Language of document : ECLI:EU:T:2019:883

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

19 ta’ Diċembru 2019 (*)

“Persunal ta’ kumpannija privata li tipprovdi servizzi informatiċi fi ħdan l-istituzzjoni – Rifjut ta’ aċċess għall-bini tal-Kummissjoni – Kompetenza tal-awtur tal-att”

Fil-Kawża T‑504/18,

XG, irrappreżentat minn S. Kaisergruber u A. Burghelle-Vernet, avukati,

rikorrent,

vs

Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn C. Ehrbar u T. Bohr, bħala aġenti,

konvenuta,

li għandha bħala suġġett talba bbażata fuq l-Artikolu 263 TFUE u intiża għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni tat‑3 ta’ Lulju 2018 li tirrifjuta l-aċċess għall-bini tagħha lir-rikorrent,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn P. Nihoul (Relatur), li qiegħed jaġixxi bħala President, J. Svenningsen u U. Öberg, Imħallfin,

Reġistratur: M. Marescaux, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tat‑8 ta’ Ottubru 2019,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

1        Ir-rikorrent, XG, kien, minn [kunfidenzjali] (1), impjegat mal-kumpannija [kunfidenzjali], li kienet tifforma parti mill-grupp [kunfidenzjali] (iktar ’il quddiem il-“persuna li timpjega”).

2        Wara proċedura għall-għoti ta’ kuntratt, konsorzju kkostitwit minn [kunfidenzjali] (iktar ’il quddiem il-“parti kontraenti”), fi [kunfidenzjali], ikkonkluda kuntratt-qafas mal-Unjoni Ewropea li l-għan tiegħu kien li jipprovdi servizzi [kunfidenzjali] lill-Kummissjoni Ewropea (iktar ’il quddiem il-“kuntratt-qafas”).

3        Ir-rikorrent ġie assenjat mill-persuna li timpjegah bħala [kunfidenzjali] mad-Direttorat Ġenerali (DĠ) [kunfidenzjali] tal-Kummissjoni, li kien jinsab fil-binja [kunfidenzjali] tal-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, huwa rċieva dritt ta’ aċċess għall-bini tal-Kummissjoni.

4        Il-kuntratt-qafas ġie emendat bl-emenda tal‑14 ta’ Settembru 2017 (iktar ’il quddiem l-“emenda għall-kuntratt-qafas”), li daħħlet fil-kuntratt-qafas l-Artikolu 1.14 tal-kundizzjonijiet partikolari, li jipprevedi b’mod partikolari dan li ġej:

“2. Bis-saħħa tal-Artikoli 3, 7 u 8 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 [tat‑13 ta’ Marzu 2015] dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni [ĠU 2015, L 72, p. 41], huwa possibbli li ssir verifika tal-kondotta tal-persunal assenjat fuq il-post għall-prevenzjoni u għall-kontroll tar-riskji għas-sigurtà tal-persunal, tal-beni u tal-informazzjoni tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, bis-saħħa tal-loi belge du 11 décembre 1998 relative à la classification et aux habilitations, attestations et avis de sécurité (il-Liġi Belġjana tal‑11 ta’ Diċembru 1998 dwar il-klassifikazzjoni u l-awtorizzazzjonijiet, attestazzjonijiet u avviżi ta’ sigurtà), id-drittijiet ta’ aċċess tal-persunal assenjat fuq il-post għall-bini tal-awtorità kontraenti jistgħu jkunu suġġetti għall-ħruġ ta’ avviż ta’ sigurtà pożittiv mill-awtoritajiet Belġjani. Id-drittijiet ta’ aċċess eżistenti għandhom jibqgħu validi sakemm ma jingħatax avviż ta’ sigurtà negattiv.

3. Sabiex l-awtoritajiet Belġjani jkunu jistgħu jagħtu avviż ta’ sigurtà, il-parti kontraenti għandha tagħti lill-persunal ikkonċernat assenjat fuq il-post il-formola iktar ’il fuq (dokument ta’ notifika). Id-dokumenti ta’ notifika, debitament ikkompletati u ffirmati (bl-indikazzjoni “dokument ta’ notifika”) huma mibgħuta lura lid-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni (il-Kummissjoni Ewropea, HR.DS – BERL 3/190) u lista elettronika aġġornata tad-data personali rilevanti kif indikata fil-formola annessa tintbagħat fl-indirizz ‘EC-SECURITY-SCREENING@ec.europa.eu’ mhux iktar minn 30 jum wara l-iffirmar ta’ din l-emenda.

4. Fil-każ ta’ ommissjoni jew ta’ rifjut li jimtela d-dokument ta’ notifika, id-drittijiet ta’ aċċess għall-bini tal-Kummissjoni jistgħu jiġu rrifjutati lill-persunal.

[…]

6. […] Il-parti kontraenti timpenja ruħha li tipprovdi biss persunal assenjat fuq il-post li jkun irċieva avviż ta’ sigurtà pożittiv għall-bini li ġej tal-Kummissjoni: [kunfidenzjali]”.

5        Sussegwentement, il-Kummissjoni kkuntattjat lill-persuna li timpjega sabiex titlob lill-impjegati tagħha li kienu jaħdmu f’bini tal-Kummissjoni sabiex jagħtu l-kunsens tagħhom għall-proċedura intiża għall-ksib ta’ avviż ta’ sigurtà.

6        Fis‑26 ta’ Ottubru 2017, ir-rikorrent wera l-qbil tiegħu sabiex il-fajl tiegħu jkun suġġett għal verifika ta’ sigurtà, billi mela d-dokument ta’ notifika anness mal-emenda għall-kuntratt-qafas.

