Language of document : ECLI:EU:T:2024:187

Edizzjoni Provviżorja

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

20 ta’ Marzu 2024 (*)

“Politika estera u ta’ sigurtà komuni – Miżuri restrittivi meħuda fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Bjelorussja u l-involviment tal-Bjelorussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukraina – Iffriżar ta’ fondi – Lista tal-persuni, tal-entitajiet u tal-organi li għalihom japplika l-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi – Inklużjoni u żamma tal-isem tar-rikorrent fil-listi – Appoġġ għar-reġim ta’ Loukachenko – Appoġġ Finanzjarju – Impriża li tappartjeni lill-Istat – Repressjoni tas-soċjetà ċivili – Żball ta’ evalwazzjoni”

Fil-Kawża T‑115/22,

Belshyna AAT, stabbilita f’Bobrouïsk (il-Bjelorussja), irrappreżentata minn N. Tuominen u L. Engelen, avukati,

rikorrenti,

vs

Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn A. Boggio-Tomasaz u A. Antoniadis, bħala aġenti,

konvenut,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża),

komposta minn S. Papasavvas, President, L. Truchot, H. Kanninen (Relatur), R. Frendo u T. Perišin, Imħallfin,

Reġistratur: I. Kurme, amministratriċi,

wara li rat il-fażi bil-miktub tal-proċedura,

wara s-seduta tal‑21 ta’ Ġunju 2023,

tagħti l-preżenti

Sentenza (1)

1        Permezz ta’ dan ir-rikors ibbażat fuq l-Artikolu 263 TFUE, ir-rikorrenti, Belshyna AAT, titlob l-annullament, l-ewwel, tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2125 tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja (ĠU 2021, L 430 I, p. 16), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2124 tat‑2 ta’ Diċembru 2021 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja (ĠU 2021, L 430 I, p. 1) (iktar ’il quddiem l-“atti inizjali”), u, it-tieni, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/421 tal‑24 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU 2023, L 61, p. 41), u tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/419 tal‑24 ta’ Frar 2023 li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna (ĠU 2023, L 61, p. 20) (iktar ’il quddiem l-“atti taż-żamma”), sa fejn dawn l-atti jirrigwardawha.

 Ilfatti li wasslu għallkawża u lfatti sussegwenti għallpreżentata tarrikors

2        Ir-rikorrenti hija impriża li tipproduċi tajers, stabbilita f’Bobrouïsk (il-Bjelorussja).

3        Din il-kawża taqa’ fl-ambitu tal-miżuri restrittivi adottati mill-Unjoni Ewropea sa mill-2004 minħabba s-sitwazzjoni fil-Bjelorussja fir-rigward tad-demokrazija, tal-Istat tad-dritt u tad-drittijiet tal-bniedem.

4        Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea adotta, fit‑18 ta’ Mejju 2006, abbażi tal-Artikoli [75 u 215 TFUE], ir-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi kontra l-President Loukachenko u ċerti uffiċjali tal-Belaruss (ĠU 2006, L 134, p. 1), li t-titolu tiegħu ġie ssostitwit, skont l-Artikolu 1(1) tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 588/2011 tal‑20 ta’ Ġunju 2011 (ĠU 2011, L 161, p. 1), bit-titolu “Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 765/2006 tat‑18 ta’ Mejju 2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Bjelorussja”.

5        Fil‑15 ta’ Ottubru 2012, il-Kunsill adotta, abbażi tal-Artikolu 29 TUE, id-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja (ĠU 2012, L 285, p. 1).

6        Skont l-Artikolu 4(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2012/642 u l-Artikolu 2(4) u (5) tar-Regolament Nru 765/2006, kif emendat bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1014/2012 tas‑6 ta’ Novembru 2012 (ĠU 2012, L 307, p. 1), fejn l-aħħar dispożizzjoni tagħmel riferiment għall-ewwel waħda, għandhom jiġu ffriżati l-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha miżmuma jew ikkontrollati, b’mod partikolari, minn persuni, entitajiet jew organi responsabbli minn ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem jew mir-repressjoni tas-soċjetà ċivili u tal-oppożizzjoni demokratika, jew li l-attivitajiet tagħhom jikkawżaw dannu serju, b’mod ieħor, għad-demokrazija jew għall-Istat tad-dritt fil-Bjelorussja, kif ukoll minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew organi li, b’mod partikolari, isostnu r-reġim ta’ Loukachenko.

