ pjan ta’ rikonoxximent. Skont il-Polonja, dawn l-isforzi għandhom bħala korrispettiv impenn finanzjarju tal-awtoritajiet pubbliċi, fil-livell tal-Unjoni u f’dak tal-Istati Membri, li jissussidjaw l-attivitajiet tal-produtturi, peress li dan il-mekkaniżmu għandu l-għan ta’ titjib tal-istrutturar tas-suq tal-frott u l-ħaxix.

45      Il-produtturi tal-frott u l-ħaxix kellhom għaldaqstant, id-dritt li jistennew li r-regoli ta’ finanzjament ta’ GP ma jiġux emendati “f’nofs il-logħba”, u li d-deċiżjoni li kienet inkoraġġiethom jagħmlu l-isforzi intiżi għall-ħolqien ta’ GP ma tiġix irtirata eżatt qabel, jew sussegwentement għall-aċċettazzjoni ta’ pjan ta’ rikonoxximent.

46      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, id-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 huma, wisq “stretti”, sa fejn l-imsemmija dispożizzjonijiet japplikaw biss għall-pjani ta’ rikonoxximent aċċettati qabel id-dħul fis-seħħ tal-imsemmi imsemmi, skont l-Artikolu 2(1) tal-istess regolament. Dan japplika wkoll għar-regoli tranżitorji li jipprovdu li l-limitu fuq il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni ma japplikax għall-pjani ta’ rikonoxximent aċċettati qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 u li għalihom il-GP kkonċernat ikun diġà impenja ruħu finanzjarjament jew ikun ikkonkluda ftehim legalment vinkolanti ma’ terzi f’dak li jikkonċerna l-investimenti korrispondenti.

47      Ir-Repubblika tal-Polonja ssostni, ukoll, f’dak li jikkonċerna l-GP li l-pjan ta’ rikonoxximent tagħhom ġie approvat u li impenjaw ruħhom legalment jew finanzjarjament qabel id-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012, li tneħħija tal-possibbiltà ta’ żieda tal-ammont ta’ spejjeż matul it-twettiq tal-pjan ta’ rikonoxximent huwa ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

48      Fl-aħħar nett, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li l-Kummissjoni kellha d-dmir li tipprovdi perijodu iktar twil bejn l-adozzjoni ta’ dispożizzjonijiet ikkontestati u d-dħul fis-seħħ tagħhom, li jippermetti lill-GP jadattaw ruħhom għall-emendi magħmula għar-Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

49      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.

50      Il-prinċipju ta’ ċertezza legali jeżiġi li r-regoli ta’ dritt ikunu ċari, preċiżi u prevedibbli fl-effetti tagħhom, b’mod partikolari meta jista’ jkollhom konsegwenzi sfavorevoli fuq l-individwi u l-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas-7 ta’ Ġunju 2005, VEMW et , C‑17/03, Ġabra, EU:C:2005:362, punt 80, u tas-16 ta’ Frar 2012, Costa u Cifone, C‑72/10 u C‑77/10, Ġabra, EU:C:2012:80, punt 74 u l-ġurisprudenza ċċitata).

51      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Kummissjoni ma kisritx il-prinċipju ta’ ċertezza legali. Id-dispożizzjonijiet tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 jistabbilixxu d-drittijiet u l-obbligi tal-entitajiet legali interessati b’mod ċar u preċiż li jippermettu lil dawn tal-aħħar li jsiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità, u dan, mid-dħul fis-seħħ tal-imsemmi regolament. Fil-fatt, id-drittijiet u l-obbligi tal-GP huma ddefiniti fl-Artikolu 1(3)(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 (dwar l-Artikolu 38(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, kif emendat), li jipprevedi espliċitament li, ladarba l-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni jiġu ffissati, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru għandha tagħti lill-GP l-opportunità li jemenda jew jirtira l-pjan ta’ rikonoxximent tagħhom. Bl-istess mod, l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 (dwar it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, kif emendat) jipprevedi li l-GP jistgħu jiġu awtorizzati mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru li jiżdied l-ammont totali ta’ spejjeż ffissati f’pjan ta’ rikonoxximent ta’ 5 % massimu tal-ammont inizjalment approvat jew li jnaqqsuh b’perċentwali massimu.

52      Dan jgħodd bl-istess mod għad-dispożizzjonijiet tranżitorji li jissemmew fl-Artikolu 2(1), (2) jew (3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012, li jirregolaw id-drittijiet tal-GP fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ regoli ġodda dwar l-ammont ta’ għajnuna. Dawn id-dispożizzjonijiet tranżitorji jissodisfaw ukoll ir-rekwiżit ta’ prevedibbiltà, sa fejn jippermettu lill-produtturi tal-frott u l-ħaxix ikkonċernati li jkunu jafu r-regoli ta’ finanzjament li japplikaw għalihom fil-ġejjieni skont il-grad ta’ progress tal-investimenti previst fil-pjani ta’ rikonoxximent tagħhom.

53      Għaldaqstant, l-argumenti bbażati fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali għandhom jiġu miċħuda.

