Language of document : ECLI:EU:T:2013:23

SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

17 ta’ Jannar 2013 (*)

“Privileġġi u immunitajiet — Membru tal-Parlament Ewropew — Deċiżjoni għat-tneħħija tal-immunità — Attività mingħajr rabta mal-funzjonijiet ta’ membru — Proċedura għat-tneħħija tal-immunità — Deċiżjoni li ma jiġux imħarsa l-privileġġi u l-immunitajiet — Tmiem tal-interess ġuridiku — Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni”

Fil-Kawżi magħquda T‑346/11 u T‑347/11,

Bruno Gollnisch, resident f’Limonest (Franza), irrappreżentat minn G. Dubois, avukat,

rikorrent,

vs

Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn R. Passos, D. Moore u K. Zejdová, bħala aġenti,

konvenut,

li għandhom bħala suġġett, minn naħa waħda, talba għall-annullament ta’ deċiżjoni għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent, adottata mill-Parlament fl-10 ta’ Mejju 2011, kif ukoll talba għal kumpens għad-dannu li dan sofra f’dik l-okkażjoni u, min-naħa l-oħra, talba għall-annullament ta’ deċiżjoni biex ma tiġix mħarsa l-immunità tar-rikorrent, adottata mill-Parlament fl-10 ta Mejju 2011, kif ukoll talba għal kumpens tad-dannu li dan sofra f’dik l-okkażjoni,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla),

komposta minn J. Azizi, President, S. Frimodt Nielsen (Relatur) u M. Kancheva, Imħallfin,

Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,

wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tal-10 ta’ Lulju 2012,

tagħti l-preżenti

Sentenza

 Il-kuntest ġuridiku

 Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet

1        L-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 83, p. 266, iktar ’il quddiem il-“Protokoll”) jipprovdi li:

“Membri tal-Parlament Ewropew m’għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta’ investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta’ opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta’ dmirijiethom”.

2        L-Artikolu 9 tal-Protokoll jipprovdi:

“Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a)      fit-territorju ta’ l-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-Parlament tagħhom,

b)      fit-territorju ta’ kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta’ detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa’ l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta’ reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta’ xi wieħed mill-membri tiegħu”.

 Ir-Regoli interni tal-Parlament

3        Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(6) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament Ewropew (iktar ’il quddiem ir-“Regoli ta’ Proċedura”), li ġew emendati diversi drabi, fil-verżjoni ta’ Marzu 2011 (ĠU L 116, p. 1), li japplikaw ratione temporis għal din il-kawża:

“Jekk l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jagħtu bidu għal proċedura li tista’ twassal għall-iskwalifika ta’ Membru milli jieħu l-kariga, il-President għandu jitlobhom biex iżommuh infurmat regolarment dwar l-istadju li fih tkun waslet il-proċedura. Huwa għandu jirreferi l-każ lill-kumitat responsabbli [mill-verifika ta’ kredenzjali]. Fuq proposta ta’ dak il-kumitat, il-Parlament jista’ jieħu pożizzjoni dwar il-każ”.

4        L-Artikolu 5(1) tar-Regoli ta’ Proċedura jippovdi li:

“Il-Membri għandhom igawdu l-privileġġi u l-immunitajiet skont il-[Protokoll]”.

5        L-Artikolu 6 tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li:

“1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam ma’ privileġġi u immunitajiet, il-Parlament għandu qabel kollox iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġiżlattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta’ dmirijiethom.

2.      Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru sabiex titneħħa l-immunità ta’ xi Membru għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

3.      Kull talba indirizzata lill-President minn Membru jew ex-Membru biex jiddefendi privileġġi u immunitajiet għandha tiġi mħabbra fil-Parlament u rriferuta lill-kumitat responsabbli.

[...]

4.      F’każ ta’ urġenza, f’ċirkustanzi fejn Membru jiġi arrestat jew fejn tinżamm il-libertà ta’ moviment tiegħu bi ksur apparenti tal-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu, il-President, wara li jkun ħa l-parir tal-president u tar-rapporteur tal-kumitat responsabbli, jista’ jieħu inizjattiva biex jikkonferma l-privileġġi u l-immunitajiet tal-Membru kkonċernat. Il-President għandu jinnotifika lill-kumitat b’dik l-inizjattiva u jgħarraf lill-Parlament”.

6        L-Artikolu 7 tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li:

“1      Il-kumitat responsabbli għandu jikkunsidra mingħajr dewmien u skont l-ordni li fih tressqu t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

2.      Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità u tal-privileġġi.

3.      Il-kumitat jista’ jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista’ jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema’, jista’ jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista’ jkun rappreżentat minn membru ieħor.

[…]

6.      F’każi li għandhom x’jaqsmu mal-ħarsien tal-immunità jew tal-privileġġi, il-kumitat għandu jiddikjara jekk iċ-ċirkustanzi jkunux jikkostitwixxu xkiel amministrattiv jew xkiel ieħor imqiegħed għall-moviment ħieles tal-Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-postijiet fejn jiltaqa’ l-Parlament jew opinjoni espressa jew vot mitfugħ fit-twettiq tal-mandat jew li jaqgħu fi ħdan l-Artikolu 10 tal-Protokoll dwar Privileġġi u Immunitajiet li ma jidħlux fl-ambitu tal-liġi nazzjonali, u għandu jagħmel proposta sabiex l-awtorità konċernata tiġi mistiedna tasal għall-konklużjonijiet meħtieġa.

7.      Il-kumitat jista’ jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m’għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.

8.      Ir-rapport tal-kumitat għandu jitqiegħed fil-bidu tal-aġenda tal-ewwel seduta wara l-jum li fih ikun imqiegħedfuq il-Mejda. Ebda emenda għall-proposta/proposti għal deċiżjoni ma tista’ tiġi mqiegħda fuq il-Mejda.

Id-diskussjoni għandha tiġi ristretta għar-raġunijiet favur jew kontra kull proposta biex titneħħa jew titħares l-immunità jew privileġġ.

Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 151, il-Membru li tiegħu l-privileġġi u l-immunitajiet ikunu qed jitqiesu, m’għandux jieħu sehem fid-dibattitu.

Il-proposta/proposti għal deċiżjoni li jinsabu fir-rapport għandu jittieħed vot fuqhom fl-ewwel ħin ta’ votazzjoni wara d-dibattitu.

Wara li l-Parlament ikun ikkunsidra l-każ, għandu jittieħed vot separat fuq kull waħda mill-proposti li jinsabu fir-rapport. Jekk proposta tiġi miċħuda, jitqies li tkun ġiet adottata d-deċiżjoni kuntrarja.

9.      Il-President għandu jikkomunika minnufih id-deċiżjoni tal-Parlament lill-Membru konċernat u lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru konċernat, b’talba li l-President għandu jinżamm infurmat dwar żviluppi fil-proċedimenti rilevanti u dwar sentenzi ġudizzjarji mogħtija bħala konsegwenza ta’ dawn. Meta l-President jirċievi l-informazzjoni għandu jgħaddiha lill-Parlament bil-mod li huwa jaħseb li jkun xieraq, u jekk ikun meħtieġ wara li jkun ikkonsulta l-kumitat responsabbli.

[…]

11.      Il-kumitat għandu jittratta dawn l-affarijiet u juża d-dokumenti li jkun irċieva bl-akbar kunfidenzjalità.

[…]”.

7        Skont l-Artikolu 24 tar-Regoli ta’ Proċedura:

“1. Il-Konferenza tal-Presidenti tkun magħmula mill-President tal-Parlament u mill-Presidenti tal-gruppi politiċi. Il-President ta’ grupp politiku jista’ jagħmel arranġamenti sabiex ikun rappreżentat minn xi membru tal-grupp tiegħu.

2. Il-President tal-Parlament għandu jistieden lil wieħed mill-Membri mhux affiljati sabiex jattendi għal-laqgħat tal-Konferenza tal-Presidenti, mingħajr ma jkollu d-dritt għall-vot.

[…]”.

8        Skont l-Artikolu 103(4) tar-Regoli ta’ Proċedura:

“L-eżami li jsir mill-kumitat responsabbli ta’ talbiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ proċeduri dwar immunità skont l-Artikolu 7 għandu dejjem isir bil-magħluq”.

9        Barra minn hekk, l-Artikolu 138 tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li:

“1. Kull proposta [...] għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva li tkun adottata fil-kumitat b’inqas minn wieħed minn għaxra tal-membri tal-kumitat li jivvutaw kontriha għandha titqiegħed fl-abbozz tal-aġenda tal-Parlament għall-votazzjoni mingħajr emendi.

Għaldaqstant, dak il-punt fl-aġenda għandu jittieħed vot uniku fuqu, ħlief jekk, qabel jitħejja l-aħħar abbozz tal-aġenda, gruppi politiċi jew Membri individwali li flimkien jiffurmaw parti waħda minn għaxra tal-Parlament, ikunu talbu bil-miktub li l-punt ikun miftuħ għal emendi, f’liema każ il-President għandu jistabbilixxi żmien sa meta jistgħu jitqiegħdu emendi fuq il-Mejda.

2. Punti mqiegħda fl-aħħar abbozz tal-aġenda għal votazzjoni mingħajr emendi għandhom ikunu wkoll mingħajr diskussjoni ħlief jekk il-Parlament, meta jadotta l-aġenda tiegħu fil-bidu ta’ sessjoni parzjali, jiddeċiedi mod ieħor fuq proposta tal-Konferenza tal-Presidenti, jew jekk jintalab jagħmel dan minn xi grupp politiku jew minn mhux inqas minn erbgħin Membru.

3. Meta tkun qed tħejji l-aħħar abbozz tal-aġenda ta’ sessjoni parzjali, il-konferenza tal-Presidenti tista’ tipproponi li punti oħra jkunu eżaminati mingħajr emendi jew mingħajr diskussjoni. Meta jkun qed jadotta l-aġenda tiegħu, il-Parlament jista’ ma jaċċettax proposta bħal din jekk xi grupp politiku jew mhux inqas minn erbgħin Membru jkunu qiegħdu fuq il-Mejda l-oppożizzjoni tagħhom bil-miktub mhux inqas minn siegħa qabel il-ftuħ tas-sessjoni parzjali

[…]”.

10      L-Artikolu 151(1) tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li:

“1. Membru li jitlob li jagħmel stqarrija personali għandu jinstema’ fit-tmiem tad-diskussjoni fuq il-punt tal-aġenda li jkun qed jiġi eżaminat jew meta l-minuti tas-seduta li għaliha tirreferi t-talba għal permess biex jitkellem jiġu kkunsidrati għall-approvazzjoni.

Il-Membru kkonċernat ma jistax jitkellem dwar affarijiet sostanzjali imma għandu jillimita l-osservazzjonijiet tiegħu sabiex jirribatti kummenti li jkunu saru dwar il-persuna tiegħu matul id-dibattitu jew opinjonijiet li jkunu ġew attribwiti lilu, jew sabiex jikkoreġi osservazzjonijiet li hu stess ikun għamel”.

 Il-fatti li wasslu għall-kawża

11      Ir-rikorrent, B. Gollnisch, huwa deputat tal-Parlament Ewropew u Kunsillier Reġjonali tar-Reġjun Rhône-Alpes (Franza). Huwa wkoll president tal-grupp Front national fi ħdan il-Kunsill Reġjonali tarReġjun Rhône-Alpes.

12      Fit-3 ta’ Ottubru 2008, il-grupp Front national tar-Reġjun Rhône-Alpes ħareġ stqarrija għall-istampa bit-titolu “‘Affaire des fiches’ à la région: les Tartuffe s’insurgent”.

