Language of document : ECLI:EU:T:2018:456

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

12 ta’ Lulju 2018 (*)

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Ksur uniku u kontinwat – Illegalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni – Terminu raġonevoli – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ responsabbiltà personali – Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa – Prova suffiċjenti tal-ksur – Tul tal-ksur – Multi – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Fil-Kawża T-449/14,

Nexans Franza SAS, stabbilita f’Courbevoie (Franza),

Nexans SA, stabbilita f’Courbevoie,

irrappreżentati minn G. Forwood, avukat, M. Powell, A. Rogers u A. Oh, solicitors,

rikorrenti,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata inizjalment minn C. Giolito, H. van Vliet u A. Biolan, sussegwentement minn C. Giolito u H. van Vliet, bħala aġenti, assistiti minn B. Doherty, barrister,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE intiża, minn naħa, għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C (2014) 2139 finali tat-2 ta’ April 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39610 - Kejbils tal-Elettriku), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti fuqhom,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla),

komposta minn A. M. Collins, President, M. Kancheva (Relatur) u R. Barents, Imħallfin,

Reġistratur: C. Heeren, Amministratur,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura u wara s-seduta ta’ 21 ta’ Marzu 2017,

tagħti l-preżenti

Sentenza

I.      Il-fatti li wasslu għall-kawża

A.      Ir-rikorrenti u s-settur ikkonċernat

1        Ir-rikorrenti, Nexans France SAS u l-kumpannija omm tagħha, Nexans SA, huma kumpanniji Franċiżi attivi fis-settur tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar.

2        Il-kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art jintużaw, rispettivament, għat-trasport u d-distribuzzjoni tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art. Dawn huma kklassifikati fi tliet kategoriji: vultaġġ baxx, vultaġġ medju kif ukoll vultaġġ għoli u għoli ħafna. Il-kejbils tal-elettriku b’vultaġġ għoli u għoli ħafna huma, fil-maġġoranza tal-każijiet, mibjugħa fil-kuntest ta’ proġetti. Dawn il-proġetti jikkonsistu f’kombinazzjoni ta’ kejbil tal-elettriku u ta’ tagħmir, ta’ faċilitajiet u ta’ servizzi addizzjonali meħtieġa. Il-kejbils elettriċi b’vultaġġ għoli u għoli ħafna huma mibjugħa globalment lil operaturi kbar ta’ netwerks nazzjonali u lil impriżi tal-elettriku oħra, prinċipalment fil-kuntest ta’ kuntratti pubbliċi.

B.      Il-proċedura amministrattiva

3        Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Ottubru 2008, il-kumpannija Svediża ABB AB ipprovdiet lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej serje ta’ dikjarazzjonijiet u ta’ dokumenti relatati ma’ prattiki kummerċjali restrittivi fis-settur tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar. Dawn id-dikjarazzjonijiet u dawn id-dokumenti ġew prodotti fil-kuntest ta’ talba għall-immunità fis-sens tal-Avviż tal-Kummissjoni dwar l-Immunità minn multi u tnaqqis ta’ multi f’każijiet ta’ kartell (ĠU C 144, 23.4.2016, p. 23, iktar ’il quddiem l-“Avviż dwar il-Klemenza”).

4        Mit-28 ta’ Jannar sat-3 ta’ Frar 2009, wara d-dikjarazzjonijiet ta’ ABB, il-Kummissjoni wettqet spezzjonijiet fil-bini ta’ Prysmian SpA u Prysmian Cavi e Sistemi Srl, kif ukoll tar-rikorrenti.

5        Fit-2 ta’ Frar 2009, il-kumpanniji Ġappuniżi Sumitomo Electric Industries Ltd, Hitachi Cable Ltd u J-Power Systems Corp. ippreżentaw talba konġunta għall-immunità tal-multa konformement mal-punt 14 tal-Avviż dwar il-Klemenza jew, sussidjarjament, għal tnaqqis tal-ammont tagħha, skont il-paragrafu 27 ta’ dan l-Avviż. Sussegwentement, huma ttrażmettew lill-Kummissjoni dikjarazzjonijiet orali oħra u dokumenti oħra.

6        Matul l-ispezzjoni, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni, konformement mal-Artikolu 18 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta’ Diċembru 2002 fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli [101] u [102 TFUE] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 8, Vol. 2, p. 205), u mal-paragrafu 12 tal-Avviż dwar il-Klemenza, lil impriżi tas-settur tal-produzzjoni u tal-provvista ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar.

7        Fit-30 ta’ Ġunju 2011, il-Kummissjoni fetħet proċedura u adottat dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet kontra l-entitajiet legali li ġejjin: Pirelli & C. SpA, Prysmian Cavi e Sistemi Energia, Prysmian, The Goldman Sachs Group Inc., Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable, J–Power Systems, Furukawa Electric Co. Ltd, Fujikura Ltd, Viscas Corp., SWCC Showa Holdings Co. Ltd, Mitsubishi Cable Industries Ltd, Exsym Corp., ABB, ABB Ltd, Brugg Kabel AG, Kabelwerke Brugg AG Holding, nkt cables GmbH, NKT Holding A/S, Silec Cable, SAS, Grupo General Cable Sistemas, SA, Safran SA, General Cable Corp., LS Cable & System Ltd, Taihan Electric Wire Co. Ltd u r-rikorrenti.

8        Mill-11 sat-18 ta’ Ġunju 2012, id-destinatarji kollha tad-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet, bl-eċċezzjoni ta’ Furukawa Electric, ipparteċipaw f’seduta amministrattiva quddiem il-Kummissjoni.

9        Permezz tas-sentenzi tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (T-135/09, EU:T:2012:596), u tal-14 ta’ Novembru 2012, Prysmian u Prysmian Cavi e Sistemi Energia vs Il-Kummissjoni (T-140/09, mhux ippubblikata, EU:T:2012:597), il-Qorti Ġenerali annullat parzjalment id-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni indirizzati, minn naħa, lir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, lil Prysmian u lil Prysmian Cavi e Sistemi Energia, sa fejn dawn kienu jikkonċernaw kejbils tal-elettriku għajr il-kejbils tal-elettriku ta’ vultaġġ għoli taħt l-ilma u taħt l-art kif ukoll il-materjal assoċjat ma’ dawn il-kejbils l-oħra, u ċaħdet il-kumplament tar-rikors. Fl-24 ta’ Jannar 2013, ir-rikorrenti ppreżentaw appell kontra l-ewwel waħda minn dawn is-sentenzi. Permezz tas-sentenza tal-25 ta’ Ġunju 2014, Nexans u Nexans France vs Il-Kummissjoni (C-37/13 P, EU:C:2014:2030), il-Qorti tal-Ġustizzja ċaħdet dan l-appell.

10      Fit-2 ta’ April 2014, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni C (2014) 2139 finali li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim ŻEE (Każ AT.39610 - Kejbils tal-Elettriku) (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).

C.      Id-deċiżjoni kkontestata

1.      Il-ksur inkwistjoni

11      L-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata jipprovdi li diversi impriżi pparteċipaw, matul perijodi differenti, fi ksur uniku u kontinwat tal-Artikolu 101 TFUE fis-settur tal-“kejbils tal-elettriku taħt l-art u/jew taħt il-baħar b’vultaġġ għoli (ħafna)” [traduzzjoni mhux uffiċjali]. Essenzjalment, il-Kummissjoni kkonstatat li, b’effett minn Frar 1999 u sa tmiem Jannar 2009, il-produtturi ewlenin Ewropej, Ġappuniżi u mill-Korea t’Isfel ta’ kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art ħadu sehem f’laqgħat bilaterali u multilaterali u stabbilixxew kuntatti sabiex jirrestrinġu l-kompetizzjoni għal proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar b’vultaġġ għoli (ħafna) f’territorji speċifiċi, billi qassmu s-swieq u l-klijenti u b’hekk ħolqu distorsjoni tal-proċess kompetittiv normali (premessi 10 sa 13 u 66 tad-deċiżjoni kkontestata).

12      Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni qieset li l-akkordju kellu żewġ konfigurazzjonijiet ewlenin li jikkostitwixxu unità kompost. B’mod iktar preċiż, fl-opinjoni tagħha, l-akkordju kien kompost minn żewġ partijiet:

–        il-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”, li kienet tiġbor l-impriżi Ewropej, li normalment jissejħu “membri R”, l-impriżi Ġappuniżi, iddenominati bħala “membri A” u, fl-aħħar nett, l-impriżi Sud Koreani, iddenominati bħala “membri K”. L-imsemmija konfigurazzjoni kienet tippermetti li jintlaħaq l-għan tal-attribuzzjoni ta’ territorji u ta’ klijenti bejn produtturi Ewropej, Ġappuniżi u Sud Koreani. Din l-attribuzzjoni kienet issir skont ftehim dwar it-“territorju nazzjonali”, li abbażi tiegħu l-produtturi Ġappuniżi u Sud Koreani kienu naqsu milli jikkompetu għal proġetti li jseħħu fit-“territorju nazzjonali” tal-produtturi Ewropej, filwaqt li dawn tal-aħħar kienu impenjaw ruħhom li jibqgħu barra mis-swieq fil-Ġappun u tal-Korea t’Isfel. Ma’ dan kien hemm ukoll l-attribuzzjoni ta’ proġetti fit-“territorji ta’ esportazzjoni”, jiġifieri fil-kumplament tad-dinja ħlief b’mod partikolari fl-Istati Uniti, li, għal ċertu perijodu, kienet tosserva “kwota 60/40”, li jfisser li 60 % tal-proġetti kienu rriżervati għall-produtturi Ewropej u l-kumplament ta’ 40 % għall-produtturi Ażjatiċi;

–        il-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, li kienet tinvolvi l-attribuzzjoni ta’ territorji u ta’ klijenti mill-produtturi Ewropej, għal proġetti li kellhom jitwettqu fit-“territorju nazzjonali” Ewropew jew proġetti attribwiti lil produtturi Ewropej (ara l-punt 3.3 tad-deċiżjoni kkontestata u, b’mod partikolari, il-premessi 73 u 74 ta’ din id-deċiżjoni).

13      Il-Kummissjoni kkonstatat li l-parteċipanti fl-akkordju kienu stabbilixxew obbligi ta’ komunikazzjoni tad-data sabiex ikun hemm monitoraġġ tal-ftehimiet ta’ tqassim (premessi 94 sa 106 u 111 sa 115 tad-deċiżjoni kkontestata).

14      B’kunsiderazzjoni għar-rwol tad-diversi parteċipanti fl-akkordju fl-implimentazzjoni tiegħu, il-Kummissjoni kklassifikathom fi tliet gruppi. Qabelxejn, hija ddefinixxiet l-qalba tal-akkordju, komposta, minn naħa, mill-impriżi Ewropej: Nexans France, l-impriżi sussidjarji ta’ Pirelli & C., li kienet Pirelli SpA, li pparteċipaw suċċessivament fl-akkordju (iktar ’il quddiem “Pirelli), u Prysmian Cavi e Sistemi Energia; u, min-naħa l-oħra, l-impriżi Ġappuniżi: Furukawa Electric u Fujikura, Viscas l-impriża komuni tagħhom Viscas, kif ukoll Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable u l-impriża komuni tagħhom J-Power Systems (premessi 545 sa 561 tad-deċiżjoni kkontestata). Sussegwentement, hija identifikat grupp ta’ impriżi li ma kinux jagħmlu parti mill-qalba iżda li ma setgħux, madankollu, jitqiesu bħala atturi marġinali tal-akkordju u kklassifikathom f’dan il-grupp ABB, Exsym, Brugg Kabel u l-entità kkostitwita minn Sagem SA, Safran u Silec Cable (premessi 562 sa 575 tal-imsemmija deċiżjoni). Fl-aħħar nett, hija qieset li Mitsubishi Cable Industries, SWCC Showa Holdings. Ltd, LS Cable, Taihan Electric Wire u nkt cables kienu atturi marġinali tal-akkordju (premessi 576 sa 594 ta’ din id-deċiżjoni).

2.      Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti

15      Ir-responsabbiltà ta’ Nexans France ġiet ikkonstatata minħabba l-parteċipazzjoni diretta tagħha fl-akkordju mill-13 ta’ Novembru 2000 sat-28 ta’ Jannar 2009. Nexans inżammet responsabbli għall-ksur, fil-kwalità tagħha ta’ kumpannija omm ta’ Nexans France, b’effett mit-12 ta’ Ġunju 2001 sat-28 ta’ Jannar 2009 (premessi 712 u 714 tad-deċiżjoni kkontestata).

3.      Il-multi imposti

16      L-Artikolu 2(ċ) u (d) tad-deċiżjoni kkontestata jimponi, minn naħa, multa ta’ EUR 4 903 000 lil Nexans France (għall-perijodu mit-13 ta’ Novembru 2000 sal-11 ta’ Ġunju 2001) u, min-naħa l-oħra, multa ta’ EUR 65 767 000 lil Nexans France, “flimkien u in solidum” ma’ Nexans (għall-perijodu mit-12 ta’ Ġunju 2001 sat-28 ta’ Jannar 2009).

17      Għall-finijiet tal-kalkolu tal-ammont tal-multi, il-Kummissjoni applikat l-Artikolu 23(2)(a) tar-Regolament Nru 1/2003, u l-metodoloġija esposta fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi imposti b’applikazzjoni tal-imsemmi artikolu (ĠU 2006, C 210, p. 2, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006”).

18      Fl-ewwel lok, fir-rigward tal-ammont bażiku tal-multi, wara li ddeterminat il-valur tal-bejgħ xieraq, konformement mal-paragrafu 18 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006 (premessi 963 sa 994 tad-deċiżjoni kkontestata), il-Kummissjoni ffissat il-proporzjon ta’ dan il-valur tal-bejgħ li jirrifletti l-gravità tal-ksur, konformement mal-paragrafi 22 u 23 tal-imsemmija linji gwida. F’dan ir-rigward, hija qieset li l-ksur, min-natura tiegħu, kien jikkostitwixxi waħda mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, li kien jiġġustifika rata ta’ gravità ta’ 15 %. Bl-istess mod, hija applikat żieda ta’ 2 % tal-koeffiċjent tal-gravità għad-destinatarji kollha minħabba parti mis-suq akkumulat kif ukoll minħabba l-portata ġeografika kważi globali tal-akkordju, li kienet tkopri b’mod partikolari t-territorju kollu taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Barra minn hekk, hija qieset, b’mod partikolari, li l-aġir tal-impriżi Ewropej kien iktar dannuż għall-kompetizzjoni minn dak tal-impriżi l-oħra, sa fejn, minbarra l-parteċipazzjoni tagħhom fil-konfigurazzjoni A/R tal-akkordju, l-impriżi Ewropej kienu qasmu bejniethom il-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku fil-kuntest tal-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju. Għal din ir-raġuni, il-Kummissjoni stabbilixxiet il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-gravità tal-ksur għal 19 % għall-kumpaniji Ewropej u għal 17 % għall-impriżi l-oħra (premessi 997 sa 1010 tal-imsemmija deċiżjoni).

19      Fir-rigward tal-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni relatat mat-tul tal-ksur, il-Kummissjoni stabbilixxiet, fir-rigward ta’ Nexans France, koeffiċjent ta’ 8,16 għall-perijodu bejn it-13 ta’ Novembru 2000 u t-28 ta’ Jannar 2009, u fir-rigward Nexans, koeffiċjent ta’ 7,58 għall-perijodu bejn it-12 ta’ Ġunju 2001 u t-28 ta’ Jannar 2009. Barra minn hekk, għal Nexans France, mal-ammont bażiku tal-multa, hija inkludiet ammont addizzjonali (id-dritt tad-dħul) li jikkorrispondi għal 19 % tal-valur tal-bejgħ. Dan l-ammont hekk iddeterminat kien jammonta għal EUR 70 670 000 (premessi 1011 sa 1016 tad-deċiżjoni kkontestata).

20      Fit-tieni lok, fir-rigward tal-aġġustamenti tal-ammont bażiku tal-multi, il-Kummissjoni ma kkonstatatx ċirkustanzi aggravanti li jistgħu jaffettwaw l-ammont bażiku tal-multa stabbilit fil-konfront ta’ kull wieħed mill-parteċipanti fl-akkordju, bl-eċċezzjoni ta’ ABB. Min-naħa l-oħra, fir-rigward taċ-ċirkustanzi attenwanti, hija ddeċidiet li fl-ammont tal-multi jiġi rifless l-irwol tal-impriżi differenti fl-implementazzjoni tal-akkordju. Għaldaqstant, hija naqqset b’10 % l-ammont bażiku tal-multa li għandu jiġi impost għal atturi marġinali tal-akkordju u b’ 5 % l-ammont bażiku tal-multa li għandha tiġi imposta fuq l-impriżi li l-involviment tagħhom fl-akkordju kien medju. Barra minn hekk, hija tat lil Mitsubishi Cable Industries u lil SWCC Showa Holdings, għall-perijodu qabel il-ħolqien ta’ Exsym, u lil LS Cable & System u lil Taihan Electric Wire, tnaqqis addizzjonali ta’ 1 % talli ma kellhomx għarfien dwar ċerti aspetti tal-ksur uniku u kontinwat u għan-nuqqas ta’ responsabbiltà tagħhom relatata ma’ dawn l-aspetti. Min-naħa l-oħra, ebda tnaqqis tal-ammont bażiku tal-multa ma ngħata lil impriżi li jappartjenu mal-qalba tal-akkordju, inklużi r-rikorrenti (premessi 1017 sa 1020 tad-deċiżjoni kkontestata). Barra minn hekk, il-Kummissjoni, b’applikazzjoni tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006, tat-tnaqqis addizzjonali ta’ 3 % lil Mitsubishi Cable Industries minħabba l-kooperazzjoni effettiva tagħha barra mill-kuntest tal-klemenza (premessa 1041 tal-imsemmija deċiżjoni).

