Language of document : ECLI:EU:T:2010:152

Kawża T-361/08

Peek & Cloppenburg u van Graaf GmbH & Co. KG

vs

L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI)

“Trade mark Komunitarja — Proċedimenti ta’ oppożizzjoni — Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja figurattiva Thai Silk — Trade mark nazzjonali figurattiva preċedenti li tirrapreżenta għasfur — Ammissibbiltà tar-rikors — Raġuni relattiva għal rifjut — Probabbiltà ta’ konfużjoni — Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94 [li sar l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 207/2009]”

Sommarju tas-sentenza

1.      Trade mark Komunitarja — Proċedura għat-tressiq ta’ kawża — Kawża mressqa quddiem il-qorti Komunitarja — Persuni li jistgħu jippreżentaw rikors u jkunu parti fil-kawża

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 63(4))

2.      Trade mark Komunitarja — Definizzjoni u kisba tat-trade mark Komunitarja — Raġunijiet relattivi għal rifjut — Oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti identika jew li tixxiebah irreġistrata għal prodotti jew servizzi identiċi jew li jixxiebhu — Probabbiltà ta’ konfużjoni mat-trade mark preċedenti

(Regolament tal-Kunsill Nru 40/94, Artikolu 8(1)(b))

1.      L-Artikolu 63(4) tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja jipprovdi li r-rikors kontra deċiżjoni ta’ Bord tal-Appell huwa “miftuħ[…] għal kull parti fil-proċedimenti quddiem il-Bord ta’ Appell li tkun intlaqtet b’mod żvantaġġuż mid-deċiżjoni”.

Fir-rigward tal-proċedimenti ta’ oppożizzjoni, il-proprjetarji l-ġodda ta’ trade mark preċedenti jistgħu, f’dan ir-rigward, jippreżentaw rikors quddiem il-Qorti Ġenerali u għandhom jiġu ammessi bħala partijiet fil-proċedura, ladarba jkunu pprovaw li huma intitolati għad-dritt invokat quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni).

Meta l-proprjetarju l-ġdid tat-trade mark preċedenti pproduċa l-prova taċ-ċessjoni tal-imsemmija trade mark u l-UASI rreġistra din iċ-ċessjoni wara l-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, huwa jsir, b’hekk, parti fil-proċedimenti quddiem l-UASI.

(ara l-punti 30-32, 34)

2.      Għall-konsumatur medju li jitkellem bil-Ġermaniż, ma teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b), tar-Regolament Nru 40/94 dwar it-trade mark Komunitarja, bejn is-sinjal figurattiv Thai Silk, li r-reġistrazzjoni tiegħu inkwantu trade mark hija mitluba għall-“ħarir” u għall-“ħwejjeġ tal-ħarir” li jaqgħu rispettivament fil-klassijiet 24 u 25 skont il-Ftehim ta’ Nice, u t-trade mark figurattiva li tirrappreżenta għasfur, irreġistrata qabel fil-Ġermanja għall-prodotti u s-servizzi li jaqgħu taħt il-klassijiet 18, 25 u 35 tal-imsemmi ftehim.

Id-differenzi viżivi u fonetiċi bejn it-trade marks inkwistjoni huma tali li jinnewtralizzaw ix-xebh kunċettwali baxx. Fil-fatt, quddiem iż-żewġ sinjali inkwistjoni, huwa assolutament eskluż li l-pubbliku kkonċernat ikun jista’ jistabbilixxi rabta bejniethom li toħloq probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħu u li ġġiegħlu jemmen li l-prodotti kkonċernati ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi li huma marbuta ekonomikament. Barra minn hekk, anki jekk il-produtturi ta’ ħwejjeġ xi drabi joħolqu diversi linji ta’ prodotti, huwa assolutament improbabbli li, quddiem iż-żewġ sinjali inkwistjoni, il-pubbliku kkonċernat jista’ jemmen li huma varjanti tal-istess trade mark jew ta’ sub-trade marks tal-istess produttur.

(ara l-punti 52, 73)