Language of document :

Rikors ippreżentat fit-3 ta' Settembru 2008 - Spanja vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-359/08)

Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ir-Renju ta' Spanja (rappreżentant: J. Rodríguez Cárcamo)

Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej

Talbiet tar-rikorrent

Ir-Renju ta' Spanja jitlob lill-Qorti tal-Prim'Istanza:

ma tapplikax il-linji gwida sabiex jiġu stabbiliti l-korrezzjonijiet finanzjarji li għandhom jiġu applikati għall-ispejjeż kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni fil-każ ta' nuqqas ta' twettiq tar-regoli dwar il-kuntratti pubbliċi, fil-verżjoni finali tad-29 ta' Novembru 2007, COCOF 07/0037/03-ES,

tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tal-25 ta' Ġunju 2008, C(2008) 3243, li biha tagħha titnaqqas l-għajnuna mill-Fond ta' Koeżjoni lill-grupp ta' proġetti Nru 2001.ES.16.C.P.E.045 (Ġestjoni ta' skart f'Galicia-2001) (Grupp II) u

tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej għall-ispejjeż.

Motivi u argumenti prinċipali

Din il-kawża tirrigwarda erba' subgruppi ta' proġetti dwar il-pjan ta' ġestioni tal-iskart solidu urban ta' Galicia. Il-finazjament Komunitarju inizjalment mogħti kien ammonta għall-grupp ta' proġetti kollu għal 80 % tal-infiq pubbliku sussidjabbli.

F'ittra mill-Kummissjoni lir-rikorrenti f'April 2006, ġew proposti korrezzjonijiet fid-dawl tal-irregolaritajiet misjuba f'verifika ta' kontijiet interna. Fil-konklużjonijiet ta' dan id-dokument hemm zewġ proposti ta' korrezzjoni finanzjarja. L-ewwel fosthom, dwar l-irregolarità sanzjonata fid-deċiżjoni in kwistjoni, tirriżulta minn differenza ta' kriterju fl-ikkatalogar ta' ċerti kuntratti. Il-proposta ta' korrezzjoni finanzjarja b'hekk tammonta għal EUR 59,652.48.

Id-dħul fis-seħħ, fi tmiem l-2007, ta' "Linji gwida sabiex jiġu stabbiliti l-korrezzjonijiet finanzjarji li għandhom japplikaw għall-ispejjeż kofinanzjati mill-Fondi Strutturali u mill-Fond ta' Koeżjoni f'każ ta' nuqqas ta' twettiq tar-regoli dwar il-kuntrati pubbliċi" ġodda jiddetermina żieda tal-korrezzjonijiet li huma finalment imposti, peress li l-kriterji previsti minn tali linji gwida jippreżupponu korrezzjonijiet iktar serji minn dawk li jirriżultaw mill-applikazzjoni tal-Linji gwida fis-seħħ sa dan il-mument.

In sostenn tal-allegazzjonijiet tiegħu, ir-rikorrent isostni, l-ewwel nett, u skont l-Artikolu 241 tat-Trattat KE, l-illegalità tal-Linji gwida tal-2007, iċċitati iktar 'il fuq, peress li dawn jiksru l-Artikolu 7(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1164/94, tas-16 ta' Mejju 1994, li jistabbilixxi Fond ta' Koeżjoni u l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1386/2002 tad-29 ta' Lulju 2002, li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implementazzjoni tar-Regolament Nru 1164/94, peress illi, fl-ewwel lok, ma jirregolawx il-korrezzjonijiet finanzjarji eżatti, jiġifieri, dawk li jirrappreżentaw l-infiq effettivament impost fuq il-Fond b'mod irregolari u, fit-tieni lok, peress li meta jistabbilixxu l-korrezzjonijiet fuq bażi fissa jadottaw bħala ammont ta' bażi għall-kalkolu tal-korrezzjonijiet l-istima tas-sejħa għal offerti tal-kuntratt u mhux l-infiq iċċertifikat, jew, fin-nuqqas tiegħu, il-prezz tal-kuntratt. Il-Linji gwida tal-2007 jiksru wkoll:

il-prinċipju ġenerali ta' trasparenza, stabbilit fl-Artikolu 255 tat-Trattat KE u fir-Regolament Nru 1049/2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, minħabba l-ftit reklamar li għalih huma suġġetti bħala konsegwenza tal-forma li jadottaw u tal-aċċess ristrett tiegħu.

il-prinċipju ġenerali ta' ċertezza legali, minħabba n-natura retroattiva tiegħu, peress li jiġu applikati għall-proġetti approvati sa mill-2000, u

l-obbligu ta' motivazzjoni.

Fir-rigward tad-deċiżjoni tal-25 ta' Ġunju 2008, ir-rikorrent isostni li, barra li hija bbażata fuq norma illegali, din tikser l-Artikolu 7(1) tar-Regolament Nru 1164/94 imsemmi iktar 'il fuq, u l-Artikolu 17 tar-Regolament Nru 1386/2002, iċċitat iktar 'il fuq, press li dawn jadottaw bħala ammont ta' bażi għall-kalkolu tal-korrezzjonijiet l-istima tas-sejħa għal offerti tal-kuntratt u mhux l-infiq iċċertifikat, jew, fin-nuqqas tiegħu, il-prezz tal-kuntratt.

____________