Language of document :

Rikors ippreżentat fil-21 ta’ Marzu 2014 – Il-Kummissjoni Ewropea vs Ir-Repubblika Federali tal-Ġermanja

(Kawża C-137/14)

Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż

Partijiet

Rikorrenti: Il-Kummissjoni Ewropea (rappreżentanti: C. Hermes, G. Wilms, aġenti)

Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Ġermanja

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha tiddikjara li r-Repubblika Federali tal-Ġermanja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha taħt l-Artikolu 11 tad-Direttiva 2011/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat-13 ta’ Diċembru 2011, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent 1 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva SEA”) u l-Artikolu 25 tad-Direttiva 2010/75/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal-24 ta’ Novembru 2010, dwar l-emissjonijiet industrijali (il-prevenzjoni u l-kontroll integrati tat-tniġġis) 2 (iktar ’il quddiem id-“Direttiva EI”), sa fejn hija

qieset, bħala prinċipju, li d-dispożizzjonijiet tad-Direttiva SEA ma jagħtu ebda drittijiet suġġettivi u b’hekk eskludiet kompletament id-dritt tal-individwu kkonċernat għal rimedju ġudizzjarju (Artikolu 113(1) tal-Kodiċi ta’ proċedura amministrattiva);

illimitat l-annullament ta’ deċiżjonijiet abbażi ta’ difetti proċedurali għall-assenza totali tal-istima tal-effetti ta’ proġetti fuq l-ambjent meħtieġa (stima ambjentali) jew l-assenza ta’ eżami preliminari meħtieġ (Artikolu 4(1) tal-Liġi dwar ir-rimedji legali fil-qasam tal-ambjent – iktar ’il quddiem l-“UmwRG”) u għall-każijiet li fihom ir-rikorrenti turi li d-difett proċedurali wassal għar-riżultat tad-deċiżjoni (Artikolu 46 tal-Liġi dwar il-proċedura amministrattiva, Verwaltungsverfahrensgesetz – iktar ’il quddiem il-“VwVfG”) u l-pożizzjoni legali tar-rikorrenti ġiet affettwata;

illimitat il-locus standi u l l-istħarriġ ġudizzjarju għall-ilmenti ssollevati matul it-terminu tal-proċedura amministrattiva li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni (Artikolu 2(3) tal-UmwRG u l-Artikolu 73(6) tal-VwVfG) u

illimitat, fil-proċeduri li nbdew wara l-25 ta’ Ġunju 2005 u li ntemmu qabel it-12 ta’ Mejju 2011, il-locus standi tal-assoċjażżjonijiet ambjentali għal dispożizzjonijiet li jikkonferixxu drittijiet fuq l-individwi (Artikolu 2(1) flimkien mal-Artikolu 5(1) tal-UmwRG);

illimitat, fil-proċeduri li nbdew qabel il-25 ta’ Ġunju 2005 u li ntemmu qabel it-12 ta’ Mejju 2011, il-portata tal-istħarriġ ġudizzjarju ta’ appelli mill-assoċjazzjonijiet ambjentali għal dispożizzjonijiet li jikkonferixxu drittijiet fuq l-individwi (Artikolu 2(1) tal-Liġi dwar rimedji fil-qasam tal-ambjent, verżjoni preċedenti, flimkien mal-Artikolu 5(1) tal-UmwRG);

eskludiet, b’mod ġenerali, mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-UmwRG, il-proċeduri amministrattivi li nbdew qabel il-25 ta’ Ġunju 2005 (Artikolu 5(1) tal-UmwRG).

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors, ġew essenzjalment invokati il-motivi segwenti:

Il-konvenuta kisret kemm ratione temporis kif ukoll b’mod sostantiv l-obbligu ta’ kooperazzjoni leali. Hija ħtieġet iktar minn 18-il xahar sabiex tipprova tislet l-effetti tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta’ Mejju 2011 fil-Kawża C-115/09 3 . Mill-aspett sostantiv, id-dispożizzjonijiet adottati mill-konvenuta huma insuffiċjenti u kuntrarji kemm għall-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq u kif ukoll għas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-Kawża Altrip 4 .

Ir-Repubblika tal-Ġermanja llimitat il-protezzjoni legali tal-individwi fir-rigward tal-istħarriġ ġudizzjarju għall-osservanza tar-regoli li jikkonferixxu drittijiet suġġettivi fis-sens tat-teorija ta’ protezzjoni standard. Limiti oħra jikkonċernaw kemm il-protezzjoni legali tal-individwi kif ukoll tal-assoċjazzjonijiet. B’dan il-mod, l-UmwRG tippermetti l-annullament ta’ deċiżjonijiet ta’ permessi biss fl-assenza tal-evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent, iżda mhux meta dawn jingħataw b’mod żbaljat.

Barra minn hekk, f’kontestazzjoni minn individwi, il-Ġermanja tipprovdi l-possibbiltà ta’ annullament ta’ deċiżjoni dwar evalwazzjoni tal-effetti fuq l-ambjent preċeduralment illegali biss jekk ir-rikorrent juri b’mod konkret li fin-nuqqas ta’ tali difett proċedurali d-deċiżjoni kienet tkun differenti u d-difett proċedurali jaffettwa l-pożizzjoni legali sostantiva li għaliha r-rikorrent huwa intitolat.

Barra minn hekk, oġġezzjonijiet minn assoċjazzjonijiet fi proċeduri ġudizzjarji huma preklużi sa fejn dawn ma jkunux ġew invokati fil-proċeduri amministrattivi. Finalment, il-qafas ġdid tal-UmwRG u l-ġurisprudenza Ġermaniża rilevanti għadhom ma jissodisfawx, f’aspetti kruċjali, ir-rekwiżiti tad-Direttiva SEA, kif ippreċiżati mill-Qorti tal-Ġustizzja fis-sentenzi “Trianel” u “Altrip”.

Barra minn hekk, l-UmwRG teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha proċeduri li nbdew qabel ma d-Direttiva daħlet fis-seħħ.

Dawn il-limitazzjonijiet sinjifikattivi, meqjusa flimkien, jikkontradixxu l-għan tad-Direttiva SEA li tingħata protezzjoni legali addizzjonali skont l-Artikolu 9(2) u (3) tal-Konvenzjoni ta’ Aarhus.

____________

1 ĠU 2012 L 26, p. 1.

2 ĠU L 334, p. 17.

3 Sentenza BUND, C-115/09, UE:C:2011:289

4 Sentenza Altrip, C-72/12, UE:C:2013:712