Language of document : ECLI:EU:C:2024:272

Appell ippreżentat fis-6 ta’ Ġunju 2022 minn Planistat Europe u Monsieur Hervé-Patrick Charlot mis-sentenza mogħtija mill-Qorti Ġenerali (Is-Sitt Awla) fis-6 ta’ April 2022 fil-Kawża T-735/20, Planistat Europe u Charlot vs Il-Kummissjoni

(Kawża C-363/22 P)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Appellanti: Planistat Europe, Monsieur Hervé-Patrick Charlot (rappreżentant: F. Martin Laprade, avukat)

Parti oħra fil-proċedura: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Tikkonferma s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fejn iddikjarat bħala parzjalment ammissibbli l-azzjoni relatata għall-kumpens għad-dannu subit mill-appellanti li jirrriżulta mill-fatti tal-akkużi foloz;

Tannulla s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fejn iddikjarat preskritta parti mill-azzjoni tal-appellanti u fejn ċaħdet l-azzjoni għal responsabbiltà mhux kuntrattwali; konsegwentement:

Tikkonstata li l-Kummissjoni tat lok għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tagħha;

Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 150,000 għad-dannu morali subit minn H.-P. Charlot;

Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 11,600,000 għad-dannu materjali subit mill-appellanti;

Tikkundanna lill-Kummissjoni tirrikonoxxi b’mod pubbliku l-iżball li hija wettqet, peress li għandhom jiġu rrijabilitati l‑immaġni u r-reputazzjoni tar-rikorrenti;

Tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha ta’ din l-istanza.

Aggravji u argumenti prinċipali

Insostenn tal-appell tagħhom, l-appellanti qajmu tliet aggravji.

L-ewwel aggravju huwa bbażat fuq żball ta’ liġi mwettaq mill-Qorti Ġenerali: dan kien żnatura l-fatt li ta lok għad-danni mqajma mill-appellanti, billi ġie injorat il-fatt li d-dannu morali rriżulta wkoll mix-xandir tal-ilmenti ppreżentati quddiem l-awtoritajiet kriminali, u billi ġie indikat li d-dannu materjali esklużivament irriżulta mix-xoljiment tal-kuntratti konklużi mal-Kummissjoni.

Dan l-iżball kien wassal lill-Qorti Ġenerali biex tiddeduċi, bi żball, li parti mit-talbiet magħmula mill-appellanti kienu preskritti.

Il-Qorti Ġenerali lanqas ma applikat korrettament id-dispożizzjoni legali dwar il-modalitajiet ta’ kalkolu tat-terminu ta’ preskrizzjoni.

It-tieni aggravju huwa wkoll ibbażat fuq żball ta’ liġi li l-Qorti Ġenerali kienet wettqet fl-evalwazzjoni tal-illegalità tal-aġir malafamanti. L-ewwel parti ta’ dan l-aggravju hija bbażata fuq il-ksur tal-prinċipju fundamentali tad-dritt għar-rispett tal-ħajja privata; it-tieni parti hija bbażata fuq il-ksur tad-dritt għal amministrazzjoni tajba.

It-tielet u l-aħħar aggravju tal-appell huwa bbażat fuq l-iżball ta’ liġi tal-Qorti Ġenerali f’dak li jikkonċerna l-eżami tar-realtà tad-danni u tal-eżistenza tar-rabta kawżali.

____________