Language of document :

Rikors ippreżentat fil-11 ta’ Marzu 2021 – Ir-Repubblika tal-Polonja vs Il-Parlament Ewropew u Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

(Kawża C-157/21)

Lingwa tal-kawża: il-Pollakk

Partijiet

Rikorrent: Ir-Repubblika tal-Polonja (rappreżentant: B. Majczyna, pełnomocnik)

Konvenuti: Il-Parlament Ewropew, Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja jogħġobha:

tannulla r-Regolament (UE, Euratom) 2020/2092 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2020 dwar reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni 1 kollu kemm hu;

tikkundanna lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

1) Motiv ibbażat fuq nuqqas ta’ bażi legali valida għar-Regolament 2020/2092.

Il-Polonja ssostni li r-Regolament adottat fuq il-bażi tal-Artikolu 322(1)(a) TFUE ma jistax jistabbilixxi l-kundizzjonijiet għall-ksur tal-prinċipji li jiffurmaw il-kunċett ta’ “Stat tad-dritt” u ma jistax jawtorizza lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jikkonstataw il-ksur ta’ dawn il-prinċipji mill-Istati Membri u konsegwentement li jadottaw il-miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni Ewropea permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni. Barra minn hekk il-Polonja tindika li l-mekkaniżmu maħluq ma jissodisfax il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu ssodisfatti minn mekkaniżmu ta’ kundizzjonalità u għaldaqstant huwa mekkaniżmu li jimponi sanzjonijiet fuq l-Istati Membri għal nuqqas ta’ osservanza tal-obbligi tagħhom li jirriżultaw mit-Trattati.

2) Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa kompetenti jadotta r-Regolament 2020/2092, motiv ibbażat fuq bażi legali inkorretta ta’ dan ir-regolament.

3) Sussidjarjament, fil-każ li l-Qorti tal-Ġustizzja tqis li l-leġiżlatur tal-Unjoni huwa kompetenti jadotta r-Regolament 2020/2092, motiv ibbażat fuq ksur tal-Protokoll (Nru 2) dwar l-Applikazzjoni tal-Prinċipji ta’ Sussidjarjetà u Proporzjonalità.

4) Motiv ibbażat fuq ksur tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 296 TFUE minħabba motivazzjoni insuffiċjenti tal-proposta għar-Regolament 2020/2092.

5) Motiv ibbażat fuq ksur tal-Artikolu 7 TUE.

Il-Polonja ssostni li r-Regolament 2020/2092 jistabbilixxi mekkaniżmi ġodda u mhux previsti mit-Trattati fir-rigward tal-kontroll tal-osservanza mill-Istati Membri tal-prinċipji dwar l-Istat tad-dritt u għaldaqstant jagħti lok għal konsegwenzi ekwivalenti għal emenda fit-Trattati. Barra minn hekk, peress li l-għan tal-mekkaniżmu stabbilit fir-Regolament 2020/2092 ikopri l-għan tal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7 TUE, ir-Regolament 2020/2092 iwassal sabiex tiġi evitata l-proċedura stabbilita fl-Artikolu 7 TUE b’mod li titqiegħed inkwistjoni l-applikazzjoni sussegwenti tagħha jew saħansitra ssir irrilevanti.

6) Motiv ibbażat fuq ksur tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 269 TFUE inkwantu jiġi ddefinit il-valur ta’ “Stat tad-dritt” bħala kunċett tad-dritt primarju taħt l-Artikolu 2 TUE permezz ta’ att tad-dritt sekondarju, jiġifieri r-Regolament 2020/2092.

7) Motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 4(1), tat-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2), kif ukoll tal-Artikolu 5(2) TUE.

Dan il-motiv jiżviluppa l-argumentazzjoni stabbilita fl-ewwel motiv. Il-Polonja ssostni li billi stabbilixxa l-mekkaniżmu ta’ kontroll tal-osservanza tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt mill-Istati Membri previst fir-Regolament 2020/2092, il-leġiżlatur tal-Unjoni kiser il-prinċipju ta’ attribuzzjoni stabbilit fl-Artikolu 4(1) kif ukoll fl-Artikolu 5(2) TUE. Barra minn hekk il-Polonja tindika li l-leġiżlatur tal-Unjoni kiser ukoll l-obbligu ta’ osservanza tal-funzjonijiet essenzjali tal-Istat stabbilit fit-tieni sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE, speċjalment il-funzjonijiet li għandhom bħala għan li jiżguraw l-integrità territorjali tiegħu, iż-żamma tal-ordni pubbliku kif ukoll il-protezzjoni tas-sigurtà nazzjonali.

8) Motiv ibbażat fuq il-ksur ta’ trattament ugwali tal-Istati Membri (l-ewwel sentenza tal-Artikolu 4(2) TUE).

Il-Polonja ssostni li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament ma jiggarantixxux li l-konstatazzjoni ta’ ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt tiġi ppreċeduta b’“evalwazzjoni kwalitattiva fil-fond” li tkun oġġettiva, imparzjali u ġusta. Barra minn hekk il-Polonja tindika li l-proċedura tal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni tiddiskrimina b’mod dirett u inekwivoku lill-Istati Membri żgħar u ta’ daqs medju meta mqabbla mal-Istati l-kbar.

9) Motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ ċertezza legali.

Il-Polonja ssostni li d-dispożizzjonijiet tar-Regolament 2020/2092, b’mod partikolari l-kundizzjonijiet għall-evalwazzjoni tal-ksur tal-prinċipji tal-Istat tad-dritt stabbiliti fl-Artikolu 3 kif ukoll fl-Artikolu 4(2) tiegħu ma jissodisfawx ir-rekwiżiti ta’ ċarezza u ta’ preċiżjoni.

10) Motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ proporzjonalità (Artikolu 5(4) TUE).

11) Motiv ibbażat fuq abbuż ta’ poter billi ġie stabbilit mekkaniżmu li l-għan reali tiegħu ma huwiex il-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni iżda li jiġu evitati r-rekwiżiti formali għall-iskattar tal-proċedura ddefinita fl-Artikolu 7 TUE kif ukoll ir-rekwiżiti sostantivi sabiex tinbeda l-proċedura msemmija fl-Artikolu 258 TFUE.

____________

1 ĠU 2020 L 433I, p. 1.