54      F’dak li jikkonċerna, fil-preżent, il-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li d-dritt li jiġi invokat dan il-prinċipju jestendi għal kull parti fil-kawża li fir-rigward tagħha istituzzjoni Komunitarja ħolqot aspettattivi leġittimi (is-sentenza tal-11 ta’ Marzu 1987, Van den Bergh en Jurgens u Van Dijk Food Products vs Il-Kummissjoni, 265/85, Ġabra, EU:C:1987:121, punt 44). Barra dan, ħadd ma jista’ jinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju jekk ma jkunx ingħata garanziji preċiżi mill-amministrazzjoni (sentenzi tal-24 ta’ Novembru 2005, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑506/03, EU:C:2005:715, u tat-18 ta’ Jannar 2000, MehibasDordtselaan vs Il-Kummissjoni, T‑290/97, Ġabra, EU:T:2000:8, punt 59).

55      Mill-ġurisprudenza jirriżulta wkoll li, meta operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, dan l-operatur ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ dan il-prinċipju meta tkun adottata din il-miżura (ara, f’dan is-sens, b’mod partikolari, is-sentenzi tal-15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport, C‑37/02 u C‑38/02, Ġabra, EU:C:2004:443, punt 70; tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, EU:C:2006:521, punt 35 iktar ’il fuq, punt 81; u tal-10 ta’ Settembru 2009, Plantanol, C‑201/08, Ġabra, EU:C:2009:539, punt 53 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Barra dan, l-operaturi ekonomiċi ma humiex iġġustifikati li jqiegħdu l-aspettattivi leġittimi tagħhom f’li tinżamm fis-seħħ sitwazzjoni eżistenti li l-bidla tagħha qiegħda fis-setgħa diskrezzjonali tal-istituzzjonijiet Komunitarji u dan, b’mod speċjali, f’qasam bħal dak tal-organizzazzjoni komuni tas-swieq, li s-suġġett tiegħu jinvolvi aġġustament kostanti skont il-varjazzjonijiet fis-sitwazzjoni ekonomika (ara, is-sentenzi tal-15 ta’ Frar 1996, Duff et, C‑63/93, Ġabra, EU:C:1996:51, punt 20; tal-15 ta’ April 1997, Irish Farmers Association et, C‑22/94, Ġabra, EU:C:1997:187, punt 25; u Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, EU:C:2012:385, punt 180 u l-ġurisprudenza ċċitata).

57      Dan japplika bl-istess mod għal dak li jikkonċerna Stat Membru li jaderixxi (ara s-sentenza Il-Polonja vs Il-Kummissjoni, punt 33 iktar ’il fuq, EU:C:2012:385, punt 181).

58      F’dan il-każ, ir-Repubblika tal-Polonja la wriet u lanqas sostniet li l-Kummissjoni kienet ipprovdiet garanziji preċiżi fir-rigward tagħha. F’dak li jikkonċerna l-argument li jipprovdi li dawn il-garanziji preċiżi ġew ipprovduti lill-operaturi ekonomiċi li joħolqu aspettattivi leġittimi fil-konfront tagħhom, għandu jiġi rrilevat dan li ġej.

59      Fir-rigward ta’ entitajiet legali li l-pjani ta’ rikonoxximent tagħhom ma ġewx aċċettati qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, għandu l-ewwel nett jiġi enfasizzat li l-kompetenza rikonoxxuta lill-Kummissjoni mid-dispożizzjonijiet magħquda tal-Artikolu 103a(2) u tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 103h(a) tar-Regolament Waħdieni OKS li jagħtuha s-setgħa li tistabbilixxi regoli li jippermettu l-adozzjoni tal-livelli u tal-limiti tal-għajnuna applikabbli u l-grad ta’ finanzjament tal-Unjoni. Fid-dawl ta’ din is-setgħa diskrezzjonali tal-Kummissjoni u tal-fatt li l-entitajiet legali inkwistjoni joperaw fil-qasam tal-organizzazzjonijiet komuni tas-swieq, huma ma setgħux ikollhom aspettattivi leġittimi fis-sostenibbiltà tad-dispożizzjonijiet preċedenti għad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

60      Barra minn hekk, mill-proċess ma jirriżultax li ġew ipprovduti garanziji preċiżi mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni lill-entitajiet legali inkwistjoni. L-Artikolu 38 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 ma kienx jiggarantixxi li l-pjani ta’ rikonoxximent li kienu jiġu aċċettati ġaladarba jitressqu u inqas u inqas li dan it-tressiq jimpenja finanzjarjament lill-Unjoni. Fil-fatt, it-tielet paragrafu ta’ dan l-artikolu kien jipprevedi li l-Istati Membri, wara kontrolli ta’ konformità previsti mill-Artikolu 111 tal-imsemmi regolament, setgħu japprovaw il-pjan ta’ rikonoxximent, jitolbu li jsiru emendi għall-imsemmi pjan jew jiċħduh.

61      L-isforzi organizzattivi u finanzjarji mwettqa mill-entitajiet legali inkwistjoni, anki qabel it-tressiq ta’ pjan ta’ rikonoxximent, ma jirriżultawx, għaldaqstant, minn garanzija preċiża li fuqha dawn tal-aħħar setgħu jqiegħdu l-aspettattiva tagħhom, iżda biss it-tama li l-pjani ta’ rikonoxximent tagħhom jiġu aċċettati ġaladarba jitressqu. Dawn l-isforzi twettqu minnhom, konxji mir-riskju li l-pjan ta’ rikonoxximent jista’ jiġi miċħud jew li jistgħu jintalbu emendi mill-awtoritajiet Pollakki.

