Language of document : ECLI:EU:C:2021:444

SENTENZA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla)

3 ta’ Ġunju 2021 (*)

“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Unjoni doganali – Tariffa doganali komuni – Nomenklatura Magħquda – Klassifikazzjoni tariffarja – Subintestaturi tariffarji 1702 90 95, 2912 49 00 u 3824 90 92 – Soluzzjoni milwiema”

Fil-Kawża C‑822/19,

li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 267 TFUE, imressqa mill-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija), permezz ta’ deċiżjoni tad‑9 ta’ Ottubru 2019, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil‑5 ta’ Novembru 2019, fil-proċedura

Direcția Generală Regională a Finanțelor Publice Brașov,

Agenţia Naţională de Administrare Fiscală - Direcţia Generală a Vămilor - Direcţia Regională Vamală Braşov - Biroul Vamal de Interior Sibiu

vs

Flavourstream SRL,

IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Id-Disa’ Awla),

komposta minn N. Piçarra (Relatur), President tal-Awla, D. Šváby u K. Jürimäe, Imħallfin,

Avukat Ġenerali: M. Campos Sánchez-Bordona,

Reġistratur: A. Calot Escobar,

wara li rat il-proċedura bil-miktub,

wara li kkunsidrat l-osservazzjonijiet ippreżentati:

–        għall-Gvern Rumen, minn E. Gane, O.‑C. Ichim u L. Liţu, bħala aġenti,

–        għall-Kummissjoni Ewropea, minn A. Armenia u M. Salyková, bħala aġenti,

wara li rat id-deċiżjoni, meħuda wara li nstema’ l-Avukat Ġenerali, li l-kawża tinqata’ mingħajr konklużjonijiet,

tagħti l-preżenti

Sentenza

1        It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tas-subintestaturi 1702 90 95 u 2912 49 00 tan-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat‑23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni […] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 382), fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas‑16 ta’ Ottubru 2014 (ĠU 2014, L 312, p. 1) (iktar ’il quddiem in-“NM”).

2        Din it-talba tressqet fil-kuntest ta’ tilwima bejn id-Direcţia Generală Regională a Finanţelor Publice Braşov (id-Direttorat Ġenerali Reġjonali għall-Finanzi Pubbliċi ta’ Brașov, ir-Rumanija) flimkien mal-Agenţia Naţională de Administrare Fiscală - Direcţia Generală a Vămilor - Direcţia Regională Vamală Braşov - Biroul Vamal de Interior Sibiu (l-Aġenzija Nazzjonali ta’ Amministrazzjoni Fiskali - Direttorat Ġenerali tad-Dwana - Direttorat Reġjonali tad-Dwana ta’ Brașov - Uffiċċju tad-Dwana ta’ Sibiu, ir-Rumanija), u Flavourstream SRL, fir-rigward ta’ klassifikazzjoni tariffarja ta’ soluzzjoni milwiema importata mill-Kanada u kkummerċjalizzata taħt l-isem ta’ “AURIC GMO FREE”, miksuba mid-dekompożizzjoni termika tad-destrożju u użata fl-industrija tal-ikel biex jiġi aromatizzat l-ikel.

 Il-kuntest ġuridiku

 Id-dritt internazzjonali

3        Is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija (iktar ’il quddiem is-“SA”), ġiet stabbilita permezz tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija, magħmula fi Brussell fl‑14 ta’ Ġunju 1983, fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana (ODD) u approvata, flimkien mal-Protokoll ta’ Emenda tagħha tal‑24 ta’ Ġunju 1986, f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea, permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/369/KEE tas‑7 ta’ April 1987 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 2, p. 288).

4        In-Noti ta’ Spjega tas-SA huma mfassla fi ħdan l-ODD konformement mad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni Internazzjonali dwar is-Sistema Armonizzata għad-Deskrizzjoni u Kodifikazzjoni ta’ Merkanzija.

5        Skont il-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 29 tas-SA, intitolati “Prodotti kimiċi organiċi”:

“Kompost ta’ kostituzzjoni kimika ddefinita ppreżentat b’mod iżolat huwa sustanza kkostitwita minn speċi molekolari waħda (kovalenti jew jonika, b’mod partikolari) li l-kompożizzjoni tagħha hija ddefinita permezz ta’ rabta kostanti bejn l-elementi tagħha u li tista’ tiġi rrappreżentata minn dijagramma strutturali unika. Fi struttura retikolari kristallina, l-ispeċi molekolari tokkorri b’mod repetut.

Il-komposti ta’ kostituzzjoni kimika ddefinita ppreżentati b’mod iżolat li fihom sustanzi li ġew miżjuda deliberatament matul jew wara l-manifattura tagħhom (inkluża l-purifikazzjoni) huma esklużi minn dan il-[k]apitolu. […]

Dawn il-komposti jistgħu jinkludu impuritajiet (Nota 1(a)). […]

It-terminu [‘]impuritajiet[’] japplika esklużivament għas-sustanzi li l-preżenza tagħhom fil-kompost kimiku distint tirriżulta esklużivament u direttament mill-proċess ta’ manifattura (inkluża l-purifikazzjoni). Dawn is-sustanzi jistgħu jirriżultaw minn kwalunkwe wieħed mill-elementi li jintervjenu matul il-manifattura, u li huma essenzjalment dawn li ġejjin:

a)      materjal tal-bidu mhux ikkonvertit,

b)      impuritajiet li jinsabu fil-materjali tal-bidu,

c)      reaġenti użati fil-proċess ta’ manifattura (inkluża l-purifikazzjoni),

d)      prodotti sekondarji.