7        Fit‑2 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill adotta l-atti inizjali. Mill-premessi 4 tagħhom jirriżulta li, “[m]inħabba l-gravità tas-sitwazzjoni fil-Belarussja, jenħtieġ li 17-il persuna u 11-il entità jinżiedu mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet u korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi”.

8        Permezz tal-atti inizjali, isem ir-rikorrenti ġie inkluż fil-linja 26 tat-Tabella B tal-lista tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-korpi msemmija fl-Artikolu 3(1) u fl-Artikolu 4(1) tad-Deċiżjoni 2012/642 li tinsab fl-Anness tal-imsemmija deċiżjoni u fil-linja 26 tat-Tabella B tal-lista tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi, tal-entitajiet u tal-organi msemmija fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament Nru 765/2006 li tinsab fl-Anness I tal-imsemmi regolament (iktar ’il quddiem, meħuda flimkien, il-“listi kontenzjużi”).

9        Fl-atti inizjali, fir-rigward tar-rikorrenti, il-Kunsill inkluda l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni “[isem]: Open Joint Stock Company Belshina”, “[i]ndirizz: 4 Minskoe Shosse St., Bobruisk, 213824 Belarus”, “[d]ata ta’ reġistrazzjoni: 10.1.1994”, “[n]umru ta’ reġistrazzjoni: 700016217” u “[s]it web: http://www.belshinajsc.by/”, u ġġustifika l-adozzjoni tal-miżuri restrittivi fir-rigward tagħha billi indika r-raġunijiet li ġejjin:

“[Ir-rikorrenti] hija waħda mill-kumpanniji ewlenin tal-Istat fil-Belarussja u manifattur kbir tat-tyres tal-vetturi. Bħala tali, hija sors sostanzjali ta’ dħul għar-reġim ta’ Lukashenk[o]. L-Istat tal-Belarussja qed jagħmel profitt dirett mill-qligħ ta[r-rikorrenti]. Għaldaqstant, [ir-rikorrenti] tappoġġa r-reġim ta’ Lukashenk[o].

L-impjegati ta[r-rikorrenti] li pprotestaw u ħarġu fuq strajk wara l-elezzjonijiet presidenzjali tal-2020 fil-Belarussja ngħataw is-sensja. Għaldaqstant, [ir-rikorrenti] hija responsabbli għar-repressjoni tas-soċjetà ċivili.”

10      Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Diċembru 2021, il-Kunsill informa lir-rikorrenti li isimha kien inkluż fil-listi kontenzjużi.

11      Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Diċembru 2021, ir-rikorrenti talbet lill-Kunsill l-aċċess għall-informazzjoni u għall-provi li jsostnu l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi kif ukoll l-eżami mill-ġdid ta’ din l-inklużjoni.

12      Permezz ta’ ittra tal‑14 ta’ Jannar 2022, il-Kunsill ikkomunika lir-rikorrenti d-dokumenti li jinkludu l-provi użati sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi u ddikjara li kien ser jinformaha sussegwentement bl-eżitu tat-talba għal eżami mill-ġdid.

13      Fl‑24 ta’ Frar 2022, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2022/307 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642 (ĠU 2022, L 46, p. 97) u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2022/300 li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament Nru 765/2006 (ĠU 2022, L 46, p. 3) (iktar ’il quddiem, l-“atti tal‑24 ta’ Frar 2022”), li permezz tagħhom huwa żamm isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi għal raġunijiet essenzjalment identiċi għal dawk mogħtija fl-atti inizjali.

14      Permezz ta’ ittra tal‑21 ta’ Diċembru 2022, il-Kunsill innotifika lir-rikorrenti l-intenzjoni tiegħu li jestendi l-miżuri restrittivi fir-rigward tagħha billi bbaża ruħu fuq dokument mehmuż mal-imsemmija ittra.

15      Permezz ta’ ittra tal‑20 ta’ Jannar 2023, ir-rikorrenti wieġbet li d-dokument ikkomunikat mill-Kunsill ma kienx jiġġustifika ż-żamma tal-inklużjoni ta’ isimha fil-listi kontenzjużi.

16      Fl‑24 ta’ Frar 2023, il-Kunsill adotta l-atti taż-żamma li permezz tagħhom żamm isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi għal raġunijiet identiċi għal dawk mogħtija fl-atti tal‑24 ta’ Frar 2022.

17      Permezz ta’ ittra tas‑27 ta’ Frar 2023, il-Kunsill indika li l-osservazzjonijiet li jinsabu fl-ittra tal‑20 ta’ Jannar 2023 ma kinux iqiegħdu f’dubju l-evalwazzjoni tiegħu li kien hemm lok li tinżamm l-inklużjoni ta’ isem ir-rikorrenti fil-listi kontenzjużi.

