Language of document :

Rikors ippreżentat fl-24 ta' Diċembru 2009 - TF1 et vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-520/09)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrenti: Télévision française 1 (TF1) (Boulogne Billancourt, Franza), Métropole télévision (M6) (Neuilly-sur-Seine, Franza), Canal + SA (Issy-Les-Moulineaux, Franza) (rappreżentanti: J.-P. Hordies u C. Smits, avukati)

Konvenuta: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet tar-rikorrenti

tannulla d-deċiżjoni mogħtija mill-Kummissjoni Ewropea fl-1 ta' Settembru 2009 fil-Każ Għajnuna mill-Istat C(2009) 6693 (ex N 34/A/09 & N 34/B/09) - Sussidju baġitarju favur France Télévisions (2010-2012) sa fejn hija ddeċidiet li tikkunsidra s-sussidju baġitarju nnotifikat ta' ammont ta' EUR 450 miljun għall-2009, favur France Télévisions, bħala kompatibbli mat-Trattat KE, skont l-Artikolu 86(2) tiegħu;

tikkundanna lill-Kummissjoni sabiex tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali tal-għajnuna, prevista fl-Artikolu 108(2) TFUE;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha tal-istanza.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni C(2009)6693 finali, tal-1 ta' Settembru 2009, mogħtija mill-Kummissjoni, fi tmiem il-proċedura prevista fl-Artikolu 88(3) KE (li sar l-Artikolu 108 TFUE), li biha l-Kummissjoni kienet ikkunsidrat sussidju baġitarju, ta' ammont massimu ta' EUR 450 miljun għall-2009 favur France Télévisions, kompatibbli mas-suq komuni. F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti jitolbu l-ftuħ tal-proċedura ta' investigazzjoni formali skont l-Artikolu 108(2) TFUE.

Insostenn tat-talba tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw motiv wieħed ibbażat fuq il-fatt li kienu jeżistu diffikultajiet serji li fil-preżenza tagħhom il-Kummissjoni kienet obbligata tiftaħ il-proċedura ta' investigazzjoni prevista fl-Artikolu 88(2) tal-KE (li issa sar l-Artikolu 108(2) TFUE) u tistieden lill-partijiet interessati biex jissottomettulha l-kummenti tagħhom.

Ir-rikorrenti jsostnu li hemm evidenza ta' diffikultajiet serji li jirriżultaw, minn naħa, miċ-ċirkustanzi tal-proċedura ta' eżami preliminari u, min-naħa l-oħra, mill-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata.

It-tul eċċessiv tal-proċedura ta' eżami preliminari, l-iżvolġiment tal-proċedura u l-ammont tas-susissdju kkontestat huma tali li juru li ma hemmx evidenza ta' diffikultajiet serji fir-rigward taċ-ċirkustanzi tal-proċedura ta' eżami preliminari.

Il-fatt li hemm evidenza ta' diffikultajiet serji fir-rigward tal-kontenut tad-deċiżjoni kkontestata huwa bbażat fuq żewġ elementi. Huwa jirriżulta minn naħa, mil-livell ta' informazzjoni insuffiċjenti, jew saħansitra informazzjoni mhux eżatta, li l-Kummissjoni kellha fil-mument tad-deċiżjoni kkontestata u min-naħa l-oħra, mill-impossibbiltà għall-Kummissjoni li tikkonkludi li l-għajnuna hija kompatibbli mingħajr analiżi dettaljata, fid-dawl tar-riskji strutturali ta' kumpens żejjed f'dan il-każ.

____________