13      Din l-istqarrija kienet miktuba bil-mod kif ġej:

“Ir-Reġjun Rhône-Alpes irreaġixxa bil-qawwa għat-talba għal Informazzjoni ġenerali dwar l-eżistenza ta’ eventwali talbiet għall-organizzazzjoni tal-iskedi minħabba raġuni reliġjuża li tkun ġejja minn uffiċjali mhux Insara. Id-direttur ġenerali tad-dipartimenti jikkwalifika din it-talba bħala li tmur ‘kontra l-prinċipji repubblikani kollha li jirregolaw l-organizzazzjoni u l-funzjonament tas-servizz pubbliku f’pajjiżna’. [Q. (il-President tal-Kunsill Reġjonali tar-Reġjun Rhône-Alpes)], isib dan l-istħarriġ bħala li huwa xokkanti fil-prinċipju. Dan huwa wisq konvenjenti u ġeneruż ħafna, iżda jinsa l-attwalità u huwa riżultat ta’ memorja ftit qasira. Jinsa l-attwalità, peress li ma jidhirx li huma Insara dawk li ‘jiċċelebraw’ it-tmiem ta’ perijodu ta’ ‘sawm’ (il-ġurnata, li tlaħħaq b’kuntentizza mal-lejl) bi tkissir, ħruq, u tħaġġir. Jinsa l-attwalità, peress li Romans ma ngħatatx in-nar mill-Insara. Memorja qasira, peress li l-istabbiliment tas-servizz pubbliku fl-1902, sar b’għan ‘Repubblikan’. Memorja qasira, peress li kien il-‘Bloc des gauches’ (‘tax-Xellug’) li kien fil-poter, bil-‘petit père Combes’ u Waldeck-Rousseau. Memorja qasira, peress li l-loġġoġ mażuni, li kienu jagħmlu x-xogħol maħmuġ, kienu ħadu gost jiktbu fuq folji, ‘jikkoabita ma’ mara Għarbija’ b’kuxjenza safja. Huwa minnu li, f’dak iż-żmien, tax-Xellug riedu jiġġieldu kontra r-reliġjonijiet! Iżda l-għan attwali tagħhom huwa li jappoġġjaw l-invażjoni tal-Patrija tagħna u l-qerda tal-kultura u l-valuri tagħna mill-Islam li t-tolleranza, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u l-libertà tiegħu huma faċilment rikonoxxuti minn min hu fil-poter: l-Arabja Sawdija, l-Iran, is-Sudan, l-Afganistan [...] subborgi tagħna, u dalwaqt pajjiżna kollu, bil-barka tal-Mażuni u tax-Xellug?”

14      Waqt konferenza stampa li nżammet f’Lyon (Franza) fl-10 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrent ikkonferma b’mod partikolari li din l-istqarrija kienet inkitbet minn persuni awtorizzati li jesprimu ruħhom f’isem l-eletti tal-grupp politiku li huwa jippresedi fi ħdan il-Kunsill Reġjonali.

15      Wara lment mil-Ligue internationale contre le racisme et l’antisémitisme (LICRA), fit-22 ta’ Jannar 2009 nbdiet investigazzjoni mill-awtoritajiet Franċiżi kontra persuni mhux magħrufa għal tixwix għal mibegħda razzjali.

16      Permezz ta’ ittra tad-9 ta’ Ġunju 2010 indirizzata lill-president tal-Parlament, ir-rikorrent talab lil dan biex “jipprotesta b’mod qawwi mal-awtoritajiet Franċiżi”. F’din l-ittra huwa indika li qorti struttorja ta’ Lyon ippruvat tarrestah permezz tal-pulizija fl-4 ta’ Ġunju 2010 sabiex iġġiegħlu jidher quddiemha. Huwa ppreċiża li din il-“miżura ta’ arrest [kienet] ipprojbita mill-Kostituzzjoni Franċiża (Artikolu 26) kif ukoll mill-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-1965 (illum l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 anness mat-Trattat), inkwantu l-maġistrat [ma kienx] talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari [tiegħu]”.

17      Fl-14 ta’ Ġunju 2010, il-president tal-Parlament ħabbar, fis-seduta plenarja, li huwa kien irċieva min-naħa tar-rikorrent talba għall-ħarsien tal-immunità tiegħu, u skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, huwa bagħat din it-talba lill-Kumitat għall-affarijiet legali.

18      Permezz ta’ ittra tal-25 ta’ Ottubru 2010, li l-Parlament irċieva fit-3 ta’ Novembru 2010, il-Ministru tal-Istat, Detentur tas-Siġilli, Ministru tal-Ġustizzja u tal-Libertajiet tar-Repubblika Franċiża bagħat lil president tal-Parlament talba għat-tneħħija tal-immunità parlamentari tar-rikorrent, minħabba rikors tal-14 ta’ Settembru 2010 ppreżentat mill-prokuratur ġenerali fil-qorti ta’ appell ta’ Lyon, sabiex ikun jista’ jiġi investigat l-ilment magħmul kontra r-rikorrent u sabiex, jekk ikun il-każ, dan jintbagħat quddiem il-qrati kompetenti.

19      Fl-24 ta’ Novembru 2010, il-president tal-Parlament ħabbar fis-seduta plenarja li rċieva talba għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent u, skont l-Artikolu 6(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, huwa bagħat din it-talba lill-Kumitat tal-affarijiet legali.

20      B. Rapkay inħatar bħala relatur fir-rigward taż-żewġ fajls li jirrigwardaw lir-rikorrent, jiġifieri, min-naħa waħda, it-tneħħija tal-immunità ta’ dan tal-aħħar kif ukoll, min-naħa l-oħra, il-ħarsien tal-immunità tiegħu.

21      Ir-rikorrent instema’ mill-Kumitat għall-affarijiet legali tal-Parlament fis-26 ta’ Jannar 2011, f’dak li jikkonċerna kemm it-talba għall-ħarsien tal-immunità tiegħu kif ukoll it-talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu.

22      Fil-11 ta’ April 2011, il-Kumitat għall-affarijiet legali adotta proposta ta’ deċiżjoni tal-Parlament li tirrakkomanda t-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent kif ukoll proposta ta’ deċiżjoni li tirrakkomanda li ma tiġix imħarsa l-immunità ta’ dan tal-aħħar.

23      Waqt is-seduta plenarja tal-10 ta’ Mejju 2011, il-Parlament iddeċieda li jneħħi l-immunità tar-rikorrent, u simultanjament, li ma jħarisx l-immunità tiegħu.

24      Id-deċiżjoni għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent hija motivata kif ġej:

“A. billi prosekutur pubbliku Franċiż talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta’ Bruno Gollnisch, Membru tal-Parlament [...], sabiex ikun jista’ jiġi investigat ilment li jallega inċitament għall-mibegħda razzjali u, jekk ikun xieraq, sabiex Bruno Gollnisch ikun jista’ jitressaq quddiem Qorti Franċiża tal-Prim Istanza, il-Qorti tal-Appell u l-Cour de Cassation,

B. billi t-tneħħija tal-immunità ta’ Bruno Gollnisch hija relatata ma’ offiża allegata ta’ inċitament għall-mibegħda razzjali bħala riżultat ta’ tqarrija għall-istampa li saret fit-3 ta’ Ottubru 2008 mill-Grupp Front National tar-Reġjun Rhône-Alpes, li tiegħu Bruno Gollnisch kien President,

C. billi, skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea, waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew il-Membri tiegħu għandhom igawdu fit-territorju tal-Istat tagħhom stess l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom; u billi dan ma jwaqqafx lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jneħħi l-immunità ta’ wieħed mill-Membri tiegħu,

D. billi skont l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika Franċiża l-ebda Membru tal-Parlament ma jista’ jiġi arrestat jew soġġett għal kwalunkwe miżura oħra li tneħħilu l-libertà jew tirristrinġilu dik il-libertà minħabba reati kriminali jew minuri mingħajr l-awtorizzazzjoni tal-Assemblea li jagħmel parti minnha, minbarra jekk ikun sar reat gravi, fil-każ ta’ flagrante delicto jew il-ħruġ ta’ sentenza finali,

E. billi fil-każ preżenti, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-każ tressaq bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru,

F. billi t-talba tal-awtoritajiet Franċiżi mhijiex relatata mal-attivitajiet politiċi ta’ Bruno Gollnisch bħala Membru tal-Parlament [...]; billi fil-fatt tikkonċerna attivitajiet ta’ natura purament reġjonali u lokali bħala kunsillier reġjonali għar-Rhône-Alpes, mandat li għalih Bruno Gollnisch ġie elett b’suffraġju universali dirett u li huwa distint minn dak ta’ Membru tal-Parlament [...],

G. billi Bruno Gollnisch ta spjegazzjoni għala l-istqarrija għall-istampa li tat loka għat-talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu inħarġet mill-grupp politiku tiegħu fil-Kunsill Reġjonali tar-Rhône-Alpes, fejn jiddikjara li nkitbet mill-grupp tal-Front National f’dak ir-reġjun, inkluż il-kap tal-komunikazzjonijiet tiegħu, li ‘ngħata s-setgħa li jitkellem f’isem l-uffiċjali eletti tal-Front National’; billi l-applikazzjoni tal-immunità parlamentari għal tali sitwazzjoni tikkostitwixxi estensjoni mhux xierqa ta’ dawk ir-regoli, li l-għan tagħhom huwa li jiġi evitat kwalunkwe ndħil fil-funzjonament u l-indipendenza tal-Parlament,

H. billi mhuwiex il-kompitu tal-Parlament iżda tal-awtoritajiet ġudizzjarji kompetenti, filwaqt li jirrispettaw il-garanziji demokratiċi kollha, li jiddeċiedu sa liema punt il-liġi Franċiża dwar l-inċitament għall-mibegħda razzjali nkisret u x’jistgħu jkunu l-konsegwenzi ġudizzjarji,

I. billi, għalhekk, huwa xieraq li tkun rakkomandata tneħħija tal-immunità parlamentari f’din l-istanza,

1. Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta’Bruno Gollnisch [...]”.

25      Barra minn hekk, id-deċiżjoni biex ma tiġix imħarsa l-immunità tar-rikorrent fiha motivazzjoni identika għal dik tad-deċiżjoni biex titneħħa l-immunità tiegħu ħlief, b’mod partikolari, il-premessa I u d-dispożittiv tad-deċiżjoni msemmija li huma miktuba kif ġej:

“I. […] l-awtoritajiet Franċiżi issa formalment talbu t-tneħħija tal-immunità tiegħu sabiex jadottaw tali miżuri fil-futur, ma jeħtieġx aktar li l-immunità ta’ Bruno Gollnisch titħares aktar f’dak ir-rigward

[...]

1. Jiddeċiedi li ma jħarisx l-immunità u l-privileġġi ta’ Bruno Gollnisch; [...]”.

 Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

26      Permezz ta’ atti ppreżentati fir-reġistru tal-Qorti Ġenerali fis-7 ta’ Lulju 2011, ir-rikorrent ippreżenta dawn ir-rikorsi li huma intiżi li jiksbu l-annullament tad-deċiżjonijiet tal-Parlament għat-tneħħija tal-immunità tiegħu (Kawża T-346/11) u biex ma titħarisx l-immunità tiegħu (Kawża T-347/11) rispettivament, kif ukoll sabiex jingħata kumpens għad-dannu morali li huwa jsostni li sofra.

27      Fuq rapport tal-Imħallef Relatur, il-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura pprovduti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, stiednet lill-partijiet sabiex jippreżentaw ċerti dokumenti u għamlitilhom domandi bil-miktub li huma rrispondew.

28      B’digriet tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti Ġenerali tat-3 ta’ Lulju 2012, il-Kawżi T-346/11 u T-347/11 inqatgħu għall-finijiet tal-proċedura bil-miktub, tal-proċedura orali u tas-sentenza, skont l-Artikolu 50 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali.

29      Is-sottomissjonijiet orali tal-partijiet u t-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet tal-Qorti Ġenerali nstemgħu fis-seduta tal-10 ta’ Lulju 2012.

30      Fil-Kawża T-346/11, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament li jneħħi l-immunità parlamentari tiegħu, meħuda fl-10 ta’ Mejju 2011, u li tadotta r-rapport A7-0155/2011 ta’ Rapkay;

–        tordna li tingħatalu s-somma ta’ EUR 8 000 bħala kumpens għad-danni morali;

–        tordna li tingħatalu s-somma ta’ EUR 4 000 għall-ispejjeż inkorsi għall-konsulenza legali u għall-preparazzjoni tar-rikors tiegħu.

31      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

32      Fil-Kawża T-347/11, ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tannulla d-deċiżjoni tal-Parlament li jneħħi l-immunità parlamentari tar-rikorrent, meħuda fl-10 ta’ Mejju 2011, u li tadotta r-rapport A7-0154/2011 ta’ Rapkay;

–        tordna li tingħatalu s-somma ta’ EUR 8 000 bħala kumpens għad-danni morali;

–        tordna li tingħatalu s-somma ta’ EUR 4 000 għall-ispejjeż inkorsi għall-konsulenza legali u għall-preparazzjoni tar-rikors tiegħu.

33      Il-Parlament jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

–        tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;

–        sussidjarjament, tiċħad ir-rikors bħala infondat;

–        tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.

 Id-dritt

 Osservazzjonijiet preliminari

 Fuq is-sistema tal-immunità parlamentari stabbilita mill-Protokoll

34      Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-immunità tal-membri tal-Parlament, kif prevista fl-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll, fiha ż-żewġ forom ta’ protezzjoni normalment rikonoxxuti lill-membri tal-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri, jiġifieri l-immunità minħabba opinjonijiet espressi jew voti mogħtija fil-qadi ta’ dmirijiethom bħala membri parlamentari kif ukoll il-privileġġ parlamentari li, bħala regola, jinvolvi protezzjoni minn proċeduri legali (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Ottubru 2008, Marra, C-200/07 u C-201/07, Ġabra p. I-7929, punt 24, u tas-6 ta’ Settembru 2011, Patriciello, C‑163/10, Ġabra p. I‑7565, punt 18).