II.    Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

21      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-17 ta’ Ġunju 2014, ir-rikorrenti ppreżentaw dan ir-rikors.

22      Fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, il-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) għamlet mistoqsijiet bil-miktub lill-partijiet u talbet lill-Kummissjoni tipproduċi ċerti dokumenti.

23      Peress li kien hemm bidla fil-kompożizzjoni tal-awli tal-Qorti Ġenerali, b’applikazzjoni tal-Artikolu 27(5) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-Imħallef Relatur ġie assenjat lit-Tmien Awla (kompożizzjoni ġdida), u konsegwentement, din il-kawża ġiet assenjata lil din l-awla.

24      Il-partijiet wieġbu l-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali fit-terminu previst. Il-Kummissjoni pproduċiet wieħed mid-dokumenti mitluba u talbet l-adozzjoni ta’ miżura istruttorja sabiex tipproduċi dokumenti oħra li l-produzzjoni tagħhom kienet mitluba mill-Qorti Ġenerali, jiġifieri traskrizzjonijiet tad-dikjarazzjonijiet orali pprovduti minn J-Power Systems fil-kuntest tat-talba tagħha għall-immunità konġunta ma’ Hitachi Cable u Sumitomo Electric Industries. Permezz ta’ digriet tas-17 ta’ Jannar 2017, il-President tat-Tmien Awla tal-Qorti Ġenerali adotta miżura istruttorja intiża sabiex il-Kummissjoni tipproduċi t-traskrizzjonijiet inkwistjoni. Il-Kummissjoni kkonformat ma’ din il-miżura istruttorja fl-24 ta’ Jannar 2017.

25      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-fażi orali tal-proċedura. It-trattazzjoni tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-21 ta’ Marzu 2017.

26      Ir-rikorrenti jitolbu li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn hija bbażata fuq dokumenti miksuba illegalment mingħand Nexans France;

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata sa fejn din tikkonkludi li Nexans France ipparteċipat fi ksur qabel it-22 ta’ Frar 2001;

–        tnaqqas l-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom għal ammont li jikkorrispondi għal perijodu iqsar u għal koeffiċjent ta’ gravità mnaqqas;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

27      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.

III. Id-dritt

28      Fil-kuntest tar-rikors, ir-rikorrenti jifformulaw kemm talbiet intiżi għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata kif ukoll talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom.

29      Fir-rigward, fl-ewwel lok, tat-talbiet għal annullament, dawn huma intiżi sabiex jinkiseb l-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn, minn naħa, hija bbażata fuq dokumenti miksuba illegalment mingħand Nexans France u, min-naħa l-oħra, hija tikkonkludi li Nexans France pparteċipat fil-ksur qabel it-22 ta’ Frar 2001.

30      Ir-rikorrenti jinvokaw żewġ motivi insostenn tat-talbiet għal annullament tagħhom. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-Artikolu 20(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1/2003, tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ spezzjoni”), tad-drittijiet ta’ difiża u tal-Artikolu 7 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“Karta”) u, it-tieni nett, fuq żball ta’ evalwazzjoni fir-rigward tal-iffissar tad-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fl-akkordju.

31      Fir-rigward, fit-tieni lok, tat-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom, dawn għandhom bħala għan li l-Qorti Ġenerali tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni sabiex jittieħdu inkunsiderazzjoni l-iżbalji mwettqa minn din tal-aħħar fir-rigward tal-elementi ta’ kalkolu tal-imsemmija multi, jiġifieri, it-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fil-ksur, u li l-koeffiċjent ta’ gravità.

32      Insostenn tat-talbiet tagħhom intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom, ir-rikorrenti jinvokaw, minbarra żball tal-Kummissjoni dwar it-tul tal-ksur ikkontestat fil-kuntest tat-tieni motiv tar-rikors, motiv speċifiku, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità għall-kalkolu tal-ammont tal-multi.

A.      Fuq it-talbiet għal annullament

1.      Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali, fuq ksur tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 20(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 7 tal-Karta

33      Ir-rikorrenti jsostnu li ċerti miżuri meħuda mill-Kummissjoni matul l-ispezzjoni, li saret għal għarrieda, li kienu suġġetti għaliha mit-28 sat-30 ta’ Jannar u t-3 ta’ Frar 2009, konformement mad-deċiżjoni tad-9 ta’ Jannar 2009 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni ta’ spezzjoni”) huma illegali u li l-informazzjoni miksuba mill-Kummissjoni f’dan il-kuntest ma kellhiex tiġi aċċettata fil-proċedura amministrattiva u lanqas meħuda inkunsiderazzjoni fid-deċiżjoni kkontestata.

34      Ir-rikorrenti għaldaqstant jilmentaw li l-ispetturi tal-Kummissjoni għamlu kopji ta’ diversi messaġġi elettroniċi misjuba fil-kompjuter ta’ J. u dak ta’ R., kif ukoll kopja sħiħa tal-hard disk tal-kompjuter ta’ J. u li ħadu dawn il-kopji magħhom sabiex sussegwentement jinvestigaw elementi rilevanti għall-investigazzjoni fil-bini tal-Kummissjoni fi Brussell (il-Belġju) (iktar ’il quddiem il-“miżuri kkontestati”).

35      L-ewwel nett, ir-rikorrenti jsostnu li, billi għamlu hekk, l-aġenti tal-Kummissjoni eċċedew il-poteri tagħhom mogħtija lilhom mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003. B’mod partikolari, huma jsostnu li, skont l-Artikolu 20(2)(ċ) tal-imsemmi regolament, dawn l-aġenti ma jistgħux jikkonfiskaw jew jikkopjaw dokumenti mingħajr ma jkunu eżaminawhom minn qabel. Fin-nuqqas ta’ dan, spezzjoni tal-Kummissjoni tista’ tinvolvi s-sempliċi kkopjar tas-sistema informatika sħiħa ta’ kumpannija, inkluż numru kbir ta’ dokumenti li huma kompletament irrilevanti għall-finijiet tal-investigazzjoni, sabiex teżaminaha għall-konvenjenza tagħha fil-bini tagħha fi Brussell.

36      It-tieni nett, skont ir-rikorrenti, l-ikkopjar ta’ din id-data mill-Kummissjoni bil-ħsieb li tiġi eżaminata sussegwentement fil-bini tagħha fi Brussell tmur lil hinn mill-kundizzjonijiet tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, li tillimita l-portata ġeografika tal-ispezzjoni għas-sempliċi bini ta’ Nexans.

37      It-tielet nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-miżuri kkontestati kisru d-drittijiet tad-difiża tagħhom, fis-sens li dawn ipprekludew il-possibbiltà li jinvokaw l-interessi tagħhom. Huma jqisu li l-estensjoni tal-ispezzjoni b’xahar u nofs kienet fil-fatt ipprekludiet il-possibbiltà tagħhom li jwettqu evalwazzjoni serja tal-opportunità li jippreżentaw talba għal immunità, peress li, matul dan il-perijodu, ma kienx possibbli li jiġi evalwat liema “valur miżjud sinifikanti” kien possibbli jiġi attribwit lill-provi li kienu diġà nġabru mill-Kummissjoni.

38      Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li, peress li, f’dan il-każ, l-ispezzjoni bdiet fi Franza imma tkompliet fil-Belġju, il-Kummissjoni kellha tavża l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana (il-Belġju) bl-iżvolġiment tal-ispezzjoni f’dan il-pajjiż, skont l-Artikolu 20(3) u (4) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003.

39      Il-ħames nett, ir-rikorrenti jsostnu li, sa fejn l-ikkopjar “bil-massa” ta’ data li ma kinitx ġiet ikkonsultata minn qabel mill-Kummissjoni ma jaqax fl-ambitu tal-poteri tal-Kummissjoni taħt ir-Regolament Nru 1/2003, tali konfiska ma tikkostitwixxix intervent arbitrarju u sproporzjonat fl-isfera tal-attività privata tagħhom, protetta mill-Artikolu 7 tal-Karta.

40      Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

41      Qabel ma tingħata tweġiba għall-argumenti tal-partijiet, għandu jsir riferiment għal darba oħra għall-iżvolġiment tal-ispezzjoni mwettqa fil-bini tar-rikorrenti mill-aġenti tal-Kummissjoni.

a)      Fuq l-iżvolġiment tal-ispezzjoni

42      Kif jirriżulta mis-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (T-135/09, EU:T:2012:596), fit-28 ta’ Jannar 2009, l-ispetturi tal-Kummissjoni, akkumpanjati minn rappreżentanti tal-Awtorità Franċiża tal-Kompetizzjoni, marru fil-bini ta’ Nexans France fi Clichy (Franza) sabiex iwettqu spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003. Huma nnotifikaw lill-impriża bid-deċiżjoni ta’ spezzjoni li tirrigwarda lil “Nexans kif ukoll l-impriżi kollha, direttament jew indirettament ikkontrollati minnha/minnhom, bl-inklużjoni ta’ Nexans France”, u bin-nota ta’ spjegazzjoni dwar l-ispezzjonijiet.

43      L-ispetturi esprimew ix-xewqa tagħhom li jeżaminaw id-dokumenti kif ukoll il-kompjuters ta’ ċerti impjegati ta’ Nexans France, jiġifieri R. (Viċi Direttur Ġenerali u Direttur tal-Kummerċjalizzazzjoni – Dipartiment “Vultaġġ għoli”), B. (Direttur Ġenerali — Dipartiment “Vultaġġ għoli”) u J. (Direttur tal-Bejgħ u tal-Kummerċjalizzazzjoni tas-sezzjoni kummerċjali “Vultaġġ għoli terrestri”). L-ispetturi ġew informati li J. kien qiegħed jivvjaġġa, bil-kompjuter tiegħu, u li kien ser jirritorna l-Ġimgħa 30 ta’ Jannar 2009.

44      L-ispetturi l-ewwel nett eżaminaw dokumenti karta fl-uffiċċji ta’ R., B. u J., kif ukoll fl-uffiċċju tal-assistent komuni tagħhom. Sussegwentement, huma ttrasferixxew il-kompjuters ta’ R., B. u D. (Direttur tal-Proġett — Dipartiment “Vultaġġ għoli”) fil-kamra tal-laqgħat għad-dispożizzjoni tagħhom. Bl-użu tat-teknoloġija tal-investigazzjoni diġitali legali (iktar ’il quddiem il-“FIT”), huma ħadu kopji-immaġni tal-hard disks tal-kompjuters u ppreparawhom għal indiċi li kellu jintemm l-għada. Fi tmiem l-ewwel jum ta’ spezzjoni, l-uffiċċju ta’ J. u l-kamra tal-laqgħat li tqiegħdet għad-dispożizzjoni tal-ispetturi ġew issiġillati. Fit-tieni jum ta’ spezzjoni, issoktat ir-riċerka dwar l-imsemmija kopji-immaġni. Fi tmiem il-jum, is-sala tal-laqgħat imqiegħda għad-dispożizzjoni tagħhom wkoll ġiet issiġillata.

45      Fit-tielet jum tal-ispezzjoni, l-ispetturi setgħu jeżaminaw il-laptop ta’ J. li kien irritorna l-uffiċċju. Fil-bidu, l-ebda immaġni tal-kontenut tal-imsemmi kompjuter ma twettqet, iżda l-implimentazzjoni tal-FIT ippermettiet tfittxija tal-fajls, tad-dokumenti u tal-posta elettronika li kienet tħassret mill-hard disk ta’ dan il-kompjuter u konstatazzjoni li dawn id-dokumenti kienu rilevanti għall-investigazzjoni. L-ispetturi ddeċidew li jagħmlu kopja-immaġni ta’ dan il-hard disk. Madankollu, f’dak il-mument tal-investigazzjoni, huma ma kellhomx iktar żmien sabiex iwettqu tali kopja. Huma għalhekk iddeċidew li jagħmlu kopja ta’ data magħżula u jqiegħduha fuq mezzi tal-informatika għall-ħażna tad-data (iktar ’il quddiem is-“SIED”) li kien beħsiebhom jieħdu magħhom Brussell. Dawn kienu jikkonsistu f’żewġ settijiet ta’ messaġġi elettroniċi misjuba fuq il-laptop ta’ J., li ġew maħżuna fuq is-SIED iddenominati JABR 12 u JABR 13. Huma kkopjaw ukoll ġabra ta’ posta elettronika misjuba fil-kompjuter ta’ R. fuq żewġ SIED ddenominati JABR 14 u JABR 15. Dawn l-erba’ TJD tpoġġew f’inviloppijiet u ġew sussegwentement issiġillati u ffirmati minn rappreżentant tar-rikorrenti. Tali inviloppijiet issiġillati nġiebu fl-uffiċċji tal-Kummissjoni fi Brussell. Il-kompjuter ta’ J. kif ukoll SIED misjub fl-uffiċċju tiegħu u li jinkludu dokumenti protetti b’password tqiegħdu f’armarju, li ġie ssiġillat mill-ispetturi. Il-hard disks tal-kompjuters tal-Kummissjoni użati għall-finijiet ta’ riċerka, sussegwentement tħassru u wara din l-operazzjoni, ma kinux jinkludu iktar ebda fajl meħud matul l-ispezzjoni. L-ispetturi informaw lir-rikorrenti li huma kienu ser jinformawhom dwar id-data ta’ meta kienet ser tissokta l-ispezzjoni. Ir-rikorrenti indikaw li huma kienu jippreferu li l-ispezzjoni eventwali tal-hard disk tal-kompjuter ta’ C. isseħħ fil-bini ta’ Nexans France, u mhux fl-uffiċċji tal-Kummissjoni.

46      L-ispetturi rritornaw fil-bini ta’ Nexans France t-Tlieta 3 ta’ Frar 2009. Huma fetħu l-armarju ssiġillat li kien fih is-SIED misjub fl-uffiċċju ta’ J. kif ukoll il-kompjuter tiegħu. Huma spezzjonaw is-SIED fuq il-post, stampaw u ħażnu żewġ dokumenti estratti minn dan is-SIED u taw dan lir-rappreżentanti tar-rikorrenti. Barra minn hekk, huma għamlu tliet kopji-immaġni tal-hard disk tal-kompjuter ta’ J., li ġew maħżuna fuq tliet SIED. L-ispetturi taw wieħed mit-tliet SIED lir-rappreżentanti tar-rikorrenti, u qiegħdu t-tnejn l-oħra f’inviloppijiet issiġillati li ħadu lura Brussell wara li qiesu l-fatt li r-rikorrenti kienu kkontestaw il-leġittimità ta’ din il-proċedura. L-ispetturi indikaw li l-inviloppijiet issiġillati kienu jkunu biss miftuħa fil-bini tal-Kummissjoni fil-preżenza tar-rappreżentanti tar-rikorrenti.

47      L-inviloppijiet issiġillati li jinkludu s-SIED meħuda mill-Kummissjoni nfetħu fl-uffiċċji tagħha fi Brussell fit-2 ta’ Marzu 2009 fil-preżenza tal-avukati tar-rikorrenti. Id-dokumenti maħżuna fis-SIED ġew eżaminati u l-ispetturi stampaw fuq il-karta dawk li qiesu rilevanti għall-investigazzjoni. It-tieni kopja fuq il-karta ta’ dawn id-dokumenti kif ukoll lista ta’ dawn ingħataw lill-avukati tar-rikorrenti. L-analiżi tad-data kollha maħżuna fis-SIED inkwistjoni damet tmint ijiem tax-xogħol u ntemmet fil-11 ta’ Marzu 2009. L-uffiċċju li fih ġew eżaminati d-dokumenti u s-SIED ġew issiġillati fl-aħħar ta’ kull ġurnata ta’ xogħol, fil-preżenza tal-avukati tar-rikorrenti, u nfetħu l-għada, dejjem fil-preżenza tagħhom. Fi tmiem dawn l-operazzjonijiet, tħassru l-hard disks tal-kompjuters li fuqhom ħadmu l-ispetturi tal-Kummissjoni.

b)      Fuq l-allegata assenza ta’ bażi legali tal-miżuri kkontestati

48      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, billi għamlu kopja-immaġni tal-hard disk tal-kompjuter ta’ J., kif ukoll tal-ġabriet ta’ messaġġi elettroniċi misjuba fl-imsemmi kompjuter u f’dak ta’ R., bil-għan li jfittxu sussegwentement fil-bini tal-Kummissjoni fi Brussell dokumenti rilevanti għall-investigazzjoni, l-aġenti tal-Kummissjoni aġixxew barra mill-poteri ikkonferiti lill-Kummissjoni bl-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003.

49      Preliminarjament, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1/2003, “[g]ħal għan li jiġu applikati l-Artikoli [101] u [102] tat-Trattat, il-Kummissjoni għandha ikollha s-setgħa prevista minn dan ir-Regolament”.

50      L-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li, sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha mill-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha neċessarji tal-impriżi u tal-assoċjazzjonijiet tal-impriżi.