62      Barra minn hekk, minn ittra tal-14 ta’ Marzu 2012, indirizzata lill-Kummissjoni mill-Ministeru tal-Agrikoltura u Żvilupp Rurali Pollakk, u kif ġie kkonfermat mir-Repubblika tal-Polonja waqt is-seduta, jirriżulta li l-produtturi tal-frott u l-ħaxix kienu jafu bl-abbozz tal-emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 mill-ħarifa 2011 u li meta ġew informati bl-emendi proposti lir-Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, huma ħadmu sabiex il-pjani ta’ rikonoxximent tagħhom jiġu aċċettati fl-aħħar xahrejn tal-2011.

63      Għaldaqstant għandu jiġi kkonstatat li l-entitajiet legali inkwistjoni kienu jafu jew kellhom ikunu jafu, l-iktar tard mill-ħarifa 2011, li l-emenda għar-regoli ta’ finanzjament tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 kienet prevista. Madankollu, huma baqgħu jissottomettu l-pjani ta’ rikonoxximent tagħhom sabiex jiġu aċċettati, filwaqt li jittamaw li dawn jiġu aċċettati qabel l-emenda tar-regoli fis-seħħ.

64      Din il-konstatazzjoni ma hijiex ikkontestata, kif qed tallega r-Repubblika tal-Polonja, mill-fatt li l-produtturi tal-frott u l-ħaxix ma kellhomx aċċess għall-abbozzi tal-atti ġuridiċi tal-Kummissjoni ppreżentati waqt il-laqgħat tal-Kumitati tat-Tmexxija, peress li dawn l-atti għandhom natura kunfidenzjali, konformement mal-Artikolu 13(3) tar-Regoli tal-Proċedura ta’ dan il-Kumitat.

65      Fil-fatt, sabiex jiġu esklużi l-aspettattivi leġittimi, huwa biżżejjed li jiġi kkonstatat li, meta operatur ekonomiku prudenti u informat ikun f’pożizzjoni fejn ikun jista’ jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżura ta’ natura li taffettwa l-interessi tiegħu, dan l-operatur ma jkunx jista’ jinvoka l-benefiċċju ta’ dan il-prinċipju meta tkun adottata din il-miżura. F’dan il-każ, ma huwiex għaldaqstant neċessarju li l-produtturi tal-frott u l-ħaxix kienu jafu l-kontenut preċiż tad-dispożizzjonijiet ikkontestati sabiex jiġi deċiż li kellhom għarfien suffiċjenti tal-emendi proposti tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 sabiex tiġi eskluża l-eżistenza tal-aspettattivi leġittimi li jikkonċernawhom.

66      Il-produtturi tal-frott u l-ħaxix lanqas setgħu jistennew li jiġi pprovdut terminu iktar twil għalihom bejn l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u d-dħul fis-seħħ tagħhom. Kif ġie indikat fil-punti 40 u 62 ta’ din is-sentenza, għandu jitfakkar li l-entitajiet legali inkwistjoni kif ukoll ir-Repubblika tal-Polonja kienu jafu jew kellhom ikunu jafu, fid-dawl taċ-ċirkustanzi f’dan il-każ, li emenda għas-sistema finanzjarja kienet imminenti.

67      Għaldaqstant, ma kienx hemm ksur tal-prinċipju ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi fil-konfront tal-entitajiet legali li l-pjani ta’ rikonoxximent tagħhom ma ġewx aċċettati qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ikkontestati.

68      Konsegwentement, fir-rigward tal-GP li l-pjani tagħhom ġew aċċettati qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, għandu jiġi kkunsidrat li, minn naħa, li bħala operaturi ekonomiċi prudenti u informati, huma setgħu jipprevedu li kienu ser iseħħu emendi għar-Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, u, min-naħa l-oħra, li l-Kummissjoni tat biżżejjed garanziji għall-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi tagħhom permezz tar-regoli ta’ tranżizzjoni msemmija fl-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 mingħajr ma kien hemm ħtieġa ta’ previżjoni ta’ terminu iktar twil għal-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u d-dħul fis-seħħ tagħhom. Barra minn hekk, dan ippermetta, li jiġu protetti adegwatament kemm l-interessi tal-GP kif ukoll l-interessi finanzjarji tal-Unjoni.