35      L-Artikolu 8 tal-Protokoll, li jikkostitwixxi dispożizzjoni speċjali applikabbli għal kull proċedura ġudizzjarja li permezz tagħha l-membru parlamentari jgawdi mill-immunità minħabba l-opinjonijiet espressi u l-voti mitfugħa fil-qadi ta’ dmirijietu, huwa intiż sabiex jipproteġi l-espressjoni libera u l-indipendenza tad-parlamentari, b’tali mod li jipprojbixxi kull proċedura ġudizzjarja minħabba tali opinjonijiet u voti (sentenza Patriciello, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 26).

36      Il-Qorti tal-Ġustizzja fakkret li l-Artikolu 8 tal-Protokoll, fid-dawl tal-għan tiegħu li jipproteġi l-espressjoni libera u l-indipendenza tal-membri parlamentari Ewropej, u tal-kliem tiegħu, li jirreferi espressament, minbarra għall-opinjonijiet, għall-voti mitfugħa mill-imsemmija membri parlamentari Ewropej, huwa essenzjalment intiż sabiex japplika għad-dikjarazzjonijiet magħmula minn dawn tal-aħħar fil-konfini stess tal-Parlament Ewropew (sentenza Patriciello, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 29).

37      Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreċiżat li ma huwiex eskluż li dikjarazzjoni magħmula minn tali membri parlamentari barra minn dawn il-konfini tista’ tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi tal-funzjonijiet tagħhom fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, peress li l-eżistenza ta’ tali opinjoni ma tiddependix mill-post li fih tkun saret dikjarazzjoni, iżda pjuttost min-natura u mill-kontenut tagħha (sentenza Patriciello, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 30).

38      Fil-fatt, filwaqt li jirreferi għall-opinjonijiet espressi mill-membri parlamentari Ewropej, l-Artikolu 8 tal-Protokoll huwa marbut mill-qrib mal-libertà tal-espressjoni. Il-libertà tal-espressjoni bħala bażi essenzjali ta’ soċjetà demokratika u pluralistika li tirrifletti l-valuri li fuqhom l-Unjoni, skont l-Artikolu 2 TUE, hija bbażata, tikkostitwixxi dritt fundamentali ggarantit mill-Artikolu 11 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (ĠU 2010, C 83, p. 389), li, bis-saħħa tal-Artikolu 6(1) TUE, għandha l-istess valur ġuridiku bħat-trattati. Din il-libertà hija wkoll stabbilita fl-Artikolu 10 tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali, iffirmata f’Ruma fl-4 ta’ Novembru 1950 (sentenza Patriciello, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 31).

39      Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunċett ta’ “opinjoni” fis-sens tal-Artikolu 8 tal-Protokoll għandu jinftiehem f’sens wiesa’, bħala li jkopri l-proposti jew id-dikjarazzjonijiet li, minħabba l-kontenut tagħhom, jikkorrispondu għal dikjarazzjonijiet li jikkostitwixxu evalwazzjonijiet suġġettivi (sentenza Patriciello, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 32).

40      Mill-kliem tal-Artikolu 8 tal-Protokoll jirriżulta wkoll li, sabiex tkun koperta bl-immunità, opinjoni għandha tingħata minn deputat parlamentari “fil-qadi ta’ dmirijiet[u]”, u dan jimplika l-eżiġenza ta’ rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari (sentenza Patriciello, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 33).

41      Peress li dawn huma dikjarazzjonijiet ta’ membru parlamentari li huma s-suġġett ta’ proċeduri kriminali fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħu, għandu jiġi kkonstatat li l-immunità stipulata fl-Artikolu 8 tal-Protokoll tista’ twaqqaf definittivament lill-awtoritajiet ġudizzjarji u lill-qrati nazzjonali milli jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom fil-qasam ta’ proċeduri u ta’ sanzjonijiet kriminali bil-għan li jiġi osservat l-ordni pubbliku fit-territorju tagħhom u, korrelattivament, li b’hekk tipprojbixxi totalment lill-persuni ppreġudikati minn dawn id-dikjarazzjonijiet mill-aċċess għall-ġustizzja, inkluż, jekk ikun il-każ, sabiex jinkiseb quddiem il-qrati ċivili kumpens għad-dannu subit (sentenza Patriciello, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 34).

42      Fid-dawl ta’ dawn il-konsegwenzi, għandu jiġi ammess li r-rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari għandha tkun diretta u evidenti (sentenza Patriciello, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 35).

43      Barra minn hekk, l-Artikolu 9 tal-Protokoll jipprevedi li l-membru tal-Parlament għandu jgawdi, fit-territorju tal-Istat tiegħu stess, minn immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament ta’ pajjiżu.

44      Il-portata tal-immunità stabbilita fl-Artikolu 9 tal-Protokoll għandha tiġi analizzata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet nazzjonali rilevanti (sentenzi Marra, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 25, u Patriciello, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 25) u, għaldaqstant, tista’ tvarja skont l-Istat Membru tal-oriġini tal-membru tal-Parlament.

45      Barra minn hekk, l-immunità tal-membru tista’ titneħħa mill-Parlament, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, filwaqt li l-immunità prevista fl-Artikolu 8 ma tistax titneħħa (sentenza Patriciello, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 27).

46      Għaldaqstant, meta awtorità nazzjonali tibgħatlu talba għat-tneħħija tal-immunità, huwa l-ewwel nett il-Parlament li għandu jivverifika jekk il-fatti li wasslu għat-talba tat-tneħħija jistgħux ikunu koperti mill-Artikolu 8 tal-Protokoll, f’liema każ it-tneħħija tal-immunità hija impossibbli.

47      Jekk il-Parlament jasal għall-konklużjoni li l-Artikolu 8 tal-Protokoll ma japplikax, huwa jkun obbligat imbagħad li jivverifika jekk il-membru tal-Parlament igawdix mill-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll għall-fatti li huwa jkun akkużat bihom u, jekk dan ikun il-każ, li jiddeċiedi jekk hemmx lok li din l-immunità titneħħa.

 Fuq id-distinzjoni li għandha ssir bejn it-tneħħija tal-immunità u l-ħarsien tal-immunità fis-sens tal-protokoll

48      Għandu jiġi osservat l-ewwel nett li, għalkemm it-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament hija prevista espressament fl-Artikolu 9 tal-Protokoll, mhux l-istess jista’ jingħad għall-ħarsien tal-immunità ta’ dan, li tirriżulta biss mill-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament li ma jiddefinixxix dan il-kunċett.

49      Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet, f’dak li jikkonċerna l-Artikolu 8 tal-Protokoll, li r-Regoli ta’ Proċedura huma att ta’ organizzazzjoni interna li ma jistgħux jattribwixxu kompetenzi lill-Parlament li ma humiex espressament rikonoxxuti minn att leġiżlattiv, f’dan il-każ mill-Protokoll u li minn dan isegwi li, anki jekk il-Parlament, wara t-talba tal-Membru Parlamentari Ewropew ikkonċernat, jadotta, fuq il-bażi ta’ dawn ir-regoli, deċiżjoni ta’ ħarsien tal-immunità, din tikkostitwixxi opinjoni li ma għandhiex effetti vinkolanti fir-rigward ta’ qrati nazzjonali (sentenza Marra, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 39).

50      Barra minn hekk, il-fatt li l-liġi ta’ Stat Membru tipprovdi għal proċedura ta’ ħarsien tal-membri tal-Parlament nazzjonali, li tippermetti lil dan il-Parlament jintervjeni meta l-qorti nazzjonali ma tirrikonoxxix din l-immunità, ma jfissirx li l-istess kompetenzi jingħataw lill-Parlament Ewropew fir-rigward tal-membri Parlamentari li jkunu ġejjin minn dan l-Istat peress li l-Artikolu 8 tal-Protokoll ma jipprovdix espressament għal tali kompetenza tal-Parlament u ma jirreferix għar-regoli tad-dritt nazzjonali (sentenza Marra, iċċitata fil-punt 34 iktar ’il fuq, punt 40).

51      Minn din il-ġurisprudenza jirriżulta li għandha ssir distinzjoni bejn il-kunċett ta’ ħarsien tal-immunità meta din tkun ibbażata fuq l-Artikolu 8 tal-Protokoll, liema artikolu jistabbilixxi immunità assoluta, li l-kontenut tagħha huwa stabbilit biss skont id-dritt Ewropew u li ma tistax titneħħa mill-Parlament, jew fuq l-Artikolu 9 tal-Protokoll, liema artikolu jirreferi, min-naħa l-oħra, għar-regoli tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-oriġini tal-membru tal-Parlament fir-rigward tal-kontenut u portata tal-immunità stabbilita għall-benefiċċju tal-istess, peress li, barra minn hekk, din l-immunità tista’, jekk ikun il-każ, titneħħa mill-Parlament.

52      Peress li l-immunità prevista fl-Artikolu 9 tal-Protokoll toħroġ mil-liġi u peress li l-membru jista jiġi mċaħħad minnha biss jekk il-Parlament ineħħihielu, il-ħarsien tal-immunità, fil-kuntest tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, tidħol biss fil-każ fejn, fin-nuqqas ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru, l-immunità, kif tirriżulta mid-dispożizzjonijiet tad-dritt nazzjonali tal-Istat Membru tal-oriġini tal-membru tal-Parlament, tkun ippreġudikata, b’mod partikolari, minħabba l-azzjoni tal-pulizija jew tal-awtoritajiet ġudizzjarji tal-Istat Membru tal-oriġini tal-imsemmi membru.

53      F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-membru tal-Parlament ikun jista’ jitlob lill-Parlament sabiex iħares l-immunità tiegħu, kif jipprevedi l-Artikolu 6(3) tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

54      Minn dan isegwi li deċiżjoni tal-Parlament fuq talba għall-ħarsien tal-immunità ta’ membru tal-Parlament tista’ ssir biss sakemm ma tkun saret ebda talba għat-tneħħija ta’ din l-immunità mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti quddiem il-Parlament.

55      Il-ħarsien tal-immunità jikkostitwixxi għaldaqstant, mod kif il-Parlament jintervjeni, fuq talba ta’ membru tal-Parlament, meta l-awtoritajiet nazzjonali jiksru jew ikunu ser jiksru l-immunità ta’ wieħed mill-membri tagħhom.

56      Min-naħa l-oħra, jekk issir talba għat-tneħħija tal-immunità mill-awtoritajiet nazzjonali, il-Parlament għandu jieħu d-deċiżjoni li jneħħi jew ma jneħħix l-immunità. F’dak il-każ, ma jkunx għad hemm lok li jeżisti l-ħarsien tal-immunità, peress li kemm jekk il-Parlament ineħħi l-immunità u l-ħarsien tagħha ma jkunx għadu possibbli, u kemm jekk huwa jirrifjuta li jneħħi din l-immunità u l-ħarsien tagħha jkun inutli, peress li l-awtoritajiet nazzjonali jkunu avżati li t-talba tagħhom għat-tneħħija tal-immunità tkun ġiet miċħuda mill-Parlament u li l-immunità, għaldaqstant, tostakola l-miżuri li jistgħu jew ikunu jridu jieħdu dawn tal-aħħar.

57      Konsegwentement, il-ħarsien tal-immunità tiġi mxejna mill-għan tagħha meta tidħol talba għat-tneħħija tal-immunità mill-awtoritajiet nazzjonali. Il-Parlament lanqas ma huwa obbligat jaġixxi ex officio minħabba li ma tkunx saret talba formali min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru, iżda huwa għandu, min-naħa l-oħra, jieħu deċiżjoni u, għaldaqstant, jagħti riżultat għal dik it-talba.

 Fuq l-eżerċizzju ta’ dritt għal rimedju u fuq il-portata tal-istħarriġ magħmul mill-Qorti Ġenerali f’dan il-kuntest

58      Għalkemm il-privileġġi u l-immunitajiet rikonoxxuti lill-Unjoni mill-Protokoll huma ta’ natura funzjonali sa fejn huma intiżi li jevitaw li jkun hemm ostakolu għall-funzjonament u għall-indipendenza tal-Unjoni, xorta jibqa’ l-fatt li dawn ingħataw espressament lill-Membri tal-Parlament kif ukoll lill-uffiċjali u lill-aġenti oħra tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni. Il-fatt li l-privileġġi u l-immunitajiet huma previsti fl-interess pubbliku tal-Unjoni jiġġustifika s-setgħa mogħtija lill-istituzzjonijiet sabiex ineħħu, jekk ikun il-każ, l-immunità, iżda ma jfissirx li dawn il-privileġġi u l-immunitajiet huma mogħtija esklużivament lill-Unjoni u mhux ukoll lill-uffiċjali tagħha, lill-aġenti l-oħra tagħha u lill-Membri tal-Parlament. Għaldaqstant, il-Protokoll joħloq dritt suġġettiv għall-benefiċċju tal-persuni previsti, li r-rispett tiegħu huwa ggarantit mid-dritt li jiġi ppreżentat rikors skont it-Trattat (ara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta’ Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T‑42/06, Ġabra p. II‑1135, punt 94, u l-ġurisprudenza ċċitata).