7        Permezz ta’ ittra tat‑30 ta’ Marzu 2018, il-comité interministériel pour la politique de siège (il-Kumitat Interministerjali għall-Politika dwar is-Sede) (CIPS) informa lir-rikorrent li l-Autorité nationale de sécurité (l-Awtorità Nazzjonali tas-Sigurtà) (ANS) kienet wettqet verifika ta’ sigurtà fir-rigward tiegħu u kien iddeċidiet li toħroġ avviż ta’ sigurtà negattiv fir-rigward tiegħu (iktar ’il quddiem l-“avviż ta’ sigurtà negattiv”). Dan l-avviż, anness mal-ittra, kien immotivat mill-fatt li r-rikorrent kien magħruf mid-dipartimenti tal-pulizija għal, l-ewwel nett, offiżi volontarji fuq il-persuna u, it-tieni nett, stupru ta’ maġġorenni, it-tnejn imwettqa [kunfidenzjali] fil-konfront ta’ dik li kienet is-sieħba tiegħu.

8        Fit‑12 ta’ April 2018, ir-rikorrent adixxa lill-korp Belġjan li jisma’ l-appelli fl-oqsma tal-awtorizzazzjonijiet, attestazzjonijiet u avviżi ta’ sigurtà (iktar ’il quddiem il-“korp li jisma’ l-appelli”) b’appell kontra l-avviż ta’ sigurtà negattiv.

9        Fl‑24 ta’ April 2018, il-Kummissjoni ġiet avżata mill-Parlament Ewropew li r-rikorrent ngħata avviż ta’ sigurtà negattiv.

10      Fil‑25 ta’ April 2018, wara li rċeviet il-konferma tal-avviż ta’ sigurtà negattiv, il-Kummissjoni intervistat lir-rikorrent fil-preżenza tal-persuna li timpjegah. Din is-seduta saret quddiem A u B, uffiċjali fis-settur “Rekwiżiti amministrattivi” tad-Direttorat tas-Sigurtà tal-Kummissjoni. Meta ġie mistieden jippreżenta l-kummenti tiegħu dwar l-assenza ta’ avviż ta’ sigurtà pożittiv, ir-rikorrent indika b’mod partikolari, fir-rigward tal-kundanna tiegħu għal offiżi volontarji fuq il-persuna, li appella mis-sentenza mogħtija kontra tiegħu u, fir-rigward tal-fatti ta’ stupru, li dan kien is-suġġett ta’ digriet li indika li ma kienx hemm lok li jinfetħu proċeduri.

11      Wara din is-seduta, li r-rikorrent irċieva kopja tal-minuti tagħha, tneħħielu d-dritt tiegħu ta’ aċċess għall-bini tal-Kummissjoni (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal‑25 ta’ April 2018”). Ir-rikorrent isemmi dan fil-minuti tas-seduta tiegħu, f’dawn it-termini:

“Qegħdin tinformawni li sejrin tneħħuli l-aċċess tiegħi b’riżultat ta’ din l-assenza ta’ avviż ta’ sigurtà pożittiv. Għal dan il-għan, nagħtikom lura ż-żewġ kards tiegħi ta’ aċċess […]. Intom qegħdin tinformawni li għandi d-dritt li sussegwentement inressaq talba bil-miktub u mmotivata sabiex ikolli aċċess mill-ġdid għall-proprjetajiet immobbli tal-Kummissjoni.”

12      Permezz ta’ deċiżjoni tal‑20 ta’ Ġunju 2018, il-korp li jisma’ l-appelli kkunsidra li l-avviż ta’ sigurtà negattiv ma kellux bażi legali u li, konsegwentement, huwa ma kellux kompetenza sabiex jiddeċiedi fuq il-fondatezza ta’ dan l-avviż (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-korp li jisma’ l-appelli”).

13      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑28 ta’ Ġunju 2018, il-persuna li timpjega kkomunikat lill-Kummissjoni d-deċiżjoni tal-korp li jisma’ l-appelli, fejn sostniet li dan tal-aħħar kien iddeċieda li l-avviż ta’ sigurtà negattiv mogħti mill-ANS “ma [kellux] bażi legali u għalhekk [kellu] jiġi kkunsidrat bħala ineżistenti”.

14      Permezz ta’ ittra tat‑3 ta’ Lulju 2018 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), il-Kummissjoni informat lill-persuna li timpjega li “l-projbizzjoni ta’ aċċess għas-siti tal-Kummissjoni [kienet] miżmuma [għar-rikorrent] fuq il-bażi tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/443 tat‑13 ta’ Marzu 2015 dwar is-Sigurtà fil-Kummissjoni”, għar-raġuni li “l-avviż negattiv mogħti mill-ANS ma [kienx] ġie annullat mill-korp li jisma’ l-appelli”. Din l-ittra kienet iffirmata minn C, Kap tad-Diviżjoni “Sigurtà tal-Informazzjoni” fi ħdan id-Direttorat tas-Sigurtà tad-DĠ tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà tal-Kummissjoni.

15      Permezz ta’ ittra tal‑24 ta’ Lulju 2018, il-konsulenti tar-rikorrent talbu, b’mod partikolari, il-komunikazzjoni tal-att li permezz tiegħu d-DĠ tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà kien iddelega lil C il-kompetenza sabiex jadotta d-deċiżjonijiet fil-qasam tal-aċċess għall-bini.

16      Fit‑3 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrent adixxa lit-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża, il-Belġju) b’rikors għal miżuri provviżorji intiż għall-annullament tal-avviż ta’ sigurtà negattiv.

17      Permezz ta’ ittra tal‑10 ta’ Awwissu 2018, il-Kummissjoni indikat lir-rikorrent li hija kienet tqis li “t-talbiet magħmula fl-ittra [tagħha tal‑24 ta’ Lulju 2018 ma kinux] iktar attwali”, b’mod partikolari, minħabba fit-tressiq ta’ kawża quddiem it-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża).

