Language of document :

Rikors ippreżentat fil-15 ta' Settembru 2008 - Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-396/08)

Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Freistaat Sachsen u Land Sachsen-Anhalt (rappreżentanti: T. Müller-Ibold u T. Graf, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla l-Artikolu 1(1) tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Lulju 2008 (C (2008) 3178 finali) fil-każ dwar għajnuna mill-Istat C 18/2007; u

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors għal annullament huwa ppreżentat kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej C (2008) 3178 finali, tat-2 ta' Lulju 2008, fil-każ dwar għajnuna mill-Istat C 18/2007, sa fejn il-parti l-kbira tal-għajnuna għat-taħriġ innotifikata, li l-Freistaat Sachsen u l-Land Sachsen-Anhalt kellhom l-intenzjoni jagħtu lill-kumpannija DHL, li tipprovdi servizzi ta' kunsinni espressi permezz ta' courrier, hija ddikjarata inkompatibbli mas-suq Komunitarju.

B'mod partikolari, il-Freistaat Sachsen u l-Land Sachsen-Anhalt jibbażaw ruħhom fuq il-motivi segwenti:

Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti jikkritikaw lill-Kummissjoni talli rrifjutat l-awtorizzazzjoni għall-parti l-kbira tal-għajnuna nnotifikata għar-raġuni li l-għajnuna għat-taħriġ mhijiex "neċessarja" għall-eżekuzzjoni tal-miżuri ta' taħriġ inkwistjoni. Bl-adozzjoni ta' evalwazzjoni ġenerali tan-neċessità fil-każ individwali bħala kundizzjoni meħtieġa għall-awtorizzazzjoni tal-għajnuna nnotifikata, il-Kummissjoni ma tirrispettax l-effett vinkolanti tar-Regolament (KE) Nru 68/20011 u tikser il-prinċipju tat-trattament ugwali u tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi. Il-kriterji ta' evalwazzjoni stabbiliti fir-Regolament japplikaw anki għall-għajnuna li taqbeż il-limitu għal eżenzjoni.

Fit-tieni lok, l-approċċ tal-Kummissjoni, li jissuġġetta l-awtorizzazzjoni tal-għajnuna għat-taħriġ innotifikata għall-kundizzjoni tan-neċessità tagħha, huwa wkoll, għalhekk, żbaljat fil-liġi peress li inġustament jinjora l-effetti pożittivi fuq is-suq tal-miżuri ta' taħriġ issussiddjati permezz tal-għajnuna għat-taħriġ innotifikata. Tali effetti fuq is-suq huma biżżejjed, fihom infushom, sabiex jiġġustifikaw il-kompatibbiltà tal-għajnuna għat-taħriġ innotifikata mas-suq Komunitarju.

Fit-tielet lok, il-Kummissjoni waslet inġustament għall-konklużjoni li ma jeżistix l-effett meħtieġ ta' inċentiv tal-għajnuna fir-rigward tal-għażla tal-post. Fil-fatt, l-għajnuna għat-taħriġ hija neċessarja peress li kellha impatt fuq l-għażla minn DHL ta' Leipzig/Halle u peress li inkella DHL ma kinitx twettaq l-attività ta' taħriġ tagħha hemmhekk. Barra minn hekk, l-allegazzjoni tal-Kummissjoni li f'postijiet oħra kienu wkoll jiġu involuti spejjeż komparabbli għat-taħriġ mhijiex korretta.

Fir-raba' lok, fl-eżami tan-neċessità, il-Kummissjoni bbażat ruħha fuq kriterji inadegwati. B'mod partikolari, il-Kummissjoni adottat kriterji suġġettivi li jmorru lil hinn minn neċessità oġġettiva. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, fl-eżami tagħha, tagħmel riferiment għal dispożizzjonijiet leġiżlattivi dwar miżuri ta' taħriġ, ħaġa din li tqiegħed fi żvantaġġ kbir lil Stati Membri li għandhom sistema ta' pjanijiet ta' taħriġ rregolata bil-liġi.

Fil-ħames lok, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata b'mod suffiċjenti.

____________

1 - Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 68/2001, tat-12 ta' Jannar 2001, dwar it-tħaddim tal-Artikoli 87 u 88 tat-Trattat ta' l-UE dwar l-għajnuna għat-taħriġ (ĠU 2001 L 10, p. 20), kif emendat bir-Regolament (KE) Nru 363/2004 (ĠU 2004 L 63, p. 20) u bir-Regolament (KE) Nru 1976/2006 (ĠU 2006 L 368, p. 85).