Madankollu, għandu jiġi osservat li [l-imsemmija] sustanzi ma humiex dejjem ikkunsidrati bħala [‘]impuritajiet[’] awtorizzati taħt in-Nota 1(a). Meta dawn is-sustanzi jitħallew deliberatament fil-prodott sabiex jiġi adattat għal użi partikolari pjuttost milli għall-użu ġenerali tiegħu, dawn ma jitqisux bħala impuritajiet li l-preżenza tagħhom hija ammissibbli. […]” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

6        In-Nota 1(a) tan-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar dan il-kapitolu tiddikjara li l-intestaturi tagħha jinkludu biss “komposti organiċi ta’ kostituzzjoni kimika ddefinita ppreżentati b’mod iżolat, irrispettivament minn jekk dawn il-komposti fihomx impuritajiet jew le”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

7        In-Nota 1(b) tan-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 38 tagħha, intitolat “Diversi prodotti tal-industriji kimiċi” [traduzzjoni mhux uffiċjali], tippreċiża li dan il-kapitolu ma jinkludix “taħlit ta’ prodotti kimiċi u ta’ sustanzi tal-ikel jew sustanzi oħrajn b’valur nutrittiv, tat-tipi użati fil-preparazzjoni ta’ ikel għall-konsum mill-bniedem (Nru 21.06 ġeneralment)” [traduzzjoni mhux uffiċjali].

8        Skont il-kunsiderazzjonijiet ġenerali tan-Noti ta’ Spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 38 tas-SA:

“Għall-finijiet tan-Nota 1(b) ta’ dan il-[k]apitolu, l-espressjoni ‘sustanzi tal-ikel jew sustanzi oħra b’valur nutrittiv[’] tkopri prinċipalment prodotti kommestibbli tat-Taqsimiet I sa IV.

[…]

Is-sempliċi preżenza ta’ sustanzi tal-ikel jew ta’ sustanzi oħra b’valur nutrittiv f’taħlita ma hijiex suffiċjenti biex dawn it-taħlitiet jiġu esklużi mill-Kapitolu 38, b’applikazzjoni tan-Nota 1(b) ta’ dan il-kapitolu. Is-sustanzi li l-valur nutrittiv tagħhom huwa sempliċement ta’ importanza sekondarja meta mqabbel mal-funzjoni tagħhom inkwantu prodotti kimiċi, użati, pereżempju, bħala addittivi tal-ikel jew awżiljarji teknoloġiċi, ma humiex meqjusa, għall-finijiet ta’ din in-nota, bħala sustanzi tal-ikel jew sustanzi oħra li għandhom valur nutrittiv. It-taħlitiet li huma esklużi mill-Kapitolu 38 bis-saħħa ta’ din in-nota jaqgħu taħt dawk il-kategoriji ta’ prodotti li jintużaw fil-preparazzjoni tal-prodotti tal-ikel għal konsum mill-bniedem u li l-valur tagħhom huwa bbażat fuq il-kwalitajiet nutrittivi tagħhom.” [traduzzjoni mhux uffiċjali]

 Id-dritt tal-Unjoni

 In-NM

9        Skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 254/2000, tal‑31 ta’ Jannar 2000 (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol. 9, p. 357), “[Nomenklatura Magħquda], li tħaddan fiha, fl-istess waqt, dak kollu li titlob it-Tariffa Doganali Komuni, l-istatistiċi kummerċjali esterni tal-[Unjoni Ewropea] u linji politiċi oħra tal-[Unjoni] rigward l-importazzjoni u l-esportazzjoni ta’ oġġetti għandha tiġi stabbilita mill-Kummissjoni [Ewropea]”.

10      In-Nomenklatura Magħquda, stabbilita bir-Regolament Nru 2658/87, tirregola l-klassifikazzjoni doganali tal-merkanzija importata fl-Unjoni. Hija tirriproduċi l-intestaturi u s-subintestaturi b’sitt figuri tas-SA, fejn is-seba’ u t-tmien figura joħolqu subdiviżjonijiet ulterjuri li huma speċifiċi għall-imsemmija nomenklatura.

11      Bis-saħħa tal-Artikolu 12(1) tar-Regolament Nru 2658/87, kif emendat bir-Regolament Nru 254/2000, kull sena l-Kummissjoni għandha tadotta regolament li jirriproduċi l-verżjoni kompleta tan-Nomenklatura Magħquda u tar-rati tad-dazji doganali skont kif tirriżulta mill-miżuri deċiżi mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jew mill-Kummissjoni. Dan ir-regolament għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sa mhux iktar tard mill‑31 ta’ Ottubru u għandu japplika mill‑1 ta’ Jannar tas-sena ta’ wara.

12      It-tieni parti tan-NM, intitolata “Skeda ta’ dazji tad-dwana”, tinkludi, b’mod partikolari, Taqsima IV intitolata: “Preparazzjonijiet tal-ikel; xorb, l-ispirti u ħall; tabakk u s-sostituti manifatturati tat-tabakk”.

13      Din it-taqsima tinkludi Kapitolu 17 intitolat “Zokkor u ħelu taz-zokkor”, li n-nota Nru 8 tiegħu tiddikjara li, “[m]atul in-nomenklatura, taħlitiet ta’ zokkor b’ammonti żgħar ta’ sustanzi oħra huma kklassifikati fil-Kapitolu 17 sakemm dawn ma jkollhomx il-karattru ta’ preparazzjoni kklassifikata xi mkien ieħor.”

14      L-imsemmi kapitolu jinkludi l-intestatura 1702 tan-NM, li hija strutturata kif ġej:

“1702

Zokkrijiet oħrajn, inklużi laktows kimikament pur, maltosju, glukows u fruktows, f’forma solida; ġuleppijiet taz-zokkor li ma fihomx miżjudin ħwawar u materjal li jagħti l-kulur; għasel artifiċjali, kemm jekk imħallat ma’ għasel naturali kif ukoll jekk le; karamella

[…]

[…]

1702 90

– Oħrajn, inklużi zokkor maqlub (invert) u zokkor ieħor u taħlit ta’ ġulepp taz-zokkor li fihom fl-istat xott 50 % tal-piż fruktows [fruttożju]

[…]


1702 90 71


[…]

1702 90 75

1702 90 79

[…]

1702 90 95

[…]

‐ ‐ Karamella

‐ ‐ ‐ Li fihom 50 % jew aktar tal-piż sukrows fil-materjal xott

[…]

‐ ‐ ‐ ‐ F’forma ta’ trab, mgħaqqad jew le

‐ ‐ ‐ ‐ Oħrajn

[…]

‐ ‐ Oħrajn”.


