Language of document :

Talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sofiyski rayonen sad (il-Bulgarija) fl-14 ta’ Settembru 2023 – “Toplofikatsia Sofia” EAD vs M. K. T., Ts. B. T, A. K. V.

(Kawża C-569/23, Toplofikatsia Sofia)

Lingwa tal-kawża: il-Bulgaru

Qorti tar-rinviju

Sofiyski rayonen sad

Partijiet fil-kawża prinċipali

Rikorrent: “Toplofikatsia Sofia” EAD

Konvenuti: M. K. T., Ts. B. T, A. K. V.

Domandi preliminari

L-Artikolu 101(1) TFUE jippermetti leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik applikabbli fil-kawża prinċipali li tipprovdi, minn naħa, li avukat ikun obbligat, taħt piena ta’ azzjoni dixxiplinari, jaċċetta remunerazzjoni li ma tkunx inqas mill-ammont minimu previst fin-Naredba [no 1/2004 za minimalnite razmeri na advokatskite vaznagrashdenya (id-Digriet Nru 1/2004 dwar l-Ammonti Minimi tal-Onorarji tal-Avukati), tad-9 ta’ Lulju 2004], fir-rigward ta’ kull waħda mill-kawżi mressqa, irrispettivament mill-forma tat-tgħaqqid bejn dawn il-kawżi, u min-naħa l-oħra, li, f’sitwazzjoni fejn il-klijent ma jkunx lest iħallas tali onorarji minħabba r-rabta proporzjonali bejn l-ammont minimu tal-onorarji u l-ammont li jkun is-suġġett tal-pretensjoni, jew f’sitwazzjoni fejn il-klijent ma jkollux riżorsi materjali, l-unika possibbiltà legali għall-avukat tkun li jikkonkludi kuntratt mal-klijent sabiex jipprovdilu assistenza legali mingħajr ħlas, f’liema każ il-qorti jkollha tiffissa u taqta’ favur l-avukat, għal kull kawża mressqa, remunerazzjoni li ma tkunx inqas mill-ammonti minimi ddeterminati mill-Vishya advokatski savet (il-Kunsill Superjuri tal-Kmamar tal-Avukati, il-Bulgarija), mingħajr ma tkun tista’ tnaqqas l-ammont ta’ din ir-remunerazzjoni, lanqas jekk tkun manifestament eċċessiva?

L-Artikolu 101(1) TFUE jippermetti leġiżlazzjoni nazzjonali bħalma hija dik applikabbli fil-kawża prinċipali li tipprovdi li, fil-każ ta’ onorarji minimi legali tal-avukati stabbiliti permezz ta’ deċiżjoni ta’ assoċjazzjoni ta’ impriżi (il-Kunsill Superjuri tal-Kmamar tal-Avukati) li torbot lill-avukati kollha, l-avukat ikun jista’ jipprovdi assistenza legali mingħajr ħlas lil klijent li l-avukat iqis bħala persuna mingħajr riżorsi materjali, mingħajr ma din il-konklużjoni tkun tista’ tiġi vverifikata mill-qorti, li tkun marbuta tiddeċiedi favur l-avukat l-ammont minimu ta’ onorarji stabbilit fid-deċiżjoni tal-assoċjazzjoni?

____________