18      Fis‑6 ta’ Settembru 2018, il-persuna li timpjega informat lir-rikorrent li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kien ser jiġi xolt u li, konformement mal-leġiżlazzjoni Belġjana fis-seħħ fuq il-kuntratt ta’ xogħol, il-perijodu tal-preavviż ta’ disa’ ġimgħat kien ser jibda jiddekorri fl‑10 ta’ Settembru 2018.

19      Permezz ta’ digriet tas‑26 ta’ Ottubru 2018, l-awla għal miżuri provviżorji tat-tribunal de première instance francophone de Bruxelles (il-Qorti tal-Ewwel Istanza ta’ Brussell bil-lingwa Franċiża) issospendiet l-effetti tal-avviżi mogħtija mill-ANS li jikkonċernaw lir-rikorrent u ordnat lill-Istat Belġjan sabiex jitlob lil din tal-aħħar sabiex toħroġ avviż ġdid ta’ sigurtà.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

20      Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl‑24 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrent ippreżenta dan ir-rikors.

21      Permezz ta’ att separat ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fl-istess jum, ir-rikorrent ressaq talba għal miżuri provviżorji intiża għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

22      Fl‑24 ta’ Awwissu 2018, ir-rikorrent talab, skont l-Artikolu 66 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, l-anonimat. Dan ingħata permezz ta’ deċiżjoni tat‑2 ta’ Ottubru 2018.

23      Permezz ta’ digriet tal‑11 ta’ Settembru 2018, XG vs Il‑Kummissjoni (T‑504/18 R, mhux ippubblikat, EU:T:2018:526), il-President tal-Qorti Ġenerali ċaħad it-talba għas-sospensjoni tal-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.

24      Fuq proposta tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 89 tar-Regoli tal-Proċedura, stiednet lill-partijiet jippreżentaw ċerti dokumenti u għamlitilhom mistoqsijiet bil-miktub. Il-partijiet wieġbu dawn il-mistoqsijiet fit-terminu mogħti għal dan il-għan.

25      Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni kkontestata;

–        tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.

26      Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiddikjara r-rikors inammissibbli jew, fi kwalunkwe każ, tikkonstata li r-rikors ma għadx għandu skop;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Fid-dritt

 Dwar l-ammissibbiltà tar-rikors

27      Il-Kummissjoni tqis li r-rikors huma inammissibbli għal żewġ raġunijiet: minn naħa, ir-rikorrent, li ġie mkeċċi mill-persuna li timpjegah, ma għadx għandu interess li jitlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, ir-rikors huwa dirett kontra att konfermatorju ta’ deċiżjoni li tkun saret definittiva.

28      Għalkemm il-Kummissjoni ma invokatx eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà f’dan ir-rigward, għandu jiġi eżaminat, barra minn hekk, jekk id-deċiżjoni kkontestata, minkejja li hija involuta f’kuntest kuntrattwali, tistax tiġi kkunsidrata bħala att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE.

 Fuq l-interess ġuridiku tar-rikorrent

29      Il-Kummissjoni tqis li r-rikorrent tilef l-interess ġuridiku tiegħu minħabba li, peress li kien tkeċċa mill-persuna li timpjegah, huwa ma seta’ jikseb ebda benefiċċju mill-annullament tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, huwa biss fil-kwalità tiegħu ta’ impjegat tal-parti kontraenti mal-Kummissjoni li kien ibbenefika minn dritt ta’ aċċess għall-bini ta’ din l-istituzzjoni.

30      F’dan ir-rigward, hemm lok li jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat minn persuna fiżika jew ġuridika huwa ammissibbli biss sa fejn ir-rikorrent ikollu interess li jara li l-att ikkontestat jiġi annullat. Tali interess jippreżupponi li l-annullament tal-att ikkontestat jista’ jkollu, minnu nnifsu, konsegwenzi legali u li r-rikors b’hekk jista’, bl-eżitu tiegħu, jipprovdi benefiċċju lill-parti li ressqitu (ara s-sentenza tat‑18 ta’ Marzu 2010, Centre de Coordination Carrefour vs Il‑Kummissjoni, T‑94/08, EU:T:2010:98, punt 48 u l-ġurisprudenza ċċitata).

31      Dan l-interess ġuridiku għandu jkun effettiv u attwali u għandu jiġi evalwat fil-ġurnata li fiha jiġi ppreżentat ir-rikors. Huwa għandu jibqa’ preżenti sakemm tingħata d-deċiżjoni ġudizzjarja taħt piena li ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni (sentenzi tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punt 42, u tat‑18 ta’ Marzu 2010, Centre de Coordination Carrefour vs Il‑Kummissjoni, T‑94/08, EU:T:2010:98, punt 49).

32      F’dan il-każ, fis‑6 ta’ Settembru 2018, jiġifieri wara l-preżentata ta’ dan ir-rikors, il-persuna li timpjega informat lir-rikorrent li l-kuntratt ta’ xogħol tiegħu kien ser jiġi xolt u li, konformement mal-leġiżlazzjoni Belġjana fis-seħħ fuq il-kuntratt ta’ xogħol, il-perijodu tal-preavviż ta’ disa’ ġimgħat kien ser jibda jiddekorri fl‑10 ta’ Settembru 2018.

33      Għalhekk il-kuntratt intemm matul ix-xahar ta’ Novembru 2018.

34      Madankollu, ma hemmx lok li jiġi kkunsidrat li r-rikorrent tilef l-interess ġuridiku tiegħu peress li, fl‑24 ta’ Settembru 2018, il-persuna li timpjega kitbitlu:

“Hekk kif tkun irċevejt notifika pożittiva min-naħa tal-uffiċċju ta’ sigurtà u li d-DĠ [kunfidenzjali] ikollu rikors dwarek, nerġgħu nistabbilixxu kuntratt ta’ impjieg bejnek u l-kumpannija tagħna.”