69      Fil-fatt, il-protezzjoni ta’ kwalunkwe aspettattivi leġittimi tal-GP, li l-pjani tagħhom ġew aċċettati, iżda li ma kinux impenjaw ruħhom legalment jew finanzjarjament qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, ittieħdet inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni li pprovdiet dispożizzjonijiet f’dan ir-rigward fl-Artikolu 1(3) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 38(5) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, kif emendat). Dan l-artikolu jipprevedi li l-GP jistgħu jemendaw jew jirtiraw il-pjani ta’ rikonoxximent tagħhom, wara li jkunu kisbu informazzjoni dwar il-koeffiċjenti ta’ allokazzjoni dwar il-kontribuzzjoni tal-Unjoni, iffissati konformement mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 47(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, kif emendat. Barra minn hekk, is-sitwazzjoni tal-GP li l-pjani tagħhom ġewx aċċettat, iżda li ma kinux impenjaw ruħhom legalment jew finanzjarjament qabel il-5 ta’ April 2012, hija wkoll meħuda inkunsiderazzjoni permezz tad-dispożizzjonijiet tranżitorji tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-GP li jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni jibbenefikaw mill-ammont sħiħ ta’ għajnuna għall-ħolqien u għall-funzjonament amministrattiv, konformement mal-Artikolu 2(3)(c) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012. Barra minn hekk, l-Artikolu 2(3)(d) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 jipprevedi li fil-każ ta’ rtirar, l-ispejjeż imġarrba mill-GP wara l-aċċettazzjoni inizjali tal-pjan fir-rigward tal-formazzjoni u l-amministrazzjoni tiegħu, għandhom jiġu rrimborsati mill-Unjoni sa ammont li ma jaqbiżx it-3 % tal-għajnuna li l-GP jkun intitolat għaliha skont l-Artikolu 10a(1)(a) tar-Regolament Waħdieni OKS, jekk il-pjan ta’ rikonoxximent tagħhom ikun ġie implementat.

70      Fl-aħħar nett, f’dak li jikkonċerna l-GP li l-pjani tagħhom ġew aċċettati u li kienu impenjaw ruħhom finanzjarjament jew legalment abbażi tal-imsemmija pjani qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, għandu jiġi kkunsidrat li, bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012, il-Kummissjoni ma kisritx l-aspettattivi leġittimi tagħhom, peress li kellhom il-possibbiltà li jwettqu l-investimenti previsti fil-pjani ta’ rikonoxximent tagħhom abbażi tar-regoli preċedenti ta’ finanzjament, kif previst mill-Artikolu 2(a) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012. Barra minn hekk, il-limitu massimu ta’ 5 % fuq żidiet tal-ammont ta’ spejjeż waqt it-twettiq tal-pjan ta’ rikonoxximent ma jikkostitwixxix ksur tal-prinċipju protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi li jikkonċerna dawn il-GP, peress li ż-żieda tal-ammont tal-ispejjeż waqt it-twettiq tal-pjan ta’ rikonoxximent ma tistax titqies li hija garanzija preċiża mogħtija lilhom mill-Kummissjoni. Fil-fatt, mir-redazzjoni tal-Artikolu 39(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 jirriżulta li din l-emenda tista’ tintalab f’ċirkustanzi ddeterminati mill-Istati Membri. Għaldaqstant hija tirrigwarda biss possibbiltà li jiġu emendati l-pjani ta’ rikonoxximent matul l-implementazzjoni tagħhom u mhux garanzija preċiża mogħtija lilhom mill-Kummissjoni.

71      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu bħala infondat.

 Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità

72      Ir-Repubblika tal-Polonja tallega li l-Kummissjoni ma wettqet ebda verifika sabiex tkun taf jekk, bl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, hija ma kinitx qed tikser il-prinċipju ta’ proporzjonalità. Din l-assenza ta’ verifika hija fiha nfisha ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità.

73      Ir-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax li, fil-qasam tal-politika agrikola komuni, l-istħarriġ ġudizzjarju ta’ atti mwettqa mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni huma limitati. Din il-limitazzjoni tikkonċerna, qabel kollox, l-atti leġiżlattivi li jikkonċernaw għażliet politiċi diffiċli, fejn il-Kummissjoni għandha ssib bilanċ bejn l-għanijiet differenti tal-politika agrikoli komuni, li ta’ spiss ma jaqblux ma’ xulxin. Madankollu, din il-limitazzjoni tal-istħarriġ ġudizzjarju ma tikkonċernax l-atti tal-Kummissjoni li ma jinkludux ebda waħda minn dawn l-għażliet politiċi, fejn hi tispeċifika biss l-implementazzjoni prattika u l-ġestjoni ta’ pjan jew ta’ politika. Konsegwentement, l-atti li jiksru b’mod gravi l-prinċipji fundamentali tad-dritt tal-Unjoni, b’mod partikolari l-prinċipju ta’ proporzjonalità, ma jistgħux jevitaw l-istħarriġ ġudizzjarju.

74      Ir-Repubblika tal-Polonja tikkonstata li waħda mill-ikbar limitazzjonijiet hija l-introduzzjoni ta’ limitu massimu ta’ EUR 10 miljun kull sena għall-GP fl-Unjoni kollha, previst mill-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 (li jikkorrispondi għall-Artikolu 47(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, kif emendat). Hija ssostni li għajnuna għall-investimenti daqstant limitata għandha biss valur simboliku meta mqabbla mal-bżonnijiet u mal-impenn tal-produtturi fl-organizzazzjoni tas-settur tal-frott u l-ħaxix.

75      Din il-limitazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni twassal għall-eliminazzjoni tal-istrument li jinċentiva lill-produtturi sabiex jikkooperaw bil-għan li joħolqu GP, fid-dawl ta’ tas-sitwazzjoni fis-suq tal-frott u l-ħaxix fil-Polonja u fit-territorju ta’ Stati Membri ġodda oħra.