15      It-Taqsima VI tat-tieni parti tan-NM tinkludi l-Kapitolu 29, intitolat “Kimiċi organiċi”.

16      In-Nota 1(a) u (d) ta’ dan il-kapitolu tiddikjara:

“Ħlief meta l-kuntest jitlob mod ieħor, it-titli ta’ dan il-kapitlu japplikaw biss għal:

(a)      komposti organiċi separati definiti kimikament, b’impuritajiet jew mingħajrhom;

[…]

(d)      il-prodotti msemmijin [fil-punt (a)] fuq maħlulin fl-ilma”.

17      Il-Kapitolu 29 tan-NM jinkludi l-intestatura 2912, li hija strutturata kif ġej:

“2912

Aldeidi, b’funzjoni oħra ta’ ossiġnu jew le; polimeri ċikliċi ta’ aldeidi; paraformaldeide

[…]

[…]


– Alkoħoli-aldeidi, eteri-aldeidi, fenoli-aldeidi u aldeidi b’funzjoni oħra t’ossiġnu

[…]


2912 49 00

[…]

[…]


‐ ‐ Oħrajn

[…]”


18      It-Taqsima VI tat-tieni parti tan-NM tinkludi, barra minn hekk, il-Kapitolu 38, intitolat “Diversi prodotti kimiċi”.

19      Skont in-Nota 1(a) u (b) ta’ dan il-kapitolu:

“Dan il-kapitlu ma jkoprix:

(a)      elementi u komposti definiti kimikament separati bl-eċċezzjoni ta’ [dawk elenkati iktar ’il quddiem fil-punti 1 sa 5]:

[…];

(b)      taħlit ta’ kimiċi ma’ oġġetti ta’ l-ikel jew sustanzi oħrajn b’valur nutrittiv, ta’ kwalita’ użata fil-preparazzjoni ta’ ikel uman (ġeneralment, titlu 2106)”.

20      Il-Kapitolu 38 tan-NM jinkludi l-intestatura 3824, li hija strutturata kif ġej:

“3824

Materjali li jgħaqqdu ppreparati għal forom jew ċentri ta’ funderija; prodotti u preparazzjonijiet kimiċi ta’ l-industriji kimiċi jew li għandhom x’jaqsmu magħhom (inklużi dawk li jikkonsistu f’taħlitiet ta’ prodotti naturali), mhux speċifikati jew inklużi band’oħra

[…]

[…]

3824 90

– Oħrajn:






[…]

– – Oħrajn:

[…]

– – – Oħrajn:

[…]


– – – – – Prodotti jew preparazzjonijiet kimiċi, magħmula primarjament minn komposti organiċi, li mhumiex imsemmija jew inklużi band’oħra

3824 90 92

[…]

      – – – – – – Fil-forma likwida f’20°C

[…]”


 Ir-Regolament (KE) Nru 1333/2008

21      L-Anness II tar-Regolament (KE) Nru 1333/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar l-addittivi ta’ l-ikel (ĠU 2008, L 354, p. 16), li jinkludi l-lista tal-Unjoni tal-addittivi tal-ikel approvati biex jintużaw fl-ikel u l-kundizzjonijiet tal-użu tagħhom, jinkludi fil-punt 1 tal-Parti B tiegħu, intitolat “Kuluri”, il-“Karamella ordinarja” (E 150a), u jippreċiża, fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1, dwar dan l-addittiv, li “[i]t-terminu karamella hu marbut mal-prodotti ta’ kulur kannella ftit jew wisq intens li huma maħsuba għas-sustanzi koloranti” u li “[d]an ma jikkorrispondix għall-prodott aromatiku u biz-zokkor miksub billi jissaħħan iz-zokkor u li jintuża biex tiżdied it-togħma mal-ikel (eż. dolċerija, għaġina, xorb alkoħoliku)”.

 Ir-Regolament (KE) Nru 1334/2008

22      L-Artikolu 3(2)(a)(i) u (ii) tar-Regolament (KE) Nru 1334/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas‑16 ta’ Diċembru 2008 dwar aromatizzanti u ċerti ingredjenti ta’ l-ikel bi proprjetajiet aromatizzanti għall-użu fl-ikel u fuq l-ikel u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 1601/91, ir-Regolamenti (KE) Nru 2232/96 u (KE) 110/2008 u d-Direttiva 2000/13/KE (ĠU 2008, L 354, p. 34), jiddikjara:

“Għall-iskopijiet ta’ dan ir-Regolament, id-definizzjonijiet li ġejjin għandhom japplikaw ukoll:

“(a)      ‘aromatizzanti’ għandha tfisser prodotti:

(i)      li m’humiex maħsuba biex jiġu kkunsmati bħala tali, li jiġu miżjuda ma’ l-ikel sabiex jagħtu jew jimmodifikaw ir-riħa u/jew togħma;

(ii)      li huma magħmulin jew li jikkonsistu mill-kategoriji li ġejjin: sustanzi ta’ taħwir, preparazzjonijiet ta’ taħwir, ħwawar li għaddew minn proċess termali, ħwawar bl-affumikazzjoni, prekursuri tal-benna jew ħwawar oħra jew taħlitiet tagħhom”.

 Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari

23      Flavourstream importat mill-Kanada fl-Unjoni Ewropea kunsinna ta’ merkanzija li tikkonsisti fi tliet kontenituri li fihom 3 300 kg ta’ soluzzjoni milwiema, miksuba permezz ta’ dekompożizzjoni termika tad-destrożju użata fl-industrija tal-ikel, ikkummerċjalizzata bl-isem ta’ “AURIC GMO FREE”. Fil‑5 ta’ Ġunju 2015, din il-kumpannija ddikjarat din il-merkanzija fl-uffiċċju doganali ta’ Sibiu, bil-għan tar-rilaxx tagħha għal ċirkulazzjoni libera, bħala li taqa’ taħt is-subintestatura tariffarja 1702 90 95 tan-NM, li tinkludi z-zokkrijiet “oħrajn” imsemmija fl-intestatura tariffarja 1702 tagħha, mhux ikklassifikati f’subintestaturi oħra, li għalihom hija applikabbli rata ta’ dazju ta’ EUR 0.4 għal kull 100 kg.

24      Id-dazji doganali dovuti għal dan il-prodott ġew ikkalkolati fuq il-bażi tal-imsemmija subintestatura tariffarja.

25      Wara li sar kontroll, l-awtoritajiet doganali kkunsidraw, fuq il-bażi ta’ analiżijiet tal-laboratorju kkorroborati minn ċertifikati ta’ analiżi tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, li dan kien jaqa’ taħt is-subintestatura tariffarja 2912 49 00 tan-NM, li tinkludi l-alkoħoli-aldeidi, eteri-aldeidi, fenoli-aldeidi u aldeidi b’funzjoni oħra ta’ ossiġnu l-“oħrajn” mhux ikklassifikati f’subintestaturi oħra. Konsegwentement, fit‑22 ta’ April 2016, dawn l-awtoritajiet adottaw deċiżjoni ta’ regolarizzazzjoni, li permezz tagħha huma evalwaw mill-ġdid id-dazji doganali u l-VAT mitluba minn Flavourstream, flimkien mal-interessi moratorji u penali, għal ammont totali ta’ 102 079 lei Rumeni (RON) (madwar EUR 23 500) (iktar’ il quddiem id-“deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2016”).

26      Permezz ta’ deċiżjoni tat‑30 ta’ Awwissu 2016, id-Direttorat Ġenerali Reġjonali tal-Finanzi Pubbliċi ta’ Brașov ċaħad l-ilment amministrattiv imressaq minn Flavourstream kontra d-deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2016.

27      Flavourstream ippreżentat rikors kontra d-deċiżjonijiet tat‑22 ta’ April u tat‑30 ta’ Awwissu 2016 quddiem it-Tribunalul Sibiu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Sibiu, ir-Rumanija). Din il-qorti annullat dawn id-deċiżjonijiet u eżentat lil din il-kumpannija mill-ħlas tal-ammont indikat fid-deċiżjoni tat‑22 ta’ April 2016, billi ddeċidiet li l-imsemmija kumpannija kienet iddikjarat korrettament il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali bħala li jaqa’ taħt is-subintestatura tariffarja 1702 90 95 tan-NM u li għalhekk il-klassifikazzjoni ta’ dan il-prodott fis-subintestatura tariffarja 2912 49 00 tan-NM, imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti, ma kinitx korretta.

28      Adita b’appell minn din is-sentenza tat-Tribunalul Sibiu (il-Qorti tal-Kontea ta’ Sibiu), il-qorti tar-rinviju tesponi, minn naħa, li, skont Flavourstream, l-idrossidu tal-aldeid aċetiku jikkostitwixxi komponent ewlieni sabiex prodott tal-ikel jikseb aroma u nisġa ta’ ikel mixwi kif ukoll kulur kannella. L-ikel li fuqu jintuża dan il-prodott għandu, wara t-tisjir, l-istess dehra daqslikieku kien ġie ttrattat biz-zokkor qabel il-preparazzjoni tiegħu. L-imsemmi prodott, li fih iz-zokkor diġà ssepara ruħu, inaqqas biss iż-żmien għall-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel. L-użu tal-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, bħala zokkor inferjuri, fl-industrija tal-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel jaqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament Nru 1334/2008.

29      Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tesponi li, skont l-awtoritajiet doganali kompetenti, il-prodott finali, jiġifieri l-idrossidu tal-aldeid aċetiku, ma jistax jiġi kklassifikat fis-subintestatura 1702 90 95 tan-NM, li taħtha taqa’ l-materja prima ta’ dan il-prodott, jiġifieri l-glukożju, peress li huwa kompletament distint minn din il-materja prima, b’konsegwenza taż-żewġ stadji ta’ pproċessar, irriversibbli, li għalihom kienet suġġetta l-imsemmija materja prima. Bl-istess mod, il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, fin-nuqqas li jkun fih zokkor, ma jistax jiġi kklassifikat taħt din is-subintestatura tariffarja, li taħtha jaqgħu l-prodotti li fihom piż ta’ 50 % ta’ fruttożju fi stat niexef. Dan il-prodott għandu għalhekk, skont dawn l-istess awtoritajiet, jiġi kklassifikat fis-subintestatura 2912 49 00 tan-NM.

30      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Curtea de Apel Alba Iulia (il-Qorti tal-Appell ta’ Alba Iulia, ir-Rumanija) iddeċidiet li tissospendi l-proċedura quddiemha u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari li ġejja:

“In-nomenklatura elenkata fl-Anness I tar-Regolament [Nru 2658/87], kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1821 tas‑6 ta’ Ottubru 2016 [(ĠU 2016, L 294, p. 1, rettifika fil-ĠU 2016, L 329, p. 119 u fil-ĠU 2017, L 150, p. 19)], għandha tiġi interpretata fis-sens li l-prodott ‘AURIC GMO FREE’, inkwistjoni [fil-kawża prinċipali], jiġi kklassifikat taħt is-subintestatura 1702 90 95 jew taħt is-subintestatura 2912 49 00 ta’ din in-nomenklatura?”

