Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' April 2010 - Slovak Telekom vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-171/10)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Slovak Telekom a.s. (Bratislava, Ir-Repubblika Slovakka) (rappreżentanti: D. Geradin, L. Kjølbye u M. Maier, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 902, tat-8 ta' Frar 2010, dwar proċedura skont l-Artikoli 18(3) u 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003 1 (Każ COMP/39523 − Slovak Telekom); u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti titlob, skont l-Artikolu 263 TFUE, l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2010) 902, tat-8 ta' Frar 2010, li tordnalha, abbażi tal-Artikoli 18(3) u 24(1) tar-Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, tipprovdi ċerta informazzjoni fil-kuntest tal-Każ COMP/39523 − Slovak Telekom, dwar proċedura skont l-Artikolu 102 TFUE, u li timponilha pagamenti ta' penalità perijodiċi fil-każ ta' nuqqas ta' osservanza ta' din id-deċiżjoni.

Insostenn tal-argumenti tagħha, ir-rikorrenti tressaq it-tlett motivi segwenti.

L-ewwel nett, ir-rikorrenti tinvoka żball ta' liġi fir-rigward tal-kompetenza tal-Kummissjoni li titlob, skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, informazzjoni dwar perijodu preċedenti għall-adeżjoni tar-Repubblika Slovakka mal-Unjoni Ewropea. Qabel l-1 ta' Mejju 2004, il-Kummissjoni ma kellhiex il-kompetenza li tapplika d-dritt tal-Unjoni Ewropea sabiex twettaq investigazzjonijiet fit-territorju tar-Repubblika Slovakka. Għaldaqstant, hija ma tistax tuża s-setgħat investigattivi mogħtija lilha mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003 sabiex tikseb informazzjoni dwar dan l-istess perijodu.

It-tieni nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li tikser il-prinċipju tal-ekwità proċedurali stabbilit fl-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali2. L-investigazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-aġir ta' Slovak Telekom matul perijodu li fih id-dritt tal-Unjoni Ewropea ma kienx applikabbli u ma kellux jiġi osservat mir-rikorrenti hija tali li tippreġudika lir-rikorrenti. Il-Kummissjoni tista' tieħu din l-informazzjoni inkunsiderazzjoni fil-kuntest tal-evalwazzjoni tagħha. Fil-fatt, id-deċiżjoni kkontestata tindika b'mod ċar li din hija l-intenzjoni tal-Kummissjoni.

It-tielet nett, ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata peress li tikser il-prinċipju ta' proporzjonalità kif previst mill-Artikolu 18(3) tar-Regolament Nru 1/2003, li jipprovdi li l-Kummissjoni tista' titlob lill-impriżi sabiex jipprovdu l-informazzjoni neċessarja kollha. Madankollu, fil-każ ta' Slovak Telekom, il-Kummissjoni ma stabbilixxitx ir-rabta meħtieġa bejn l-informazzjoni mitluba għall-perijodu li jippreċedi l-adeżjoni u l-aġir allegatament illegali wara l-1 ta' Mejju 2004. Għalhekk, jirriżulta li l-Kummissjoni ma għandhiex bżonn l-informazzjoni jew id-dokumenti relatati mal-perijodu li jippreċedi l-adeżjoni sabiex tevalwa jekk l-aġir ta' Slovak Telekom wara l-adeżjoni huwiex konformi mad-dritt tal-Unjoni Ewropea.

____________

1 - Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205)

2 - Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389)