51      Fir-rigward tal-poteri li għandha l-Kummissjoni sabiex twettaq spezzjoni, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi, b’mod partikolari, dan li ġej:

“L-uffiċjali u persuni oħra li jakkompanjawhom awtorizzati mill-Kummissjoni jagħmlu spezzjoni għandhom is-setgħa:

[…]

b)      li jeżaminaw il-kotba u rekords oħra relatati mal-kummerċ, irrespettivament tal-mod kif innhu maħżun;

ċ)      li jieħu jew jikseb f’kwalunkwe forma: kopji ta’ jew estratti minn dawn il-kotba jew rekords;

d)      li jagħlqu kwalunkwe post tal-kummerċ u l-kotba jew rekords għal dak il-perijodu u sal-punt neċessarju biex issir l-ispezzjoni;

[…]”

52      F’dan il-każ, għandu jiġi ppreċiżat li l-prassi li tinkiseb kopja-immaġni ta’ hard disk ta’ kompjuter jew kopja tad-data maħżuna fuq mezz ta’ data diġitali tintuża fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-FIT, użata mill-aġenti tal-Kummissjoni matul spezzjonijiet. Fil-fatt, kif spjegat il-Kummissjoni fis-sottomissjonijiet bil-miktub tagħha, mingħajr ma dan ġie kkontestat mir-rikorrenti, l-użu ta’ din it-teknoloġija timplika riċerka f’hard disk ta’ kompjuter jew f’kull mezz ieħor ta’ data diġitali bl-użu ta’ softwer speċifiku ta’ informazzjoni rilevanti fir-rigward tas-suġġett tal-ispezzjoni permezz tal-użu ta’ kliem prinċipali. Din ir-riċerka teħtieġ stadju preċedenti msejjaħ “indiċjar”, li matul tiegħu s-softwer iqiegħed f’katalgu l-ittri kollha u kliem li jidher fuq il-hard disk ta’ kompjuter jew ta’ kwalunkwe mezz ieħor ta’ data diġitali suġġett għall-ispezzjoni. It-tul tal-indiċjar jiddependi mid-daqs tal-mezz diġitali inkwistjoni, iżda ġeneralment jieħu żmien kunsiderevoli. F’dawn iċ-ċirkustanzi, l-aġenti tal-Kummissjoni normalment jagħmlu kopja tad-data li tinsab fuq il-mezz tad-data diġitali tal-impriża li tkun is-suġġett tal-ispezzjoni sabiex isir l-indiċjar tad-data li tinsab maħżuna hemmhekk. Fil-każ ta’ hard disk ta’ kompjuter, din il-kopja tista’ tieħu l-forma ta’ kopja-immaġni. Din il-kopja-immaġni tippermetti li tinkiseb kopja eżatta tal-hard disk suġġett għall-ispezzjoni, li jinkludi d-data kollha ppreżentata fuq dan il-hard disk fil-mument preċiż li titwettaq il-kopja, inkluż il-fajls apparentement imħassra.

53      F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li, sa fejn, minn naħa, kif ġie spjegat fil-punt 52 iktar ’il fuq, il-kopja tad-data maħżuna fuq mezz ta’ data diġitali tal-impriża li hija s-suġġett ta’ spezzjoni titwettaq bl-għan li jsir l-indiċjar u sa fejn, min-naħa l-oħra, dan l-indiċjar huwa intiż sabiex jippermetti li ssir riċerka, sussegwentement, tad-dokumenti rilevanti għall-investigazzjoni, it-twettiq ta’ tali kopja taqa’ fl-ambitu tal-poteri mogħtija lill-Kummissjoni permezz tal-Artikolu 20(2), (b) u (c), tar-Regolament Nru 1/2003.

54      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-Artikolu 20(2) (b) u (c), tar-Regolament Nru 1/2003 ma jirriżultax li l-poter tal-Kummissjoni li tieħu jew li tikseb kopji jew estratti mill-kotba u mid-dokumenti professjonali ta’ impriża spezzjonata huwa limitat għall-kotba u għad-dokumenti professjonali li huma jkunu diġà kkontrollaw.

55      Barra minn hekk, għandu jiġi osservat li tali interpretazzjoni tista’ tippreġudika l-effett utli tal-Artikolu 20(2)(b) tal-imsemmi regolament, sa fejn, f’ċerti ċirkustanzi, il-kontroll ta’ kotba u ta’ dokumenti professjonali tal-impriża spezzjonata, jista’ jitlob it-twettiq minn qabel ta’ kopji tal-imsemmija kotba jew dokumenti professjonali jew jiġi ssemplifikat, bħal fil-każ ineżami, minn dan it-twettiq.

56      Konsegwentement, għandu jiġi kkonstatat li, peress li t-twettiq tal-kopja-immaġni tal-hard disk tal-kompjuter ta’ J u ta’ kopji ta’ ġabriet ta’ messaġġi elettroniċi misjuba fuq l-imsemmi kompjuter u fuq il-kompjuter ta’ R kien jaqa’ fil-kuntest tal-implimentazzjoni tal-FIT mill-aġenti tal-Kummissjoni, li l-għan tiegħu kienet ir-riċerka ta’ informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni, it-twettiq ta’ tali kopji jaqa’ taħt il-poteri previsti fl-Artikolu 20(2)(b) u (c), tar-Regolament Nru 1/2003.

57      It-tieni nett, sa fejn l-argument tar-rikorrenti għandu jiġi interpretat fis-sens li huma jallegaw li l-aġenti tal-Kummissjoni inkludew fil-fajl istruttorju kopji ta’ ġabriet ta’ messaġġi elettroniċi misjuba fuq il-kompjuter ta’ R u fuq il-kompjuter ta’ J, kif ukoll kopja-immaġni tal-hard disk ta’ dan l-aħħar kompjuter, mingħajr ma vverifikaw minn qabel li d-dokumenti li jinsabu fl-imsemmija kopji kienu rilevanti fir-rigward tas-suġġett tal-ispezzjoni, l-imsemmi argument ma jistax jintlaqa’.

58      Fil-fatt, kif jirriżulta mill-punti 42 sa 47 iktar ’il fuq, huwa biss wara li kkonstatat, waqt il-kontroll tad-dokumenti li jinsabu fil-kopji ta’ ġabriet ta’ messaġġi elettroniċi misjuba fuq il-kompjuter ta’ R u fuq il-kompjuter ta’ J, kif ukoll f’immaġni tal-hard disk ta’ dan l-aħħar kompjuter, fil-bini tal-Kummissjoni fi Brussell u fil-preżenza tar-rappreżentanti tar-rikorrenti, li wħud minn dawn id-dokumenti kienu rilevanti, prima facie, fir-rigward tas-suġġett tal-ispezzjoni, li l-aġenti tal-Kummissjoni kienu eventwalment qiegħdu fil-fajl tal-investigazzjoni verżjoni stampata tad-dokumenti inkwistjoni.

59      Għaldaqstant, għandu jiġi kkonstatat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, l-aġenti tal-Kummissjoni ma inkludewx direttament fil-fajl tal-investigazzjoni d-dokumenti li jinsabu f’kopji ta’ ġabriet ta’ posta elettronika misjuba fuq il-kompjuter ta’ R. u fuq il-kompjuter ta’ J., kif ukoll immaġni tal-hard disk tal-kompjuter tiegħu, mingħajr ma l-ewwel ivverifikaw ir-rilevanza tagħhom fir-rigward tas-suġġett tal-ispezzjoni.

60      It-tielet nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-aġenti tal-Kummissjoni ma kellhomx il-poter li jwettqu riċerka tal-informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni li tinsab f’kopja-immaġni tal-hard disk tal-kompjuter ta’ J, kif ukoll fil-kopji ta’ ġabriet ta’ messaġġi elettroniċi misjuba fl-imsemmi kompjuter u fil-kompjuter ta’ R, fil-bini tal-Kummissjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003, ma jistabbilixxix, kif jallegaw ir-rikorrenti, li l-kontroll tal-kotba u tad-dokumenti professjonali tal-impriżi suġġetti għall-ispezzjoni isir biss fil-bini tagħhom jekk, bħal f’dan il-każ, l-imsemmija spezzjoni ma setgħetx titlesta fil-perijodu ta’ żmien previst oriġinarjament. Huwa jobbliga biss lill-Kummissjoni tosserva, meta jsir l-kontroll tad-dokumenti fil-bini tagħha, l-istess garanziji fir-rigward tal-impriżi spezzjonati bħal dawk imposti fuqha waqt kontroll fuq il-post.

61      Għandu jiġi osservat li, waqt is-seduta, bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti rrikonoxxew li huma ma kinux qegħdin jakkużaw lill-Kummissjoni talli, waqt il-verifika tal-kopja-immaġni tal-hard disk tal-kompjuter ta’ J. u ta’ kopji ta’ ġabriet ta’ messaġġi elettroniċi misjuba fl-imsemmi kompjuter, kif ukoll fil-kompjuter ta’ R, imwettaq fil-bini tagħha fi Brussell, aġixxiet b’mod differenti minn kif kienet taġixxi li kieku l-verifika seħħet fil-bini tar-rikorrenti. Ir-rikorrenti sempliċement sostnew li l-fatt li tali verifika saret fil-bini tal-Kummissjoni kien ċaħħadhom mill-assistenza tal-impjegati li għandhom il-kompetenza jipprovdu spjegazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar id-dokumenti li ġew eżaminati waqt din il-verifika.

62      F’dan ir-rigward, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li r-rikorrenti ma jsostnux li l-Kummissjoni opponiet il-fatt li r-rappreżentanti tagħhom ikunu assistiti minn uħud mill-impjegati tagħhom waqt l-eżami tal-kopji inkwistjoni fil-bini tal-Kummissjoni.

63      Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar, kif jirriżulta mill-espożizzjoni tal-fatti li tirriżulta mill-punti 46 u 47 iktar ’il fuq, li l-kopji inkwistjoni ġew ittrasportati lejn Brussell f’inviloppijiet issiġillati, li l-ftuħ tal-inviloppijiet li kien fihom l-imsemmija kopji u l-eżami tagħhom twettqu fid-data miftiehma mar-rikorrenti u fil-preżenza tar-rappreżentanti tagħhom, li l-bini tal-Kummissjoni fejn ikun sar dan l-eżami kien debitament protett b’siġill, li dokumenti estratti minn din l-informazzjoni li l-Kummissjoni ddeċidiet li tinkludi fil-fajl tal-investigazzjoni ġew stampati u elenkati, li kopja tagħhom ingħatat lir-rikorrenti u li, fi tmiem l-eżami, kopja-immaġni tal-hard disk tal-kompjuter ta’ J u l-kopji ta’ ġabriet ta’ posta elettronika misjuba fl-imsemmi kompjuter u fil-kompjuter ta’ R ġew definittivament imħassra.

64      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li, matul l-ispezzjoni, il-Kummissjoni ma aġixxietx lil hinn mill-poteri mogħtija lilha mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant, l-ilment tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandu jiġi miċħud.

c)      Fuq l-allegat ksur tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni

65      Fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li jgħid li, essenzjalment, billi wettqu r-riċerka ta’ informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni f’kopja-immaġni tal-hard disk tal-kompjuter ta’ J., kif ukoll f’kopji ta’ ġabriet ta’ messaġġi elettroniċi misjuba fl-imsemmi kompjuter u fil-kompjuter ta’ R, fil-bini tal-Kummissjoni, l-aġenti tal-Kummissjoni kisru l-portata tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, għandu jitfakkar li, skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-motivazzjoni tal-imsemmija deċiżjoni tillimita l-kamp ta’ poteri mogħtija lill-aġenti tal-Kummissjoni mill-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (sentenza tas-18 ta’ Ġunju 2015, Deutsche Bahn et vs Il-Kummissjoni, C-583/13 P, EU:C:2015:404, punt 60).

66      Fil-każ ineżami, fir-rigward, minn naħa, tal-portata ġeografika tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, għandu jiġi kkonstatat li fit-tieni paragrafu 2 tal-Artikolu 1 tal-imsemmija deċiżjoni, kien indikat dan li ġej:

“L-ispezzjoni tista’ seħħ fil-bini kollu kkontrollat mill-impriża, u b’mod partikolari, fl-uffiċċji li jinsabu fl-indirizz li ġej: 4–10 Rue Mozart, 92110 Clichy, Franza”.

67      Għalhekk, mid-deċiżjoni ta’ spezzjoni jirriżulta li, minkejja li l-ispezzjoni “setgħet” isseħħ f’“kull post ikkontrollat” mir-rikorrenti u, b’mod partikolari, fl-uffiċċji tagħhom li jinsabu fi Clichy, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, ma kienx meħtieġ li l-ispezzjoni sseħħ esklużivament fil-bini tagħhom, u ma ġietx eskluża l-possibbiltà għall-Kummissjoni li tissokta bl-ispezzjoni fi Brussell.

68      Fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-portata temporali tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, għandu jiġi rrilevat li l-Artikolu 2 ta’ din id-deċiżjoni kien jistabbilixxi d-data minn meta setgħet isseħħ l-ispezzjoni, iżda ma kienx jippreċiża d-data li fiha kellha tintemm.

69      Ċertament, in-nuqqas ta’ preċiżjoni fir-rigward tad-data tat-tmiem tal-ispezzjoni ma jfissirx li din tal-aħħar setgħet tiġi estiża b’perijodu ta’ żmien illimitat, peress li l-Kummissjoni hija, f’dan ir-rigward, marbuta bl-osservanza ta’ terminu raġonevoli, konformement mal-Artikolu 41(1) tal-Karta.

70      Madankollu, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fil-kuntest tal-motiv preżenti, ir-rikorrenti ma jsostnux li l-perijodu ta’ xahar li ddekorra bejn l-ispezzjoni mwettqa fl-uffiċċji tar-rikorrenti, minn naħa, u l-kontinwazzjoni ta’ din l-ispezzjoni fi Brussell, min-naħa l-oħra, kien irraġonevoli.

71      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-deċiżjoni ta’ spezzjoni ma tipprekludix li l-aġenti tal-Kummissjoni jissoktaw, fil-bini tagħha fi Brussell, bir-riċerka ta’ elementi rilevanti għall-istħarriġ dwar il-kopji-immaġni ta’ hard disks tal-kompjuters ta’ ċerti impjegati ta’ Nexans France.

72      Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li l-Kummissjoni lanqas kisret il-portata tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni bl-adozzjoni tal-miżuri kkontestati matul l-iżvolġiment tal-ispezzjoni. Għaldaqstant, l-ilmenti tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandhom jiġu miċħuda.

d)      Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża

73      Ir-rikorrenti jsostnu li s-sospensjoni tal-operazzjonijiet ta’ għażla tad-dokumenti rilevanti għas-suġġett tal-ispezzjoni bejn it-3 ta’ Frar 2009 u t-2 ta’ Marzu 2009, data li fiha nfetħu l-inviloppijiet issiġillati li kien fihom il-mezzi elettroniċi li fuqhom ġew ikkopjati l-messaġġi elettroniċi kollha ta’ ċerti impjegati ta’ Nexans France u l-kopja-immaġni tal-hard disk tal-kompjuter ta’ J, ċaħdithom mill-possibbiltà li titwettaq evalwazzjoni serja tal-opportunità li tiġi ppreżentata talba għall-immunità, peress li, matul dan il-perijodu, huma ma setgħux jiddeterminaw il-valur miżjud ta’ informazzjoni oħra fil-pussess tagħhom. Isegwi li l-Kummissjoni għalhekk ippreġudikat id-drittijiet tad-difiża tagħhom.

74      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont il-paragrafu 10 tal-Komunikazzjoni dwar il-klemenza, l-immunità ma tistax tingħata “jekk, fiż-żmien tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni u tal-provi, il-Kummissjoni diġà kellha evidenza biżżejjed biex tadotta deċiżjoni biex twettaq spezzjoni f’konnessjoni mal-kartell allegat jew diġà kienet wettqet ispezzjoni bħal din”.

75      F’dan il-każ, kif ġie kkonfermat mill-Qorti Ġenerali fil-punt 93 tas-sentenza tal-14 ta’ Novembru 2012, Nexans France u Nexans vs Il-Kummissjoni (T-135/09, EU:T:2012:596), il-Kummissjoni kellha provi suffiċjenti, fir-rigward ta’ kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art b’vultaġġ għoli, sabiex tordna l-ispezzjoni li twettqet fil-bini ta’ Nexans. Minn dan isegwi li r-rikorrenti ma setgħux jibbenefikaw minn immunità minn multa skont il-Komunikazzjoni dwar il-klemenza.

76      Ċertament, skont il-paragrafu 23 tal-Komunikazzjoni dwar il-klemenza, l-impriżi li jiżvelaw il-parteċipazzjoni tagħhom f’allegat akkordju li jaffettwa l-Unjoni Ewropea, iżda li ma jissodisfawx il-kundizzjonijiet previsti sabiex jibbenefikaw minn tnaqqis tal-ammont tal-multa jistgħu jibbenefikaw minn tnaqqis ta’ multa li kieku kienet tiġi imposta fuqhom. Skont il-paragrafu 24 tal-imsemmi avviż, sabiex tkun tista’ tikkwalifika għal tali tnaqqis, impriża għandha tipprovdi lill-Kummissjoni provi tal-ksur allegat li jipprovdu valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

77      Madankollu, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti baqgħu fil-pussess tad-data li kopja tagħhom kienet twettqet mill-aġenti tal-Kummissjoni. Dawn kienu għaldaqstant perfettament kapaċi li jiddeterminaw liema informazzjoni ma kinitx tinsab f’dawn il-kopji diġitali u li, fid-dawl tas-suġġett tal-ispezzjoni, setgħu jipprovdu valur miżjud sinjifikattiv meta mqabbla mal-provi diġà fil-pussess tal-Kummissjoni.