 Fuq id-domanda preliminari

31      Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju tistaqsi, essenzjalment, jekk in-NM għandhiex tiġi interpretata fis-sens li soluzzjoni milwiema miksuba permezz ta’ dekompożizzjoni termika tad-destrożju, komposta, b’mod partikolari, minn aldeidi u minn ketoni solubbli fl-ilma, taqax taħt is-subintestatura 1702 90 95 tan-NM, li tinkludi b’mod partikolari z-zokkor invertit (jew intervertit) u z-zokkor u ġulepp ta’ zokkrijiet oħrajn li fihom piż ta’ 50 % ta’ fruttożju fi stat niexef, mhux ikklassifikati f’subintestaturi oħra li jinsabu fl-intestatura 1702 tan-NM, jew taħt is-subintestatura 2912 49 00 tagħha, li tinkludi l-alkoħoli-aldeidi, eteri-aldeidi, fenoli-aldeidi u aldeidi b’funzjoni oħra ta’ ossiġnu l-“oħrajn”.

32      Peress li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2016/1821, imsemmi fid-domanda preliminari, daħal fis-seħħ biss fl‑1 ta’ Jannar 2017, filwaqt li l-importazzjoni inkwistjoni fil-kawża prinċipali seħħet matul is-sena 2015, il-verżjoni tan-Nomenklatura Magħquda applikabbli ratione temporis għall-kawża prinċipali hija dik li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 1101/2014, adottat fis‑16 ta’ Ottubru 2014 u li daħal fis-seħħ fl‑1 ta’ Jannar 2015, li tikkorrispondi, essenzjalment, għal dik li tirriżulta mir-regolament iċċitat mill-qorti tar-rinviju.

33      Qabel kollox, għandu jitfakkar li, meta l-Qorti tal-Ġustizzja tiġi adita b’rinviju għal deċiżjoni preliminari fil-qasam tal-klassifikazzjoni tariffarja, il-funzjoni tagħha huwa fuq kollox li tagħti kjarifika lill-qorti nazzjonali dwar il-kriterji li l-implimentazzjoni tagħhom għandha tippermetti lil dawn tal-aħħar ikunu jistgħu jikklassifikaw b’mod korrett il-prodotti inkwistjoni fin-NM iktar milli tikklassifikahom hija stess, u dan iktar u iktar peress li hija ma jkollhiex neċessarjament għad-dispożizzjoni tagħha l-elementi indispensabbli kollha f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑30 ta’ April 2020, DHL Logistics (Slovakia), C‑810/18, EU:C:2020:336, punt 24 u l-ġurisprudenza ċċitata).

34      Skont ir-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, il-klassifikazzjoni tal-merkanzija għandha tiġi ddeterminata skont it-termini tal-intestaturi u tan-noti tat-taqsimiet jew tal-kapitoli ta’ din in-nomenklatura. Fl-interess taċ-ċertezza legali u tal-faċilità tal-kontrolli, il-kriterju deċiżiv għall-klassifikazzjoni tariffarja tal-oġġetti għandu jinstab, b’mod ġenerali, fil-karatteristiċi u l-kwalitajiet oġġettivi tagħhom, kif iddefiniti mill-formulazzjoni tal-intestatura tal-imsemmija nomenklatura u tan-noti tat-taqsima jew tal-kapitolu. L-użu li għalih huwa intiż il-prodott jista’ jikkostitwixxi kriterju oġġettiv ta’ klassifikazzjoni sa fejn dan ikun inerenti għall-imsemmi prodott, fejn din in-natura inerenti għandha tkun tista’ tiġi evalwata skont il-karatteristiċi u l-proprjetajiet oġġettivi tiegħu (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑2 ta’ Mejju 2019, Onlineshop, C‑268/18, EU:C:2019:353, punti 27 sa 29 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).

35      Huwa fid-dawl ta’ din il-ġurisprudenza li għandhom jiġu interpretati s-subintestaturi inkwistjoni tan-NM.

36      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tas-subintestatura 1702 90 tan-NM, li tkopri “zokkor maqlub (invert) u zokkor ieħor u taħlit ta’ ġulepp taz-zokkor li fihom fl-istat xott 50% tal-piż fruktows [fruttożju]”, mhux ikklassifikati f’subintestaturi oħra inklużi fl-intestatura 1702 tan-NM, il-klassifikazzjoni ta’ prodott f’din is-subintestatura hija suġġetta għall-kundizzjoni, li tirriżulta mill-kliem innifsu tagħha, li dan il-prodott fih piż ta’ 50 % ta’ fruttożju fi stat niexef.

37      F’dan il-każ, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa taħlita milwiema ta’ prodotti kimiċi li tinkludi, b’mod partikolari, aldeidi u ketoni solubbli fl-ilma miksuba, minn monosakkaridi – li huma aġenti edulkoranti tal-ikel naturali –, permezz ta’ reazzjonijiet enzimatiċi ta’ ossidazzjoni jew termiċi. Dan il-prodott huwa użat fl-industrija tal-ikel bħala addittiv li jagħti l-kulur jew bħala aromatizzant li jagħti togħma affumikata. Barra minn hekk, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-imsemmi prodott fih inqas minn 1 % glukożju u sukrożju, li jirrappreżenta kontenut ta’ zokkor ta’ inqas minn 1.6 % tal-piż fl-istat niexef.

38      Minn dan isegwi li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, sa fejn ma fihx piż ta’ 50 % ta’ fruttożju fi stat niexef, ma jissodisfax il-kundizzjoni meħtieġa sabiex jiġi kklassifikat fis-subintestatura 1702 90 tan-NM u, għaldaqstant, fis-subintestatura 1702 90 95 tagħha.

