Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Korkein oikeus (il-Finlandja) fis-27 ta’ Frar 2024 – A vs Rikoskomisario B

(Kawża C-150/24, Aroja 1 )

Lingwa tal-kawża: il-Finlandiż

Qorti tar-rinviju

Korkein oikeus (il-Qorti Suprema, il-Finlandja)

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: A

Konvenut: Rikoskomisario B

Domandi preliminari

1.a)    L-Artikolu 15(5) u (6) tad-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment 1 għandu jiġi interpretat fis-sens li l-perijodi kollha ta’ detenzjoni preċedenti għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-perijodi massimi ta’ detenzjoni msemmija fih? Jekk tali obbligu ma jeżistix fil-każijiet kollha, liema elementi għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġi ddeterminat jekk it-tul tal-perijodu ta’ detenzjoni preċedenti għandux jittieħed inkunsiderazzjoni fil-kalkolu tal-perijodi massimi?

b)    B’mod partikolari, kif għandha tiġi evalwata sitwazzjoni bħal dik inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li fiha, minn naħa, il-bażi legali prinċipali tad-detenzjoni, jiġifieri li tiġi żgurata t-tneħħija ta’ ċittadin ta’ pajjiż terz li jirrisjedi irregolarment, baqgħet essenzjalment l-istess, iżda fejn, min-naħa l-oħra, ġew invokati punti ta’ fatt jew ta’ liġi parzjalment ġodda insostenn ta’ detenzjoni ġdida, il-persuna kkonċernata marret, bejn il-perijodi ta’ detenzjoni, fi Stat Membru ieħor minn liema Stat Membru hija imbagħad ġiet mibgħuta lura lejn il-Finlandja, u għaddew ukoll diversi xhur bejn it-tmiem tal-perijodu ta’ detenzjoni preċedenti u l-perijodu l-ġdid tad-detenzjoni?

2.a)    It-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115 tipprekludi leġiżlazzjoni nazzjonali li tissuġġetta l-ftuħ ta’ stħarriġ ġudizzjarju tal-qbiż tal-perijodu massimu ta’ sitt xhur għat-talba tal-persuna mqiegħda f’detenzjoni?

b)    L-istħarriġ ġudizzjarju previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115, li għandu bħala għan id-deċiżjoni ta’ awtorità amministrattiva li jinqabeż il-perijodu massimu inizjali ta’ sitt xhur ta’ detenzjoni, għandu jiġi eżerċitat qabel ma jkun intlaħaq dan il-perijodu massimu u, jekk dan ma jkunx il-każ, fi kwalunkwe każ għandu jsir mingħajr dewmien wara d-deċiżjoni ta’ din l-awtorità amministrattiva?

3.    L-assenza ta’ stħarriġ ġudizzjarju previst fit-tieni sentenza tal-Artikolu 15(3) tad-Direttiva 2008/115 fil-kuntest ta’ qbiż tal-perijodu massimu ta’ detenzjoni ta’ sitt xhur imsemmi fl-Artikolu 15(5), tinvolvi l-obbligu li tinħeles il-persuna mqiegħda f’detenzjoni, anki jekk jiġi kkonstatat, fil-mument tat-twettiq ta’ dan l-istħarriġ ġudizzjarju tardiv, li l-kundizzjonijiet sostantivi kollha tad-detenzjoni huma ssodisfatti u li l-kawża hija sussegwentement suġġetta għal trattament regolari minn perspettiva proċedurali? Jekk, f’sitwazzjoni bħal din, ma jkun hemm l-ebda obbligu ta’ rilaxx awtomatiku, mill-perspettiva tad-dritt tal-Unjoni, liema huma l-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex jiġu ddeterminati l-konsegwenzi ta’ stħarriġ ġudizzjarju tardiv, b’mod partikolari f’ċirkustanzi bħal dawk fil-kawża prinċipali?

____________

1     L-isem ta’ din il-kawża huwa fittizju. Dan l-isem ma jikkorrispondi għall-isem reali ta’ ebda waħda mill-partijiet fil-proċedura.

1     ĠU 2008, L 348, p. 98.