78      Barra minn hekk, anki jekk, kif essenzjalment isostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni diġà kellha hard disks ta’ kompjuters li kien fihom informazzjoni li setgħet tiġi ppreżentata fit-talba għall-immunità tagħhom, għandu jitfakkar, għal darba oħra, li l-fatt li l-Kummissjoni għamlet kopji ta’ ittri elettroniċi kollha ta’ ċerti impjegati ta’ Nexans France u ta’ kopja-immaġni tal-hard disk tal-kompjuter ta’ J ma kienx ifisser li hija kienet spezzjonathom u li hija diġà kellha aċċess għall-informazzjoni inkluża fihom. Fil-fatt, tali spezzjoni ssoktat biss wara li l-kopji inkwistjoni ġew estratti mill-inviloppijiet issiġillati fi Brussell. F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti kien għad kellhom l-possibbiltà li jeżaminaw il-kontenut tal-imsemmi hard disk u tal-imsemmija messaġġi elettroniċi u tagħti informazzjoni lill-Kummissjoni dwar id-dokumenti jew dwar il-provi inklużi fihom b’valur miżjud meta mqabbla ma’ provi oħra diġà miġbura mill-Kummissjoni fil-kuntest tal-investigazzjoni.

79      Minn dan isegwi li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni ma eskludietx il-possibbiltà tagħhom li ssir evalwazzjoni dwar it-tressiq ta’ talba għal immunità.

80      Sa fejn ir-rikorrenti jinvokaw ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom, għandu jitfakkar li l-miżuri istruttorji adottati mill-Kummissjoni matul il-fażi ta’ investigazzjoni preliminari, b’mod partikolari l-miżuri ta’ investigazzjoni u t-talbiet għal informazzjoni, jimplikaw min-natura tagħhom li l-Kummissjoni tissuspetta li twettaq ksur u jista’ jkollhom riperkussjonijiet sinjifikattivi fuq is-sitwazzjoni tal-impriżi ssuspettati. Għalhekk, għandu jiġi evitat li d-drittijiet tad-difiża jistgħu jiġu kompromessi irrimedjabbilment matul din il-fażi tal-proċedura amministrattiva peress li l-miżuri ta’ investigazzjoni meħuda jista’ jkollhom natura determinanti għall-istabbiliment tal-provi ta’ natura illegali ta’ mġiba ta’ impriżi li tista’ timplika r-responsabbiltà tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-25 ta’ Novembru 2014, Orange vs Il-Kummissjoni, T-402/13, EU:T:2014:991, punt 79 u l-ġurisprudenza ċċitata).

81      Madankollu, f’din il-kawża, il-fatt stess li d-data elettronika inkwistjoni ġiet eżaminata mhux fil-bini ta’ Nexans France fi Clichy iżda fil-bini tal-Kummissjoni fi Brussell ma jaffettwax ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża tar-rikorrenti, peress li huwa stabbilit li s-SIED li fuqhom ġew irreġistrati l-kopji tad-data elettronika inkwistjoni ġew ittrasportati lejn Brussell f’inviloppijiet issiġillati, li l-Kummissjoni bagħtet lir-rikorrenti kopja ta’ din id-data, li nfetħu l-inviloppijiet li jinkludu s-SIED ma’ din id-data u l-eżami addizzjonali ta’ din id-data sar fid-data miftiehma mar-rikorrenti u fil-preżenza tar-rappreżentanti tagħhom, li l-bini tal-Kummissjoni li fih twettaq dan l-eżami ġie debitament protett b’siġill, li d-dokumenti estratti ta’ din id-data li l-Kummissjoni ddeċidiet li tannetti mal-fajl tal-investigazzjoni ġew stampati u elenkati, li kopja tagħhom ingħatat lir-rikorrenti u li, fi tmiem l-eżami, il-kontenut tas-SIED kollha u tal-kompjuters użati għall-eżami tagħhom tħassar definittivament.

82      Għaldaqstant, hemm lok li jiġi miċħud bħala infondat l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq ksur tad-drittijiet tad-difiża tagħhom.

e)      Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 20(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003

83      Ir-rikorrenti jilmentaw li l-Kummissjoni ssoktat bl-eżami tal-kopja tal-posta elettronika kollha ta’ ċerti impjegati ta’ Nexans France u tal-kopja-immaġni tal-hard disk tal-kompjuter ta’ J., fil-bini tagħha fi Brussell, mingħajr notifika minn qabel lill-Awtorità Belġjana tal-Kompetizzjoni.

84      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, minn naħa, skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003, “il-Kummissjoni [tieħu d-deċiżjonijiet ta’ spezzjoni] wara li tikkonsulta l-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha isseħħ l-ispezzjoni” u, min-naħa l-oħra, skont l-Artikolu 20(3) ta’ dan l-istess regolament, “il-Kummissjoni [għandha] tagħti notifikazzjoni ta’ l-ispezzjoni lill-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu qed isseħħ.”

85      Ir-ratio legis tal-paragrafi 3 u 4 tal-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, esposta fil-premessa 24 tal-imsemmi regolament, hija li tippermetti lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jikkollaboraw b’mod attiv fl-eżerċizzju mill-Kummissjoni tal-kompetenza li hija tislet mill-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-regolament fil-qasam tal-ispezzjonijiet.

86      F’dan is-sens, l-Artikolu 20(5) tar-Regolament Nru 1/2003 jippreċiża li, “[u]ffiċjali ta’ kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura mil-awtorità tal-kompetizzjoni ta’ l-Istat Membru li fit-territorju tiegħu għandha sseħħ l-ispezzjoni ħa, mat-talba ta’ din l-awtorità jew tal-Kummissjoni, tassisti b’mod attiv lil uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom awtorizzati mil-Kummissjoni” u li “[g]ħal dan il-għan, huma ħa jgawdu min poteri speċifikati min paragrafu 2”.

87      F’dan il-każ, ma huwiex ikkontestat li l-Kummissjoni semgħet lill-Awtorità tal-kompetizzjoni (Franza) qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni. Lanqas ma huwa kkontestat li l-Kummissjoni informat fi żmien xieraq l-imsemmija awtorità qabel l-ispezzjoni fil-bini ta’ Nexans France. Barra minn hekk, lanqas ma huwa kkontestat li l-ispetturi tal-Kummissjoni kienu akkumpanjati minn rappreżentanti tal-imsemmija awtorità waqt l-ispezzjoni fil-bini ta’ Nexans France.

88      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni osservat ir-rekwiżiti ta’ l-Artikolu 20(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003.

89      Din il-konstatazzjoni ma tistax tiġi kompromessa mill-argumentazzjoni tar-rikorrenti.

90      Fil-fatt, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, mill-Artikolu 20(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jirriżultax li, fil-każ ineżami, il-Kummissjoni kienet obbligata “tisma’” jew “tavża fi żmien xieraq” l-awtorità Belġjana tal-kompetizzjoni, meta kellha l-intenzjoni, għal raġunijiet prattiċi, tissokta fil-bini tagħha fi Brussell, bl-eżami ta’ dokumenti li kien beda fil-kuntest ta’ spezzjoni mwettqa skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor, iżda biss ikollha l-intenzjoni twettaq spezzjoni fil-bini ta’ impriża li tinsab fil-Belġju.

91      Minn dan isegwi li l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-ksur mill-Kummissjoni tal-Artikolu 20(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003, għandu jiġi miċħud bħala infondat.

f)      Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta

92      Ir-rikorrenti jsostnu, essenzjalment, li, peress li l-miżuri kkontestati jeċċedu l-poteri tal-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003, l-imsemmija miżuri kienu jiksru wkoll ir-rekwiżit ta’ protezzjoni kontra interventi tal-awtorità pubblika fl-isfera ta’ attività privata ta’ persuna, kemm fiżika kif ukoll ġuridika, li jkunu arbitrarji jew sproporzjonati.

93      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, kif ġie kkonstatat fil-punt 64 iktar ’il fuq, il-miżuri kontenzjużi ma kinux jeċċedu l-poteri tal-Kummissjoni skont ir-Regolament Nru 1/2003. Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti jorbtu l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta mal-konstatazzjoni minn qabel tal-ksur tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003, dan l-ilment għandu jiġi miċħud bħala infondat.

94      Barra minn hekk, sa fejn l-ilment ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta għandu jiġi interpretat bħala ilment indipendenti, għandu jiġi rrilevat li l-argument tar-rikorrenti f’dan ir-rigward huwa bbażat fuq premessa identika għal dik li hija l-bażi tal-argumentazzjoni dwar il-ksur tal-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003, jiġifieri li l-aġenti tal-Kummissjoni għamlu kopja ta’ ġabriet ta’ posta elettronika misjuba fuq il-kompjuters ta’ R u ta’ J kif ukoll kopja-immaġni ta’ hard disk tal-kompjuter ta’ J u inkludew direttament dawn il-kopji fil-fajl tal-investigazzjoni, mingħajr ma vverifikaw minn qabel li d-dokumenti li kien fihom kienu rilevanti fir-rigward tas-suġġett tal-ispezzjoni.

95      Madankollu, kif diġà ġie kkonstatat fil-punti 48 sa 72 iktar ’il fuq, tali premessa hija żbaljata, b’tali mod li l-argumentazzjoni tar-rikorrenti dwar il-ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta ma għandhiex bażi.

96      Għaldaqstant, għandha tiġi miċħuda l-argumentazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li d-dokumenti ssekwestrati waqt l-ispezzjoni fil-bini tagħhom mill-Kummissjoni ma setgħux jintużaw insostenn tad-deċiżjoni kkontestata minħabba l-fatt li huma kienu ġew akkwistati illegalment.

97      Barra minn hekk, għandu wkoll jiġi miċħud l-argument tar-rikorrenti li jgħid li d-deċiżjoni kkontestata ma tistax tkun ibbażata fuq dokumenti ssekwestrati matul l-ispezzjoni mill-Kummissjoni fil-bini ta’ Prysmian minħabba l-fatt li l-Kummissjoni kienet użat l-istess metodu sabiex tiġbor dawn id-dokumenti bħal dak użat matul l-ispezzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fil-bini tagħhom stess. Fil-fatt, anki jekk jitqies, kif sempliċement jaffermaw ir-rikorrenti, li d-dokumenti inklużi fil-fajl wara l-ispezzjoni fil-bini ta’ Prysmian saru skont l-istess metodu bħal dak inkwistjoni f’din il-kawża, huwa biżżejjed li jiġi rrilevat li l-argumenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-illegalità tal-imsemmi metodu ġew miċħuda mill-Qorti Ġenerali bħala infondati.

98      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-kopji tad-data elettronika inkwistjoni ma nkisbux illegalment u li, konsegwentement, kuntrarjament għal dak li jallegaw ir-rikorrenti, il-Kummissjoni setgħet legalment tuża din id-data bħala bażi għall-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżistenza tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata.

99      Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li l-ewwel motiv tar-rikors għandu jiġi miċħud bħala infondat.

2.      Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tad-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

100    Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni żbaljatament stabbilixxiet id-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fil-ksur għat-13 ta’ Novembru 2000. Din il-parteċipazzjoni bdiet biss fit-22 ta’ Frar 2001, meta ċerti impjegati ta’ Nexans, jiġifieri R u J ipparteċipaw f’laqgħa A/R organizzata f’Londra (ir-Renju Unit) dwar l-attribuzzjoni ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt il-baħar u taħt l-art.

101    F’dan ir-rigward, minn naħa, ir-rikorrenti jsostnu li l-provi fil-fajl, meqjusa fl-intier tagħhom, ma jistabbilixxux suffiċjentement ex lege il-parteċipazzjoni ta’ impjegati ta’ Nexans France fil-laqgħa A/R tad-29 ta’ Novembru 2000 f’Kuala Lumpur (il-Malasja).

102    Min-naħa l-oħra, ir-rikorrenti josservaw li, jekk, ġustament, il-Kummissjoni ma tikkonstatax ir-responsabbiltà tagħhom għall-ksur preċedenti fit-13 ta’ Novembru 2000, hija ser tikkonkludi li huma pparteċipaw fil-ksur wara din id-data minħabba li l-ksur kien diġà fis-seħħ mit-18 ta’ Frar 1999. Madankollu, l-eżistenza ta’ dan il-ksur, għall-inqas minn din l-aħħar data, ma hijiex stabbilita suffiċjentement ex lege għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni l-Kummissjoni fil-premessa 1064 tad-deċiżjoni kkontestata.

103    Qabelxejn, skont ir-rikorrenti, il-Kummissjoni bbażat ruħha f’dan ir-rigward biss fuq il-provi prodotti minn ċerti persuni li ressqu talba għal klemenza, jiġifieri Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable u J–Power Systems, li huma sempliċi provi fuq għajdut li l-kredibbiltà tagħhom hija kompromessa mill-Kummissjoni nnifisha. Id-dikjarazzjonijiet ta’ ABB fil-kuntest tat-talba għall-immunità tagħha invokati mill-Kummissjoni lanqas ma huma kredibbli.

104    Sussegwentement, kuntrarjament għal dak li jirriżulta mid-deċiżjoni kkontestata, id-dikjarazzjonijiet ta’ klemenza tal-Kummissjoni jikkonfermaw li, matul is-sena 1999 u sal-bidu tas-sena 2001, l-akkordju kien għadu ma jeżistix. Minn naħa, il-provi li jinsabu fil-fajl u li joriġinaw minn Sumitomo Electric Industries, minn Hitachi Cable u minn J-Power Systems juru biss li ċerti produtturi ta’ kejbils tal-elettriku kienu jiltaqgħu mingħajr madankollu ma jilħqu ftehim. Min-naħa l-oħra, il-provi prodotti minn ABB jikkonfermaw biss attentat ta’ kooperazzjoni leġittima u li hija favur il-kompetizzjoni fil-kuntest ta’ konsorzju legali.

105    Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jikkontestaw il-valur probatorju tal-provi diretti ċċitati fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi kkonfermata l-eżistenza tal-ksur mit-18 ta’ Frar 1999. Il-parti l-kbira ta’ dawn il-provi huma magħmula minn noti fi djarji li huma ġenerali, ftit li xejn komprensibbli u li ma jagħtux informazzjoni dwar il-kontenut ta’ laqgħat sussegwenti, u lanqas dwar il-parteċipanti.

106    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

107    Fir-rigward tad-data magħżula mill-Kummissjoni bħala d-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fil-ksur, hemm lok li jiġi rrilevat li kemm Nexans France kif ukoll Nexans, għandhom l-oriġini tagħhom f’attivitajiet ta’ kejbils elettriċi tal-grupp magħmul minn [kunfidenzjali] u s-sussidjarji tagħha.

108    Għalhekk, fit-13 ta’ Novembru 2000, sussidjarja ta’ [kunfidenzjali], jiġifieri [kunfidenzjali] ittrasferixxiet il-parti l-kbira tal-attivitajiet tagħha fil-qasam tal-kejbils tal-elettriku taħt l-art lil waħda mis-sussidjarji tagħha imsejħa Vivalec, sussegwentement imsejħa Nexans France. Dan it-trasferiment ta’ attivitajiet kien jinkludi wkoll dak ta’ diversi impjegati, bħal B., R. u J. Fix-xhur li segwew, il-kumplament tal-attivitajiet tal-kejbils tal-elettriku miżmuma minn sussidjarji differenti ta’ [kunfidenzjali] ġew ittrasferiti lil sussidjarja kkontrollata integralment minn din tal-aħħar imsejħa [kunfidenzjali]. Iktar tard, iżda qabel it-12 ta’ Ġunju 2001, Nexans France u [kunfidenzjali] inbiegħu lil Nexans, sussidjarja ta’ [kunfidenzjali], li kienet twaqqfet reċentement. Fit-12 ta’ Ġunju 2001, [kunfidenzjali] ittrasferixxiet kważi 80 % tal-ishma ta’ Nexans waqt l-introduzzjoni fil-Borża ta’ din tal-aħħar, li saret indipendenti mill-grupp [kunfidenzjali]. Sussegwentement, [kunfidenzjali] ittrasferixxiet l-ishma kollha tagħha f’Nexans, li saret il-kumpannija omm aħħarija tal-grupp Nexans (premessi 709 u 711 tad-deċiżjoni kkontestata).

109    Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni indikat li l-provi kienu juru li l-impjegati ta’ [kunfidenzjali] li kienu ġew ittrasferiti fit-13 ta’ Novembru 2000 lejn Vivalec, li sussegwentement saret Nexans France, kienu pparteċipaw direttament fil-ksur mit-18 ta’ Frar 1999 sat-28 ta’ Jannar 2009. Hija ddeċidiet li ma tibgħatx id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet lill-kumpanniji tal-grupp magħmul minn [kunfidenzjali] u mis-sussidjarji tagħha. Hija lanqas ma ħadet pożizzjoni rigward il-kwistjoni dwar jekk Nexans France kinitx responsabbli għall-parteċipazzjoni fl-akkordju qabel it-13 ta’ Novembru 2000 bħala suċċessur ta’ [kunfidenzjali]. Madankollu, hija kienet iddeċidiet li tagħżel dik id-data bħala d-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fil-ksur. Fir-rigward ta’ Nexans, hija tassumi r-responsabbiltà bħala kumpannija omm għall-aġir ta’ Nexans France biss b’effett mit-12 ta’ Ġunju 2001 (premessi 710, 711 u 912 tad-deċiżjoni kkontestata).