76      Bl-istess mod, ir-Repubblika tal-Polonja ssostni li l-introduzzjoni, fl-Artikolu 1(6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012, ta’ limiti għall-għajnuna għall-investimenti rispettivament għal 70 %, għal 50 % u għal 20 % tal-valur tal-produzzjoni mibjugħa mill-grupp ta’ produtturi kkonċernati, għat-tielet, ir-raba’ u l-ħames snin ta’ twettiq tal-pjan ta’ rikonoxximent, ser tipproduċi effett ta’ skorraġġiment għall-produtturi tal-frott u l-ħaxix.

77      F’dak li jikkonċerna d-dispożizzjonijiet li jipprevedu l-esklużjoni ta’ ċerti tipi ta’ investiment tal-għajnuna (l-Artikolu 1(2) u (12) u l-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012), ir-Repubblika tal-Polonja hija wkoll tal-fehma li d-dispożizzjonijiet jiksru l-prinċipju ta’ proporzjonalità sa fejn ma jikkontribwixxux għall-għanijiet ta’ sigurtà finanzjarja u ta’ ċertezza legali. Hija ma tikkontestax li l-Kummissjoni hija kompetenti sabiex tipprepara lista ta’ esklużjonijiet ta’ investimenti, iżda targumenta li hija għandha tivverifika minn qabel jekk dawn l-esklużjonijiet humiex “konformi” mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, speċjalment peress li l-kwistjoni li tikkonċerna l-kontribuzzjoni finanzjarja għall-investimenti kienet taqa’ taħt il-kompetenza ta’ kull wieħed mill-Istati Membri. L-esklużjonijiet previsti fl-imsemmija anness ma jippermettux li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ispeċifiċità ta’ każijiet individwali ta’ GP li, fil-pjani ta’ rikonoxximent tagħhom, kienu qegħdin jippjanaw tali investiment.

78      Ir-Repubblika tal-Polonja tikkonkludi li d-danni li jsostnu l-GP t mill-fatt tad-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ikkontestati ser ikunu “ferm ikbar mill-benefiċċji li jistgħu jitwettqu, b’mod partikolari għall-iffrankar baġitarju”.

79      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.

80      Hija ġurisprudenza stabbilita li l-prinċipju ta’ proporzjonalità, li jifforma parti mill-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, jeżiġi li l-miżuri implementati permezz ta’ dispożizzjoni tal-Unjoni jkunu kapaċi li jilħqu l-għan mixtieq u li ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jilħqu dan l-għan (sentenzi tas-6 ta’ Diċembru 2005, ABNA et, C‑453/03, C‑11/04, C‑12/04 u C‑194/04, Ġabra, EU:C:2005:741, punt 68; tas-7 ta’ Lulju 2009, S.P.C.M. et, C‑558/07, Ġabra, EU:C:2009:430, punt 41; u tat-8 ta’ Ġunju 2010, Vodafone et, C‑58/08, Ġabra, EU:C:2010:321, punt 51).

81      Fil-kuntest tal-politika agrikola komuni, il-Kunsill jista’ jkun meħtieġ jikkonferixxi setgħat ta’ implementazzjoni wiesgħa lill-Kummissjoni, peress li din tal-aħħar biss f’pożizzjoni li tissorvelja kontinwament u mill-qrib l-evoluzzjoni tas-swieq agrikoli u taġixxi b’urġenza jekk tkun teħtieġ is-sitwazzjoni. Il-limiti ta’ dawn is-setgħat għandhom ikunu evalwati, b’mod partikolari, skont l-għanijiet ġenerali essenzjali tal-organizzazzjoni tas-suq (ara s-sentenza tas-27 ta’ Novembru 1997, Somalfruit u Camar, C‑369/95, Ġabra, EU:C:1997:562, punt 62 u l-ġurisprudenza ċċitata).

82      Hija ġurisprudenza stabbilita wkoll li l-leġiżlatur tal-Unjoni fil-qasam tal-politika agrikola komuni, għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa li tikkorrispondi għar-responsabbiltajiet politiċi li jattribwixxulu l-Artikoli 40 TFUE u 43 TFUE u li hija biss in-natura manifestament mhux xierqa ta’ miżura deċiża f’dan il-qasam, fid-dawl tal-għan li l-istituzzjoni kompetenti tixtieq tilħaq, li tista’ taffettwa l-legalità ta’ din il-miżura (ara s-sentenza tat-12 ta’ Lulju 2012, Association Kokopelli, C‑59/11, Ġabra, EU:C:2012:447, punt 39 u l-ġurisprudenza ċċitata).

83      Fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza, l-argument tar-Repubblika tal-Polonja li l-Qorti Ġenerali ma għandhiex teżerċita limitu fir-rigward tal-proporzjonalità tad-dispożizzjonijiet ikkontestati għandu jiġi miċħud. Fil-fatt, il-Kummissjoni kellha, fl-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, issib bilanċ bejn l-għanijiet tar-Regolament Waħdieni OKS, jiġifieri l-proċess ta’ organizzazzjoni tal-produtturi tal-frott u l-ħaxix, u d-dixxiplina baġitarja tal-Unjoni. Dawn il-miżuri huma, għaldaqstant, biss miżuri ta’ implementazzjoni ta’ pjan jew ta’ politika, kif qed tallega r-Repubblika tal-Polonja.

84      Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk id-dispożizzjonijiet ikkontestati humiex manifestament inadegwati meta mqabbla mal-għanijiet mixtieqa.