35      Minn din l-ittra jirriżulta li, minkejja d-deċiżjoni kkontestata, ir-rabta ta’ fiduċja bejn ir-rikorrent u l-persuna li timpjegah baqgħet teżisti, b’tali mod li, jekk id-deċiżjoni kkontestata tiġi annullata, ir-rikorrent isib possibbiltà serja li jiġi rreklutat minnha.

36      F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni ma tistax issostni li l-ittra tal‑24 ta’ Settembru 2018 ma tirreferix għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, iżda għall-ħruġ ta’ avviż ta’ sigurtà pożittiv. Fil-fatt, fil-każ ta’ annullament tad-deċiżjoni kkontestata, hija l-Kummissjoni li għandha tislet il-konsegwenzi ta’ dan l-annullament, u ma jistax jiġi eskluż li, anki fl-assenza ta’ avviż ta’ sigurtà pożittiv, hija tikkunsidra li l-aċċess tar-rikorrent għall-bini tagħha għandu jingħatalu mill-ġdid.

37      Barra minn hekk, għandu jitfakkar li mill-Artikolu 266 TFUE jirriżulta li rikorrent għandu interess li jitlob l-annullament ta’ att ta’ istituzzjoni sabiex jiġi evitat li l-illegalità li biha dan huwa allegatament ivvizzjat ma sseħħx fil-futur, sa fejn tali eventwalità tkun possibbli indipendentement miċ-ċirkustanzi tal-kawża li taw lok għar-rikors ippreżentat mir-rikorrent (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il‑Kummissjoni, C‑362/05 P, EU:C:2007:322, punti 50 sa 52).

38      F’dan il-każ, jekk ir-rikorrent ikun ġie rreklutat mill-ġdid mill-persuna li timpjega, huwa għandu interess li l-Kummissjoni ma tirriproduċix deċiżjoni vvizzjata bl-istess illegalitajiet bħal dawk li huma allegati fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

39      Għal dawn ir-raġunijiet, l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà invokata mill-Kummissjoni, ibbażata fuq l-assenza ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent, għandha tiġi miċħuda.

 Fuq il-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata hijiex ta’ natura konfermattiva

40      Skont il-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata ma hijiex att li jista’ jiġi kkontestat fis-sens tal-Artikolu 263 TFUE, peress li hija purament konfermattiva tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ April 2018, li permezz tagħha hija rtirat it-titolu ta’ aċċess tagħha għar-rikorrent. Sa fejn din l-aħħar deċiżjoni ma kinitx is-suġġett ta’ rikors fit-terminu ta’ xahrejn previst fl-aħħar paragrafu tal-Artikolu 263 TFUE, hija saret definittiva. Ir-rikors imressaq kontra d-deċiżjoni kkontestata, li ma għandux skop ieħor ħlief li jżomm din il-projbizzjoni ta’ aċċess, ma huwiex għaldaqstant ammissibbli.

41      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, rikors għal annullament ippreżentat kontra att purament konfermattiv ta’ deċiżjoni preċedenti li tkun saret definittiva huwa inammissibbli. Att għandu jitqies li sempliċement jikkonferma deċiżjoni preċedenti jekk ma jkun fih ebda element ġdid fil-konfront tad-deċiżjoni preċedenti u jekk qabel l-adozzjoni tiegħu ma jkunx twettaq eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni tad-destinatarju ta’ din id-deċiżjoni (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punt 44 u l-ġurisprudenza ċċitata).

42      Madankollu, in-natura konfermattiva jew le ta’ att ma tistax tiġi evalwata biss skont il-kontenut tiegħu meta mqabbel ma’ dak tad-deċiżjoni preċedenti li huwa jikkonferma. Fil-fatt, għandha tiġi evalwata wkoll in-natura tal-att ikkontestat meta mqabbel man-natura tat-talba li għaliha dan l-att jikkostitwixxi risposta (ara s-sentenza tas‑7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata).

43      B’mod partikolari, għalkemm att jikkostitwixxi r-risposta għal talba li fiha qegħdin jiġu invokati fatti ġodda u sostanzjali u li permezz tagħha l-amministrazzjoni qiegħda tintalab tipproċedi għal eżami mill-ġdid tad-deċiżjoni preċedenti, dan l-att ma jistax jitqies li huwa ta’ natura purament konfermattiva, sa fejn hija tiddeċiedi dwar l-allegati fatti ġodda u sostanzjali u tinkludi, għalhekk, element ġdid meta mqabbel mad-deċiżjoni preċedenti (sentenza tas‑7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punt 46).

44      Sabiex ikollu natura ġdida, huwa meħtieġ li la r-rikorrent u lanqas l-amministrazzjoni ma kellhom jew ma kienu f’pożizzjoni li jkollhom għarfien tal-fatt ikkonċernat fil-mument tal-adozzjoni tad-deċiżjoni preċedenti; din il-kundizzjoni hija ssodisfatta, a fortiori, jekk il-fatt inkwistjoni deher wara l-adozzjoni tad-deċiżjoni preċedenti (sentenza tas‑7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punt 50 u l-ġurisprudenza ċċitata).

45      Sabiex ikun hemm natura sostanzjali, huwa meħtieġ li l-fatt ikkonċernat ikun jista’ jbiddel b’mod sostanzjali s-sitwazzjoni tar-rikorrent li hija l-bażi tat-talba inizjali li tat lok għad-deċiżjoni preċedenti li saret definittiva (sentenza tas‑7 ta’ Frar 2001, Inpesca vs Il‑Kummissjoni, T‑186/98, EU:T:2001:42, punt 51 u l-ġurisprudenza ċċitata).