59      Madankollu, għandu jiġi rrikonoxxut li l-Parlament għandu setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-orjentazzjoni li kellu intenzjoni jagħti lid-deċiżjoni fir-rigward ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-immunità, minħabba n-natura politika li għandha tali deċiżjoni (ara, f’das-sens, is-sentenza Gollnisch vs Il-Parlament, punt 58 iktar ’il fuq, punt 101).

60      L-eżerċizzju ta’ din is-setgħa huwa madankollu suġġett għal stħarriġ ġudizzjarju. Fil-fatt, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li, fil-kuntest ta’ dan l-istħarriġ, il-qorti tal-Unjoni għandha tivverifika l-osservanza tar-regoli proċedurali, l-eżattezza materjali tal-fatti kkonstatati mill-istituzzjoni, in-nuqqas ta’ żball manifest fl-evalwazzjoni ta’ dawn il-fatti jew in-nuqqas ta’ abbuż ta’ poter (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Jannar 1979, Racke, 98/78, Ġabra p. 69, punt 5, u tat-22 ta’ Ottubru 1991, Nölle, C‑16/90, Ġabra p. I‑5163, punt 12).

61      Għandu jitfakkar li, għall-finijiet ta’ dan l-eżami, il-kritika magħmula kontra l-espożizzjoni tal-motivi tar-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali għandha tiġi kkunsidrata li hija diretta kontra l-motivi tad-deċiżjoni fuq it-tneħħija tal-immunità (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T-345/05, Ġabra p. II-2849, punt 59 u Gollnisch vs Il-Parlament, punt 58 iktar ’il fuq, punt 98).

62      Huwa fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti li għandhom jiġu eżaminati dawn ir-rikorsi.

 Fuq ir-rikors għal annullament fil-Kawża T-346/11, dwar it-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent

63      Ir-rikorrent iressaq sitt motivi insostenn tar-rikors għal annullament tiegħu.

64      Huwa jinvoka, fl-ewwel lok, il-ksur tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, fit-tieni lok, il-ksur tal-“ġurisprudenza stabbilita” tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament, fit-tielet lok, il-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-aspettattivi leġittimi, fir-raba’ lok, il-ksur tal-indipendenza tal-membru parlamentari, fil-ħames lok, il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(4) tar-Regoli ta’ Proċedura, dwar il-proċedura li tista’ twassal għall-iskwalifika ta’ membru, u fis-sitt lok, il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża tiegħu.

65      Għandu jiġi eżaminat l-ewwel nett l-ewwel motiv flimkien mar-raba’ wieħed.

 Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, u fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-indipendenza tal-membru parlamentari

66      Ir-rikorrent isostni, insostenn tal-ewwel aggravju tiegħu, li l-Parlament wettaq żball ta’ liġi meta neħħa l-immunità tiegħu minħabba li d-diskors u l-opinjonijiet mogħtija fl-istqarrija għall-istampa inkwistjoni kienu ngħataw barra mill-kuntest tal-attività tiegħu ta’ membru tal-Parlament. Huwa jsostni, fil-fatt, li l-libertà ta’ diskussjoni politika u l-libertà ta’ espressjoni ta’ membru għandhom ikunu protetti, kemm jekk jintużaw jew ma jintużawx fil-kuntest strett tal-Parlament, u li l-immunità tiegħu kellha, konsegwentement, tiġi mħarsa u mhux imneħħija. Huwa jsostni, fil-fatt, li l-Artikolu 9 tal-Protokoll jikkonċerna l-atti kollha mwettqa barra mill-eżerċizzju tal-attività parlamentari tiegħu stricto sensu, li min-naħa tagħhom, huma koperti mill-immunità stabbilita mill-Artikolu 8 tal-Protokoll. Il-Parlament kiser, għaldaqstant, l-Artikolu 9 tal-Protokoll.

67      Ir-rikorrent isostni, barra minn hekk, insostenn tar-raba’ motiv tiegħu, li l-Parlament ma setax ineħħilu l-immunità filwaqt li jiddeċiedi li dan ma użax il-libertà ta’ espressjoni tiegħu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-Parlament. Fil-fatt, fil-fehma tiegħu, ebda preċedent, fil-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Parlament, ma tipprevedi xi obbligu, għall-membru Parlamentari Ewropew, li jrid ikun hemm din il-kwalità sabiex wieħed ikun jista’ jgawdi mill-privileġġi u immunitajiet li huma marbutin mal-mandat tiegħu meta huwa jesprimi ruħu barra mill-konfini tal-postijiet tax-xogħol normali tal-assemblea.

68      Il-libertà ta’ diskussjoni politika ġiet, għaldaqstant, mittiefsa u minn dan jirriżulta, skont ir-rikorrent, ksur tal-Artikolu 6(1) tar-Regoli ta’ Proċedura.

69      Il-Parlament jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

70      Għandu jiġi rilevat li l-Parlament eżamina t-talba għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Protokoll biss, u dan jirriżulta kemm mill-espożizzjoni tal-motivi tar-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali kif ukoll mid-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-immunità tiegħu.

71      Barra minn hekk, ir-rikorrent jirrikonoxxi, fl-iskritturi tiegħu, li l-Parlament ġustament ikkunsidra li t-talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu kellha tiġi eżaminata fir-rigward tal-Artikolu 9 tal-Protokoll biss.

72      Ir-rikorrent ikkonferma wkoll, waqt is-seduta, li fil-fehma tiegħu, l-Artikolu 8 tal-Protokoll ma japplikax f’dan il-każ.

73      Il-partijiet jiftehmu għalhekk fuq il-fatt li t-talba għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent kellha tiġi eżaminata fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 9 tal-Protokoll.

74      F’dan ir-rigward, għandu jiġi ppreċiżat li f’dan il-każ, id-diskors li jinsab fl-istqarrija tal-istampa inkwistjoni li għalih inżamm responsabbli r-rikorrent jikkonċerna l-mod li bih irreaġixxew il-president u d-direttur ġenerali tas-servizzi tal-Kunsill Reġjonali tar-Region Rhônes-Alpes għal talba għal informazzjoni ġenerali intiża li tikseb informazzjoni dwar ċerti uffiċjali.

75      Barra minn hekk, huwa paċifiku li dan id-diskors huwa miktub mill-kelliem tal-grupp Front National fi ħdan il-Kunsill Reġjonali tar- Region Rhônes-Alpes, grupp politiku presjedut mir-rikorrent li huwa huwa stess membru elett tal-imsemmi Kunsill.

76      Huwa wkoll paċifiku li, waqt konferenza stampa li nżammet f’Lyon fl-10 ta’ Ottubru 2008, ir-rikorrent ikkonferma li din l-istqarrija kienet inkitbet minn persuni awtorizzati li jesprmiu ruħhom f’isem il-persuni eletti tal-grupp politiku inkwistjoni fi ħdan il-Kunsill Reġjonali.

77      Għandu jiġi kkonstatat, għaldaqstant, li dawn il-fatti kienu jirrigwardaw direttament il-funzjonijiet eżerċitati mir-rikorrent fil-kwalità tiegħu ta’ kunsillier reġjonali u president tal-grupp Front National fi ħdan il-Kunsill Reġjonali tar-reġjun Rhônes-Alpes. Barra minn hekk, huwa minħabba din il-kwalità, kif ukoll kif jirriżulta mid-dokumenti fil-proċess tal-kawża, b’mod partikolari l-Annessi A6, A8 u A10 tar-rikors u l-Anness B2 tar-risposta li huwa ġie mfittex mill-awtoritajiet Franċiżi.

78      Konsegwentement, ma hemmx rabta bejn id-diskors inkwistjoni li għalih ġie kkritikat ir-rikorrent u l-funzjonijiet tiegħu stess bħala membru tal-Parlament u lanqas, a fortiori, rabta diretta u ċara bejn id-diskors inkwistjoni u l-funzjoni ta’ membru tal-Parlament li setgħet tiġġustifika l-applikazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Protokoll, kif interpretat mill-Qorti tal-Ġustizzja (ara l-punt 42 iktar ’il fuq).

79      Konsegwentement, il-Parlament ġustament ikkunsidra li t-talba għat-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent kellha tiġi eżaminata fid-dawl tal-Artikolu 9 tal-Protokoll biss u mhux tal-Artikolu 8 tal-istess.

80      Skont l-Artikolu 9 tal-Protokoll, ir-rikorrent igawdi, fit-territorju Franċiż, mill-immunitajiet rikonoxxuti lill-membri tal-parlament ta’ dan il-pajjiż, li huma stabbiliti fl-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża.

81      F’dan il-każ, ir-rikorrent jakkuża lill-Parlament li neħħielu l-immunità tiegħu minħabba li d-diskors inkwistjoni li minħabba fih inżamm responsabbli, sar barra mill-kuntest tal-attività tiegħu ta’ membru tal-Parlament, mentri, fil-fehma tiegħu, l-Artikolu 9 tal-Protokoll jikkonċerna l-atti kollha mwettqa barra mill-kuntest tal-eżerċizzju tal-attività parlamentari stricto sensu u għandu bħala għan li jipproteġi l-libertà ta’ diskussjoni politika u l-libertà ta’ espressjoni ta’ membru, kemm jekk użati fil-kuntest strett tal-Parlament Ewropew u kemm jekk le.

82      Għandu jitfakkar li l-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża jipprovdi:

“L-ebda Membru tal-Parlament ma jista’ jiġi suġġett għal proċeduri kontrih, jiġi mfittex, arrestat, detenut jew iġġudikat minħabba opinjonijiet jew voti espressi minnu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

Fil-qasam kriminali jew penali, Membru tal-Parlament, jista’ jiġi arrestat jew suġġett għal kull miżura li ċċaħħad jew li tirrestrinġi l-libertà biss bl-awtorizzazzjoni tal-[K]umitat tal-[A]ssemblea li jagħmel parti minnu. Din l-awtorizzazzjoni ma hijiex meħtieġa fil-każ ta’ flagranza tar-reat jew ta’ kundanna definittiva.

Id-detenzjoni, il-miżuri li jċaħħdu jew li jirrestrinġu l-libertà, jew il-proċeduri kriminali kontra Membru tal-Parlament għandhom jiġi sospiżi għal tul is-sessjoni jekk l-assemblea li tagħha jkun membru titlob hekk.

[…]”

83      Għalkemm ir-rikorrent ma jippreċiżax jekk jippretendix li tiġi applikata l-immunità prevista f’dawn id-dispożizzjonijiet, għandu jiġi kkunsidrat, madankollu li, bl-argument tiegħu, huwa jinvoka fir-realtà l-immunità prevista fl-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża, inkwantu huwa jsostni fil-fatt li ma jistax ikun hemm proċeduri legali kontrih u lanqas jista’ jiġi ġġudikat minħabba opinjonijiet mogħtija minnu fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu.

84      Biex ikun jista’ jibbenefika mid-dispożizzjonijiet tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża, jeħtieġ, l-istess bħalma jikkonċerna l-Artikolu 8 tal-Protokoll, li l-opinjonijiet mogħtija mill-membru tal-Parlament ikun tahom fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ membru fil-Parlament, peress li hija f’din il-kwalità li huwa jgawdi, permezz tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, mill-immunità rikonoxxuta mill-Kostituzzjoni Franċiża.

85      Issa, għandu jiġi kkonstatat li dan ma japplikax għall-każ ineżami (ara l-punti 74 sa 78 iktar ’il fuq).

86      Minn dan isegwi li l-Parlament ma wettaqx żball meta kkunsidra:

“[…I]t-talba tal-awtoritajiet Franċiżi mhijiex relatata mal-attivitajiet politiċi ta[r-rikorrent] bħala Membru tal-Parlament [...]; billi fil-fatt tikkonċerna attivitajiet ta’ natura purament reġjonali u lokali bħala kunsillier reġjonali għar-Rhône-Alpes, mandat li għalih [huwa] ġie elett b’suffraġju universali dirett u li huwa distint minn dak ta’ Membru tal-Parlament [...]”.

87      Minn dan isegwi wkoll li huwa irrilevanti jekk il-membru tal-Parlament qalx jew le f’liema kwalità kien qiegħed jagħti d-diskors inkwistjoni, peress li dan l-element ma jiġix ikkunsidrat biex jiġi stabbilit jekk l-imsemmi diskors intqalx fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tal-persuna kkonċernata.

