Language of document :

Appell ippreżentat fit-22 ta’ Marzu 2024 minn Oil company “Lukoil” PAO mid-digriet mogħti mill-Qorti Ġenerali (It-Tielet Awla ) fil-25 ta’ Jannar 2024 fil-Kawża T-280/23, Lukoil vs Il-Parlament et

(Kawża C-223/24 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellant: Oil company “Lukoil” PAO (rappreżentanti: B. Lebrun, C. Alter, avukati)

Partijiet oħra fil-proċedura: Ir-Reġistru ta’ Trasparenza, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

L-appellanti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla fuq il-bażi tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 256(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, id-digriet tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-25 ta’ Jannar 2024, Oil company “Lukoil” PAO vs Il-Parlament Ewropew et, T-280/23 (ECLI:EU:T:2024:41), li jistabbilixxi li r-rikors għal annullament ippreżentat mill-appellanti fis-17 ta’ Mejju 2023 – intiż sabiex jinkiseb l-annullament tad-deċiżjoni tas-Segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza Ares (2023) 1618717, tas-6 ta’ Marzu 2023, li tistabbilixxi li l-appellanti ma kinitx iktar tissodisfa l-kundizzjonijiet ta’ eliġibbiltà għar-Reġistru ta’ Trasparenza minħabba n-nuqqas ta’ osservanza tal-punt (e) tal-Kodiċi ta’ Kondotta tar-Reġistru ta’ Trasparenza, b’tali mod li eskludiet lill-appellanti mir-Reġistru ta’ Trasparenza (iktar il quddiem id-“Deċiżjoni”) – għandu jiġi miċħud bħala manifestament inammissibbli; u

tikkundanna lill-konvenuti għall-ispejjeż kollha.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, l-appellanti tinvoka tliet aggravji.

1. L-ewwel aggravju bbażat fuq żball ta’ liġi.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq l-ilment li l-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Qorti Ġenerali”) wettqet żball ta’ liġi meta ddeċidiet li d-Deċiżjoni ta’ esklużjoni tal-appellanti mir-Reġistru ta’ Trasparenza kienet ġiet debitament ikkomunikata.

L-ewwel nett, id-Deċiżjoni kif ikkomunikata mis-Segretarjat tar-Reġistru ta’ Trasparenza (iktar ’il quddiem is-“Segretarjat”) ma tispeċifikax ir-rimedji rilevanti kif impost b’mod espress mill-punt 7.1. (l-aħħar sentenza) tal-Anness III tal-Ftehim Interistituzzjonali.

Barra minn hekk, id-Deċiżjoni ma ġiet ikkomunikata la lill-parti kkonċernata (PJSC Lukoil, stabbilita f’Moska), u lanqas lil persuna legalment awtorizzata biex tirċievi deċiżjonijiet legalment vinkolanti u li jissanzjonaw lill-imsemmija entità.

Konsegwentement, id-Deċiżjoni ma ġietx ikkomunikata b’mod validu lid-destinatarju tagħha u t-terminu għal preżentata ta’ rikors għalhekk ma bediex jiddekorri.

It-tieni nett, li kieku kellu jitqies li d-Deċiżjoni ġiet ikkomunikata lid-destinatarju tagħha (quod non), il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi peress li fixklet il-kunċett ta’ riċeviment tad-Deċiżjoni mal-kunċett ta’ possibbiltà ta’ għarfien ta’ din tal-aħħar b’mod utli (applikabbli f’dan il-każ). Din il-konklużjoni tirriżulta minn konfużjoni bejn żewġ korpi ta’ regoli differenti. Il-Qorti Ġenerali għamlet użu minn fatt fil-proċedura ta’ eżami mill-ġdid quddiem is-Segretarjat, sabiex minnu siltet konsegwenza fil-proċedura ta’ rikors quddiem il-Qorti Ġenerali, b’tali mod li kkonkludiet b’mod żbaljat li d-destinatarju seta’ jsir jaf b’mod utli bid-deċiżjoni fil-ġurnata tal-komunikazzjoni tagħha, jiġifieri, fis-6 ta’ Marzu 2023.

It-tielet nett, il-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi meta qieset li dikjarazzjoni tal-konsulenti tal-appellanti kienet tikkostitwixxi rikonoxximent li d-Deċiżjoni kienet effettivament ġiet ikkomunikata fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, meta l-konsulenti ma kellhomx il-kapaċità li jagħmlu tali rikonoxximent f’isem l-appellanti u li d-dikjarazzjoni kienet tirrigwarda fatt li ma seta’ jkollu l-ebda konsegwenza fid-dritt.

2. It-tieni aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

It-tieni aggravju ta’ annullament huwa bbażat fuq l-ilment li l-Qorti Ġenerali kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni meta segwiet l-argumentazzjoni tal-appellati, għalkemm l-ebda waħda mill-affermazzjonijiet imressqa minnhom li fuqhom huwa bbażat l-oneru tal-prova, ma huma sostnuti minn elementi konkreti prodotti minnhom, iżda huma bbażati esklużivament fuq konfużjoni intenzjonali tar-regoli applikabbli għall-kalkolu tat-termini, jiġifieri minn naħa, dawk applikabbli sabiex jintalab l-eżami mill-ġdid tad-Deċiżjoni tas-Segretarjat, u, min-naħa l-oħra, dawk applikabbli fir-rikorsi bbażati fuq l-Artikolu 263 TFUE.

3. It-tielet aggravju, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

It-tielet aggravju ta’ annullament huwa bbażat fuq l-ilment li l-Qorti Ġenerali wettqet żball ta’ liġi billi kisret il-prinċipju ta’ ċertezza legali, kif ukoll id-drittijiet tad-difiża tal-appellanti, u b’mod iktar partikolari, d-dritt għal rimedju effettiv u għal proċess imparzjali tagħha (Artikolu 47 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali) kif ukoll id-dritt għal dritt għal smigħ xieraq tagħha (Artikolu 6 tal-Konvenzjoni Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem).

____________