46      F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li, fid-deċiżjoni tal‑25 ta’ April 2018, il-Kummissjoni, sabiex tirtira d-dritt ta’ aċċess tar-rikorrent għall-bini tagħha, ħadet inkunsiderazzjoni, b’mod partikolari, l-avviż ta’ sigurtà negattiv mogħti lilu mill-ANS.

47      Sussegwentement, ir-rikorrent ikkontesta l-legalità ta’ dan l-avviż ta’ sigurtà quddiem il-korp li jisma’ l-appelli, li, fl‑20 ta’ Ġunju 2018, iddeċieda li “l-avviż kif ifformulat mill-[ANS] ma [kellux] bażi legali” u li, konsegwentement, “[huwa kien] mingħajr ġurisdizzjoni sabiex jiddeċiedi dwar il-fondatezza jew le ta’ [dan] l-avviż”.

48      Permezz ta’ messaġġ elettroniku tat‑28 ta’ Ġunju 2018, il-persuna li timpjega għalhekk issottomettiet id-deċiżjoni tal-korp li jisma’ l-appelli lill-Kummissjoni għar-raġuni li, fil-fehma tagħha, fid-dawl ta’ din id-deċiżjoni, l-avviż ta’ sigurtà negattiv kellu jiġi kkunsidrat bħala ineżistenti.

49      It-talba għal reviżjoni tad-deċiżjoni tal‑25 ta’ April 2018 kienet għalhekk ibbażata fuq id-deċiżjoni tal-korp li jisma’ l-appelli.

50      Issa, id-deċiżjoni tal-korp li jisma’ l-appelli hija ta’ natura ġdida fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra fil-punt 44 iktar ’il fuq, peress li din ingħatat fl‑20 ta’ Ġunju 2018, jiġifieri wara d-deċiżjoni inizjali, li, min-naħa tagħha, hija ddatata l‑25 ta’ April ta’ qabel.

51      Id-deċiżjoni tal-korp li jisma’ l-appelli għandha wkoll natura sostanzjali. Fil-fatt, peress li huwa ddikjarat li l-avviż ta’ sigurtà negattiv ma għandux bażi legali, hija ta’ natura li toħloq dubju fuq element importanti meħud inkunsiderazzjoni mill-Kummissjoni sabiex tadotta d-deċiżjoni tal‑25 ta’ April 2018 u tagħti x’jinftiehem li hija tista’ twassal għal reviżjoni ta’ din id-deċiżjoni.

52      Peress li saret taf b’dan l-element il-ġdid mill-persuna li timpjega lir-rikorrent, il-Kummissjoni wettqet eżami mill-ġdid tas-sitwazzjoni ta’ dan tal-aħħar, fejn hija kkunsidrat li, billi l-korp li jisma’ l-appelli kien naqas milli jannulla l-avviż negattiv, kien meħtieġ li tinżamm il-projbizzjoni ta’ aċċess li huwa kien suġġett għaliha fil‑25 ta’ April 2018.

53      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li d-deċiżjoni kkontestata ma hijiex ta’ natura konfermattiva, b’tali mod li r-rikors ma jistax jiġi ddikjarat inammissibbli minħabba din ir-raġuni.

 Fuq il-kwistjoni jekk id-deċiżjoni kkontestata tistax tiġi sseparata mill-qafas kuntrattwali li fih isseħħ

54      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont l-Artikolu 263 TFUE, il-qrati tal-Unjoni jistħarrġu l-legalità tal-atti adottati mill-istituzzjonijiet u intiżi sabiex jipproduċu effetti legali fir-rigward ta’ terzi.

55      Skont ġurisprudenza stabbilita, din il-kompetenza tikkonċerna biss l-atti msemmija fl-Artikolu 288 TFUE li l-istituzzjonijiet għandhom jadottaw taħt il-kundizzjonijiet previsti mit-Trattat FUE (ara d-digriet tal‑10 ta’ Mejju 2004, Musée Grévin vs Il‑Kummissjoni, T‑314/03 u T‑378/03, EU:T:2004:139, punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata).

56      Min-naħa l-oħra, l-atti adottati mill-istituzzjonijiet li jaqgħu taħt kuntest purament kuntrattwali, li minnhom huma inseparabbli, ma jidhrux, minħabba n-natura tagħhom, fost l-atti msemmija fl-Artikolu 288 TFUE li l-annullament tagħhom jista’ jintalab lill-Qorti Ġenerali skont l-Artikolu 263 TFUE (sentenzi tas‑17 ta’ Ġunju 2010, CEVA vs Il‑Kummissjoni, T‑428/07 u T‑455/07, EU:T:2010:240, punt 52; tal‑24 ta’ Ottubru 2014, Technische Universität Dresden vs Il‑Kummissjoni, T‑29/11, EU:T:2014:912, punt 29; u d-digriet tas‑6 ta’ Jannar 2015, St’art et vs Il‑Kummissjoni, T‑36/14, mhux ippubblikat, EU:T:2015:13, punt 30).

57      F’dan il-każ, ir-rikors mingħajr dubju jaqa’ f’kuntest kuntrattwali.

58      Fil-fatt, il-kodiċi ta’ kondotta anness mal-kuntratt konkluż fit‑8 ta’ Frar 2017 bejn ir-rikorrent u l-persuna li timpjegah jipprevedi li l-konsulent estern li jaħdem għall-Kummissjoni jintrabat li jikkonforma ruħu mal-kundizzjonijiet tad-dipartimenti ta’ sigurtà tal-Kummissjoni.