85      L-għanijiet tad-dispożizzjonijiet ikkontestati huma, skont il-Kummissjoni, b’mod partikolari d-dixxiplina baġitarja, jiġifieri n-neċessità li jiġu kkontrollati immedjatament l-ispejjeż tal-Unjoni u li jiġu aġġustati sabiex jinkisbu l-għanijiet mixtieqa.

86      Kif tindika l-Kummissjoni, u ma ġietx ikkontestata mir-Repubblika tal-Polonja, l-ispejjeż previsti inizjalment mill-Kummissjoni fir-realtà nqabżu bil-kbir. Fil-fatt, fl-2007, il-Kummissjoni kienet ipprevediet li l-ispejjeż tal-Unjoni intiżi għall-GP tal-Unjoni għas-snin 2008 sa 2013 kienu ser jammontaw għal EUR 30 miljun għall-2008, għal EUR 40 miljun għall-2009, għal EUR 40 miljun għall-2010, għal EUR 40 miljun għall-2011, għal EUR 40 miljun għall-2012 u għal EUR 30 miljun għall-2013. Madankollu, mill-proċess jirriżulta li, bejn l-2009 u l-2011, l-ispejjeż totali tal-Unjoni għal dan il-għan ammontaw minn madwar EUR 82 miljun għall-2009 (li minnhom madwar EUR 40.9 miljun marru għal benefiċċju tal-GP fil-Polonja) għal madwar EUR 195 miljun għall-2011 (li minnhom madwar EUR 174 miljun marru għall-benefiċċju tal-GP fil-Polonja).

87      Barra dan, ma huwiex ikkontestat li, fid-dawl taċ-ċirkustanzi favorevoli ta’ finanzjament tal-GP, l-inklinazzjoni ta’ dawn tal-aħħar li jitolbu rikonoxximent bħala OP naqset.

88      Sabiex tiġi rrimedjata din is-sitwazzjoni, il-Kummissjoni, permezz tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, stabbilixxiet limitu għall-kontribuzzjoni tal-Unjoni għall-finanzjament tal-GP u eskludiet il-kontribuzzjoni għal ċerti investimenti elenkati fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 (l-Anness V a l-ġdid tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, kif emendat) li jikkorrispondu għall-esklużjonijiet diġà applikabbli għall-OP, li jissemmew fil-lista ta’ azzjonijiet u ta’ spejjeż mhux eliġibbli skont il-programmi operattivi stabbiliti fl-Artikolu 60(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011.

89      Barra dan, il-Kummissjoni introduċiet, permezz tal-Artikolu 1(3)(b) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012, regoli li jippermettu kontroll iktar preċiż tat-tul tal-implementazzjoni ta’ pjani ta’ rikonoxximent u ċ-ċaħda ta’ pjani ppreżentati minn entitajiet li diġà jissodisfaw il-kriterji ta’ rikonoxximent applikabbli għall-OP.

90      Ċertament, ma huwiex eskluż li t-tnaqqis tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni jista’ jinfluwenza l-inklinazzjoni tal-GP tal-frott u l-ħaxix sabiex jorganizzaw ruħhom. Madankollu, l-għajnuna lill-GP ser tkompli teżisti, peró ser tkun irregolata minn regoli ġodda. Fil-fatt, din l-għajnuna lill-GP dejjem tinbidel meta mqabbla mal-finanzjament tal-OP li ma jibbenefikawx minn għajnuna għall-ħolqien. L-approvazzjoni tal-pjan ta’ rikonoxximent jippermetti dejjem lill-GP sabiex jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Unjoni, anki jekk ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet rekwiżiti għall-kisba tal-istatus ta’ OP. Il-proċess ta’ organizzazzjoni tal-GP għaldaqstant mhux ser jitwaqqaf, kif qed tallega r-Repubblika tal-Polonja.

91      F’dak li jikkonċerna r-ritmu li bih id-dispożizzjonijiet ikkontestati daħlu fis-seħħ, il-Kummissjoni ma marritx manifestament lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa. Fil-fatt, hija immedjatament bdiet tivverifika l-ispejjeż tal-Unjoni filwaqt li tieħu inkunsiderazzjoni s-sitwazzjonijiet tal-GP li l-pjani tagħhom kienu ġew aċċettati. Fir-rigward tal-entitajiet legali li l-pjani ta’ rikonoxximent ma ġewx aċċettati minn qabel id-dħul fis-seħħ tad-dispożizzjonijiet ikkontestati, għandu jiġi nnotat, kif ġie indikat fil-punti 59 sa 66 iktar ’il fuq, li ma kinux jeżistu aspettattivi leġittimi f’dak li jikkonċernahom u li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni ma kinux ħolqu l-ebda garanzija fir-rigward tagħhom. Għaldaqstant, ma hemmx lok li jiġi previst terminu itwal bejn l-adozzjoni tad-dispożizzjonijiet ikkontestati u d-dħul fis-seħħ tagħhom jew ta’ dispożizzjonijiet tranżitorji. Barra minn hekk, kif ġie diġà kkonstatat, il-Kummissjoni kienet obbligata taġixxi malajr minħabba l-fatt li n-numru ta’ aċċettazzjonijiet ta’ pjani ta’ rikonoxximent żdied sew matul l-aħħar xahrejn tal-2011.