39      Din il-konklużjoni ma tistax tiġi invalidata mill-argument li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa użat bħala “zokkor inferjuri” fl-industrija tal-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel u l-prodott tal-ikel li fuqu huwa użat għandu, wara t-tisjir, l-istess aspett daqslikieku kien ġie ttrattat biz-zokkor qabel il-preparazzjoni tiegħu.

40      Fil-fatt, anki jekk il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali huwa kkunsidrat bħala “zokkor inferjuri” fl-industrija tal-ipproċessar tal-prodotti tal-ikel, din iċ-ċirkustanza ma tistax titqies li hija biżżejjed fiha nnifisha sabiex jiġi konkluż li dan il-prodott jaqa’ taħt is-subintestatura 1702 90 95 tan-NM, sa fejn dan ma fihx piż ta’ 50 % ta’ fruttożju fi stat niexef, li jikkostitwixxi kundizzjoni sabiex jiġi kklassifikat taħt din is-subintestatura.

41      Barra minn hekk, il-fatt li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’, jekk ikun il-każ, taħt ir-Regolament Nru 1334/2008, bħala aroma jew ingredjent tal-ikel ieħor li għandu proprjetajiet aromatizzanti, ma jagħti ebda indikazzjoni fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk għandux jiġi kklassifikat fis-subintestatura 1702 90 95 tan-NM, peress li d-definizzjonijiet tas-sustanzi u tal-ingredjenti tal-ikel l-oħra li għandhom proprjetajiet aromatizzanti, imsemmija fl-Artikolu 3(2)(a)(i) u (ii) ta’ dan ir-regolament, ma jipprevedux kontenut ta’ zokkor.

42      Għandu jingħad ukoll li r-Regolament Nru 1333/2008 isemmi l-“Karamella ordinarja” (E 150a), fil-punt 1 tal-Parti B tiegħu, intitolat “Kuluri [Koloranti]”, bħala addittiv tal-ikel, li jindika “prodotti ta’ kulur kannella ftit jew wisq intens li huma maħsuba għas-sustanzi kolorantir”, billi jippreċiża li “[d]an ma jikkorrispondix għall-prodott aromatiku u biz-zokkor miksub billi jissaħħan iz-zokkor u li jintuża biex tiżdied it-togħma mal-ikel (eż. dolċerija, għaġina, xorb alkoħoliku)”. Issa, il-fatt li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jaqa’, skont l-indikazzjonijiet li jinsabu fid-deċiżjoni tar-rinviju, taħt din id-definizzjoni jikkostitwixxi pjuttost indizju fis-sens li dan il-prodott jevita l-Kapitolu 17 tan-NM, u, għaldaqstant, ma jistax jiġi kklassifikat fost il-“karamella”, imsemmija, fost oħrajn, fis-subintestatura 1702 90 tagħha.

43      Minn dan isegwi li s-subintestatura 1702 90 95 tan-NM, li tkopri z-zokkrijiet “oħrajn” minbarra dawk li jaqgħu taħt subintestaturi oħra inklużi fis-subintestatura 1702 90 tagħha, għandha tiġi interpretata fis-sens li prodott li ma fihx piż ta’ 50 % ta’ fruttożju fi stat niexef ma jaqax taħt din is-subintestatura.

44      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-interpretazzjoni tas-subintestatura 2912 49 00 tan-NM, li taqa’ taħt il-Kapitolu 29 tagħha, intitolat “Kimiċi organiċi”, in-Nota 1(a) u (d) ta’ dan il-kapitolu tippreċiża li, sakemm ma jiġix ipprovdut mod ieħor, l-intestaturi tal-imsemmi kapitolu jinkludu biss “komposti organiċi separati definiti kimikament, b’impuritajiet jew mingħajrhom”, kif ukoll is-soluzzjonijiet milwiema tagħhom.

45      In-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 29 tagħha jiddikjaraw, fil-kunsiderazzjonijiet ġenerali tagħhom li “[k]ompost ta’ kostituzzjoni kimika ddefinita ppreżentat b’mod iżolat huwa sustanza kkostitwita minn speċi molekolari waħda (kovalenti jew jonika, b’mod partikolari) li l-kompożizzjoni tagħha hija ddefinita permezz ta’ rabta kostanti bejn l-elementi tagħha u li tista’ tiġi rrappreżentata minn dijagramma strutturali unika”. [traduzzjoni mhux uffiċjali] Barra minn hekk, dawn in-noti ta’ spjega jindikaw li tali kompost jista’, bħala prinċipju, jinkludi impuritajiet. Huma jispeċifikaw, minn naħa, li “[i]t-terminu [‘]impuritajiet[’] japplika esklużivament għas-sustanzi li l-preżenza tagħhom fil-kompost kimiku distint tirriżulta esklużivament u direttament mill-proċess ta’ manifattura (inkluża l-purifikazzjoni)” [traduzzjoni mhux uffiċjali] u, min-naħa l-oħra, li “dawn is-sustanzi jistgħu jirriżultaw minn kwalunkwe wieħed mill-elementi li jintervjenu matul il-manifattura” fosthom il-“materjal tal-bidu mhux ikkonvertit”, l-“impuritajiet li jinsabu fil-materjali tal-bidu”, ir-“reaġenti użati fil-proċess ta’ manifattura (inkluża l-purifikazzjoni)” kif ukoll il-prodotti sekondarji. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

46      B’mod iktar partikolari, għal dak li jirrigwarda, l-intestatura 2912 tan-NM, din tkopri l-“[a]ldeidi, b’funzjoni oħra ta’ ossiġnu”, il-“polimeri ċikliċi ta’ aldeidi” kif ukoll il-“paraformaldeide”. Fost il-prodotti li jaqgħu taħt din l-intestatura hemm, b’mod partikolari, l-alkoħoli-aldeidi, eteri-aldeidi, fenoli-aldeidi u aldeidi b’funzjoni oħra ta’ ossiġnu l-“oħrajn”, imsemmija fis-subintestatura 2912 49 00 tan-NM.