59      Barra minn hekk, kif jirriżulta mill-punt 4 iktar ’il fuq, l-emenda għall-kuntratt-qafas tistabbilixxi li, skont l-Artikoli 3, 7 u 8 tad-Deċiżjoni 2015/443, il-Kummissjoni tista’ twettaq verifika tal-kondotta tal-persunal assenjat fuq il-post sabiex tipprevjeni u tikkontrolla r-riskji għas-sigurtà tal-persunal tagħha, tal-beni tagħha u tal-informazzjoni tagħha, li d-drittijiet ta’ aċċess tal-persunal assenjat fuq il-post għall-bini tal-awtorità kontraenti jistgħu jkunu suġġetti għall-ħruġ ta’ avviż ta’ sigurtà pożittiv mill-awtoritajiet Belġjani, li d-drittijiet ta’ aċċess eżistenti għandhom jibqgħu validi sakemm jingħata avviż ta’ sigurtà negattiv u li l-parti kontraenti timpenja ruħha li tipprovdi biss il-persunal assenjat fuq il-post li jkun irċieva avviż ta’ sigurtà pożittiv għall-bini tal-Kummissjoni li huma elenkati fih.

60      Madankollu, skont il-ġurisprudenza, l-att adottat minn istituzzjoni f’kuntest kuntrattwali għandu jitqies li huwa separabbli minn dan tal-aħħar meta, minn naħa, ikun ġie adottat minn din l-istituzzjoni fl-eżerċizzju tal-kompetenzi proprji tagħha u, min-naħa l-oħra, jipproduċi fih innifsu effetti legali vinkolanti li jistgħu jaffettwaw l-interessi tad-destinatarju tiegħu u għalhekk jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors għal annullament. F’dawn iċ-ċirkustanzi, rikors għal annullament ippreżentat mid-destinatarju tal-att għandu jitqies li huwa ammissibbli (ara d-digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2011, Groupement Adriano, Jaime Ribeiro, Conduril vs Il‑Kummissjoni, T‑335/09, EU:T:2011:614, punt 32 u l-ġurisprudenza ċċitata).

61      F’dan il-kuntest, il-“kompetenzi proprji ta’ istituzzjoni” għandhom jinftiehmu bħala dawk, ibbażati fuq it-Trattati jew id-dritt sekondarju, li huma parti mill-prerogattivi ta’ awtorità pubblika tagħha u li għalhekk jippermettulha toħloq jew temenda, b’mod unilaterali, id-drittijiet u l-obbligi fir-rigward ta’ terz (digriet tal‑21 ta’ Ottubru 2011, Groupement Adriano, Jaime Ribeiro, Conduril vs Il‑Kummissjoni, T‑335/09, EU:T:2011:614, punt 33).

62      Dawn ir-rekwiżiti huma ssodisfatti f’din il-kawża.

63      Minn naħa, id-deċiżjoni kkontestata ġiet adottata mill-Kummissjoni fuq il-bażi tad-Deċiżjoni 2015/443, li tagħti lil din l-istituzzjoni kompetenzi speċifiċi intiżi, b’mod partikolari, sabiex jiżguraw is-sigurtà fi ħdan il-bini tagħha.

64      Min-naħa l-oħra, kif enfasizzat il-Kummissjoni bi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti Ġenerali, billi żammet il-projbizzjoni ta’ aċċess tar-rikorrent għall-bini tal-Kummissjoni, id-deċiżjoni kkontestata tipproduċi, b’mod unilaterali u indipendentement mill-kuntratti evokati fil-punti 58 u 59 iktar ’il fuq, effetti legali vinkolanti fuq is-sitwazzjoni ta’ terz, b’tali mod li tikkostitwixxi att ta’ awtorità pubblika.

65      Barra minn hekk, l-effetti tad-deċiżjoni kkontestata jaqbżu l-isfera kuntrattwali, peress li din għandha bħala konsegwenza li r-rikorrent jiġi mċaħħad minn kull dritt ta’ aċċess għall-bini, anki jekk bħala viżitatur.

66      Għaldaqstant, id-deċiżjoni kkontestata tikkostitwixxi att separabbli mill-kuntratt, li jista’ jkun is-suġġett ta’ rikors skont l-Artikolu 263 TFUE.

 Fuq il-mertu

67      Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrrent jinvoka erba’ motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni kkontestata. It-tieni motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/443 u fuq l-assenza ta’ bażi legali tad-deċiżjoni kkontestata. It-tielet motiv huwa bbażat fuq ksur tad-drittijiet fundamentali. Ir-raba’ motiv, invokat sussidjarjament, huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 296 TFUE, tal-Artikolu 41(2) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea u tal-prinċipji ta’ motivazzjoni proċedurali u sostantiva tal-atti unilaterali.

68      Il-Qorti Ġenerali tqis li għandu jiġi eżaminat fl-ewwel lok it-tieni motiv sa fejn dan huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/443.

 Fuq it-tieni motiv, sa fejn huwa bbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/443

69      Fil-kuntest tat-tieni motiv, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni kkontestata hija nieqsa minn bażi legali minħabba, b’mod partikolari, li l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/443, li għaliha tirreferi d-deċiżjoni kkontestata, ma jipprevedix il-possibbiltà li jiġi rtirat id-dritt ta’ aċċess għall-bini tal-Kummissjoni, iżda jikkostitwixxi dispożizzjoni ġenerali li tirreferi għall-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, fil-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 266) u d-dritt nazzjonali.

70      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li d-deċiżjoni kkontestata tirreferi effettivament għall-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/443.

71      Kif enfasizza r-rikorrent, l-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/443 jelenka d-dispożizzjonijiet u l-prinċipji li l-Kummissjoni għandha tosserva fl-implimentazzjoni ta’ din id-deċiżjoni, iżda ma jagħtihiex is-setgħa meħtieġa sabiex tadotta miżuri li jillimitaw l-aċċess ta’ terzi għall-bini tagħha.

