Language of document : ECLI:EU:T:2018:456

Kawża T449/14

Nexans France SAS

u

Nexans SA

vs

Il-Kummissjoni Ewropea

“Kompetizzjoni – Akkordji – Suq Ewropew tal-kejbils tal-elettriku – Deċiżjoni li tikkonstata ksur tal-Artikolu 101 TFUE – Ksur uniku u kontinwat – Illegalità tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni – Terminu raġonevoli – Prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba – Prinċipju ta’ responsabbiltà personali – Responsabbiltà in solidum għall-ħlas tal-multa – Prova suffiċjenti tal-ksur – Tul tal-ksur – Multi – Proporzjonalità – Ugwaljanza fit-trattament – Ġurisdizzjoni sħiħa”

Sommarju – Sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tmien Awla) tat-12 ta’ Lulju 2018

1.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Poter ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Portata u limiti – Twettiq ta’ kopja-immaġni tal-hard disk tal-kompjuters matul spezzjoni – Tfittxijiet fil-kontenut ta’ kopja-immaġni li saru fil-bini tal-Kummissjoni – Ammissibbiltà – Kundizzjonijiet

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(1), (2)(b) u (c) u (4))

2.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Poter ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Deċiżjoni li tordna spezzjoni – Obbligu ta’ motivazzjoni – Portata – Delimitazzjoni tal-portata ġeografika u temporali tal-ispezzjoni – Assenza tad-data ta’ tmiem l-ispezzjoni – Osservanza ta’ terminu raġonevoli

(Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 41(1); Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20(2) u (4))

3.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Poter ta’ spezzjoni tal-Kummissjoni – Obbligu ta’ kooperazzjoni leali mal-awtoritajiet nazzjonali – Portata – Obbligu li jsir kuntatt mal-awtorità tal-kompetizzjoni tal-Istat Membru kkonċernat qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 20)

4.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Metodu ta’ prova – Użu ta’ sensiela ta’ indizji – Grad ta’ saħħa probatorja neċessarja fir-rigward tal-indizji kkunsidrati individwalment – Ammissibbiltà tal-evalwazzjoni globali ta’ sensiela ta’ indizji

(Artikolu 101(1) TFUE)

5.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Saħħa probatorja ta’ dikjarazzjonijiet volontarji li saru mill-parteċipanti prinċipali f’akkordju bil-għan li jibbenefikaw mill-applikazzjoni tal-avviż dwar il-klemenza

(Artikolu 101(1) TFUE)

6.      Kompetizzjoni – Proċedura amministrattiva – Deċiżjoni tal-Kummissjoni li tikkonstata ksur – Prova tal-ksur u tat-tul tiegħu li għandha tiġi prodotta mill-Kummissjoni – Portata tal-oneru probatorju – Prova tal-bidu tal-ksur

(Artikolu 101(1) TFUE)

7.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Stħarriġ ġudizzjarju – Ġurisdizzjoni sħiħa – Stħarriġ tal-legalità – Portata u limiti – Ġurisdizzjoni sħiħa strettament limitata għad-determinazzjoni tal-ammont tal-multa imposta

(Artikoli 101 TFUE, 261 TFUE u 263 TFUE; Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikoli 23(2) u 31)

8.      Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Iffissar tal-ammont bażiku – Gravità tal-ksur – Kriterji ta’ evalwazzjoni – Obbligu li jittieħed inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq – Assenza

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3); Avviż tal-Kummissjoni 2006/C 210/02, paragrafu 22)

9.      Rikors għal annullament – Motivi – Nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni – Motiv distint minn dak li jirrigwarda l-legalità fuq il-mertu

(Artikolu 263 TFUE)

10.    Kompetizzjoni – Multi – Ammont – Determinazzjoni – Prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament – Portata – Impossibbiltà għal impriża li teżiġi l-applikazzjoni nondiskriminatorja ta’trattament illegali mogħti lil impriżi oħra kkonċernati

(Regolament tal-Kunsill Nru 1/2003, Artikolu 23(2) u (3))

1.      It-twettiq ta’ kopja-immaġni tal-hard disk ta’ kompjuters ta’ impriża li tkun is-suġġett ta’ spezzjoni skont l-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 kif ukoll it-twettiq ta’ kopji tal-messaġġi elettroniċi kollha li nstabu fuq dawn il-kompjuters jaqgħu taħt il-poteri tal-Kummissjoni previsti fl-Artikolu 20(2)(b) u (c) tal-istess regolament, peress li dan huwa parti mill-implimentazzjoni mill-Kummissjoni tat-teknoloġija tal-investigazzjoni diġitali legali, li l-għan tagħha huwa t-tfittxija ta’ informazzjoni rilevanti għall-investigazzjoni fil-hard disk ta’ kompjuter permezz ta’ softwer speċifiku.