47      F’dan il-każ, qabel kollox, mill-proċess għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi, minbarra l-idrossidu tal-aldeid aċetiku, li jirrappreżenta piż ta’ 73.6 % tal-prodott fi stat niexef, aldeidi oħrajn, levoglukosan, aċetol kif ukoll aċidi aċetiċi u formiċi li jirrappreżentaw, piż ta’ 26.3 % tal-prodott fi stat niexef.

48      Issa, sa fejn il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jinkludi, minbarra l-ilma, sustanzi oħra minbarra l-idrossidu tal-aldeid aċetiku, liema fatt għandu jiġi vverifikat mill-qorti tar-rinviju, dan ma huwiex soluzzjoni milwiema ta’ sustanza kkostitwita minn speċi molekulari li l-kompożizzjoni tagħha hija ddefinita minn relazzjoni kostanti bejn l-elementi tagħha u li tista’ tiġi rrappreżentata minn dijagramma strutturali unika, fis-sens tan-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 29 tagħha, imsemmija fil-punt 45 ta’ din is-sentenza. Dawn is-sustanzi l-oħra, li jinsabu fi kwantitajiet mhux negliġibbli fil-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali, ma jistgħux jikkostitwixxu “impuritajiet”, fis-sens ta’ dawn in-noti ta’ spjega. Fil-fatt, kif irrilevat il-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija magħmula mill-Qorti tal-Ġustizzja, mill-privattiva msemmija fil-proċess li għad-dispożizzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja jirriżulta li dawn is-sustanzi l-oħra, tħallew deliberatament, b’ammont sinjifikattiv, f’dan il-prodott, sabiex dan ikun jista’ jservi, inkwantu aġent li jiskura, għal użi speċifiċi biex jingħataw kulur u togħma lill-ikel.

49      Issa, għalkemm in-Nota 1 tal-Kapitolu 29 tan-NM tawtorizza l-preżenza ta’ impuritajiet fil-prodotti li jaqgħu taħt dan il-kapitolu, dawn għandhom neċessarjament natura residwa, sabiex ma tiġix affettwata l-preżentazzjoni “b’mod iżolat” tal-kompost organiku inkwistjoni. Min-naħa l-oħra, meta prodott ikun fih impuritajiet li jirriżultaw mill-proċess ta’ manifattura, u li jagħmluh adattat għal użi partikolari, differenti mill-użu ġenerali tiegħu, tali prodott ma jistax jiġi kkunsidrat bħala “separati”, fis-sens tan-Nota 1(a) tal-Kapitolu 29 tan-NM, peress li tali impuritajiet huma determinanti għall-użu tiegħu (sentenza tal‑20 ta’ Ġunju 2013, Agroferm, C‑568/11, EU:C:2013:407, punti 32 u 35).

50      F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-subintestatura 2912 49 00 tan-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li prodott li fih sustanzi oħra minbarra l-idrossidu tal-aldeid aċetiku huma preżenti fi kwantitajiet mhux negliġibbli, u li wħud minnhom jidhru li tħallew fih deliberatament, sabiex dan il-prodott ikun adattat għal użu speċifiku, ma jaqax taħt din is-subintestatura, bħala soluzzjoni milwiema ta’ kompost ta’ kostituzzjoni kimika ddefinita, ippreżentat b’mod iżolat.

51      Fit-tielet lok, sa fejn il-Kummissjoni sostniet, fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħha, li l-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jiġi kklassifikat fis-subintestatura 3824 90 92 tal-Kapitolu 38 tan-NM, għandu jiġi rrilevat, minn naħa, li, skont in-Nota 1(a) ta’ dan il-kapitolu, intitolat “Diversi prodotti kimiċi”, dan ma jinkludix il-prodotti ta’ kostituzzjoni kimika ddefinita ppreżentati b’mod iżolat, minbarra dawk elenkati fil-punti 1 sa 5 ta’ dan il-punt (a), li ma humiex rilevanti f’dan il-każ. Minn dan isegwi li, peress li ma huwiex kompost minn kostituzzjoni kimika ddefinita ppeżentat b’mod iżolat, il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’, skont din in-nota, jaqa’ taħt il-Kapitolu 38 tan-NM.

52      Min-naħa l-oħra, min-Nota 1(b) ta’ dan il-kapitolu jirriżulta li dan ma jinkludix “taħlit ta’ kimiċi ma’ oġġetti ta’ l-ikel jew sustanzi oħrajn b’valur nutrittiv, ta’ kwalita’ użata fil-preparazzjoni ta’ ikel uman”.

53      In-noti ta’ spjega tas-SA dwar il-Kapitolu 38 tas-SA jiddikjaraw li l-espressjoni “sustanzi tal-ikel jew sustanzi oħra b’valur nutrittiv” [traduzzjoni mhux uffiċjali] tkopri prinċipalment prodotti kommestibbli li jaqgħu taħt it-Taqsimiet I sa IV tas-SA. Minn dawn in-noti jirriżulta wkoll li “[i]s-sempliċi preżenza ta’ sustanzi tal-ikel jew ta’ sustanzi oħra b’valur nutrittiv f’taħlita ma hijiex suffiċjenti biex dawn it-taħlitiet jiġu esklużi mill-Kapitolu 38, b’applikazzjoni tan-Nota 1(b) ta’ dan il-kapitolu” u li “[i]s-sustanzi li l-valur nutrittiv tagħhom huwa sempliċement ta’ importanza sekondarja meta mqabbel mal-funzjoni tagħhom inkwantu prodotti kimiċi, użati, pereżempju, bħala additivi tal-ikel jew awżiljarji teknoloġiċi, ma humiex meqjusa, għall-finijiet ta’ din in-nota, bħala sustanzi tal-ikel jew sustanzi oħra li għandhom valur nutrittiv”. Barra minn hekk, l-imsemmija noti ta’ spjega jippreċiżaw li “[i]t-taħlitiet li huma esklużi mill-Kapitolu 38 bis-saħħa ta’ din in-nota jaqgħu taħt dawk il-kategoriji ta’ prodotti li jintużaw fil-preparazzjoni tal-prodotti tal-ikel għal konsum mill-bniedem u li l-valur tagħhom huwa bbażat fuq il-kwalitajiet nutrittivi tagħhom”. [traduzzjoni mhux uffiċjali]