72      Fir-risposta, il-Kummissjoni sostniet li r-riferiment għall-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/443 fid-deċiżjoni kkontestata kien jikkostitwixxi żball fil-kitba u li, fir-realtà, kien l-Artikolu 12 tal-istess deċiżjoni li kien imissu ġie inkluż.

73      F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li, kif tirrileva l-Kummissjoni, l-Artikolu 12(1)(b) tad-Deċiżjoni 2015/443 jagħti kompetenza lill-persunal imqabbad konformement mal-Artikolu 5 tal-istess deċiżjoni sabiex jipprojbixxi l-aċċess għall-bini tal-Kummissjoni.

74      Peress li jikkostitwixxi manifestament żball tal-pinna, ir-riferiment għall-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni 2015/443 fid-deċiżjoni kkontestata ma jistax ikollu effett fuq il-bażi jew il-validità tagħha.

75      Għaldaqstant, it-tieni motiv għandu jiġi miċħud sa fejn jikkonċerna r-riferiment għad-Deċiżjoni 2015/443.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tad-deċiżjoni kkontestata

76      Fl-ewwel motiv, ir-rikorrent isostni li C, Kap tad-Diviżjoni “Sigurtà tal-Informazzjoni” fi ħdan id-Direttorat tas-Sigurtà tad-DĠ tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà, ma kienx kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

77      F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li d-Deċiżjoni 2015/443 tipprevedi, fl-Artikolu 17 tagħha, li r-responsabbiltajiet tal-Kummissjoni koperti mill-imsemmija deċiżjoni huma eżerċitati mid-DĠ tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà taħt l-awtorità u r-responsabbiltà tal-membru tal-Kummissjoni responsabbli għas-sigurtà.

78      B’mod partikolari, l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2015/443 jiddisponi:

“Huwa biss il-persunal awtorizzat abbażi ta’ mandat nominattiv ikkonferit lilhom mid-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani u s-Sigurtà, minħabba d-dmirijiet attwali tagħhom, li jista’ jingħata s-setgħa li jieħu waħda jew iżjed minn dawn il-miżuri li ġejjin:

(1)      Iġorru armi personali;

(2)      Iwettqu inkjesti ta’ sigurtà kif imsemmija fl-Artikolu 13;

(3)      Jieħdu miżuri ta’ sigurtà kif imsemmi fl-Artikolu 12 kif speċifikat fil-mandat.”

79      Fir-rigward tal-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni 2015/443, dan jistabbilixxi, fil-paragrafu 1 tiegħu:

“Sabiex tiġi żgurata s-sigurtà fil-Kummissjoni u għall-prevenzjoni u l-kontroll tar-riskji, il-persunal awtorizzat skont l-Artikolu 5 jista’, f’konformità mal-prinċipji stabbiliti fl-Artikolu 3, jieħu — fost l-oħrajn, waħda jew aktar minn dawn il-miżuri ta’ sigurtà:

[…]

(b)      miżuri limitati li jikkonċernaw persuni li jkunu ta’ theddida għas-sigurtà, inkluż li persuni jiġu ordnati jħallu s-siti tal-Kummissjoni, persuni jiġu eskortati barra mis-siti tal-Kummissjoni, il-projbizzjoni ta’ persuni milli jidħlu fis-siti tal-Kummissjoni għal perjodu ta’ żmien, dan tal-aħħar definiti skont il-kriterji li għandhom jiġu definiti fir-regoli ta’ implimentazzjoni;

[…]”

80      Minn dawn id-dispożizzjonijiet jirriżulta li, sabiex tadotta deċiżjoni ta’ projbizzjoni ta’ aċċess bħad-deċiżjoni kkontestata, l-uffiċjal tal-Kummissjoni għandu jkollu mandat nominattiv mogħti mid-Direttur Ġenerali tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà.

81      Ir-rekwiżit ta’ mandat nominattiv jimplika li dan jingħata bil-miktub, hekk kif jikkonferma l-kliem “kif speċifikat fil-mandat” li jidher fil-punt 3 tal-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni 2015/443.

82      Fil-kuntest ta’ miżura ta’ organizzazzjoni tal-proċedura, il-Qorti Ġenerali talbet lill-Kummissjoni jekk C, firmatarju tad-deċiżjoni kkontestata, kienx jagħmel parti mill-persunal li ngħata mandat nominattiv fis-sens tal-Artikolu 5 tad-Deċiżjoni 2015/443.

83      Mir-risposta tal-Kummissjoni jirriżulta li C ma rċeviex mandat nominattiv sabiex jadotta l-miżuri previsti fl-Artikolu 12(1)(b) tad-Deċiżjoni 2015/443.

84      Għalhekk, għandu jiġi kkonstatat li l-persuna firmatarja tad-deċiżjoni kkontestata ma kinitx awtorizzata li tadottaha konformement mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni 2015/443.

85      Fir-risposta, il-Kummissjoni sostniet li d-deċiżjoni kkontestata setgħet tittieħed mill-Kap tad-Diviżjoni fi ħdan id-Direttorat tas-Sigurtà, peress li dan il-membru tal-persunal kellu delegazzjoni ta’ firma tad-Direttur ta’ dan id-Direttorat sabiex jirrappreżenta lill-Kummissjoni fil-konfront ta’ terzi f’dak li jikkonċerna l-politika ta’ sigurtà.