92      Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkonstatat li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ma humiex manifestament inadegwati fid-dawl tal-għanijiet mixtieqa.

93      Għaldaqstant, it-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità għandu jiġi miċħud bħala infondat.

 Fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ solidarjetà u tal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali

94      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali nkiser minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tad-dikjarazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fid-dokument tal-15 ta’ Ġunju 2007, intitolat “Kompromess tal-Presidenza, bi qbil mal-Kummissjoni” (iktar ’il quddiem il-“Kompromess tal-2007”). Permezz ta’ din id-dikjarazzjoni, il-Kummissjoni impenjat ruħha b’mod ċar sabiex iżżomm il-livell ta’ finanzjament fis-seħħ sa dak iż-żmien. Id-dispożizzjonijiet ikkontestati jnaqqsu radikalment il-livell ta’ finanzjament u jiksru l-imsemmi kompromess, li ġie konkluż matul ix-xogħlijiet fuq ir-riforma msemmija iktar ’il fuq.

95      Skont ir-Repubblika tal-Polonja, il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali fil-kuntest tar-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u l-Istati Membri nkiser ukoll minħabba l-modalitajiet ta’ xogħol li jipprovdu li d-dispożizzjonijiet ikkontestati ġew abbozzati. Fid-dawl tat-terminu qasir bejn l-ewwel tressiq tal-bidla prinċipali, li tikkonsisti fl-introduzzjoni ta’ limitu tal-finanzjament tal-Unjoni ffissat għal EUR 10 miljun, u l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012, il-Kummissjoni aġixxiet b’sorpriża, billi ressqet quddiem l-Istati Membri “fatt kompjut”, mingħajr ma kkonsultathom.

96      Barra minn hekk, ir-Repubblika tal-Polonja tqis li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jiksru l-prinċipju ta’ solidarjetà, peress li l-Kummissjoni wettqet iffrankar baġitarju li jolqot l-entitajiet fejn il-livell ta’ organizzazzjoni tas-settur tal-frott u l-ħaxix huwa l-iktar dgħajjef. Għalhekk, il-produtturi tal-frott u l-ħaxix li minn issa ’l quddiem qed jipprovaw jorganizzaw ruħhom jintlaqtu l-iktar mill-konsegwenzi tal-emendi inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, il-limitazzjoni tal-finanzjament ma tikkonċernax lil dawk li diġà jaġixxu fil-kuntest tal-OP, jiġifieri l-produtturi tar-reġjuni fejn il-livell ta’ organizzazzjoni tas-settur tal-frott u l-ħaxix huwa għoli. Għalhekk, id-dispożizzjonijiet ikkontestati jaċċentwaw id-differenzi bejn l-Istati Membri li jikkonċernaw l-iżvilupp tas-suq tal-frott u l-ħaxix, minflok jikkontribwixxu għat-tnaqqis tagħhom.

97      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-Repubblika tal-Polonja.

98      L-Artikolu 4(3) TUE jipprovdi li:

“Skond il-prinċipju tal-koperazzjoni leali, l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom, f’rispett reċiproku sħiħ, jgħinu lil xulxin fit-twettiq tal-kompiti li joħorġu mit-Trattati.”

99      Preliminarjament, għandu jiġi kkonstatat, li l-Artikoli 4, 103(h) u 127 tar-Regolament Waħdieni OKS jagħtu lill-Kummissjoni setgħat ta’ implementazzjoni, u l-Artikolu 195(1) u (2) tal-imsemmi regolament jipprevedi li l-Kummissjoni hija assistita mill-Kumitat ta’ Tmexxija. L-Artikolu 13(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 2011, li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, p. 13), jipprovdi li l-proċedura ta’ eżami prevista fl-Artikolu 5 tal-imsemmi regolament huwa applikabbli waqt l-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni. Ix-xogħol tal-Kumitat ta’ Tmexxija huwa rregolat mir-regoli ta’ proċedura tiegħu.

100    Il-proċeduri previsti mir-Regolament Nru 182/2011 u regoli ta’ proċedura tal-Kumitat ta’ Tmexxija jissuġġettaw l-adozzjoni tal-atti ta’ implementazzjoni mill-Kummissjoni għall-kontroll tal-Istati Membri u jippermettulhom li jesprimu l-fehma tagħhom fuq l-abbozzi leġiżlattivi tal-Kummissjoni. Għaldaqstant, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni, matul l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012, osservatx ir-regoli li jirregolaw il-proċedura ta’ adozzjoni ta’ dan ir-regolament u jekk, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, hija osservatx il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali.

101    Għandu jitfakkar li, l-ewwel nett il-Kummissjoni ressqet abbozz ta’ emenda tar-regoli li jikkonċerna l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni. Sussegwentement, fid-19 ta’ Ottubru 2011, hija ressqet għall-votazzjoni dan l-abbozz ta’ emenda tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 lill-Kumitat ta’ Tmexxija. Il-Kumitat ta’ Tmexxija ma tax opinjoni f’dak il-mument. Il-Kummissjoni sussegwentement ressqet abbozz ta’ emenda ġdid lill-Istati Membri, fis-27 ta’ Marzu 2012, li ġie suġġett għall-votazzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija fit-3 ta’ April 2012. Dan tal-aħħar, għal darb’oħra reġa’ ma tax opinjoni.