110    Minn dak li ntqal jirriżulta li d-data tat-13 ta’ Novembru 2000, magħżula mill-Kummissjoni bħala l-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fil-ksur, timplika fir-realtà biss id-data tat-trasferiment Vivalec, li sussegwentement saret Nexans France, tal-attivitajiet ta’ [kunfidenzjali] affettwati bi ksur li, skont il-Kummissjoni, kien diġà jeżisti, liema trasferiment kien jikkonċerna wkoll lill-impjegati prinċipali ta’ dawn il-kumpaniji involuti fil-prattiki antikompetittivi, jiġifieri B. R. u J.

111    Minn dan isegwi li l-eżami tal-fondatezza ta’ dan il-motiv għandu jiffoka fuq il-kwistjoni dwar jekk fid-data tat-13 ta’ Novembru 2000, il-ksur li huwa s-suġġett ta’ din id-deċiżjoni kkontestata, ikklassifikat mill-Kummissjoni bħala uniku u kontinwu, kienx diġà jeżisti u jekk l-impjegati kkonċernati ta’ [kunfidenzjali], ittrasferiti lil Vivalec, li saret Nexans France, kinux diġà pparteċipaw fl-implimentazzjoni tagħha qabel din id-data, b’tali mod li l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħa A/R tat-22 ta’ Frar 2001 f’Londra tista’ titqies bħala kontinwazzjoni tal-attivitajiet antikompetittivi preċedenti tagħhom. Ma huwiex neċessarju, f’dan ir-rigward, li jiġi vverifikat jekk il-Kummissjoni stabbilixxietx, ġustament, il-bidu tal-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata għat-18 ta’ Frar 1999. Fil-fatt, dak li huwa importanti f’dan il-każ ma huwiex jekk dan il-ksur bdiex fit-18 ta’ Frar 1999, iżda jekk kienx jeżisti diġà mhux iktar tard mit-13 ta’ Novembru 2000 u jekk l-impjegati kkonċernati kinux involuti f’dan il-ksur qabel l-imsemmija laqgħa.

112    F’dan ir-rigward, l-ewwel nett, fir-rigward tal-eżistenza tal-ksur qabel it-13 ta’ Novembru 2000, mill-premessi 137 sa 157 tad-deċiżjoni kkontestata, li jirreferu għad-dikjarazzjonijiet ta’ Sumitomo Electric Industries, ta’ Hitachi Cable u ta’ J-Power Systems fil-kuntest tat-talba konġunta tagħhom għal immunità, kif ukoll għad-dokumenti kontemporanji li huma pprovdew fil-kuntest ta’ din it-talba, jirriżulta li, bejn it-18 ta’ Frar 1999 u t-22 ta’ Frar 2001, ir-rappreżentanti ta’ [kunfidenzjali], b’mod partikolari J u R, ħadu sehem f’għadd ta’ laqgħat li l-għan tagħhom kien li jiġu żviluppati r-regoli ta’ għoti ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar li jinsabu f’partijiet differenti tad-dinja lokalizzati jew li dawn il-proġetti jiġu attribwiti lill-parteċipanti tal-akkordju. Dawn huma l-laqgħat A/R organizzati fit-18 ta’ Frar 1999 fi Zurich (l-Isvizzera), fl-24 ta’ Marzu 1999 f’Kuala Lumpur bejn it-3 u l-4 ta’ Ġunju 1999 f’Tokjo (il-Ġappun), f’Londra fis-26 ta’ Lulju 1999 u fid-19 ta’ Ottubru 1999 f’Kuala Lumpur. Fir-rigward tas-sena 2000, il-Kummissjoni semmiet l-organizzazzjoni ta’ mill-inqas erba’ laqgħat fl-1 u fit-2 ta’ Marzu, fil-11 ta’ Mejju, f’Lulju u fid-29 ta’ Novembru (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata u Anness I tad-deċiżjoni kkontestata). Hija kkonstatat ukoll li skont in-noti li jinsabu fid-djarju pprovdut minn Sumitomo Electric Industries, minn Hitachi Cable u minn J-Power Systems, R u J kienu pparteċipaw f’dawn il-laqgħat għan-nom ta’ [kunfidenzjali] (premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata).

113    Fir-rigward tal-kontenut ta’ dawn il-laqgħat, il-provi ċċitati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, in-noti tal-laqgħat riprodotti fid-deċiżjoni kkontestata, jikkonstataw diskussjonijiet dwar it-tfassil ta’ ftehim dwar it-tqassim tas-swieq, b’mod partikolari l-istabbiliment ta’ ftehim fit-“territorju nazzjonali” u ta’ ftehim dwar il-qsim ta’ “territorji ta’ esportazzjoni” skont kwota stabbilita minn qabel. Il-Kummissjoni tinvoka wkoll provi li jikkonfermaw li l-attribuzzjonijiet tal-proġetti saru wkoll mill-1999. F’dan ir-rigward, hija tirriproduċi, fl-imsemmija deċiżjoni, mudell ta’ karta ta’ pożizzjoni li kien dokument li jippermetti li jiġu nnotati u amministrati l-attribuzzjonijiet ta’ proġetti tal-kejbils tal-elettriku lid-diversi parteċipanti fl-akkordju. Fil-fehma tagħha, id-diskussjonijiet fil-laqgħat imsemmija hawn fuq kienu wkoll jirrigwardaw il-possibbiltà li f’dawn il-ftehimiet jiġu inklużi kumpaniji Ewropej bħal ABB, Brugg Kabel u Sagem, kif ukoll il-ħtieġa li jinħatar koordinatur Ġappuniż sabiex tiġi żgurata komunikazzjoni tajba bejn iż-żewġ naħat tal-akkordju.

114    Il-Kummissjoni tinnota wkoll, barra minn hekk, li l-provi prodotti fil-kuntest tat-talba konġunta tagħhom għal immunità minn Sumitomo Electric Industries, minn Hitachi Cable u minn J-Power Systems, li fuqhom hija bbażat ruħha sabiex turi l-eżistenza tal-akkordju qabel il-13 ta’ Novembru 2000 ġew ikkorroborati mid-dikjarazzjonijiet orali ta’ ABB fil-kuntest tat-talba għal immunità ta’ din tal-aħħar, kif ukoll mid-dokumenti kontemporanji prodotti minnha fil-kuntest ta’ din it-talba. Fil-fatt, hija tirreferi għall-premessi 149 u 150 tad-deċiżjoni kkontestata, għad-dikjarazzjonijiet ta’ ABB dwar laqgħa bejn impjegat ta’ din il-kumpannija tal-aħħar u impjegat ta’ [kunfidenzjali] f’April 2000 u għal ritaljazzjonijiet li ġarrbet ABB f’Mejju 2000 min-naħa ta’ Pirelli talli kienet ġiet attribwita proġett fl-Italja, it-territorju rriżervat lil din l-aħħar impriża. Hija tirriproduċi wkoll fil-premessa 151 ta’ din id-deċiżjoni l-kontenut ta’ messaġġ elettroniku u ta’ noti interni li jikkonfermaw li f’April 2000, ABB kienet diġà involuta f’akkordju fit- “territorju nazzjonali”, kif ukoll fil-kondiviżjoni sussegwenti ta’ proġetti Ewropej bejn il-membri R tal-akkordju.

115    Sussegwentement, il-provi ċċitati mill-Kummissjoni jikkonfermaw ukoll li l-impjegati ta’ [kunfidenzjali] kellhom irwol importanti fit-tfassil u fil-funzjonament tal-akkordji li jikkostitwixxu l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Mhux biss kienu attivi fil-kuntest tal-akkordju mil-laqgħa tat-18 ta’ Frar 1999 fi Zurich, iżda, kif jirriżulta min-noti tal-laqgħa tas-26 ta’ Lulju 1999 f’Londra, iċċitati fil-premessa 141 tal-imsemmija deċiżjoni, huma kienu impenjaw ruħhom li jinvolvu impriżi Ewropej oħra fl-akkordju. Barra minn hekk, kif irrilevat il-Kummissjoni fil-premessa 154 ta’ din id-deċiżjoni, dikjarazzjonijiet orali ta’ Sumitomo Electric Industries, ta’ Hitachi Cable u ta’ J-Power Systems, jippermettu li jiġi kkonfermat li kien J., jiġifieri impjegat ta’ [kunfidenzjali], li kien l-awtur tal-ewwel karta ta’ pożizzjoni invokata mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u li kienet datata Settembru 2000.

116    Hemm lok li jiġi rrilevat li t-tkomplija tal-attivitajiet ta’ [kunfidenzjali] f’Novembru 2000 minn Vivalec, li saret Nexans France, ma bidlitx il-mod ta’ funzjonament tal-akkordju. Fil-fatt, l-istess persuni komplew jirrappreżentaw l-impriża fil-laqgħat tal-akkordju, billi kellhom l-istess rwol fil-kuntest tal-ksur. B’mod partikolari, wara Novembru 2000, J baqa’ responsabbli għat-tfassil u l-aġġornament tal-karti ta’ pożizzjoni u baqa’ jokkupa l-pożizzjoni ta’ segretarju tal-“Grupp R”, responsabbli mill-kuntatti man-“naħai A” tal-akkordju (ara, b’mod partikolari, il-premessi 94, 96, 99 u 211 tad-deċiżjoni kkontestata).

117    Fl-aħħar nett, għandha tiġi rrilevata n-natura unika u kontinwata tal-ksur u l-fatt li l-provi miġbura mill-Kummissjoni ma jindikawx interruzzjoni fl-akkordju matul il-perijodu bejn il-bidu tas-sena 1999 u l-bidu tas-sena 2001. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta wkoll li r-rappreżentanti ta’ [kunfidenzjali], R. u J., kienu preżenti fil-laqgħat tal-akkordju kemm fl-1999 kif ukoll fl-2000, minkejja li, kif tindika l-Kummissjoni fil-premessa 146 tad-deċiżjoni kkontestata, huwa possibbli li dawn ma kinux preżenti għal-laqgħat kollha organizzati fl-2000.

118    Il-possibbiltà li ċerti membri tal-persunal ta’ [kunfidenzjali] jkunu assenti għal waħda mil-laqgħat tal-akkordju organizzati fl-2000 ma tistax toħloq dubju dwar il-kontinwità tal-parteċipazzjoni tal-impriża kkonċernata fil-ksur, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tan-noti tal-laqgħa A/R tat-22 ta’ Frar 2001 f’Londra, laqgħa li, skont ir-rikorrenti, timmarka l-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fl-akkordju. Dawn in-noti jinkludu lista ta’ attendenza li fiha, flimkien mal-ismijiet tal-impjegati ta’ Nexans France, J. u T., hemm il-kelma “[kunfidenzjali]” li tindika li dawn huma ex impjegati ta’ [kunfidenzjali]. Barra minn hekk, l-imsemmija noti jsemmu t-tnedija tal-attivitajiet ta’ Nexans France, jippreċiżaw li l-introduzzjoni ta’ Nexans fil-Borża ġiet posposta iżda kkonfermata u li [kunfidenzjali] issa kienet impriża tat-telekomunikazzjonijiet. Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, in-noti tal-imsemmija laqgħa jikkonfermaw li l-parteċipazzjoni ta’ Nexans France f’din il-laqgħa kienet sempliċement is-segwitu tal-attivitajiet kollużivi preċedenti ta’ J u R wara ristrutturazzjoni tal-attività tal-manifattura ta’ kejbils tal-elettriku fi ħdan grupp kompost minn [kunfidenzjali] u mis-sussidjarji tagħha.

119    Minn dawn l-elementi jirriżulta, minn naħa, li l-iktar tard sa nofs is-sena 2000, l-akkordju kkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata kien diġà stabbilit u li [kunfidenzjali], irrappreżentata b’mod partikolari minn R. u J., kienet wieħed mill-membri fundaturi ta’ dan l-akkordju. Min-naħa l-oħra, minn dan jirriżulta li huwa b’mod ġust li l-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fl-akkordju kienet biss kontinwazzjoni tal-prattiki implementati minn impjegati ta’ [kunfidenzjali] mill-bidu tas-sena 1999. Għalhekk, il-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball, li l-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fl-akkordju bdiet fit-13 ta’ Novembru 2000, fil-mument li Vivalec, li saret Nexans France, reġgħet bdiet l-attivitajiet ta’ [kunfidenzjali] fil-qasam tal-kejbils tal-elettriku taħt l-art, inklużi l-impjegati direttament involuti fl-akkordju.

120    L-argumenti mressqa mir-rikorrenti ma humiex ta’ natura li jikkompromettu din il-konklużjoni.

121    L-ewwel nett, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikorrenti jfittxu li jikkompromettu l-valur probatorju tal-provi miġbura mill-Kummissjoni billi jippreżentawhom u janalizzawhom b’mod iżolat. Huma jeżaminaw separatament id-dikjarazzjonijiet tal-applikanti għall-klemenza u l-provi kontemporanji li dawn l-applikanti pprovdew fil-kuntest tat-talbiet tagħhom.

122    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li għalkemm il-Kummissjoni hija obbligata li tipproduċi provi preċiżi u konkordanti sabiex tistabbilixxi l-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, kull prova li hija tagħti ma għandhiex neċessarjament tissodisfa dawn il-kriterji fir-rigward ta’ kull element tal-ksur. Huwa biżżejjed li s-sensiela ta’ indizji invokati mill-istituzzjoni, evalwata globalment, tissodisfa dan ir-rekwiżit. Għaldaqstant, l-indizji invokati mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata sabiex tiġi pprovata l-eżistenza ta’ ksur tal-imsemmija dispożizzjoni minn impriża għandhom jiġu evalwati mhux b’mod iżolat iżda fl-intier tagħhom (ara s-sentenzi tas-17 ta’ Mejju 2013, Trelleborg Industrie u Trelleborg vs Il-Kummissjoni, T-147/09 u T-148/09, EU:T:2013:259, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tat-12 ta’ Diċembru 2014, Repsol Lubricantes y Especialidades et vs Il-Kummissjoni, T-562/08, mhux ippubblikata, EU:T:2014:1078, punti 152 u 153 u l-ġurisprudenza ċċitata). Barra minn hekk, fil-parti l-kbira tal-każijiet, l-eżistenza ta’ prattika jew ta’ ftehim antikompetittiv għandha tiġi dedotta minn ċertu numru ta’ koinċidenzi u ta’ indizji li, meta meqjusa flimkien, jistgħu jikkostitwixxu, fl-assenza ta’ spjegazzjoni koerenti oħra, prova ta’ ksur tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara s-sentenza tas-17 ta’ Settembru 2013, Total Marketing Services/Commission, C-634/13 P, EU:C:2015:614, punt 26).

123    F’din il-kawża, kif ġie espost fil-punti 112 sa 115 iktar ’il fuq, il-provi mressqa mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata, jikkonfermaw kuntatt illegali bejn il-produtturi tal-kejbils elettriċi taħt l-ilma u taħt l-art Ewropej u Ġappuniżi, tfassil ta’ ftehim kumpless li jirrigwarda l-qsim tas-swieq bejniethom u l-implimentazzjoni ta’ dan il-ftehim mill-bidu tas-sena 1999. Dawn il-provi jikkonfermaw ukoll li l-impjegati ta’ [kunfidenzjali], li saret Vivalec u sussegwentement Nexans France, kellhom irwol ewlieni f’dawn il-kuntatti.

124    It-tieni nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-konklużjonijiet tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza tal-ksur matul il-perijodu bejn il-bidu tas-sena 1999 u l-bidu tas-sena 2001, ma humiex ibbażati biss fuq il-provi li ntbagħtulha minn Sumitomo Electric Industries, minn Hitachi Cable u minn J-Power Systems fil-kuntest tat-talba konġunta tagħhom għal immunità. Għalkemm huwa minnu li dawn il-provi huma invokati ta’ spiss insostenn tal-osservazzjonijiet tal-Kummissjoni, din tal-aħħar tibbaża ruħha wkoll fuq provi prodotti minn ABB li jirreferu espliċitament għall-parteċipazzjoni ta’ [kunfidenzjali] fil-ksur.

125    L-appellanti jifhmu ħażin is-sinjifikat tal-premessa 1064 tad-deċiżjoni kkontestata meta huma jsostnu li l-Kummissjoni stess ikkonfermat li bbażat ruħha biss fuq id-dikjarazzjonijiet ta’ Sumitomo Electric Industries, ta’ Hitachi Cable u ta’ J-Power Systems sabiex tikkonstata l-eżistenza tal-ksur matul il-perijodu inizjali tiegħu. F’din il-premessa, li tinsab fil-parti li tikkonċerna l-evalwazzjoni, għall-finijiet tal-iffissar tal-multa, tal-kollaborazzjoni konġunta ta’ Sumitomo Electric Industries, ta’ Hitachi Cable u ta’ J-Power Systems bħala t-tieni applikanti għall-klemenza, il-Kummissjoni llimitat ruħha li tikkonstata li l-informazzjoni pprovduta minn dawn l-applikanti kienet tirreferi għall-provi konvinċenti, fis-sens tal-punt 26 tal-Avviż dwar il-klemenza, jiġifieri provi li għandhom valur probatorju għoli. Hija rrilevat ukoll li kellha tistabbilixxi l-eżistenza tal-ksur matul il-perijodu bejn it-18 ta’ Frar 1999 u l-1 ta’ Marzu 2001 biss abbażi ta’ din l-informazzjoni, li, fiha nnifisha, ma teskludix li hija kellha provi oħra li huma relatati ma’ dan il-perijodu, b’mod partikolari dawk prodotti minn ABB, li kienet l-ewwel waħda li kkuntattjat lill-Kummissjoni u li bdiet tikkollabora fil-kuntest maħluq mill-imsemmija komunikazzjoni.