 Ittalbiet talpartijiet

18      Wara l-adattament tar-rikors abbażi tal-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla l-atti inizjali u taż-żamma, sa fejn jirrigwardawha;

–        tikkundanna lill-Kunsill għall-ispejjeż;

–        tiċħad it-talba sussidjarja tal-Kunsill intiża sabiex l-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2021/2125 jinżammu sa fejn din tikkonċernaha sakemm l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/2124 jidħol fis-seħħ.

19      Il-Kunsill jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors;

–        tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż;

–        sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti Ġenerali tannulla l-miżuri restrittivi adottati fir-rigward tar-rikorrenti, tordna li l-effetti tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2021/2125 jinżammu f’dak li jirrigwardaha sakemm l-annullament parzjali tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni 2021/2124 jidħol fis-seħħ.

 Iddritt

[omissis]

 Fuq ittalba għallannullament parzjali talatti tażżamma

84      Permezz ta’ nota ta’ adattament, ir-rikorrenti titlob l-annullament tal-atti taż-żamma sa fejn dawn jikkonċernawh.

85      Fl-osservazzjonijiet tiegħu dwar in-nota ta’ adattament, il-Kunsill isostni li t-talba għall-annullament parzjali tal-atti taż-żamma hija ammissibbli u għandha tiġi miċħuda bħala infondata.

 Fuq lammissibbiltà taladattament tarrikors

86      Billi qieset li l-eżami tal-ammissibbiltà tar-rikorsi huwa ta’ ordni pubbliku u li għalhekk, fil-każ ta’ adattament tar-rikors, għandu jiġi vverifikat jekk il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura humiex issodisfatti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il‑Kunsill, T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966, punti 139 sa 145 u l-ġurisprudenza ċċitata), il-Qorti Ġenerali għamlet mistoqsijiet f’dan ir-rigward lill-partijiet waqt is-seduta.

87      Bi tweġiba għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali, kemm ir-rikorrenti kif ukoll il-Kunsill sostnew li l-fatt li r-rikorrenti ma kinitx, fil-kuntest ta’ din il-kawża, adattat it-talbiet tagħha sabiex titlob l-annullament tal-atti tal‑24 ta’ Frar 2022, sa fejn dawn l-atti kienu jikkonċernawaha, ma kellux ikollu effett fuq l-ammissibbiltà tal-adattament tar-rikors sabiex jintalab ukoll l-annullament parzjali tal-atti taż-żamma.

88      Insostenn tal-argument tagħhom, il-partijiet isostnu li l-insenjamenti li jirriżultaw mill-punti 141 u 142 tas-sentenza tal‑14 ta’ Diċembru 2018, Hamas vs Il‑Kunsill (T‑400/10 RENV, EU:T:2018:966), u mill-punti 90 u 96 tas-sentenza tal‑24 ta’ Novembru 2021, LTTE vs Il‑Kunsill (T‑160/19, mhux ippubblikata, EU:T:2021:817), ma jistgħux jiġu applikati għal dan il-każ. Huma jaffermaw li l-kawżi li taw lok għal dawk is-sentenzi jikkonċernaw il-miżuri restrittivi meħuda mill-Unjoni bis-saħħa tal-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2001/931/PESK tas‑27 ta’ Diċembru 2001 dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri speċifiki fil-ġlieda kontra t-terroriżmu (ĠU 2001, L 344, p. 93), li fil-kuntest tagħha l-atti legali li jelenkaw il-persuni u l-entitajiet ikkonċernati mill-miżuri restrittivi jitħassru u jiġu ssostitwiti b’atti ġodda matul l-eżami mill-ġdid perijodiku li jagħmel il-Kunsill, filwaqt li, fil-kuntest tal-miżuri restrittivi dwar il-Bjelorussja, l-eżami mill-ġdid perijodiku tal-listi kontenzjużi jieħu l-forma ta’ atti legali li jemendaw il-perijodu ta’ applikazzjoni jew l-annessi tad-Deċiżjoni 2012/642 u tar-Regolament Nru 765/2006. Il-Kunsill sostna wkoll li l-fatt li t-talba għall-annullament tal-atti taż-żamma titqies bħala ammissibbli huwa konformi mal-għan tal-ekonomija tal-ġudizzju.