102    Peress li l-Kumitat ta’ Tmexxija ma tax opinjoni waqt il-votazzjoni tiegħu tat-3 ta’ April 2012, il-Kummissjoni adottat Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 fl-4 ta’ April 2012.

103    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni adottat Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 konformement mar-regoli proċedurali fis-seħħ u li ma hemm ebda indikazzjoni li kisret il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali matul il-proċedura ta’ adozzjoni tal-imsemmi regolament. Min-naħa l-oħra r-Repubblika tal-Polonja ma tikkontestax il-fatt li r-Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 kien ġie adottat konformement mar-regoli tal-proċedura.

104    F’dak li jikkonċerna l-limitu, preżumibbilment mhux mistenni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal EUR 10 miljun, huwa minnu li l-limitu tressaq fis-27 ta’ Marzu 2012, jew ftit jiem qabel il-votazzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tat-3 ta’ April 2012 fuq Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012. Madankollu, l-abbozz ta’ emenda tar-regoli tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni kienet is-suġġett tal-konsultazzjonijiet u d-diskussjonijiet mal-awtoritajiet Pollakki u l-Istati Membri l-oħra mix-xahar ta’ Settembru 2011, u l-adozzjoni tal-abbozz ta’ emenda ġiet sospiża wara l-votazzjoni tal-Kumitat ta’ Tmexxija tad-19 ta’ Ottubru 2011. Għaldaqstant, ma huwiex sorprendenti li l-Kummissjoni ddeċidiet li tadotta t-tieni abbozz ta’ emenda wara l-votazzjoni fuq dan l-abbozz tat-3 ta’ April 2012, meta hija, barra dan, enfasizzat l-importanza ta’ adozzjoni rapida tal-imsemmi abbozz matul il-laqgħa tal-Kumitat ta’ Tmexxija tad-29 ta’ Marzu 2012. Barra minn hekk, l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Nru 182/2011 jipprevedi li l-Kummissjoni tista’ tadotta abbozz ta’ att ta’ implementazzjoni jekk il-Kumitat ta’ Tmexxija ma jagħtix opinjoni. Din l-adozzjoni ma hijiex suġġetta għal xi terminu ta’ stennija. Barra dan, mill-abbozzi ta’ emenda jirriżulta li l-Kummissjoni kienet qed tipprevedi dħul fis-seħħ rapidu tal-emendi proposti għar-Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011 wara l-adozzjoni tagħhom. Fil-fatt, fl-ewwel abbozz ta’ emenda, id-dħul fis-seħħ tal-imsemmija emendi kien previst fis-seba’ jum sussegwentement għall-pubblikazzjoni tagħhom f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u, fit-tieni abbozz ta’ emenda, id-dħul fis-seħħ ta’ dawn l-emendi ġie previst fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħhom fil-Ġurnal Uffiċjali. Ir-Repubblika tal-Polonja, li taf b’dawn ir-regoli u li pparteċipat fix-xogħol tal-Kumitat ta’ Tmexxija, ma tistax validament tallega li l-Kummissjoni aġixxiet b’sorpriża billi ressqet quddiem l-Istati Membri “il-fatt kompjut”, mingħajr ma kkonsultathom.

105    Minn dan jirriżulta li l-Kummissjoni osservat il-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali matul l-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012.

106    Barra minn hekk, għandu jiġi kkonstatat li d-dikjarazzjoni li tissemma fil-punt 29 tal-Kompromess tal-2007 li jikkonċerna l-osservanza tar-rati ta’ kofinanzjament iffissati fl-Artikolu 8 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1943/2003, tat-3 ta’ Novembru 2003, li jistabbilixxi r-regoli sabiex jiġi applikat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 rigward l-għajnuna lill-gruppi tal-produtturi li huma konċessi l-għarfien preliminari (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 3, Vol. 40, p. 467) u li r-Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 302/2012 ma jemendax l-imsemmija rati. Fil-fatt, dawn ir-rati nżammu fl-Artikolu 47 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 543/2011, kif emendat.

107    Fir-rigward tal-prinċipju ta’ solidarjetà, huwa minnu li d-dispożizzjonijiet ikkontestati jolqtu lill-produtturi tal-frott u l-ħaxix mhux organizzati. Madankollu, għandu jiġi kkunsidrat li din il-limitazzjoni tal-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni ma tostakolax l-organizzazzjoni tas-swieq tal-frott u l-ħaxix konformement mal-orjentament politiku u mal-għanijiet tar-Regolament Waħdieni OKS. Fil-fatt, id-dispożizzjonijiet ikkontestati ma jemendawx ir-regoli ta’ finanzjament tal-OP u huma mmirati, kif imsemmi fil-punt 90 iktar ’il fuq, sabiex jistimulaw l-istabbiliment tal-GP minkejja l-limitazzjoni tal-appoġġ mogħti minn dan tal-aħħar.

108    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, ir-raba’ motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat u, għaldaqstant, ir-rikors fl-intier tiegħu.

 Fuq l-ispejjeż

109    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-Repubblika tal-Polonja tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Ir-Repubblika tal-Polonja għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha kif ukoll dawk esposti mill-Kummissjoni Ewropea.

Gratsias

Kancheva

Wetter

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-22 ta’ April 2015.

Firem


* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.