126    It-tielet nett, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ma hemm ebda raġuni għaliex għandha tiġi kompromessa l-veraċità u l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ Sumitomo Electric Industries, ta’ Hitachi Cable u ta’ J-Power Systems, u lanqas dawk ta’ ABB.

127    Fil-fatt, skont il-ġurisprudenza, ebda dispożizzjoni u ebda prinċipju ġenerali tad-dritt tal-Unjoni ma jipprekludi lill-Kummissjoni milli tinvoka, kontra impriża, dikjarazzjonijiet ta’ impriżi oħra inkriminati. Li kieku dan ma kienx il-każ, l-oneru tal-prova tal-Kummissjoni ta’ aġir li jmur kontra l-Artikolu 101 TFUE, ikun insostenibbli u inkompatibbli mal-missjoni ta’ sorveljanza tal-applikazzjoni tajba ta’ dawn id-dispożizzjonijiet li hija attribwita lilha mit-Trattat FUE (ara s-sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, EU:T:2005:367, punt 285 u l-ġurisprudenza ċċitata).

128    Minkejja li huwa ġeneralment aċċettabbli li xhieda mogħtija volontarjament mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju illegali tiġi ttrattata b’ċertu kawtela, fid-dawl tal-possibbiltà li dawn il-parteċipanti għandhom it-tendenza li jipproduċu l-iktar provi inkriminanti fir-rigward tal-attività tal-kompetituri tagħhom, madankollu xorta jibqa’ l-fatt li, li ssir talba sabiex jingħata l-benefiċċju tal-applikazzjoni tal-avviż dwar il-kooperazzjoni bil-għan li tinkiseb l-immunità tal-multa jew it-tnaqqis tal-ammont tagħha, ma joħloqx neċessarjament inċentiv sabiex jiġu prodotti provi distorti fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-membri l-oħra tal-akkordju. Fil-fatt, kull tentattiv li jwassal lill-Kummissjoni twettaq żball jista’ jikkonfuta l-veraċità kif ukoll il-kompletezza tal-kooperazzjoni tal-applikant u, għalhekk, jipperikola l-possibbiltà tiegħu li jibbenefika b’mod sħiħ mill-Avviż dwar il-Kooperazzjoni (sentenza tat-12 ta’ Lulju 2011, Toshiba vs Il-Kummissjoni, T-113/07, EU:T:2011:343, punt 94).

129    Fil-każ inkwistjoni, il-Kummissjoni ċertament ikkonfutat l-affidabbiltà tad-dikjarazzjonijiet ta’ Sumitomo Electric Industries, ta’ Hitachi Cable u ta’ J-Power Systems fit-talba konġunta tagħhom għall-immunità u, konsegwentement, illimitat it-tnaqqis tal-ammont tal-multa li għandhom timponi fuq dawn l-impriżi minn 50 sa 45 %. Madankollu, id-dubji tal-Kummissjoni ma kkonċernawx il-bidu tal-ksur iżda biss id-data tal-irtirar ta’ J-Power Systems mill-akkordju, peress li l-applikanti għall-klemenza kienu indikaw dati differenti għal dan l-irtirar. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-perijodu inizjali tal-akkordju, il-Kummissjoni enfasizzat fil-premessa 1064 tad-deċiżjoni kkontestata li l-provi pprovduti minn Sumitomo Electric Industries, minn Hitachi Cable u minn J-Power Systems kellhom natura konvinċenti.

130    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, id-dikjarazzjonijiet ippreżentati minn Sumitomo Electric Industries, minn Hitachi Cable u minn J-Power Systems ma jistgħux jitqiesu li huma sempliċi “għajdut”. Fil-fatt, dawn huma dikjarazzjonijiet magħmula mir-rappreżentanti legali ta’ dawn l-impriżi, li ġew ikkuntestwalizzati minn provi kontemporanji tal-fatti, bħall-estratti tad-djarji u n-noti tal-laqgħat. Il-provi ta’ Sumitomo Electric Industries, ta’ Hitachi Cable u ta’ J–Power Systems huma, barra minn hekk, ikkorroborati minn provi pprovduti minn ABB fil-kuntest tat-talba għall-immunità tagħha stess (ara l-punt 114 iktar ’il fuq).

131    Barra minn hekk, fir-rigward tal-allegazzjoni tar-rikorrenti li tgħid li, fil-kuntest tar-rikors tagħha kontra d-deċiżjoni kkontestata, irreġistrat bin-numru T-445/14, ABB tidher li tikkontesta d-data magħżula mill-Kummissjoni sabiex timmarka l-bidu tal-parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju, din għandha tiġi miċħuda bħala ineffettiva, sa fejn ma għandhiex effett fuq il-valur tal-provi li din l-impriża pprovdiet fit-talba tagħha għall-immunità li jikkonfermaw l-eżistenza tal-akkordju b’effett min-nofs is-sena 2000.

132    Ir-raba’ nett, fir-rigward tal-argument tar-rikorrenti li mid-dikjarazzjonijiet tal-applikanti għal klemenza jirriżulta li matul is-snin 1999 u 2000, l-akkordju kien għadu ma jeżistix, huwa biżżejjed li jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex ikun hemm ftehim fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE, huwa biżżejjed li l-impriżi inkwistjoni jkunu esprimew l-intenzjoni komuni tagħhom li jaġixxu fis-suq b’mod partikolari. Ftehim fis-sens tal-imsemmija dispożizzjoni jista’ jitqies bħala konkluż meta jkun hemm qbil tal-intenzjonijiet fuq il-prinċipju nnifsu tar-restrizzjoni tal-kompetizzjoni, anki jekk il-fatturi speċifiċi tar-restrizzjoni prevista jkunu għadhom qegħdin jiġu nnegozjati (ara, sentenza tas-16 ta’ Ġunju 2011, Solvay vs Il-Kummissjoni, T-186/06, EU:T:2011:276, punti 85 u 86 u l-ġurisprudenza ċċitata).

133    Barra minn hekk, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, skont il-kunċett inerenti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jirrigwardaw il-kompetizzjoni, kull operatur ekonomiku għandu jiddetermina b’mod awtonomu l-politika li huwa għandu l-intenzjoni li jsegwi fis-suq. Għalkemm dan ir-rekwiżit ta’ awtonomija ma jeskludix id-dritt tal-operaturi ekonomiċi li jadattaw lilhom infushom b’mod intelliġenti għall-aġir ikkonstatat jew antiċipat tal-kompetituri tagħhom, madankollu dan jipprekludi rigorożament kull kuntatt dirett jew indirett bejn tali operaturi b’mod li jiġi influwenzat l-aġir fis-suq ta’ kompetitur attwali jew potenzjali, jew li jiġi żvelat ma’ tali kompetitur l-aġir li wieħed ikun iddeċieda li jadotta f’dan is-suq jew li jkollu l-intenzjoni li jadotta f’dan is-suq, meta dawn il-kuntatti jkollhom l-għan jew l-effett li jwasslu għal kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni li ma jikkorrispondux għall-kundizzjonijiet normali tas-suq inkwistjoni, fid-dawl tan-natura tal-prodotti jew tas-servizzi pprovduti, tal-kobor u tan-numru tal-impriżi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Lulju 1999, Il-Kummissjoni vs Anic Partecipazioni, C-49/92 P. EU:C:1999:356, punti 116 sa 118 u l-ġurisprudenza ċċitata).

134    Fil-każ ineżami, kif jirriżulta mill-punti 111 sa 134 iktar ’il fuq, huwa stabbilit li, fl-1999 u fl-2000, ir-rappreżentanti tal-produtturi prinċipali tal-kejbils tal-elettriku taħt l-ilma u taħt l-art Ġappuniżi u Ewropej, inkluża Nexans France, iltaqgħu sabiex ifasslu r-regoli ta’ attribuzzjoni ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar li jinsabu f’partijiet differenti tad-dinja jew li jattribwixxu dawn il-proġetti lill-parteċipanti tal-akkordju. Għalkemm in-negozjati ta’ dawn ir-regoli ħadu ħafna żmien, ma hemm ebda dubju li r-rappreżentanti tal-impriżi li jipparteċipaw f’dawn il-laqgħat kellhom intenzjoni komuni li jqasmu bejniethom is-swieq ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar u li għalhekk ikunu kkonkludew ftehim antikompetittiv fis-sens tal-Artikolu 101(1) TFUE.

135    Mill-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.

136    Fid-dawl ta’ dak li ntqal, hemm lok li jiġi konkluż li r-rikorrenti ma rnexxilhomx jipprovaw l-eżistenza ta’ illegalità jew ta’ żball imwettaq mill-Kummissjoni li jiġġustifika l-annullament totali jew parzjali tad-deċiżjoni kkontestata.

137    Għaldaqstant, it-talbiet għal annullament għandhom jiġu miċħuda.

B.      Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti

138    Qabel ma jiġu eżaminati d-diversi talbiet tar-rikorrenti intiżi sabiex jinkiseb tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom, għandu jitfakkar li l-istħarriġ tal-legalità huwa kkompletat mill-ġurisdizzjoni sħiħa li kienet irrikonoxxuta lill-qorti tal-Unjoni mill-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003, konformement mal-Artikolu 261 TFUE. Din il-ġurisdizzjoni tagħti s-setgħa lill-qorti, lil hinn mis-sempliċi stħarriġ tal-legalità tas-sanzjoni, tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha b’dik tal-Kummissjoni, u konsegwentement, li tħassar, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagamenti ta’ penalità imposti. Madankollu, għandu jiġi enfasizzat li l-eżerċizzju tal-ġurisdizzjoni sħiħa ma huwiex ekwivalenti għal stħarriġ ex officio u li jitfakkar li l-proċedura quddiem il-qrati tal-Unjoni hija kontradittorja. Bl-eċċezzjoni tal-motivi ta’ ordni pubbliku li l-qorti hija marbuta tqajjem ex officio, bħall-assenza ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, huwa r-rikorrent li għandu jqajjem il-motivi kontra din tal-aħħar u li jipproduċi provi insostenn ta’ dawn il-motivi (sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C-389/10 P, EU:C:2011:816, punti 130 u 131).

139    Ir-rikorrenti jitolbu tnaqqis tal-ammont tal-multi li ġew imposti fuqhom sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni, minn naħa, l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fil-ksur u, min-naħa l-oħra, tal-iżbalji mwettqa mill-Kummissjoni dwar il-koeffiċjent ta’ gravità kkonstatat fil-konfront tagħhom.

1.      Fuq l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fil-ksur

140    Għandu jiġi rrilevat li t-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fl-akkordju jevoka elementi li jikkostitwixxu ksur, kif ikkonstatat mill-Kummissjoni fid-deċiżjoni kkontestata u ma jistax, bħala tali, jiġi eżaminat mill-qorti tal-Unjoni abbażi tal-Artikolu 31 tar-Regolament Nru 1/2003 (sentenza tal-21 ta’ Jannar 2016, Galp Energía España et vs Il-Kummissjoni, C-603/13 P, EU:C:2016:38, punt 77). Barra minn hekk, sa fejn it-talba tar-rikorrenti f’dan ir-rigward għandha tiġi interpretata bħala intiża sabiex il-Qorti Ġenerali tissostitwixxi l-evalwazzjoni tagħha ma’ dik tal-Kummissjoni dwar il-koeffiċjent ta’ multiplikazzjoni relatat mat-tul użat mill-Kummissjoni sabiex tikkalkola l-ammont tal-multi imposti fuq ir-rikorrenti, għandu jiġi rrilevat li din it-talba hija bbażata biss fuq l-argument li l-Kummissjoni wettqet żball meta stabbilixxiet il-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fil-ksur għat-13 ta’ Novembru 2000. Madankollu, għandu jiġi osservat li tali argument huwa ineffettiv fir-rigward tal-multa imposta fuq ir-rikorrenti mill-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni kkontestata, sa fejn il-multa inkwistjoni ġiet imposta fuq ir-rikorrenti minħabba l-parteċipazzjoni fil-ksur tal-impriża li huma kkostitwixxew fis-sens tal-Artikolu 101 TFUE, matul il-perjodu mit-12 ta’ Ġunju 2001 sat-28 ta’ Jannar 2009. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li l-eżami tat-tieni motiv tar-rikors, imqajjem insostenn tat-talbiet għal annullament, ma rrileva wera ebda żball tal-Kummissjoni fl-iffissar tal-bidu tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fil-ksur fit-13 ta’ Novembru 2000. Peress li r-rikorrenti ma pproduċewx elementi addizzjonali li, f’dan il-każ, kienu ta’ natura li jiġġustifikaw modifika tal-koeffiċjenti ta’ multiplikazzjoni użati mill-Kummissjoni sabiex jiġi kkalkolat l-ammont bażiku tal-multi li ġew imposti fuqhom permezz tad-deċiżjoni kkontestata, għandha tiġi miċħuda t-talba tagħhom intiża għat-tnaqqis tal-ammont ta’ dawn il-multi sa fejn din hija bbażata fuq l-allegat żball imwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fil-ksur.

2.      Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità għall-kalkolu tal-ammont tal-multi

141    Dan il-motiv huwa maqsum fi tliet partijiet. Fil-kuntest tal-ewwel parti, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u naqset mill-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni billi ma naqqsitx il-koeffiċjent ta’ gravità fid-dawl tal-provi li l-implementazzjoni tal-akkordju kienet parzjali u limitata u fil-biċċa l-kbira ineffiċjenti. Fil-kuntest tat-tieni parti, huma jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta żiedet l-imsemmi koeffiċjent sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni is-sehem tas-suq ikkombinat tal-partijiet. Fil-kuntest tat-tielet parti, huma jsostnu li, billi applikat tali koeffiċjent, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

142    Qabel jiġu eżaminati t-tliet partijiet ta’ dan il-motiv, hemm lok li jitfakkar li, skont l-Artikolu 23(2) u (3) tar-Regolament Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista’, permezz ta’ deċiżjoni, timponi fuq l-impriżi li jkunu wettqu, intenzjonalment jew b’negliġenza, ksur tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 101(1) TFUE, multi li l-ammont tagħhom huwa ddeterminat fid-dawl b’mod partikolari tal-gravità tal-ksur u tat-tul tiegħu.

143    Konformement mal-paragrafi 19 sa 22 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006, wieħed miż-żewġ fatturi li fuqhom huwa bbażat l-ammont bażiku tal-multa għandu jkun il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ iddeterminat skont il-livell tal-gravità tal-ksur. L-evalwazzjoni tal-gravità għandha ssir każ b’każ għal kull tip ta’ ksur, fid-dawl taċ-ċirkustanzi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni. Sabiex jiġi deċiż il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni f’każ partikolari, il-Kummissjoni għandha tieħu inkunsiderazzjoni ċertu numru ta’ fatturi bħan-natura tal-ksur, is-sehem tas-suq ikkombinat tal-partijiet kollha kkonċernati, il-portata ġeografika tal-ksur, u l-implimentazzjoni tal-ksur.

144    Il-Kummissjoni għandha marġni ta’ diskrezzjoni fl-iffissar tal-ammont tal-multi sabiex tiggwida l-aġir tal-impriżi lejn l-osservanza tar-regoli tal-kompetizzjoni (ara, sentenzi tat-12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, T-352/09, EU:T:2012:673, punt 43 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tal-14 ta’ Marzu 2013, Dole Food u Dole Germany vs Il-Kummissjoni, T-588/08, EU:T:2013:130, punt 662 u l-ġurisprudenza ċċitata). Madankollu, waqt l-istħarriġ tal-ammont tal-multa, il-qorti ma tistax tibbaża ruħha fuq din il-marġni ta’ diskrezzjoni, la fir-rigward tal-għażla tal-fatturi meħuda inkunsiderazzjoni fl-applikazzjoni tal-kriterji msemmija fil-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi u lanqas fir-rigward tal-evalwazzjoni ta’ dawn l-elementi, bħala bażi għar-rinunzja tal-eżerċizzju ta’ stħarriġ fil-fond legali u fattwali (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-8 ta’ Diċembru 2011, KME Germany et vs Il-Kummissjoni, C-272/09 P, EU:C:2011:810, punt 102). Bl-istess mod, kull darba li l-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multi abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija tkun marbuta tosserva l-prinċipji ġenerali tal-liġi, fosthom il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ proporzjonalità, kif interpretati mill-qrati tal-Unjoni (sentenza tat-12 ta’ Diċembru 2012, Novácke chemické závody vs Il-Kummissjoni, T-352/09, EU:T:2012:673, punt 44).