54      Taqa’ taħt il-Kapitolu 38 tan-NM, b’mod partikolari, l-intestatura 3824 tagħha, li tkopri l-“Materjali li jgħaqqdu ppreparati għal forom jew ċentri ta’ funderija; prodotti u preparazzjonijiet kimiċi ta’ l-industriji kimiċi jew li għandhom x’jaqsmu magħhom (inklużi dawk li jikkonsistu f’taħlitiet ta’ prodotti naturali), mhux speċifikati jew inklużi band’oħra”, u, b’mod iktar partikolari, is-subintestatura 3824 90 92 tagħha li tkopri l-“Prodotti jew preparazzjonijiet kimiċi, magħmula primarjament minn komposti organiċi, li mhumiex imsemmija jew inklużi band’oħra”, “taħt forma likwida f’20 °C” u li tikkostitwixxi kategorija residwa fi ħdan l-imsemmija intestatura.

55      F’dan il-każ, kif jirriżulta mill-punti 37 u 39 ta’ din is-sentenza, il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jintuża fl-industrija tal-ikel bħala addittiv li jagħti l-kulur jew bħala aromatizzant li jagħti togħma affumikata, imsemmi fil-punt 1 tal-Parti B tar-Regolament Nru 1333/2008, taħt l-isem “Karamella ordinarja” (E 150a). Tali użu jista’ jindika li dan il-prodott għandu bħala funzjoni prinċipali li jintuża bħala addittiv tal-ikel, anki jekk, barra minn hekk, għandu valur nutrittiv. Bla ħsara għal din il-verifika mill-qorti tar-rinviju, il-prodott inkwistjoni fil-kawża prinċipali jista’ jaqa’ taħt is-subintestatura 3824 90 92 tan-NM.

56      Fid-dawl tal-punti kollha preċedenti, hemm lok li r-risposta għad-domanda magħmula tkun li n-NM għandha tiġi interpretata fis-sens li soluzzjoni milwiema miksuba permezz ta’ dekompożizzjoni termika tad-destrożju, kompost, b’mod partikolari, minn aldeidi u minn ketoni solubbli fl-ilma, ma taqax taħt is-subintestatura 1702 90 95 tan-NM, li tirrigwarda b’mod partikolari z-zokkor invertit (jew intervertit) u z-zokkor u ġulepp ta’ zokkrijiet oħrajn li fihom piż ta’ 50 % ta’ fruttożju fi stat niexef, mhux ikklassifikati f’subintestaturi oħra li jinsabu fl-intestatura 1702 tan-NM, u lanqas ma taqa’ taħt is-subintestatura 2912 49 00 tagħha, li tirrigwarda l-alkoħoli-aldeidi, eteri-aldeidi, fenoli-aldeidi u aldeidi b’funzjoni oħra ta’ ossiġnu l-“oħrajn”, iżda taqa’ taħt is-subintestatura 3824 90 92 tan-NM, li tirrigwarda l-“Prodotti jew preparazzjonijiet kimiċi, magħmula primarjament minn komposti organiċi, li mhumiex imsemmija jew inklużi band’oħra”, “taħt forma likwida f’20 C”, dejjem sakemm il-valur nutrittiv eventwali ta’ din is-soluzzjoni jkun ta’ importanza sekondarja meta mqabbel mal-funzjoni tagħha bħala prodott kimiku u addittiv tal-ikel.

 Fuq l-ispejjeż

57      Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija dik il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.

Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Id-Disa’ Awla) taqta’ u tiddeċiedi:

In-Nomenklatura Magħquda li tinsab fl-Anness I tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni, fil-verżjoni tagħha li tirriżulta mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 1101/2014 tas16 ta’ Ottubru 2014, għandha tiġi interpretata fis-sens li soluzzjoni milwiema miksuba permezz ta’ dekompożizzjoni termika tad-destrożju, kompost, b’mod partikolari, minn aldeidi u minn ketoni solubbli fl-ilma, ma taqax taħt is-subintestatura 1702 90 95 ta’ din in-nomenklatura, li tirrigwarda b’mod partikolari z-zokkor invertit (jew intervertit) u z-zokkor u ġulepp ta’ zokkrijiet oħrajn li fihom piż ta’ 50 % ta’ fruttożju fi stat niexef, mhux ikklassifikati f’subintestaturi oħra li jinsabu fl-intestatura 1702 tal-imsemmija nomenklatura, u lanqas ma taqa’ taħt is-subintestatura 2912 49 00 tagħha, li tirrigwarda l-alkoħoli-aldeidi, eteri-aldeidi, fenoli-aldeidi u aldeidi b’funzjoni oħra ta’ ossiġnu l-“oħrajn”, iżda taqa’ taħt is-subintestatura 3824 90 92 tal-istess nomenklatura, li tirrigwarda l-“Prodotti jew preparazzjonijiet kimiċi, magħmula primarjament minn komposti organiċi, li mhumiex imsemmija jew inklużi band’oħra”, “taħt forma likwida f’20 C”, dejjem sakemm il-valur nutrittiv eventwali ta’ din is-soluzzjoni jkun ta’ importanza sekondarja meta mqabbel mal-funzjoni tagħha bħala prodott kimiku u addittiv tal-ikel.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: ir-Rumen.