88      Fl-aħħar nett, inkwantu l-argument imressaq mir-rikorrent jikkonsisti fil-fatt li jiġi kkonstatat li huwa aġixxa mhux fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-Parlament, iżda biss fil-kuntest ta’ attivitajiet politiċi li kull membru tal-Parlament jista’ jkollu apparti l-imsemmija funzjonijiet tiegħu u li, għaldaqstant, ma huwiex l-ewwel paragrafu tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża li japplika f’dan il-każ, iżda t-tieni u t-tielet paragrafu tal-Artikolu 26 tal-istess, għandu jiġi kkonstatat li, skont it-tielet paragrafu tal-Artikolu 26 tal-Kostituzzjoni Franċiża, jistgħu jittieħdu proċeduri legali sakemm il-Parlament ma jopponix għalihom, li jfisser li l-istess proċeduri legali ma jeħtiġux it-tneħħija tal-immunità li jgawdi minnha l-membru parlamentari.

89      Barra minn hekk u sa fejn hemm bżonn, għandu jitfakkar li l-Artikolu 9 tal-Protokoll jipprovdi espressament il-possibbiltà, għall-Parlament, li jneħħi l-immunità li membru tal-Parlament jista’ jgawdi minnha skont din id-dispożizzjoni.

90      Konsegwentement, il-Parlament ma jistax jiġi akkużat li ħass opportun, fid-dawl taċ-ċirkustanzi tal-każ ineżami u fuq talba magħmula mill-Ministru tal-Istat, Detentur tas-Siġilli, Ministru tal-Ġustizzja u tal-Libertajiet tar-Repubblika Franċiża li jneħħi l-immunità tar-rikorrent li tirriżulta mill-protokoll sabiex jippermetti li jkun hemm il-proċeduri istruttorji mibdija mill-awtoritajiet ġudizzjarji Franċiżi.

91      Fl-aħħar nett, inkwantu r-rikorrent isostni li l-Parlament seta’ jneħħi l-immunità f’dan il-każ, iżda li fil-prattika deċiżjonali preċedenti tiegħu, normalment ma jagħmilx dan, dan l-argument, fis-sustanza, jidħol fuq dak imressaq insostenn tat-tieni u t-tielet motiv li għandhom jiġu eżaminati issa.

92      Konsegwentement, kemm l-ewwel motiv kif ukoll ir-raba’ wieħed għandhom jiġu miċħuda.

 Fuq it-tieni u t-tielet motiv, ibbażati, min-naħa waħda, fuq il-ksur tal-“ġurisprudenza stabbilita” tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament fil-qasam tal-libertà ta’ espressjoni u tal-fumus persecutionis u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

93      Ir-rikorrent isostni, insostenn tat-tieni motiv tiegħu, li l-Parlament għandu l-fakultà li joħloq il-prinċipji tiegħu stess, u joħloq għaldaqstant “ġurisprudenza”, b’mod partikolari fil-qasam tal-immunità parlamentari, li biha jkunu marbutin l-istituzzjonijiet l-oħra.

94      Id-deliberazzjonijiet tal-Parlament fuq it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità li, matul iż-żmien, sarulu ppermettewlu fil-fatt li jislet prinċipji ġenerali, stabbiliti fir-riżoluzzjoni adottata mill-Parlament waqt is-seduta tiegħu tal-10 ta’ Marzu 1987 (ĠU C 99, p. 44), abbażi tar-rapport ta’ Donnez li għalaq il-proċedura ta’ konsultazzjoni tal-Parlament fuq l-abbozz ta’ protokoll dwar ir-reviżjoni tal-protokoll dwar il-privileġġi u immunitajiet tal-Komunitajiet Ewropej f’dak li jikkonċerna l-membri tal-Parlament (A2-121/86).

95      Il-Parlament stabbilixxa b’dan il-mod prinċipji li huma intiżi li jipproteġu d-drittijiet tal-membri tal-Parlament billi jirrifjuta, fil-biċċa l-kbira, li jneħħi l-immunità tagħhom, b’mod partikolari meta dan jinvolvi l-protezzjoni tal-libertà ta’ espressjoni u, b’mod partikolari, meta l-proċeduri legali jkunu sostnuti mill-avversarji politiċi tagħhom jew mill-eżekuttiv.

96      Il-prinċipji mislutin fil-kuntest ta’ din il-“ġurisprudenza stabbilita” jinsabu miġburin fil-qosor f’dokument tal-Kumitat legali u tas-suq intern tal-Parlament, bit-titolu “Komunikazzjoni lill-membri Nru 11/2003”, tas-6 ta’ Ġunju 2003 (iktar ’il quddiem il-“Komunikazzjoni Nru 11/2003”).

97      Ir-rikorrent isostni li d-diskors li għalih inżamm responsabbli jidħol b’mod ċar fil-kuntest tar-rwol tiegħu ta’ rappreżentant tal-partit politiku li jappartjeni għalih u ta’ president tal-grupp parlamentari reġjonali ta’ dan l-istess partit, minkejja li huwa membru ta’ dan il-partit fil-Parlament. Fil-fehma tiegħu, minn dan isegwi li ma setax jiġi rrifjutat li d-diskors tiegħu jiġi ddefinit bħala li huwa direttament marbut mal-attività politika tiegħu. Fil-fehma tiegħu, kienet mala fide ċara li biha l-Kumitat għall-Affarijiet Legali kkonstata li l-imsemmi diskors jaqa’ barra mill-kuntest tal-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu ta’ membru tal-Parlament.

98      Minn dan jirriżulta, konsegwentement, ksur mhux biss tal-prinċipji fil-qasam tal-libertà ta’ espressjoni tal-membri msemmija iktar ’il fuq, iżda wkoll tal-fumus persecutionis, peress li l-proċedura kriminali bdiet bl-ilment li għamlet il-parti ċivili LICRA, li kienet u tibqa’ mmexxija minn avversarji politiċi ddikjarati tar-rikorrent, kemm fuq livell lokali u reġjonali kif ukoll ġewwa l-Parlament.

99      Barra minn hekk, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-aġir tal-awtoritajiet Franċiżi, u b’mod partikolari l-awtoritajiet ġudizzjarji, juri wkoll l-eżistenza ta’ tali fumus persecutionis.

100    Issa, skont ir-rikorrent, il-prinċipji mislutin mill-Parlament huma intiżi li, f’tali sitwazzjoni, jipproteġu lill-membru mit-tneħħija tal-immunità.

101    Fl-aħħar nett, ir-rikorrent isostni, essenzjalment, insostenn tat-tielet motiv tiegħu, li l-Parlament, minn naħa waħda, billi kiser il-prinċipji u l-“ġurisprudenza” li huwa stabbilixxa fil-qasam tal-libertà ta’ espressjoni u tal-fumus persecutionis, kiser il-prinċipji ta’ ċertezza legali u ta’ protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u, min-naħa l-oħra, billi neħħa l-immunità u billi tbiegħed mill-“ġurisprudenza” tiegħu, kiser ukoll il-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament li japplika bejn il-membri tal-Parlament.

102    Il-Parlament jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

103    Peress li r-rikorrent jinvoka, essenzjalment, fil-kuntest tat-tieni motiv tiegħu, ksur tal-“ġurisprudenza stabbilita” tal-Parlament fil-qasam tal-immunità kif tirriżulta mill-Komunikazzjoni Nru 11/2003 u, fil-kuntest tat-tielet motiv tiegħu, billi kiser din il-“ġurisprudenza stabbilita” jirriżulta ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, ta’ aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament, għandha tiġi eżaminata l-ewwel nett in-natura legali tal-Komunikazzjoni Nru 11/2003.

–       Fuq in-natura legali tal-Komunikazzjoni Nru 11/2003 u l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali

104    L-ewwel nett għandha tiġi analizzata l-Komunikazzjoni Nru 11/2003 li hija miktuba kif ġej:

“Is-segretarjat [tal-Kumitat Legali u tas-Suq Intern] kiteb id-dokument anness mat-talba tal-Kumitat. Huwa identifika l-każijiet li fihom il-Parlament kellu quddiemu talbiet għat-tneħħija tal-immunità fil-kawżi dwar l-espressjoni ta’ opinjoni sa mill-1971 u pprova jislet prinċipji komuni, filwaqt li ħa inkunsiderazzjoni l-vot finali fis-seduta plenarja.

[…]

Għalkemm is-subparagrafu (a) tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu [9] tal-Protokoll jirreferi għall-immunitajiet rikonoxxuti lill-membru tal-parlament nazzjonali inkwistjoni, il-Parlament [...] għandu l-fakultà li joħloq il-prinċipji tiegħu stess, u joħloq għaldaqstant dik li wieħed jista’ jsejħilha ‘ġurisprudenza’.

[…]

Il-prinċipji jew il-ġurisprudenza msemmija iktar ’il fuq għandu jkollhom bħala effett li jistabbilixxu kunċett koerenti tal-immunità parlamentari Ewropea li, fil-prinċipju, għandha tkun indipendenti mid-diversi prattiċi fis-seħħ fil-parlamenti nazzjonali [...] [Wara] li jkun eżamina jekk l-immunità teżistix fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, il-Parlament [...] japplika prinċipji stabbiliti meta jiddeċiedi dwar tneħħija tal-immunità.

[…]

Prinċipju Nru 2: dan hu prinċipju fundamentali li, fil-każijiet fejn l-atti li bihom ikun akkużat il-membru jidħlu fil-kuntest tal-attività politika tiegħu li magħha huma marbutin direttament, l-immunità ma titneħħiex.

Jitqiesu bħala espressjoni ta’ opinjonijiet koperti mill-attività politika tal-membru l-manifestazzjonijiet (anki jekk tibda mill-post riżervat għall-pubbliku f’parlament nazzjonali), waqt laqgħat pubbliċi, fil-pubblikazzjonijiet politiċi, fl-istampa, fi ktieb, fuq it-televiżjoni, f’fuljett politiku u anki f’qorti [...] Il-Parlament irrifjuta wkoll li jneħħi l-immunità li tikkonċerna akkużi aċċessorji meta l-akkuża prinċipali kienet marbuta mal-espressjoni ta’ opinjoni politika.

Dak li hu preżunt li ntqal jew inkiteb huwa pjuttost irrilevanti, b’mod partikolari fil-każ fejn l-espressjoni tal-opinjoni kienet tirrigwarda politiku ieħor jew suġġett ta’ diskussjoni politika. Dan jista’, madankollu, jkun is-suġġett ta’ ċerti notifiki ta’ oppożizzjoni:

[…]

3. spiss jiġi indikat fir-rapporti li l-espressjoni ta’ opinjoni ma tistax tikkostitwixxi tixwix għal mibegħda, malafama jew ksur tad-drittijiet fundamentali tal-persuna jew attakk kontra l-unur jew ir-reputazzjoni ta’ gruppi jew ta’ individwi. Madankollu, għandu jingħad li l-Parlament adotta konsistentement atitudni liberali ħafna f’dak li jikkonċerna l-espressjoni ta’ opinjonijiet magħmula fl-arena politika, filwaqt li josserva li, fl-arena politika, ikun spiss diffiċli li ssir distinzjoni bejn il-polemika u l-malafama.

[…]

Il-kunċett ta’ fumus persecutionis, jiġifieri l-preżunzjoni li l-proċeduri legali kontra membru parlamentari jinbdew bil-ħsieb li jippreġudikaw l-attivitajiet politiċi tiegħu, pereżempju, meta jkun hemm rapporti anonimi li jwasslu għall-investigazzjoni jew meta t-talba ssir ħafna wara l-allegazzjonijiet. Pereżempju, meta l-proċeduri legali għad-danni minħabba malafama jinbdew minn avversarju politiku, huwa stmat li, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, dawn għandhom jitqiesu li huma intiżi li jippreġudikaw il-membru parlamentari kkonċernat u mhux biex jiksbu kumpens għad-danni. Il-fumus persecutionis hija preżumibbli b’mod partikolari meta l-proċeduri legali jinbdew f’dak li jikkonċerna fatti qodma, matul kampanja elettorali, biex jagħtu eżempju bl-akkużat, eċċ.

Prinċipju Nru 3: meta l-proċeduri legali jinbdew minn avversarju politiku, fin-nuqqas ta’ prova kuntrarja, l-immunità ma titneħħiex inkwantu l-proċeduri legali għandhom jitqiesu bħala li huma intiżi li jippreġudikaw lill-membru parlamentari kkonċernat u mhux biex jinkiseb kumpens għad-dannu. L-istess japplika meta l-proċeduri legali jinbdew f’ċirkustanzi li jagħtu wieħed x’jifhem li nbdew biss bil-għan li jippreġudikaw lill-membru kkonċernat.

[...][traduzzjoni mhux uffiċjali]”.

105    Għandu jiġi rikonoxxut li l-Parlament sostna ġustament li dan id-dokument, li nkiteb mis-segretarjat tal-Kumitat Legali u tas-Suq Intern, ma huwiex att tal-Parlament u huwa biss sintesi tal-prattika deċiżjonali preċedenti ta’ dan il-Kumitat fil-qasam inkwistjoni.