86      Sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza tal-allegata delegazzjoni ta’ firma, il-Kummissjoni pproduċiet dokument li jinkludi deskrizzjoni tal-funzjoni eżerċitata minn C. Dan id-dokument jistabbilixxi b’mod partikolari li l-Kap tad-Diviżjoni “Sigurtà tal-Informazzjoni” tad-Direttorat tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà jirrappreżenta lill-Kummissjoni fil-konfront tar-rappreżentanti tal-Istati Membri u ta’ Stati terzi kif ukoll ta’ organizzazzjonijiet pubbliċi u privati fir-rigward tal-politika ta’ sigurtà u tal-oqsma l-oħra li huma fil-ġurisdizzjoni ta’ din id-diviżjoni.

87      F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li delegazzjoni ta’ firma hija differenti minn delega ta’ poteri peress li min jagħti delega ma jittrasferixxix kompetenza lil min jingħata delega, li huwa sempliċement awtorizzat sabiex jelabora u jiffirma, f’ismu u taħt ir-responsabbiltà ta’ min jagħti delega, l-istrument ta’ deċiżjoni li s-sustanza tagħha ġiet iddefinita minn dan tal-aħħar. Barra minn hekk, delegazzjoni ta’ firma għandha tikkonċerna miżuri ta’ ġestjoni u ta’ amministrazzjoni ddefiniti b’mod ċar.

88      F’dan il-każ, fl-ewwel lok, għandu jiġi osservat li l-kompetenzi indikati fid-dokument imsemmi fil-punt 86 iktar ’il fuq ma jinkludux neċessarjament is-setgħa li jingħataw projbizzjonijiet ta’ aċċess għall-bini tal-Kummissjoni.

89      Fit-tieni lok, għandu jiġi kkonstatat li, minbarra li ma hijiex iffirmata, id-deskrizzjoni tal-kompetenzi ta’ C li tinsab f’dan id-dokument ma tissodisfax, minħabba n-natura ġenerali tagħha, ir-rekwiżit ta’ ċarezza applikabbli għad-definizzjoni tal-miżuri li huma s-suġġett ta’ delegazzjoni ta’ firma.

90      Fit-tielet lok, tali delegazzjoni ta’ firma hija inkompatibbli mad-Deċiżjoni 2015/443, li teżiġi, għall-adozzjoni ta’ miżura ta’ projbizzjoni ta’ aċċess, mandat nominattiv u espliċitu maħruġ mid-Direttur tad-DĠ tar-Riżorsi Umani u tas-Sigurtà.

91      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkunsidrat li C ma kienx kompetenti sabiex jadotta d-deċiżjoni kkontestata.

92      Skont il-Kummissjoni, l-illegalità li għadha kemm ġiet identifikata, jekk hija rrikonoxxuta, għandha twassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata biss fil-każ fejn ir-rikorrent juri li jkun sofra dannu għal garanzija li kellha tingħatalu, prova li, f’dan il-każ, ma ġietx prodotta.

93      F’dan ir-rigward, għandu jiġi enfasizzat li, fil-każ fejn it-tilwima tkun bejn istituzzjoni u l-persunal tagħha u tikkonċerna garanziji mogħtija lil dan tal-aħħar mir-Regolamenti tal-Persunal tal-Unjoni Ewropea jew regola ta’ amministrazzjoni tajba, nuqqas ta’ kompetenza tal-awtur tal-att ikkontestat ma jwassalx neċessarjament għall-annullament ta’ dan tal-aħħar meta r-rikorrent ma weriex li ġarrab dannu għal garanzija (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tas‑7 ta’ Frar 2007, Caló vs Il‑Kummissjoni, T‑118/04 u T‑134/04, EU:T:2007:37, punti 67 u 68, u tat‑13 ta’ Diċembru 2018, Pipiliagkas vs Il‑Kummissjoni, T‑689/16, mhux ippubblikata, EU:T:2018:925, punt 62).

94      Madankollu, ma hemmx lok li din il-ġurisprudenza tiġi estiża għar-relazzjonijiet bejn il-Kummissjoni u terzi, billi, peress li huma esterni għall-amministrazzjoni, dawn tal-aħħar ma jibbenefikawx minn garanziji li jingħataw lill-uffiċjali tal-Unjoni mir-Regolamenti tal-Persunal tagħhom.

95      Għall-kuntrarju, il-ġurisprudenza tenfasizza li r-regoli li jikkonċernaw il-kompetenza tal-awtur tal-att huma ta’ natura ta’ ordni pubbliku li timplika, fid-dawl tal-importanza tagħhom, li l-motivi bbażati fuq il-ksur tagħhom mhux biss jistgħu, iżda għandhom jitqajmu ex officio mill-qorti tal-Unjoni, meta din il-kompetenza tkun inkwistjoni f’kawża mressqa quddiemha (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tas‑17 ta’ Novembru 2017, Teeäär vs BĊE, T‑555/16, mhux ippubblikata, EU:T:2017:817, punt 36 u l-ġurisprudenza ċċitata).

96      F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi miċħud l-argument imressaq fuq dan il-punt mill-Kummissjoni, għandu jintlaqa’ l-ewwel motiv u, konsegwentement, għandha tiġi annullata d-deċiżjoni kkontestata, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi eżaminat il-kumplament tat-tieni motiv u l-motivi l-oħra.

 Fuq l-ispejjeż

97      Skont l-Artikolu 134(1) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

98      Peress li l-Kummissjoni tilfet, hija għandha tiġi kkundannata għall-ispejjeż, kif mitlub mir-rikorrent.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea tat3 ta’ Lulju 2018 li żżomm fis-seħħ ir-rifjut ta’ aċċess lil XG għall-bini tagħha hija annullata.

2)      Il-Kummissjoni hija kkundannata għall-ispejjeż.

Nihoul

Svenningsen

Öberg

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid‑19 ta’ Diċembru 2019.

Firem


*      Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.


1      Data kunfidenzjali redatta.