Language of document :

Sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Lulju 2018 – Fujikura vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-451/14) 1

(“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Ksur uniku u kontinwat – Prova tal-ksur – Tul tal-parteċipazzjoni – Kalkolu tal-ammont tal-multa – Gravità tal-ksur – Ġurisdizzjoni sħiħa”)

Lingwa tal-kawża: l-Ingliż

Partijiet

Rikorrenti: Fujikura Ltd (Tokjo, il-Ġappun) (rappreżentant: L. Gyselen, avukat)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: A. Biolan, C. Giolito u H. van Vliet, aġenti, assistiti minn M. Johansson, avukat)

Intervenjenti insostenn tar-rikorrenti: Viscas Corp. (Tokjo) (rappreżentanti: J.-F. Bellis, avukat)

Suġġett

Talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża, minn naħa, għall-annullament parzjali tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2014) 2139 finali tat-2 ta’ April 2014 li tirrigwarda proċediment skont l-Artikolu 101 [TFUE] u l-Artikolu 53 tal-Ftehim [ŻEE] (Każ AT.39610 – Kejbils tal-Elettriku), sa fejn din tikkonċerna lir-rikorrenti, u, min-naħa l-oħra, għat-tnaqqis tal-ammont tal-multa imposta fuqha.

Dispożittiv

Ir-rikors huwa miċħud.

Fujikura Ltd hija kkundannata, minbarra għall-ispejjeż rispettivi tagħha, għal dawk tal-Kummissjoni Ewropea.

Viscas Corp. għandha tbati l-ispejjeż rispettivi tagħha.

____________

1     ĠU C 303, 8.9.2014.