106    Barra minn hekk, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, id-dritt li wieħed jibbaża ruħu fuq il-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi jestendi għal kull persuna li ssib ruħha f’sitwazzjoni li minnha jirriżulta li l-amministrazzjoni Komunitarja, billi tatha garanziji preċiżi, nisslet fiha aspettattivi fondati (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 2004, Di Lenardo u Dilexport, C‑37/02 u C‑38/02, Ġabra p. I‑6911, punt 70 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 1998, Embassy Limousines & Services vs Il-Parlament, T‑203/96, Ġabra p. II‑4239, punt 74). Informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti li toriġina minn sorsi awtorizzati u affidabbli, irrispettivament mill-forma li fiha hija kkomunikata, tikkostitwixxi tali garanziji (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-25 ta’ Mejju 2000, Kögler vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, C‑82/98 P, Ġabra p. I‑3855, punt 33 u tal-Qorti Ġenerali tat-18 ta’ Ottubru 2011, Purvis vs Il-Parlament, T-439/09, Ġabra p. II‑7231, punt 69). Min-naħa l-oħra, ebda persuna ma tista’ tinvoka ksur ta’ dan il-prinċipju fin-nuqqas ta’ garanziji preċiżi mogħtija lilha mill-amministrazzjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ Novembru 2005, Il‑Ġermanja vs Il‑Kummissjoni, C‑506/03, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 58, u tat-22 ta’ Ġunju 2006, Il‑Belġju u Forum 187 vs Il-Kummissjoni, C‑182/03 u C‑217/03, Ġabra p. I‑5479, punt 147). Fuq kollox, garanziji konformi mar-regoli applikabbli biss jistgħu jagħtu lok għal aspettattivi leġittimi (sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-30 ta’ Ġunju 2005, Branco vs Il-Kummissjoni, T‑347/03, Ġabra p. II‑2555, punt 102 u tat-23 ta’ Frar 2006, Cementbouw Handel & Industrie vs Il-Kummissjoni, T‑282/02, Ġabra p. II‑319, punt 77).

107    Peress li l-Komunikazzjoni Nru 11/2003 ma hijiex att tal-Parlament, iżda hija biss sintesi tal-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Kumitat Legali u tas-Suq Intern, magħmula mis-segretarjat ġenerali tal-Parlament bil-għan li jiffamiljarizza lill-membri tal-Parlament fir-rigward ta’ din il-prattika deċiżjonali, u peress li tali dokument ma jistax, konsegwentement, jorbot lill-Parlament, minn dan isegwi li hija ma tistax tinvolvi informazzjoni preċiża, mingħajr kundizzjonijiet u konsistenti li toriġina mingħandu u li tista’ tikkostitwixxi garanzija preċiża min-naħa tiegħu li fuqha jistgħu jitwieldu aspettattivi f’moħħ il-membri tal-Parlament.

108    Minn dan isegwi li, fi kwalunkwe każ, ir-rikorrent ma jistax isostni li l-Parlament kiser il-prinċipju tal-aspettattivi leġittimi meta ħa d-distanzi minn dokument li ma huwiex att tal-Parlament.

109    Madankollu, għandu jitfakkar li l-istituzzjonijiet huma obbligati jeżerċitaw il-kompetenzi tagħhom b’mod konformi mal-prinċipji ġenerali tad-dritt tal-Unjoni, bħalma huwa l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament u l-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba u li, fid-dawl ta’ dawn il-prinċipji, dawn tal-aħħar għandhom jieħdu inkunsiderazzjoni d-deċiżjonijiet diġà meħuda fil-konfront ta’ applikazzjonijiet simili u li jistħarrġu b’attenzjoni partikolari fuq il-punt dwar jekk hemmx lok jew le li jiddeċiedu fl-istess sens. Barra minn hekk, il-prinċipji ta’ ugwaljanza fit-trattament u ta’ amminstrazzjoni tajba għandhom jiġu rrikonċiljati mal-osservanza tal-legalità (ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2011, Agencja Wydawnicza Technopol vs UASI, C‑51/10 P, Ġabra p. I‑1541, punti 73 sa 75, u l-ġurisprudenza ċċitata).

110    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament jipprekludi, b’mod partikolari, li sitwazzjonijiet paragunabbli jiġu ttrattati b’mod differenti, sakemm tali trattament ma jkunx jista’ jiġi oġġettivament iġġustifikat (ara s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta’ Diċembru 2008, Arcelor Atlantique u Lorraine et C‑127/07, Ġabra p. I‑9895, punt 23, u tal-14 ta’ Ottubru 2010, Nuova Agricast u Cofra vs Il-Kummissjoni (C‑67/09 P, Ġabra p. I‑9811, punt 78, u l-ġurisprudenza ċċitata).

111    Barra minn hekk, minn ġurisprudenza stabbilita jirriżulta li fost il-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni fil-proċedimenti amministrattivi jinsab, b’mod partikolari, il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba, li miegħu hemm marbut l-obbligu għall-istituzzjoni kompetenti li teżamina, b’reqqa u imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14 u tad-29 ta’ Marzu 2012, Il-Kummissjoni vs L-Estonja, C‑505/09 P, punt 95).

112    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li, bil-motiv tiegħu li huwa bbażat fuq il-ksur tal-“ġurisprudenza stabbilita” tal-Parlament fil-qasam tal-immunità, ir-rikorrent jixtieq jinvoka l-ksur tal-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

113    Anki jekk wieħed jippreżumi li l-Komunikazzjoni Nru 11/2003 fiha indikazzjonijiet preċiżi biżżejjed dwar l-attitudni li l-membri tal-Parlament jistgħu jistennew min-naħa tiegħu meta dan ikun mitlub jiddeċiedi dwar l-immunità ta’ membru, fid-dawl, b’mod partikolari, tal-libertà ta’ espressjoni u tal-fumus persecutionis, għandu jiġi kkunsidrat li l-Parlament jista’ jitbiegħed minnha biss jekk ikun hemm motivazzjoni suffiċjenti fuq dan il-punt.

114    Għandu jitfakkar f’dan ir-rigward, li l-motivazzjoni mitluba mill-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi adattata għan-natura tal-att inkwistjoni u għandha turi b’mod ċar u inekwivoku r-raġunament tal-istituzzjoni, l-awtur tal-att, b’mod li l-partijiet ikkonċernati jkunu jistgħu jsiru jafu l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda u li l‑qorti kompetenti tkun tista’ teżerċita l-istħarriġ tagħha. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari rigward il-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d‑destinatarji jew persuni oħra direttament jew individwalment ikkonċernati bl-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet. Ma huwiex meħtieġ li l-motivazzjoni tispeċifika kull punt ta’ fatt u ta’ liġi rilevanti, sa fejn il-kwistjoni dwar jekk il‑motivazzjoni ta’ att tissodisfax ir-rekwiżiti tal-Artikolu 296 TFUE għandha tiġi evalwata mhux biss fir-rigward tal-kliem tagħha, iżda wkoll fir-rigward tal-kuntest tagħha kif ukoll fir-rigward tar-regoli legali kollha li jirregolaw il-qasam ikkonċernat (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France (C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63; tat-30 ta’ Settembru 2003, Il-Ġermanja vs Il-Kummissjoni, C‑301/96, Ġabra p. I‑9919, punt 87, u tat-22 ta’ Ġunju 2004, Il-Portugall vs Il‑Kummissjoni, C‑42/01, Ġabra p. I‑6079, punt 66).

115    Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-prinċipju taċ-ċertezza legali, mill-ġurisprudenza jirriżulta li dan il-prinċipju jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni li jeħtieġ b’mod partikolari li leġiżlazzjoni tkun ċara u preċiża, sabiex il-persuni li huma suġġetti għaliha jkunu jistgħu jsiru jafu d-drittijiet u l-obbligi tagħhom mingħajr ambigwità u bħala konsegwenza jieħdu l-provvedimenti tagħhom. Madankollu, peress li ċertu livell ta’ inċertezza fir-rigward tas-sens u l-portata ta’ regola ta’ dritt huwa inerenti għaliha, għandu jiġi eżaminat jekk l-att ġuridiku inkwistjoni huwiex affettwat minn ambigwità tali li tipprekludi lill-persuni suġġetti għaliha milli jqajmu eventwali dubji b’ċertezza suffiċjenti dwar il-portata jew is-sens tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-14 ta’ April 2005, Il‑Belġju vs Il-Kummissjoni, C-110/03, Ġabra p. I-2801, punti 30 u 31).

–       Fuq l-att ikkontestat

116    Insostenn tat-tieni motiv tiegħu, ir-rikorrent isostni li l-Parlament mar kontra l-prattika deċiżjonali preċedenti tiegħu dwar l-evalwazzjoni tal-każijiet li fihom tkun ikkonċernata l-libertà ta’ espressjoni tal-membri u li fihom ikun hemm suspett ta’ fumus persecutionis.

117    Għal dak li jikkonċerna, qabel xejn, il-libertà ta’ espressjoni, mill-prattika deċiżjonali tal-Parlament ta’ wara l-Komunikazzjoni Nru 11/2003, jirriżulta li t-tneħħija tal-immunità tista’ tkun ikkontemplata b’mod partikolari jekk il-fatti li l-membru jkun akkużat bihom jirrilevaw tixwix għal mibegħda razzjali.

118    Għandu jiġi kkonstatat, f’dan il-każ, li din il-kwalifika tal-fatti mill-awtoritajiet kompetenti ġiet rilevata fil-premessi A u B tal-att ikkontestat:

“A. billi prosekutur pubbliku Franċiż talab it-tneħħija tal-immunità parlamentari ta[r-rikorrent], Membru tal-Parlament [...], sabiex ikun jista’ jiġi investigat ilment li jallega inċitament għall-mibegħda razzjali u, jekk ikun xieraq, sabiex [huwa] ikun jista’ jitressaq quddiem Qorti Franċiża tal-Prim Istanza, il-Qorti tal-Appell u l-Cour de Cassation,

B. billi t-tneħħija tal-immunità ta[r-rikorrent] hija relatata ma’ offiża allegata ta’ inċitament għall-mibegħda razzjali bħala riżultat ta’ stqarrija għall-istampa li saret fit-3 ta’ Ottubru 2008 mill-Grupp Front National tar-Reġjun Rhône-Alpes, li tiegħu [r-rikorrent] kien President”.

119    Barra minn hekk, f’dak li jikkonċerna l-fumus persecutionis, għandu jiġi kkonstatat li l-proċeduri legali kontra r-rikorrent ma nbdewx minn avversarju politiku, imma minn assoċjazzjoni awtorizzata mil-liġi Franċiża sabiex tressaq quddiem il-qrati d-diskorsi u l-iskritturi razzisti jew antisemitiċi skont il-liġi tad-29 ta’ Lulju 1881 dwar il-libertà tal-istampa (Bulletin des Lois, 1881, Nru 637, p. 125), li ma kinux rapporti anonimi li wasslu għall-investigazzjoni, li l-proċeduri legali mibdija ma kinux jikkonċernaw la fatti qodma u lanqas fatti mwettqa matul kampanja elettorali u li xejn ma jippermetti li jiġi stabbilit, fid-dawl tal-fatti meħudin inkunsiderazzjoni mill-Parlament u li wara kollox ma humiex ikkontestati mir-rikorrent, li l-proċeduri legali kienu intiżi manifestament li jagħmlu eżempju b’dan tal-aħħar.

120    F’dan il-każ ineżami, għaldaqstant, ma kien hemm ebda wieħed mill-kriterji identifikati fil-kuntest tal-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Parlament u li seta’ jwassal lil dan sabiex jopponi, fil-passat, għal talba għat-tneħħija tal-immunità.

121    Il-Parlament ġustament irrileva, għaldaqstant, dan li ġej fid-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent:

“[…F]il-każ preżenti, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta’ fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-każ tressaq bl-intenzjoni li ssir ħsara politika lill-Membru [...]”.

122    Minn dan isegwi li, fuq l-evalwazzjoni kemm tal-libertà ta’ espressjoni kif ukoll tal-eżistenza tal-eventwali fumus persecutionis, l-obbligu tal-Parlament li jeżamina, b’attenzjoni u b’imparzjalità, l-elementi rilevanti kollha tal-każ ineżami ġie sodisfatt u r-rikorrent baqa’ ma pprovax li kien inkiser il-prinċipju ta’ amministrazzjoni tajba.

123    L-istess japplika f’dak li jikkonċerna l-prinċipju ta’ ugwaljanza fit-trattament fejn ir-rikorrent baqa’ ma weriex, fid-dawl tal-prattika deċiżjonali preċedenti tal-Parlament imsemmija fil-Komunikazzjoni Nru 11/2003, li huwa kien suġġett ta’ trattament differenti minn dak li normalment jingħata lill-membru tal-Parlament f’sitwazzjonijiet paragunabbli.

