Language of document :

Rikors ippreżentat fis-27 ta’ Ġunju 2019 – Coppo Gavazzi vs Il-Parlament

(Kawża T-389/19)

Lingwa tal-kawża: it-Taljan

Partijiet

Rikorrenti: Maria Teresa Coppo Gavazzi (Milano, l-Italja) (rappreżentant: M. Merola, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tiddikjara ineżistenti jew tannulla b’mod sħiħ l-att li informa lir-rikorrenti, taħt il-forma tal-komunikazzjoni kkontestata tal-Parlament Ewropew li tiddetermina mill-ġdid id-drittijiet għall-pensjoni marbuta mal-waqfien tal-attività u li tordna l-irkupru tal-ammont imħallas abbażi tal-kalkolu tal-pensjoni preċedenti;

tordna lill-Parlament Ewropew iħallas lura l-ammonti kollha miżmuma indebitament, flimkien mal-interessi bir-rata legali mid-data tat-tnaqqis imwettaq f’ras il-għajn, u tikkundanna lill-Parlament Ewropew jeżegwixxi s-sentenza li għandha tingħata u jadotta kull inizjattiva, att jew miżura neċessarja biex jiżgura r-rikostituzzjoni immedjata u sħiħa tal-portata inizjali tal-benefiċċju tal-pensjoni;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Dan ir-rikors huwa dirett kontra l-att li bih il-Parlament Ewropew iddetermina mill-ġdid id-drittijiet tal-pensjoni marbuta mal-waqfien tal-attività tar-rikorrenti wara d-dħul fis-seħħ, fl-1 ta’ Jannar 2019, tad-deliberazzjoni Nru 14/2018 tal-Ufficio di Presidenza della Camera dei Deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) u ordna l-irkupru tal-ammont imħallas, ittrasferit abbażi tal-kalkolu preċedenti.

Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tinvoka erba’ motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att, fuq il-ksur tal-forom proċedurali u fuq il-ksur li jirriżulta minnu tal-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

F’dan ir-rigward huwa sostnut li l-komunikazzjoni tal-Parlament Ewropew hija illegali għaliex hija vvizzjata minn difetti serji u nuqqasijiet manifesti, prinċipalment ta’ natura proċedurali u, b’mod partikolari, li d-deċiżjoni ġiet adottata mid-Direttorat Ġenerali tal-Finanzi u mhux mill-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Parlament Ewropew konformement ma dak li jistabbilixxu l-Artikolu 11a(6), u l-Artikolu 25(3) tar-Regoli Interni tal-Parlament Ewropew. Il-komunikazzjoni hija totalment nieqsa minn motivazzjoni fir-rigward tar-raġunijiet għalfejn ġiet adottata u għalfejn hemm applikazzjoni awtomatika tad-deliberazzjoni Taljana.

It-tieni motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali tal-att ikkontestat u fuq żball ta’ liġi fl-interpretazzjoni tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ applikazzjoni tal-Istatut tal-membri tal-Parlament Ewropew

F’dan ir-rigward huwa sostnut li l-att ikkontestat jindika b’mod żbaljat kif il-bażi legali tal-Anness III tar-Regoli dwar il-ħlas tal-ispejjeż u l-allowances tal-Membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem ir-“Regoli SAM”) u tal-Artikolu 75 tal-miżuri ta’ applikazzjoni tal-Istatut tal-membri tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem ir-“MAS”). Is-sistema tal-benefiċċji tal-pensjoni prevista mir-Regoli SAM skadiet fl-14 ta’ Lulju 2009 bid-dħul fis-seħħ tal-Istatut tal-membri tal-Parlament Ewropew. Fir-rigward tal-Artikolu 75 tal-MAS, li jirreferi għall-Anness III tar-Regoli SAM, dan ma jawtorizzax lill-Parlament Ewropew jadotta miżuri bħall-miżura kkontestata.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-fatt li l-komunikazzjoni tikser b’mod ċar ir-riżerva ta’ natura legali stabbilita fit-tieni paragrafu tal-Artikolu 75 tal-MAS, li tirreferi espressament għall-kundizzjonijiet previsti mil-leġiżlazzjoni nazzjonali, liema ħaġa teskludi r-rilevanza ta’ deliberazzjonijiet interni tal-Kamra tad-Deputati ta’ Stat Membru.

F’dan ir-rigward huwa sostnut li l-emendi previsti mid-deliberazzjoni Nru 14/2018 tal-Ufficio di Presidenza della Camera dei deputati (l-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati, l-Italja) ma ġewx adottati permezz ta’ liġi tal-Istat, iżda permezz ta’ sempliċi deliberazzjoni tal-Uffiċċju tal-Presidenza tal-Kamra tad-Deputati.

Ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur manifest tal-prinċipji ġenerali tad-dritt Ewropew, bħall-prinċipju taċ-ċertezza legali, il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi u l-prinċipju tal-protezzjoni tad-drittijiet kweżiti, kif ukoll il-prinċipju tal-ugwaljanza.

F’dan ir-rigward huwa sostnut li d-deliberazzjoni kkontestata tikser b’mod serju l-aspettattivi li l-eks deputati setgħu ikollhom fin-natura fissa tad-drittijiet miksuba favurihom, kif ukoll lill-aspettattivi li joriġinaw abbażi tal-kuntest legali fis-seħħ fiż-żmien tal-mandat tagħhom. Barra minn hekk, jidher li t-tnaqqis kunsiderevoli fil-benefiċċju ekonomiku li kien jitħallas lill-eks deputati abbażi tal-leġiżlazzjoni fis-seħħ preċedentement ma huwa sostnut minn ebda motivazzjoni legali xierqa u lanqas minn xi rekwiżit imperattiv kif meħtieġ mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem.

____________