F’dan ir-rigward, l-Artikolu 20(1) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprevedi li, sabiex twettaq il-kompiti assenjati lilha mill-imsemmi regolament, il-Kummissjoni tista’ twettaq l-ispezzjonijiet kollha neċessarji fl-impriżi u fl-assoċjazzjonijiet tal-impriżi. Fir-rigward tal-poteri li għandha l-Kummissjoni sabiex twettaq spezzjoni, l-Artikolu 20(2) tar-Regolament Nru 1/2003 jipprovdi, b’mod partikolari, li l-uffiċjali u persuni oħra li jakkumpanjawhom, awtorizzati mill-Kummissjoni sabiex iwettqu spezzjoni, għandhom jingħataw il-poter li jeżaminaw il-kotba kif ukoll kull dokument ieħor professjonali, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna, u li jieħdu jew jiksbu taħt kwalunkwe forma li tkun, kopja jew estratt ta’ dawn il-kotba jew dokumenti.

Sa fejn kopja tad-data maħżuna fuq mezz ta’ data diġitali tal-impriża spezzjonata titwettaq matul spezzjoni sabiex tippermetti t-tfittxija, fil-bini tal-Kummissjoni, tad-dokumenti rilevanti għall-investigazzjoni, it-twettiq ta’ tali kopja jaqa’ taħt il-poteri mogħtija lill-Kummissjoni mill-Artikolu 20(2)(b) u (c) tar-Regolament Nru 1/2003.

Fil-fatt, l-Artikolu 20(2)(b) tar-Regolament Nru 1/2003 ma jipprovdix li l-kontroll tal-kotba u tad-dokumenti professjonali tal-impriżi suġġetti għall-ispezzjoni isir biss fil-bini tagħhom jekk l-imsemmija spezzjoni ma setgħetx titlesta fil-perijodu ta’ żmien previst oriġinarjament. Huwa jobbliga biss lill-Kummissjoni tosserva, meta jsir l-kontroll tad-dokumenti fil-bini tagħha, l-istess garanziji fir-rigward tal-impriżi spezzjonati bħal dawk imposti fuqha waqt kontroll fuq il-post.

(ara l-punti 50, 51, 53, 56, 60)

2.      Il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni ta’ spezzjoni fis-sens tal-Artikolu 20(4) tar-Regolament Nru 1/2003 tillimita l-kamp ta’ poteri mogħtija lill-membri tal-persunal tal-Kummissjoni mill-paragrafu 2 ta’ din id-dispożizzjoni billi tiddetermina, b’mod partikolari, il-portata ġeografika u temporali ta’ din id-deċiżjoni ta’ spezzjoni.

Fir-rigward tal-portata ġeografika tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, il-fatt li din tindika li l-ispezzjoni setgħet issir f“kull post ikkontrollat” mill-impriżi spezzjonati, ma jeskludix il-possibbiltà li l-Kummissjoni tissokta bl-ispezzjoni fil-bini tagħha stess.

Fir-rigward tal-portata temporali tad-deċiżjoni ta’ spezzjoni, l-assenza ta’ data speċifika tat-tmiem tal-ispezzjoni f’din id-deċiżjoni ma tfissirx li l-ispezzjoni tista’ tiġi estiża b’perijodu ta’ żmien illimitat. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni hija marbuta bl-osservanza ta’ terminu raġonevoli, skont l-Artikolu 41(1) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

(ara l-punti 65-69)

3.      Minkejja li mill-Artikolu 20(3) u (4) tar-Regolament Nru 1/2003 jirriżulta li l-Kummissjoni hija obbligata “tisma’” jew “tavża fi żmien xieraq” l-Awtorità tal-Kompetizzjoni Belġjana, meta hija jkollha l-intenzjoni twettaq spezzjoni fil-bini tagħha fi Brussell, il-Kummissjoni ma għandhiex madankollu l-obbligu li tikkuntattja minn qabel l-imsemmija awtorità meta hija jkollha l-intenzjoni, għal raġunijiet prattiċi, tissokta fil-bini tagħha, fi Brussell, bl-eżami tad-dokumenti li kien beda fil-kuntest ta’ spezzjoni mwettqa skont l-Artikolu 20 tar-Regolament Nru 1/2003, fit-territorju ta’ Stat Membru ieħor.

(ara l-punt 90)

4.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 122)

5.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 127-131)

6.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 132-134)

7.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punt 140)

8.      Skont il-kliem stess tal-paragrafu 22 tal-Linji Gwida għall-kalkolu tal-multi tal-2006, il-Kummissjoni ma għandhiex neċessarjament tieħu inkunsiderazzjoni l-impatt konkret fuq is-suq, jew in-nuqqas tiegħu, bħala fattur aggravanti jew attenwanti waqt l-evalwazzjoni tal-gravità tal-ksur għall-finijiet tal-kalkolu tal-multa. Huwa suffiċjenti li l-livell tal-proporzjon tal-valur tal-bejgħ li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni stabbilit mill-Kummissjoni jkun iġġustifikat minn elementi oħra li jistgħu jinfluwenzaw id-determinazzjoni tal-gravità skont din l-aħħar dispożizzjoni, bħan-natura stess tal-ksur, is-sehem tas-suq akkumulat tal-partijiet kollha kkonċernati u l-portata ġeografika tiegħu.

(ara l-punt 156)

9.      Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 163, 164)

10.    Ara t-test tad-deċiżjoni.

(ara l-punti 174-186)