124    Barra minn hekk, fid-dawl tan-natura legali tal-Komunikazzjoni Nru 11/2003, li ma huwiex dokument tal-Parlament (ara l-punti 107 u 108 iktar ’il fuq), ir-rikorrent ma setax utilment jipprevalixxi ruħu mill-ksur, min-naħa tal-istess Parlament, tal-prinċipju taċ-ċertezza legali biex jitbiegħed minn din il-komunikazzjoni b’mod li huwa ma stenniex, peress li din il-komunikazzjoni, li ġiet magħmula biss mis-segretarjat ġenerali tal-Parlament, ma tistax, konsegwentement, titqies bħala regolament fis-sens tal-ġurisprudenza mfakkra iktar ’il fuq (punt 115).

125    Fl-aħħar nett, mill-kunsiderazzjonijiet preċedenti kollha jirriżulta li l-att ikkontestat fih motivazzjoni suffiċjenti fir-rigward taż-żewġ punti msemmija iktar ’il fuq.

126    It-tieni u t-tielet motivi għandhom, għaldaqstant, jiġu miċħuda fl-intier tagħhom.

 Fuq il-ħames motiv, li huwa bbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura dwar il-proċedura li tista’ twassal għall-iskwalifika ta’ membru

127    Ir-rikorrent isostni, essenzjalment, li l-fatti li minħabba fihom kien suġġett ta’ proċeduri legali jistgħu jiġu sanzjonati, fid-dritt Franċiż, b’piena komplementari ta’ ineliġibbiltà li tinvolvi l-iskwalifika mill-mandati elettorali.

128    Issa, il-Gvern Franċiż ma rrispettax il-proċedura prevista fl-Artikolu 3(6) tar-Regoli ta’ Proċedura u naqas milli jsemmi, fil-korrispondenza tiegħu, li l-proċeduri legali mibdija kontra r-rikorrent seta’ jkollhom il-konsegwenza li jiskwalifikaw lill-membru mill-mandat tiegħu.

129    Barra minn hekk, skont ir-rikorrent, ebda organu tal-Parlament ma talab dan lill-Gvern Franċiż. Issa, il-president tal-Parlament kellu jgħarraf lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali b’dan l-element essenzjali u dan tal-aħħar kellu jieħdu inkunsiderazzjoni, anki jekk il-kundanna tar-rikorrent b’tali piena komplementari tibqa’ improbabbli ħafna.

130    Minn dan isegwi, fil-fehma tiegħu, li l-ommissjoni ta’ din il-formalità proċedurali sostanzjali tivvizzja r-rapport tal-Kumitat kompetenti u, konsegwentement, id-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent.

131    Il-Parlament jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

132    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-regoli ta’ proċedura ta’ istituzzjoni Komunitarja għandhom l-għan li jorganizzaw il-funzjonament intern tad-dipartimenti tagħha fl-interess tal-amministrazzjoni tajba. Minn dan jirriżulta li l-persuni fiżiċi jew morali ma jistgħux jinvokaw allegat ksur ta’ dawn ir-regoli insostenn ta’ rikors għal annullament, peress li ma humiex intiżi sabiex jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Mejju 1991, Nakajima vs Il-Kunsill, C‑69/89, Ġabra p. I-2069, punti 49 u 50; ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Settembru 2007, Common Market Fertilizers vs Il-Kummissjoni (C‑443/05 P, Ġabra p. I‑7209, punti 144 u 145).

133    Barra minn hekk, skont ġurisprudenza stabbilita, il-ksur ta’ formalità proċedurali sostanzjali jista’ jwassal għall-annullament tad-deċiżjoni inkwistjoni biss meta jiġi stabbilit li fin-nuqqas ta’ din l-irregolarità l-imsemmija deċiżjoni seta’ jkollha kontenut differenti (ara f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-29 ta’ Ottubru 1980, Van Landewyck et vs Il-Kummissjoni, 209/78 sa 215/78 u 218/78, Ġabra p. 3125, punt 47 u s-sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-5 ta’ April 2006, Degussa vs Il-Kummissjoni, T-279/02, Ġabra p. II 897, punt 416).

134    F’dan il-każ, l-ewwel ilment imressaq mir-rikorrent huwa intiż, essenzjalment, li jwassal biex il-Qorti Ġenerali tikkonstata li l-awtoritajiet Franċiżi naqsu milli jwettqu l-obbligu tagħhom, li jirriżulta skont huma mill-Artikolu 3(6) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jinformaw lill-Parlament bl-eżistenza ta’ proċedura li tista’ twassal għall-iskwalifika tar-rikorrent mill-mandat tiegħu.

135    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(6) tar-Regoli ta’ Proċedura ma jipprovdi għal ebda obbligu f’dan is-sens fuq l-Istati Membri.

136    Fil-fatt, l-Artikolu 3(6) tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li, meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jibdew proċedura li tista’ twassal għall-iskwalifika ta’ membru milli jieħu l-kariga, il-president tal-Parlament għandu jitlobhom biex iżommuh informat regolarment dwar l-istadju li fih tkun waslet il-proċedura u għandu jirreferi l-każ lill-kumitat responsabbli mill-verifika ta’ kredenzjali, li fuq il-proposta tiegħu l-Parlament jista’ jieħu pożizzjoni.

137    Id-dispożizzjonijiet ta’ dan l-artikolu jipprovdu għaldaqstant il-proċedura li għandha tiġi segwita mill-president tal-Parlament u mhux mill-Istati Membri. Barra minn hekk, huwa eskluż, fi kwalunkwe każ, li jista’ jiġi stabbilit xi obbligu fuq l-Istati Membri abbażi tar-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

138    L-ewwel ilment għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud.

139    It-tieni lment huwa bbażat fuq il-fatt li ebda organu tal-Parlament, inkluż il-president tiegħu, ma akkuża lill-awtoritajiet Franċiżi li ma informawx lill-Parlament bil-fatt li r-rikorrent kien ser jinkorri l-iskwalifika mill-mandat tiegħu, mentri l-president kellu jattira l-attenzjoni tal-kumitat responsabbli dwar dan in-nuqqas li seta’ jittieħed ikunsiderazzjoni minn dan l-istess kumitat waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-immunità tiegħu.

140    F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li l-Artikolu 3(6) tar-Regoli ta’ Proċedura, li ma jinvolvix regoli intiżi li jiżguraw il-protezzjoni tal-individwi, huwa intiż biss, kif isostni wkoll il-Parlament, li jippermetti lil dan li jinżamm informat bil-passi meħudin mill-awtoritajiet nazzjonali fi proċedura li tista’ twassal għall-iskwalifika ta’ membru u għas-sostituzzjoni eventwali tiegħu.

141    F’dan is-sens, din hija dispożizzjoni li għandha l-għan li tiżgura l-funzjonament intern tajjeb tal-Parlament u li ma tikkostitwixxix, għaldaqstant, formalità proċedurali sostanzjali fil-proċedura għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru tal-Parlament.

142    Minn dan isegwi li t-tieni lment għandu jiġi miċħud ukoll.

143    Il-ħames motiv għandu, għaldaqstant, jiġi miċħud fl-intier tiegħu.

 Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u d-drittijiet tad-difiża

144    Ir-rikorrent isostni li l-fatt li huwa ma kellux il-possibbiltà li jiddefendi ruħu waqt il-vot fis-seduta plenarja dwar id-deċiżjoni fuq it-tneħħija tal-immunità tiegħu u li talba li huwa ppreżenta f’dan is-sens lill-president tal-Parlament Ewropew ġiet miċħuda, jikkostitwixxi ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża.

145    Huwa jirrikonoxxi li, ċertament, it-tielet paragrafu tal-Artikolu 7(8) tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 151, il-membru li tiegħu l-privileġġi u l-immunitajiet ikunu qed jitqiesu, ma jistax jieħu sehem fid-dibattitu.

146    Huwa jeċċepixxi madankollu l-illegalità fir-rigward ta’ din id-dispożizzjoni, billi jsostni li hija tmur kontra r-rispett tad-drittijiet tad-difiża u, b’mod partikolari, id-dritt għal smigħ.

147    F’dan ir-rigward, fl-ewwel lok, huwa jsostni li ma jistax jiġi kkunsidrat li d-drittijiet tad-difiża tiegħu ġew irrispettati sempliċement minħabba l-fatt li huwa kellu smigħ, bil-magħluq, quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, meta s-sens tar-rapport ippreparat mir-relatur ma kienx magħruf.

148    Fit-tieni lok, ir-rikorrent josserva li l-minuti tal-laqgħat tal-Kumitat ma jsemmux l-ismijiet tal-membri li kienu effettivament preżenti waqt is-smigħ tiegħu, imma biss il-lista tal-votanti. Issa, fil-fehma tiegħu, numru ta’ membri li kienu ffirmaw din il-lista ma kinux preżenti waqt is-smigħ tiegħu.

149    Fit-tielet lok, huwa jallega li diversi membri li pparteċipaw fil-vot tar-rapport ma kinux preżenti waqt is-smigħ tiegħu. Issa, huwa komunement aċċettat, fil-kuntest ta’ proċedura dixxiplinari, ġudizzjarja jew amministrattiva, li jistgħu jieħdu deċiżjoni dawk biss li semgħu lill-persuna kkonċernata, u għaldaqstant l-istess persuni li pparteċipaw kemm fis-smigħ tal-persuna kkonċernata u kif ukoll fl-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonċernaha.

150    Fir-raba’ lok, dan ir-rifjut tas-smigħ imur ukoll kontra l-parti l-kbira tal-użanzi parlamentari u, b’mod partikolari, l-Artikolu 80(7) tar-Regoli tal-Assemblea Nazzjonali Franċiża, li jipprovdi li l-membru għandu jieħu sehem fid-dibattitu fil-kuntest tal-eżami tat-talba għat-tneħħija tal-immunità li tikkonċernah.

151    Fil-ħames lok, ir-rikorrent isostni li l-Parlament evita, fuq kollox, kull possibbiltà ta’ dibattitu meta rrikorra għal proċedura ssimplifikata mingħajr dibattitu biex adotta t-testi li ma kinux suġġetti għal emendi, skont l-Artikolu 138(2) tar-Regoli ta’ Proċedura. Issa, din id-dispożizzjoni ta’ natura ġenerali ma tistax tapplika, fil-fehma tiegħu, peress li d-dispożizzjonijiet partikolari tal-Artikolu 7(8) tar-Regoli ta’ Proċedura, li japplikaw fil-qasam tal-immunità, jipprovdu min-naħa tagħhom li għandu jsir dibattitu.

152    Fl-aħħar nett, fis-sitt lok, il-mozzjonijiet għall-adozzjoni ta’ att b’dibattitu jew mingħajru jiġu eżaminati mill-konferenza tal-presidenti tal-gruppi politiċi. F’dan il-każ, skont ir-rikorrent, fil-kuntest ta’ din il-konferenza, il-membri mhux affiljati ma għandhomx rappreżentant elett u għandhom biss rappreżentant maħtur li ma għandux leħen għall-fini tad-deċiżjoni, b’mod li ma jistax jeżiġi li jinżamm dibattitu, li jikkostitwixxi, fil-fehma tiegħu, każ ġdid ta’ diskriminazzjoni tal-membri mhux affiljati, l-istess bħall-kawża li wasslet għas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tat-2 ta’ Ottubru 2001, Martinez et vs Il-Parlament (T‑222/99, T‑327/99 u T‑329/99, Ġabra p. II‑2823).

153    Għandu jiġi ppreċiżat li, waqt is-seduta, ir-rikorrent indika li l-motiv tiegħu jirrigwarda biss in-nuqqas ta’ garanziji offruti mill-proċeduri interni tal-Parlament waqt l-eżami ta’ talba għat-tneħħija tal-immunità, jiġifieri d-dibattitu kontradittorju u r-rispett tad-drittijiet tad-difiża, iżda huwa ma sostniex, madankollu, li f’dan il-każ dawn il-proċeduri interni kienu nkisru.

154    Il-Parlament jikkontesta dawn l-allegazzjonijiet.

155    L-argument tar-rikorrent, kif ippreċiżah waqt is-seduta, jikkonsisti essenzjalment, fil-fatt li huwa jsostni li kien jixtieq jitkellem fis-seduta plenarja biex jiddefendi ruħu u li dan id-dritt ġie rrifjutat lilu peress li l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(8) u tal-Artikolu 138(2) tar-Regoli ta’ Proċedura flimkien, ipprekludiet milli jsir dibattitu u li huwa jitkellem.

156    Ir-rikorrent isostni fil-fatt li l-użu tal-Artikolu 138(2) tar-Regoli ta’ Proċedura pprekluda li jsir dibattitu li għaldaqstant huwa previst fl-Artikolu 7(8) tal-istess regoli u li l-applikazzjoni tal-Artikolu 7(8) tar-Regoli ta’ Proċedura tipprekludi barra minn hekk lill-membru milli jesprimi ruħu waqt li jseħħ tali dibattitu.