89      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 86(1) tal-istess Regoli tal-Proċedura jipprovdi li, meta att li jkun qiegħed jintalab l-annullament tiegħu jiġi ssostitwit jew emendat b’att ieħor li jkollu l-istess suġġett, ir-rikorrent jista’, qabel l-għeluq tal-fażi orali tal-proċedura jew qabel id-deċiżjoni tal-Qorti Ġenerali li taqta’ l-kawża mingħajr il-fażi orali tal-proċedura, jadatta r-rikors sabiex jittieħed inkunsiderazzjoni dan l-element ġdid.

90      F’dan il-każ, għandu jiġi osservat, l-ewwel nett, li kemm l-atti inizjali kif ukoll l-atti taż-żamma, sa fejn dawn jikkonċernaw lir-rikorrenti, għandhom l-għan li jimponu fuqha miżuri restrittivi individwali li jikkonsistu fl-iffriżar tal-fondi u tar-riżorsi ekonomiċi kollha tagħha, skont l-Artikolu 4(1)(a) u (b) tad-Deċiżjoni 2012/642 u l-Artikolu 2(4) u (5) tar-Regolament Nru 765/2006.

91      It-tieni nett, kif ġustament irrilevaw il-partijiet, fil-kuntest tar-reġim li jimponi miżuri restrittivi kontra l-Bjelorussja, il-miżuri restrittivi individwali jieħdu l-forma ta’ inklużjoni tal-isem tal-persuni, tal-entitajiet jew tal-organi identifikati fil-listi kontenzjużi li jinsabu fl-annessi tad-Deċiżjoni 2012/642 u tar-Regolament Nru 765/2006.

92      F’dan il-kuntest, l-atti inizjali emendaw l-annessi tad-Deċiżjoni 2012/642 u tar-Regolament Nru 765/2006 sabiex jinkludu, b’mod partikolari, l-isem tar-rikorrenti fil-listi kontenzjużi. Fir-rigward tal-atti taż-żamma, għandu jiġi kkonstatat, minn naħa, li d-Deċiżjoni 2023/421 estendiet sat‑28 ta’ Frar 2024 l-applikabbiltà tad-Deċiżjoni 2012/642, li l-Anness I tagħha, kif emendata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2021/2125, isemmi isem ir-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2023/419 emenda l-Anness I tar-Regolament Nru 765/2006, filwaqt li żamm, tal-inqas impliċitament, l-inklużjoni tal-isem tar-rikorrenti fl-imsemmi anness. Għaldaqstant, l-atti taż-żamma għandhom jitqiesu bħala li emendaw l-atti inizjali fis-sens tal-Artikolu 86(1) tar-Regoli tal-Proċedura.

93      Minn dan isegwi li, konformement mal-għan tal-ekonomija tal-proċedura li fuqu huwa bbażat l-Artikolu 86 tar-Regoli tal-Proċedura (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat‑13 ta’ Settembru 2018, Almaz-Antey vs Il‑Kunsill, T‑515/15, mhux ippubblikata, EU:T:2018:545, punti 43 u 44), sa fejn ir-rikorrenti talbet l-annullament tal-atti inizjali fir-rikors, hija għandha d-dritt, fil-kuntest ta’ din il-proċedura, tadatta r-rikors sabiex titlob, ukoll, l-annullament tal-atti taż-żamma, u dan minkejja li hija ma kinitx preċedentement adattat ir-rikors sabiex titlob l-annullament tal-atti tal‑24 ta’ Frar 2022.

94      Għaldaqstant, hemm lok li jitqies li t-talba għall-adattament tar-rikors hija ammissibbli.

[omissis]

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (Id-Disa’ Awla Estiża)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/2125 tat2 ta’ Diċembru 2021 li timplimenta d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2124 tat2 ta’ Diċembru 2021 li jimplimenta l-Artikolu 8a(1) tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fir-rigward tal-Belarussja, id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2023/421 tal24 ta’ Frar 2023 li temenda d-Deċiżjoni 2012/642/PESK dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2023/419 tal24 ta’ Frar 2023 li jimplimenta l-Artikolu 8a tar-Regolament (KE) Nru 765/2006 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Belarussja u l-involviment tal-Belarussja fl-aggressjoni Russa kontra l-Ukrajna, huma annullati sa fejn dawn jikkonċernaw lil Belshyna AAT.

2)      Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea huwa kkundannat għall-ispejjeż.

Papasavvas

Truchot

Kanninen

Frendo

 

      Perišin

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fl‑20 ta’ Marzu 2024.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.


1      Huma riprodotti biss il-punti ta’ din is-sentenza li l-Qorti Ġenerali tqis il-pubblikazzjoni tagħhom bħala utli.