145    Fil-każ ineżami, hemm lok li jitfakkar li, fid-deċiżjoni kkontestata, b’mod partikolari, fil-premessi 997 sa 1010 tagħha, il-Kummissjoni qieset li, fir-rigward tal-ammont bażiku tal-multa u tad-determinazzjoni tal-gravità, il-ksur, min-natura tiegħu, kien jikkostitwixxi wieħed mir-restrizzjonijiet tal-kompetizzjoni l-iktar gravi, liema aspett jiġġustifika, fil-fehma tagħha, l-applikazzjoni ta’ perċentwali ta’ 15 %. Bl-istess mod, hija applikat żieda ta’ 2 % tal-koeffiċjent tal-gravità għad-destinatarji kollha minħabba parti mis-suq akkumulat kif ukoll minħabba l-portata ġeografika kważi globali tal-akkordju, li kienet tkopri b’mod partikolari t-territorju kollu taż-ŻEE. Barra minn hekk, hija qieset, b’mod partikolari, li l-aġir tal-impriżi Ewropej, inkluż tar-rikorrenti, kien iktar dannuż għall-kompetizzjoni minn dak tal-impriżi l-oħra, sa fejn, minbarra l-parteċipazzjoni tagħhom fil-konfigurazzjoni A/R tal-akkordju, il-kumpaniji Ewropej kienu qasmu bejniethom il-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku fil-kuntest tal-konfigurazzjoni Ewropea tal-imsemmi akkordju. Għal din ir-raġuni, hija stabbilixxiet il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni skont il-gravità tal-ksur għal perċentwali ta’ 19 % għall-impriżi Ewropej u għal perċentwali ta’ 17 % għall-impriżi l-oħra.

146    Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati it-tliet partijiet tal-motiv invokati mir-rikorrenti.

a)      Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv

147    Ir-rikorrenti jirrilevaw li, matul il-proċedura amministrattiva, huma kienu ppreżentaw argumenti li juru li l-maġġoranza tal-bejgħ ta’ kejbils tal-elettriku ma kinitx ġiet affettwata mill-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata. Huma jsostnu li, billi rrifjutat li tnaqqas il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni din l-implimentazzjoni parzjali u ferm ineffiċjenti tal-ksur, il-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni u vvizzjat id-deċiżjoni kkontestata b’nuqqas ta’ motivazzjoni rigward it-talba tagħhom ta’ tnaqqis tal-koeffiċjent ta’ gravità.

148    F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti jippreċiżaw, l-ewwel nett, li l-ftehim fit-“territorju nazzjonali” ma setax ikollu effett fuq is-suq Ewropew, sa fejn, għal raġunijiet teknoloġiċi u loġistiċi, l-impriżi Ġappuniżi ma kinux jikkostitwixxu theddida reali għall-produtturi Ewropej f’dan is-suq. Għalhekk, anki fin-nuqqas tal-ftehim, ir-riżultat tas-sejħiet għall-offerti Ewropej iċċitati fid-deċiżjoni kkontestata ma kienx ikun differenti.

149    It-tieni nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-akkordju kien jikkonċerna biss parti limitata ħafna tal-bejgħ ta’ kejbils tal-elettriku fl-Ewropa. Huma jindikaw li matul il-perijodu kkonċernat, huma wettqu iktar minn 4 000 tranżazzjoni ta’ bejgħ Ewropea ta’ kejbils tal-elettriku li jaqgħu taħt il-ksur. Madankollu, id-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet kienet tirreferi biss għal inqas minn 100 każ ta’ manipulazzjoni ta’ sejħiet għall-offerti. Huma jsostnu li ma hemmx suq uniku Ewropew għal kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar fejn il-bejgħ kollu jitwettaq bl-istess mod u taħt l-istess kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni. Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq estrapolazzjoni minn parti żgħira tal-proġetti ta’ kejbils tal-elettriku, b’mod partikolari, tal-proġetti maħsuba għal operaturi tan-netwerk tat-trasport, sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta’ ksur li jikkonċerna suq kbir. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-eżistenza ta’ effett tal-ksur fuq il-prezzijiet iffatturati lill-konsumaturi jew fuq il-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi.

150    It-tielet nett, skont ir-rikorrenti, għall-maġġoranza tal-bejgħ ta’ kejbils tal-elettriku li jaqgħu taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, ma teżisti l-ebda prova ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE.

151    Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti jsostnu li, anki jekk hemm provi ta’ ftehim bejn il-kompetituri dwar il-bejgħ ta’ kejbils tal-elettriku, fil-maġġoranza tal-każijiet, dan il-ftehim ma setax jiġi implimentat. Fost ir-raġunijiet li ostakolaw l-implimentazzjoni tal-ftehim, li huma juru b’eżempji, huma jiċċitaw il-każ ta’ proġett li ma seħħx, peress li l-kuntratt pubbliku li kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet fil-kuntest ta’ l-akkordju ġie kkanċellat, il-każ ta’ kooperazzjoni leġittima bejn il-manifatturi ta’ kejbils tal-elettriku, il-każ ta’ klijent li ma kienx qiegħed ifittex offerti kompetittivi, minħabba, b’mod partikolari, l-interess tiegħu f’teknoloġija li kienet privattiva ta’ produttur partikolari u l-każ ta’ attribuzzjoni ta’ proġett lil impriża li ma pparteċipatx fl-akkordju, minkejja l-fatt li dan il-proġett kien is-suġġett ta’ diskussjonijiet bejn il-membri tal-akkordju. Huma jsostnu wkoll li l-istruttura interna tagħhom kienet tostakola l-implimentazzjoni tal-ftehim, peress li l-membri tal-persunal li pparteċipaw fil-laqgħat tal-akkordju spiss ma kellhom l-ebda kuntatt ma’ timijiet li kienu qegħdin jippreparaw l-offerti. Bl-istess mod, il-perjodu ta’ ġestazzjoni twila ħafna tal-proġetti ta’ kejbils elettriċi u l-bidliet tal-klijenti u tal-ispeċifikazzjonijiet tal-offerti irendu ineffettivi l-kuntatti inizjali bejn il-kompetituri.

152    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

1)      Fuq l-allegat żball ta’ evalwazzjoni

153    Hemm lok li jiġi kkonstatat, minn naħa, li, permezz tal-argument tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni, essenzjalment, ma ħaditx inkunsiderazzjoni, fl-istadju tal-iffissar tal-ammont tal-multa, in-natura limitata jew in-nuqqas tal-effetti reali tal-ksur fuq is-suq ikkonċernat. Ir-rikorrenti jsostnu, b’mod partikolari, li l-ksur ma “affettwax” il-parti l-kbira tal-bejgħ ta’ kejbils tal-elettriku koperti mid-dikjarazzjoni tal-oġġezzjonijiet jew li l-ftehim ma “setax ikollu effett fuq il-klijenti”, b’mod partikolari fuq il-prezzijiet li ġew iffatturati lilhom. Huma jsostnu, fl-aħħar nett, li ċirkustanzi ta’ fatt esterni fl-akkordju dgħajfu l-effetti tiegħu.

154    Min-naħa l-oħra, ċerti argumenti tar-rikorrenti jirreferu wkoll għan-nuqqas ta’ prova tal-eżistenza tal-ftehim. Barra minn hekk, ir-risposta li l-Kummissjoni tagħti għall-argumenti tar-rikorrenti tindirizza l-kwistjoni dwar il-prova tal-eżistenza ta’ ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, b’mod partikolari, il-kwistjoni dwar jekk huwiex meħtieġ li jintwerew l-effetti ta’ ksur, li jikkonsisti fi qsim tas-suq, u li jista’ jiġi kklassifikat bħala ksur minħabba l-għan. Il-Kummissjoni ssostni, essenzjalment, li peress li l-ksur ikkonstatat fid-deċiżjoni kkontestata huwa ksur minħabba l-għan, konformement mal-ġurisprudenza stabbilita (ara s-sentenza tat-13 ta’ Diċembru 2012, Expedia, C-226/11, EU:C:2012:795, punt 35 u l-ġurisprudenza stabbilita), hija ma kinitx marbuta tistabbilixxi l-effetti tiegħu. Hija tirreferi wkoll għall-ġurisprudenza li tgħid li l-implimentazzjoni, anki jekk parzjali, ta’ ftehim li l-għan tiegħu huwa antikompetittiv hija biżżejjed sabiex tiġi eskluża l-possibbiltà li tinsilet il-konklużjoni ta’ nuqqas ta’ impatt tal-imsemmi ftehim fuq is-suq (sentenza tal-25 ta’ Ottubru 2005, Groupe Danone vs Il-Kummissjoni, T-38/02, EU:T:2005:367, punt 148).

155    Fir-replika, ir-rikorrenti spjegaw ir-rimarki tagħhom, billi indikaw li l-argumenti tagħhom rigward l-implimentazzjoni limitata tal-ksur u n-nuqqas ta’ impatt tal-ksur fuq il-prezz huma mqajma fir-rigward tal-gravità tal-ksur u mhux fir-rigward tal-konstatazzjoni tal-eżistenza tiegħu. Skont ir-rikorrenti, ftehim antikompetittiv li ma ġiex implimentat bis-sħiħ u li, f’kull każ, ma għandu ebda effett fuq il-prezzijiet imħallsa mill-konsumaturi, għandu jitqies bħala inqas gravi minn ftehim li għandu jiġi implimentat bis-sħiħ u li jikkawża ħsara lill-konsumaturi billi jgħolli l-prezzijiet.

156    F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li l-parti l-kbira tal-argumenti tar-rikorrenti miġbura fil-punti 153 sa 155 iktar ’il fuq, jagħmlu parti minn konfużjoni bejn il-kunċett ta’ “implimentazzjoni” tal-ksur, previst fil-paragrafu 22 tal-Linji Gwida għall-Kalkolu tal-Multi tal-2006, u l-kunċett ta’ “impatt konkret fuq is-suq” liema impatt, meta jkun jista’ jitkejjel, jista’ jittieħed inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni fl-iffissar tal-multa, skont il-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi imposti skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament Nru 17 u l-Artikolu 65(5) [KEFA] (ĠU 1998, C 9, p. 3, iktar ’il quddiem il-“Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi tal-1998”). Skont il-kliem stess tal-paragrafu 22 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, applikabbli għall-fatti tal-kawża inkwistjoni, il-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq, jew in-nuqqas tiegħu, bħala fattur aggravanti jew attenwanti waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. Huwa suffiċjenti, bħal fil-każ inkwistjoni, li l-livell tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni jkun iġġustifikat minn elementi oħra li jistgħu jinfluwenzaw id-determinazzjoni tal-gravità skont din l-aħħar dispożizzjoni, bħan-natura stess tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati u l-portata ġeografika tiegħu.

157    Għaldaqstant, sa fejn ir-rikorrenti, permezz tal-argumenti tagħhom intiżi li juru li, għal raġunijiet indipendenti mill-kontroll tal-membri tal-akkordju, dan ma setax iħalli l-effetti tiegħu jew ir-riżultati mistennija, dawn l-argumenti għandhom jiġu miċħuda.

158    Sa fejn l-argumentazzjoni tar-rikorrenti għandha tiġi interpretata fis-sens li huma jqisu li l-Kummissjoni ma stabbilixxietx l-implimentazzjoni tal-ksur, din ma tistax tintlaqa’.

159    Fil-fatt, għandu jiġi rrilevat li l-uniku argument imressaq mir-rikorrenti li jista’ jitqies bħala parti mill-implimentazzjoni tal-ksur huwa dak li jgħid li Nexans France ma setgħetx timplimenta l-ftehimiet minħabba l-organizzazzjoni interna tagħha, peress li l-membri tal-persunal li pparteċipaw fil-laqgħat tal-akkordju ma kellhomx kuntatt ma’ timijiet li kienu qegħdin jippreparaw l-offerti. Madankollu, dan l-argument ma jistax jintlaqa’, peress li l-allegata inkapaċità li jimplimentaw l-istruzzjonijiet li jirriżultaw mill-ftehim inkwistjoni ma hijiex suffiċjenti sabiex tiġi kkonfutata l-konstatazzjoni tal-Kummissjoni, ibbażata fuq il-provi prodotti fid-deċiżjoni kkontestata u mhux ikkontestati mir-rikorrenti, li tgħid li Nexans France, bħall-membri l-oħra tal-akkordju, osservat globalment il-ftehim fit-“territorju nazzjonali” u pparteċipat fil-kondiviżjoni bejn il-produtturi Ażjatiċi u l-produtturi Ewropej ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku li kellhom jitwettqu fit-“territorji ta’ esportazzjoni”, kif ukoll fil-kondiviżjoni bejn il-produtturi Ewropej ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku li kellhom jiġu implimentati fit-“territorji tal-esportazzjoni” attribwiti lil dawn tal-aħħar u ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku fit-“territorju nazzjonali” tal-produtturi Ewropej.

2)      Fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

160    Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq nuqqas ta’ motivazzjoni, għandu jitfakkar li l-motivazzjoni meħtieġa mill-Artikolu 296 TFUE għandha tkun adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi, b’mod ċar u inekwivoku, ir-raġunament tal-istituzzjoni, awtriċi tal-att, b’mod li tippermetti lill-persuni kkonċernati jkunu jafu bil-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u lill-qorti kompetenti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tad-29 ta’ Settembru 2011, Elf Aquitaine vs Il-Kummissjoni, C-521/09 P, EU:C:2011:620, punt 147 u l-ġurisprudenza ċċitata).

161    F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, il-Kummissjoni, fil-premessa 1007 tad-deċiżjoni kkontestata, spjegat għaliex tqis, b’risposta għall-argumenti mressqa mir-rikorrenti fil-kuntest tal-proċedura amministrattiva, li l-ksur uniku u kontinwu kien ġie implimentat b’mod sħiħ. Il-Kummissjoni fil-fatt fakkret li l-qrati tal-Unjoni kienu kkonfermaw li “il-fatt li l-ftehim ma jiġux implimentati fl-intier tagħhom ma kienx ifisser li l-ftehimiet kollużorji ma kinux ġew applikati fil-prattika” u l-fatt li “[hija] ma jkollhiex fil-pussess tagħha elementi li juru l-eżistenza ta’ kollużjoni f’kull Stat Membru u parti kontraenti li kienet koperta mill-akkordju ma jfissirx li dan ma ġiex implimentat”.

162    Bl-istess mod, fil-premessa 1006 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni wieġbet għall-argument tar-rikorrenti, imressaq matul il-proċedura amministrattiva, li jgħid li l-ksur ma kellux effett fuq il-kompetizzjoni fiż-ŻEE billi sostniet li, sa fejn l-akkordji ppenalizzati mid-deċiżjoni kkontestata kienu jikkostitwixxu ksur tal-Artikolu 101(1) TFUE, ma kienx neċessarju, għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa, li jintwera l-livell tal-impatt ta’ dawn il-ftehimiet fuq is-suq jew fuq il-kompetizzjoni jew li dan jittieħed inkunsiderazzjoni.

163    F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li l-fatt li l-ġurisprudenza ċċitata mill-Kummissjoni fin-nota ta’ qiegħ il-paġna 1413 insostenn tal-ispjegazzjoni mogħtija fil-premessa 1006 tad-deċiżjoni kkontestata, ma hijiex rilevanti u l-imsemmija spjegazzjoni ma tikkostitwixxix bażi xierqa għar-rifjut li jittieħed inkunsiderazzjoni l-allegat nuqqas tal-effetti tal-ksur fiż-ŻEE fil-mument tal-evalwazzjoni tal-gravità tiegħu (ara l-punt 156 iktar ’il fuq), huwa ineffettiv inkwantu dan huwa invokat insostenn ta’ dan l-ilment.

164    Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, li tikkonċerna l-legalità fil-mertu tal-att kontenzjuż. L-ilmenti u l-argumenti intiżi li jikkontestaw il-fondatezza ta’ dan l-att huma għalhekk irrilevanti fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq in-nuqqas jew l-insuffiċjenza ta’ motivazzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, EU:C:2001:178, punti 35 sa 38, u tal-15 ta’ Ġunju 2005, Corsica Ferries France vs Il-Kummissjoni, T-349/03, EU:T:2005:221, punti 52 sa 59).

165    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda l-ewwel parti tat-tielet motiv.

b)      Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv

166    Ir-rikorrenti jirrilevaw li mill-premessi 998 sa 1010 tad-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-Kummissjoni żiedet il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ ta’ 2 % għall-impriżi kollha, minn naħa, minħabba d-dimensjoni tas-suq akkumulat tal-impriżi kollha u, min-naħa l-oħra, minħabba l-portata ġeografika tal-ksur. Huma jsostnu li ż-żieda minħabba d-dimensjoni tal-parti mis-suq akkumulata hija infondata, peress li għadd ta’ parteċipanti kienu nbidlu matul il-ksur u li, b’mod partikolari, ċerti impriżi bdew jipparteċipaw fil-ksur ferm wara t-18 ta’ Frar 1999 u temmew il-parteċipazzjoni tagħhom qabel id-data finali tat-28 ta’ Jannar 2009.

167    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

168    F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li, għalkemm, kif isostnu r-rikorrenti, l-impriżi kollha involuti fl-akkordju ma pparteċipawx fih matul il-perijodu kkonċernat, xorta jibqa’ l-fatt li, minn naħa, matul il-parti l-kbira tal-eżistenza tiegħu, l-akkordju kien jiġbor l-ikbar produtturi Ewropej u Ġappuniżi ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar b’vultaġġ għoli u għoli ħafna. Barra minn hekk, matul perjodu ta’ bejn tmiem is-sena 2001 u s-sena 2006, l-akkordju ssaħħaħ permezz tal-parteċipazzjoni ta’ fornituri Ewropej iżgħar bħal Brugg Kabel, nkt cables, Safran u Silec Cable, u, għall-perijodu minn tmiem is-sena 2002 sa nofs is-sena 2005, permezz tal-parteċipazzjoni ta’ fornituri mill-Korea t’Isfel. Min-naħa l-oħra, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, in-numru tal-parteċipanti fis-suq ikkonċernat li ma humiex id-destinatarji tad-deċiżjoni kkontestata huwa limitat ħafna. F’dawn iċ-ċirkustanzi, hemm lok li jiġi kkonstatat, wara stħarriġ fil-fond, li l-Kummissjoni setgħet tqis, mingħajr ma twettaq żball, li d-destinatarji kollha tad-deċiżjoni flimkien kienu jikkostitwixxu kważi l-impriżi kollha fis-suq taż-ŻEE ta’ kejbils tal-elettriku ta’ taħt l-art u taħt il-baħar b’vultaġġ għoli u għoli ħafna. Il-Kummissjoni setgħet ukoll ġustament tikkunsidra li dan l-element, kif ukoll il-portata ġeografika kważi globali tal-akkordju, li ma ġietx ikkontestata mir-rikorrenti, kienu jiggravaw il-ksur u, konsegwentement, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni ta’ 2 %.

169    Għaldaqstant, hemm lok li tiġi miċħuda t-tieni parti tat-tielet motiv.

c)      Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv

170    Ir-rikorrenti jsostnu li d-distinzjoni magħmula mill-Kummissjoni bejn l-impriżi Ewropej u Ġappuniżi fir-rigward tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-ksur tmur kontra l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament.

171    Ir-rikorrenti jfakkru li l-proporzjon tal-valur tal-bejgħ applikat mill-Kummissjoni lill-impriżi Ewropej kien ta’ 2 % ogħla minn dak applikat għal impriżi oħra. Sabiex timmotiva din id-distinzjoni, il-Kummissjoni rrilevat, fil-premessa 999 tad-deċiżjoni kkontestata li, minbarra l-mekkaniżmi ta’ attribuzzjoni tal-konfigurazzjoni A/R tal-akkordju, li “ċerti proġetti taż-ŻEE [kienu] s-suġġett ta’ tqassim addizzjonali bejn il-produtturi Ewropej b’konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”. Madankollu, huma jenfasizzaw li, skont il-Kummissjoni, “tali azzjonijiet tal-akkordju, li kienu twettqu esklużivament mill-produtturi Ewropej, [kienu] intensifikaw id-dannu għall-kompetizzjoni diġà kkawżat minn ftehim ta’ tqassim tas-swieq bejn il-produtturi Ewropej, Ġappuniżi u [Sud Koreani] u, għaldaqstant, il-grad ta’ gravità tal-ksur” u li “[i]d-distorsjoni addizzjonali kkawżata mill-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju kienet [tiġġustifika] żieda tal-grad ta’ gravità ta’ 2 % għall-impriżi li [kienu] ipparteċipaw f’dan l-aspett tal-akkordju”.

172    Ir-rikorrenti jikkontestaw din id-distinzjoni, minn naħa, billi jsostnu li l-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” ma ġietx implimentata esklużivament minn kumpanniji Ewropej. Fil-fatt, mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-impriżi Ġappuniżi u Sud Koreani kellhom diskussjonijiet dwar ċerti proġetti ta’ klijenti Ewropej. Min-naħa l-oħra, huma jqisu li l-Kummissjoni la wriet kif l-imsemmija konfigurazzjoni kienet “intensifikat id-dannu għall-kompetizzjoni diġà kkawżat”, u lanqas liema kienet id-“distorsjoni addizzjonali” kkawżata minn din il-konfigurazzjoni.

173    Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.

174    Għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, kull darba li l-Kummissjoni tiddeċiedi li timponi multi abbażi tad-dritt tal-kompetizzjoni, hija obbligata li tosserva l-prinċipji ġenerali tad-dritt, fosthom il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament, kif interpretat mill-qrati tal-Unjoni. Dan il-prinċipju jeżiġi li sitwazzjonijiet paragunabbli ma għandhomx jiġu ttrattati b’mod differenti u sitwazzjonijiet differenti ma għandhomx jiġu ttrattati bl-istess mod sakemm dan it-trattament ma jiġix iġġustifikat b’mod oġġettiv (ara s-sentenzi tas-27 ta’ Ġunju 2012, Bolloré vs Il-Kummissjoni, T-372/10, EU:T:2012:325, punt 85 u l-ġurisprudenza ċċitata, u tad-19 ta’ Jannar 2016, Mitsubishi Electric vs Il-Kummissjoni, T-409/12, EU:T:2016:17, punt 108 u l-ġurisprudenza ċċitata).

175    Fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-gravità tal-aġir tal-impriżi Ewropej meta mqabbel mal-aġir tal-impriżi Ażjatiċi, b’mod partikolari, l-impriżi Ġappuniżi, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni kklassifikat il-ksur previst mid-deċiżjoni kkontestata bħala ksur uniku u kontinwu li jikkonsisti f’żewġ konfigurazzjonijiet, jiġifieri l-“konfigurazzjoni A/R” tal-akkordju u l-konfigurazzjoni Ewropea tal-imsemmi akkordju. L-ewwel waħda minn dawn il-konfigurazzjonijiet kienet tinkludi, minn naħa, ftehim fit-“territorju nazzjonali” li abbażi tiegħu l-impriżi Ġappuniżi u Sud Koreani impenjaw ruħhom sabiex jitilqu mit-“territorju nazzjonali” Ewropew, irriżervat għall-membri R ta’ dan l-akkordju, bi skambju ta’ impenn reċiproku ta’ dawn tal-aħħar li jitilqu mit-“territorju nazzjonali’ Ġappuniż u Sud Korean u, min-naħa l-oħra, il-kondiviżjoni ta’ proġetti fil-biċċa l-kbira fil-bqija tad-dinja, imsejħa “territorji ta’ esportazzjoni”. It-tieni waħda minn dawn il-konfigurazzjonijiet, kif jirriżulta mill-punt 12 iktar ’il fuq, kellha l-għan li tikkondividi bejn l-impriżi Ewropej il-proġetti fit-“territorju nazzjonali” Ewropew u l-proġetti attribwiti min-naħa Ewropea fit-“territorji ta’ esportazzjoni”.

176    Ir-raġunijiet li għalihom il-Kummissjoni qieset li ż-żewġ konfigurazzjonijiet tal-akkordju kienu jifformaw parti minn ksur wieħed huma esposti fil-premessi 527 sa 619 tad-deċiżjoni kkontestata. F’dan il-kuntest, fir-rigward tal-kundizzjoni tal-eżistenza tal-istess għan uniku li jgħaqqad l-imsemmija konfigurazzjonijiet tal-akkordju, fil-premessa 534 tal-imsemmija deċiżjoni, il-Kummissjoni kkonstatat dan li ġej:

“Il-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju (kif ukoll l-attribuzzjoni bejn l-impriżi Ażjatiċi) kienet suġġetta għall-ftehim globali u kienet tagħtih effett. Fil-fatt, f’dawn il-laqgħat Ewropej R, il-koordinatur Ewropew kien jirreferi lura d-diskussjonijiet li kienu seħħew waqt laqgħat A/R […]. Għal dan il-għan, il-partijiet ħafna drabi kienu jorganizzaw laqgħat R ftit wara l-laqgħat A/R […]. Barra minn hekk, waqt il-laqgħat R, il-partijiet kienu jesprimu l-interess tagħhom għal proġetti fit-territorji ta’ esportazzjoni, liema proġetti kellhom jiġu diskussi waqt laqgħat A/R. Bl-istess mod, il-partijiet parteċipanti fil-laqgħat A/R kienu informati bid-diskussjonijiet prinċipali fil-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju […]. Għalhekk, il-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju kienet parti integrali mill-pjan globali.”

177    Il-Kummissjoni kkonstatat ir-responsabbiltà tal-parti l-kbira tal-impriżi Ġappuniżi u Sud Koreani għall-parteċipazzjoni sħiħa fl-akkordju, inkluż fil-konfigurazzjoni Ewropea tiegħu. B’mod partikolari, hija rrikonoxxiet, għat-totalità tal-imsemmi akkordju, ir-responsabbiltà tal-impriżi Ġappuniżi li kienu rraggruppati fil-qalba tal-akkordju, jiġifieri Sumitomo Electric Industries, Hitachi Cable u l-impriża komuni tagħhom J-Power Systems, kif ukoll Furukawa Electric Viscas u l-impriża komuni tagħhom Viscas.

178    Madankollu, fil-premessa 537 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni kkwalifikat il-livell ta’ parteċipazzjoni fl-akkordju mid-diversi impriżi. Hija qieset, fil-fatt, dan li ġej:

“Il-qalba tal-parteċipanti fl-akkordju (Nexans, Pirelli/Prysmian, Furukawa [Electric], Fujikura u Viscas, Sumitomo [Electric Industries], [Hitachi] [cable] u [J-Power Systems]) kienet l-istess għall-kejbils [tal-elettriku taħt l-art] u [taħt il-baħar] u kienet tapplika kemm il-[ftehim fit-]territorju nazzjonali u l-ftehim ta’ attribuzzjoni ta’ proġetti fit-territorji ta’ esportazzjoni. Filwaqt li għal raġunijiet oġġettivi l-impriżi Ġappuniżi u [Sud Koreani] ma kinux involuti fil-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju, Nexans u Pirelli/Prysmian kienu attivi fit-tnejn.”

179    Huwa abbażi ta’ din il-konstatazzjoni li l-Kummissjoni kkonkludiet, fil-premessa 999 tad-deċiżjoni kkontestata, li hemm riferiment għaliha fl-argumenti tar-rikorrenti, li l-ksur imwettaq mill-impriżi Ewropej kellu jitqies bħala iktar gravi minn dak imwettaq mill-impriżi Ġappuniżi u li għalhekk, minħabba l-involviment tagħhom fil-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju, il-proporzjon tal-valur tal-bejgħ tal-impriżi Ewropej, meħud inkunsiderazzjoni għall-kalkolu tal-ammont bażiku tal-multa, kellu jiżdied bi 2 %.

180    F’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies li, il-fatt li, kif jallegaw ir-rikorrenti, il-parteċipazzjoni tal-impriżi Ġappuniżi kienet simili għal dik tal-impriżi Ewropej fir-rigward tal-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, anki jekk jiġi preżunt li kienet teżisti, ma hijiex ta’ natura li tikkonfuta l-konklużjoni tal-Kummissjoni li tgħid li t-tqassim ta’ proġetti fi ħdan iż-ŻEE kien fattur addizzjonali li kien jistħoqqlu li jiġi ppenalizzat b’perċentwali addizzjonali skont il-gravità tal-ksur.

181    Fil-fatt, minn naħa, għandu jiġi rrilevat li, minbarra l-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”, li fil-kuntest tiegħu l-kumpaniji Ewropej u Ażjatiċi qablu li ma jippenetrawx fit-“territorji nazzjonali” tagħhom, il-produtturi Ewropej, inklużi r-rikorrenti, qasmu bejniethom il-proġetti differenti ta’ kejbils tal-elettriku attribwiti lill-membri R tal-imsemmi akkordju. B’mod partikolari, kif jirriżulta mill-premessa 73 tad-deċiżjoni kkontestata, tali tqassim ikkonċerna kemm l-attribuzzjoni ta’ proġetti f’“territorji ta’ esportazzjoni”, li saret fil-kuntest tal-imsemmija konfigurazzjoni, kif ukoll l-attribuzzjoni ta’ proġetti tal-membri R konformement mal-ftehim fit-“territorju nazzjonali”, jiġifieri proġetti li it-“territorju nazzjonali” ta’ produtturi Ewropej. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi osservat li, minkejja li t-tqassim ta’ proġetti fi ħdan din il-konfigurazzjoni u t-tqassim tal-proġetti fi ħdan il-konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju kienu marbuta mill-qrib, kif tispjega l-Kummissjoni fil-premessa 534 tad-deċiżjoni kkontestata, din l-aħħar konfigurazzjoni kienet, f’dan il-każ, impenn addizzjonali għat-tqassim tal-proġetti, li kien imur lil hinn mir-regoli ta’ attribuzzjoni eżistenti fil-“konfigurazzjoni A/R tal-akkordju”.

182    Barra minn hekk, kuntrarjament għal dak li jsostnu r-rikorrenti, ma hemm ebda dubju li l-kondiviżjoni ta’ proġetti ta’ kejbils tal-elettriku taħt l-art u taħt il-baħar b’vultaġġ għoli fi ħdan il-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju” saħħet id-dannu għall-kompetizzjoni kkawżat fiż-ŻEE mill-“konfigurazzjoni A/R” tal-imsemmi akkordju.

183    Kien għaldaqstant iġġustifikat, kif issostni l-Kummissjoni, li l-evalwazzjoni tal-gravità tal-komportament ta’ produtturi involuti fil-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, b’mod partikolari produtturi Ewropej addizzjonali, tirrifletti d-dannu kkawżat lill-kompetizzjoni fi ħdan iż-ŻEE.

184    Għaldaqstant, l-argument tar-rikorrenti li, essenzjalment, il-Kummissjoni wettqet żball ta’ evalwazzjoni meta qieset li l-impriżi Ġappuniżi ma kinux ipparteċipaw fl-istess livell bħall-impriżi Ewropej fil-“konfigurazzjoni Ewropea tal-akkordju”, huwa irrilevanti fir-rigward tal-eżistenza ta’ ksur tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fir-rigward tar-rikorrenti.

185    Fil-fatt, tali argument, jekk jitqies li huwa fondat, huwa ta’ natura li jiġġustifika ż-żieda perċentwali tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fil-konfront tal-impriżi Ġappuniżi.

186    Min-naħa l-oħra, dan il-fatt huwa irrilevanti fir-rigward tal-perċentwali tal-valur tal-bejgħ meħud inkunsiderazzjoni fil-konfront tar-rikorrenti sabiex tittieħed inkunsiderazzjoni l-gravità tal-aġir tagħhom, peress li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament ma jistax iservi ta’ bażi għall-applikazzjoni nondiskriminatorja ta’ trattament illegali (sentenza tal-11 ta’ Settembru 2002, Pfizer Animal Health vs Il-Kunsill, T-13/99, EU:T:2002:209, punt 479).

187    Minn dak li ntqal jirriżulta li t-tielet parti tat-tielet motiv għandha tiġi miċħuda u li, għaldaqstant, dan tal-aħħar għandu jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

188    Peress li l-motivi u l-argumenti mqajma mir-rikorrenti insostenn tat-talbiet tagħhom għal riforma ġew miċħuda u, fin-nuqqas ta’ elementi li, f’dan il-każ, huma ta’ natura li jiġġustifikaw tnaqqis tal-ammont tal-multi, it-talbiet intiżi għall-imsemmi tnaqqis għandhom jiġu miċħuda.

189    Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet kollha preċedenti, hemm lok li jiġi kkonstatat li r-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu.

IV.    Fuq l-ispejjeż

190    Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu. Peress li r-rikorrenti tilfu, hemm lok li huma jiġu kkundannati għall-ispejjeż kif mitlub mill-Kummissjoni.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (It-Tmien Awla)

taqta’ u tiddeċiedi li:

1)      Ir-rikors huwa miċħud.

2)      Nexans France SAS u Nexans SA huma kkundannati għall-ispejjeż.

Collins

Kancheva

Barents

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Lulju 2018.

Firem


Werrej


I. Il-fatti li wasslu għall-kawża

A. Ir-rikorrenti u s-settur ikkonċernat

B. Il-proċedura amministrattiva

C. Id-deċiżjoni kkontestata

1. Il-ksur inkwistjoni

2. Ir-responsabbiltà tar-rikorrenti

3. Il-multi imposti

II. Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

III. Id-dritt

A. Fuq it-talbiet għal annullament

1. Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali, fuq ksur tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, tad-drittijiet tad-difiża u tal-Artikolu 20(2) sa (4) tar-Regolament Nru 1/2003 u l-Artikolu 7 tal-Karta

a) Fuq l-iżvolġiment tal-ispezzjoni

b) Fuq l-allegata assenza ta’ bażi legali tal-miżuri kkontestati

c) Fuq l-allegat ksur tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni

d) Fuq l-allegat ksur tad-drittijiet tad-difiża

e) Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 20(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003

f) Fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 7 tal-Karta

2. Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq żball ta’ evalwazzjoni fid-determinazzjoni tad-data tal-bidu tal-parteċipazzjoni tar-rikorrenti fil-ksur

B. Fuq it-talbiet intiżi għat-tnaqqis tal-ammont tal-multi imposti

1. Fuq l-iżball imwettaq mill-Kummissjoni fir-rigward tat-tul tal-parteċipazzjoni ta’ Nexans France fil-ksur

2. Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq żball manifest ta’ evalwazzjoni u fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni kif ukoll tal-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fl-iffissar tal-koeffiċjent ta’ gravità għall-kalkolu tal-ammont tal-multi

a) Fuq l-ewwel parti tat-tielet motiv

1) Fuq l-allegat żball ta’ evalwazzjoni

2) Fuq l-allegat ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni

b) Fuq it-tieni parti tat-tielet motiv

c) Fuq it-tielet parti tat-tielet motiv

IV. Fuq l-ispejjeż


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.