157    Għalkemm huwa jirrikonoxxi li l-Parlament osserva d-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu, ir-rikorrent jikkontesta min-naħa l-oħra l-legalità ta’ dan id-dispożittiv, inkwantu huwa jikkunsidra li jmur kontra r-rispett tad-drittijiet tad-difiża kif ukoll il-prinċipju ta’ kontradittorju.

158    Konsegwentement, għandu jiġi eżaminat, fl-ewwel lok, jekk kellux iseħħ dibattitu fis-seduta plenarja, u fit-tieni lok, jekk fl-affermattiv, ir-rikorrent setax jiġi prekluż milli jitkellem u, konsegwentement, jekk id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 7(8) tar-Regoli ta’ Proċedura humiex f’dan ir-rigward illegali u, fl-aħħar nett, fit-tielet lok, jekk l-ilmenti l-oħra dwar il-proċedura segwita mill-Parlament jippreġudikawx il-legalità tal-proċedura.

–       Fuq iż-żamma ta’ dibattitu fis-seduta plenarja

159    Preliminarjament, għandu jiġi rilevat li r-rikorrent ma jikkontestax l-Artikolu 7(8) tar-Regoli ta’ Proċedura fejn dan jipprovdi li jinżamm dibattitu, imma biss fejn dan jipprovdi li, matul dan id-dibattitu, il-membru kkonċernat ma jistax jitkellem.

160    Fl-ewwel lok, għandu għalhekk jiġi eżaminat jekk huwiex permess li jiġu applikati d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 138(2) tar-Regoli tal-Proċedura, li jipprovdi għal proċedura ssimplifikata mingħajr dibattitu u mingħajr emendi fis-seduta plenarja, fil-kuntest tal-adozzjoni, waqt l-istess seduta, ta’ deċiżjoni dwar l-immunità ta’ membru.

161    L-Artikolu 138(2) tar-Regoli ta’ Proċedura jipprovdi li, meta mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva tkun ġiet adottata fil-kumitat b’inqas minn wieħed minn għaxra tal-membri tal-kumitat li jivvutaw kontriha għandha titqiegħed fl-aġenda tal-Parlament għall-votazzjoni mingħajr emendi u mingħajr diskussjoni ħlief jekk il-Parlament jiddeċiedi mod ieħor fuq proposta tal-Konferenza tal-Presidenti, jew jekk jintalab jagħmel dan minn xi grupp politiku jew minn mhux inqas minn erbgħin Membru.

162    Fl-ewwel lok, għandu jiġi kkunsidrat li, kif sostna l-Parlament, il-kunċett ta’ “mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva” b’kuntrast ma’ dak ta’ “proposta għal att leġiżlattiv” fis-sens tal-Artikolu 138(1) tar-Regoli ta’ Proċedura, jinkludi l-kunċett ta’ “proposta għal deċiżjoni” fis-sens tal-Artikolu 7(2) tar-Regoli ta’ proċedura peress li wara kollox din l-interpretazzjoni ma hijiex ikkontestata mir-rikorrent.

163    Fit-tieni lok, għandu jiġi rilevat li huwa biss fi tmiem id-diskussjoni fi ħdan il-kumitat, u sakemm ikun hemm minoranza b’inqas minn wieħed minn għaxra tal-membri tal-istess kumitat li jkunu vvutaw kontra t-test li r-Regoli ta’ Proċedura jipprovdu li l-proċedura li għandha mbagħad tiġi segwita skont il-liġi hija l-proċedura mingħajr diskussjoni u mingħajr emendi prevista fl-Artikolu 138 tar-Regoli ta’ Proċedura, u dan għal raġunijiet ta’ ekonomija ta’ proċedura.

164    Fit-tielet lok, għandu jiġi enfasizzat li r-Regoli ta’ Proċedura pprovdew, madankollu, mekkaniżmi ta’ salvagwardja, li jippermettu li ssir diskussjoni fis-seduta plenarja, minkejja r-riżultat tal-vot fil-kumitat, fuq proposta tal-konferenza tal-presidenti jew fuq talba ta’ grupp politiku jew ukoll ta’ mill-inqas 40 membru.

165    Għaldaqstant, il-possibbiltà li ssir diskussjoni fis-seduta plenarja ma hijiex eskluża, anki meta d-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 138(2) iwasslu biex jiddaħħal punt fl-aġenda tas-seduta plenarja sabiex jittieħed vot mingħajr diskussjoni u mingħajr emendi.

166    Fir-raba’ lok, l-Artikolu 7(8) tar-Regoli ta’ Proċedura ma jeżiġix li ssir diskussjoni fis-seduta plenarja, iżda jillimita ruħu biex jipprovdi l-kundizzjonijiet li fihom għandha sseħħ din id-diskussjoni jekk din issir, f’dan il-każ, fil-forma ta’ diskussjoni limitata għar-raġunijiet li jimmilitaw favur u kontra l-proposta għat-tneħħija jew le tal-immunità ta’ membru u li ma tistax twassal biex issir xi emenda.

167    Minn dan isegwi li dawn id-dispożizzjonijiet bl-ebda mod ma jeskludu li, meta l-proposta għal deċiżjoni tkun ġiet adottata fil-kumitat u li minoranza b’inqas minn wieħed minn għaxra tal-membri tal-istess kumitat li jkunu vvutaw kontriha il-punt jiddaħħal fl-aġenda tas-seduta plenarja sabiex jittieħed vot mingħajr diskussjoni u mingħajr emendi, skont l-Artikolu 138(2) tar-Regoli ta’ Proċedura.

168    L-Artikolu 7(8) ma jikkostitwixxix, għaldaqstant, lex specialis li minnha l-Artikolu 138(2) ma jistax jidderoga, imma dawn iż-żewġ dispożizzjonijiet jippreżentaw, min-naħa l-oħra, rapport ta’ komplementarjetà proċedurali intiż li jiffaċilita x-xogħol tal-Parlament waqt is-seduta plenarja meta tkun biss minoranza żgħira ħafna li esprimiet ruħha kontra l-proposta adottata mill-kumitat responsabbli, jiġifieri meta ebda minoranza ma tkun esprimiet ruħha kontra din il-proposta.

169    Barra minn hekk, għandu jiġi ppreċiżat li l-Parlament indika, mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrent, li l-proċedura mingħajr diskussjoni prevista fl-Artikolu 138(2) tar-Regoli tal-Proċedura kienet dik li normalment tiġi segwita mill-Parlament f’dak li jikkonċerna d-deċiżjonijiet dwar it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità u li d-diskussjoni fis-seduta plenarja, kif prevista fl-Artikolu 7(8), issir biss b’mod eċċezzjonali, peress li huwa biss ir-riżultat tal-vot fi ħdan il-kumitat responsabbli li jiddetermina jekk japplikax l-Artikolu 138(2).

170    Barra minn hekk, minn naħa waħda, għandu jiġi kkonstatat li, f’dan il-każ, il-punt iddaħħal fl-aġenda tas-seduta plenarja sabiex jittieħed vot mingħajr emenda u mingħajr diskussjoni, inkwantu l-proposta għal deċiżjoni kienet ġiet adottata fil-kumitat mentri minoranza b’inqas minn wieħed minn għaxar membri tiegħu kienet ivvotat kontra t-test fil-kumitat. Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkonstatat, ħaġa li r-rikorrent ma jikkontestax, li la l-konferenza tal-presidenti, la l-grupp politiku, u lanqas 40 membru ma esprimew ruħhom sabiex tinżamm diskussjoni dwar id-deċiżjoni biex titneħħa l-immunità tar-rikorrent.

171    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li l-Parlament applika b’mod korrett il-proċedura mingħajr emendi u mingħajr diskussjoni tal-Artikolu 138 tar-Regoli ta’ Proċedura.

172    Konsegwentement, u bħala konklużjoni, inkwantu r-rikorrent jinvoka li kien hemm użu ħażin tal-proċedura, minkejja l-preċiżazzjonijiet magħmula fis-seduta għall-mod kif kienu miktuba l-ilmenti tiegħu, għandu jitfakkar li skont ġurisprudenza stabbilita, sabiex ikun hemm użu ħażin ta’ poter, li l-użu ħażin ta’ proċedura huwa biss forma waħda tiegħu, huwa meħtieġ li joħroġ biċ-ċar, abbażi ta’ indizji oġġettivi, rilevanti u koerenti, li l-att ikkontestat kien ġie adottat bl-iskop esklużiv, jew minn tal-anqas bl-iskop determinanti, li jintlaħqu għanijiet differenti minn dawk indikati jew sabiex tiġi evitata proċedura speċifikament prevista mit-Trattat sabiex jiġu evitati ċ-ċirkustanzi tal-każ (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta’ Marzu 2005, Spanja vs Il‑Kunsill, C‑342/03, Ġabra p. I‑1975, punt 64, u tas-7 ta’ Settembru 2006, Spanja vs Il-Kunsill, C‑310/04, Ġabra p. I‑7285, punt 69).

173    Peress li huwa korrett, skont l-Artikolu 138(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, li l-punt inkwistjoni f’dan il-każ, iddaħħal fl-aġenda tas-seduta plenarja sabiex jittieħed vot mingħajr emendi u mingħajr diskussjoni, inkwantu l-proposta għal deċiżjoni kienet ġiet adottata fil-kumitat, filwaqt, jekk xejn, minoranza ta’ inqas minn wieħed minn għaxra mill-membri tiegħu kienu vvotaw kontra t-test fi ħdan l-istess kumitat, f’dan il-każ ma jeżisti ebda indizju oġġettiv u rilevanti li l-att ikkontestat ġie adottat b’mod intiż li jevita proċedura speċifikament prevista għal dan il-għan.

174    Fit-tieni lok, għandu jiġi eżaminat jekk, kif isostni r-rikorrent, minkejja r-regolarità tal-proċedura segwita mill-Parlament, il-prinċipji ġenerali dwar ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ kontradittorju jipprekludux mekkaniżmu proċedurali għall-adozzjoni ta’ deċiżjoni għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru kif jinsab stabbilit fir-Regoli ta’ Proċedura tal-Parlament.

175    F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, skont ġurisprudenza stabbilita, ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża, u b’mod partikolari tad-dritt għal smigħ, f’kull proċedura miftuħa fil-konfront ta’ entità li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju, jikkostitwixxi prinċipju fundamentali tad-dritt tal-Unjoni u għandu jiġi żgurat, anki fin-nuqqas ta’ leġiżlazzjoni fir-rigward tal-proċedura inkwistjoni (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs De Bry (C-344/05 P, Ġabra p. I‑10915, punt 37, u tal-Qorti Ġenerali tal-14 ta’ Ottubru 2009, Bank Melli Iran vs Il-Kunsill (T‑390/08, Ġabra p. II‑3967, punt 91). Dan il-prinċipju ġie stabbilit ukoll mill-Artikolu 41(2)(a) tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali.

176    Skont dan il-prinċipju, il-persuna kkonċernata għandu jkun kellha l-possibbiltà, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni li tikkonċernaha, li tagħti l-fehma tagħha b’mod utli fuq ir-realtà u r-rilevanza tal-fatti u ċirkustanzi li abbażi tagħhom dik id-deċiżjoni tkun ġiet adottata (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Lulju 1970, Buchler vs Il‑Kummissjoni, 44/69, Ġabra p. 733, punt 9, u tat-3 ta’ Ottubru 2000, Industrie des poudres sphériques vs Il-Kunsill (C‑458/98 P, Ġabra p. I‑8147, punt 99).

177    Minn dan isegwi li, skont dawn il-prinċipji, deċiżjoni ma tistax tiġi adottata abbażi ta’ punti ta’ fatt u ta’ ċirkustanzi li fuqhom il-persuna kkonċernata ma kinitx f’pożizzjoni li tagħti l-fehma tagħha utilment qabel l-adozzjoni ta’ din id-deċiżjoni.

178    Madankollu, id-dritt għal smigħ ma jimplikax neċessarjament, li ssir diskussjoni pubblika f’kull proċedura miftuħa kontra persuna u li tista’ twassal għal att li jikkawżalha preġudizzju.

179    Ir-rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ kontradittorju ma jimplikax, konsegwentement, li l-adozzjoni mill-Parlament, ta’ deċiżjoni li tikkonċerna t-tneħħija tal-immunità ta’ membru tiġi neċessarjament ippreċeduta b’diskussjoni fis-seduta plenarja.

180    Fil-fatt, ir-rikorrent ma jurix li tali prinċipju jipprevalixxi fil-parti l-kbira tad-dritt tal-Istati Membri, u lanqas fid-dritt Franċiż.

181    Fil-fatt, kien mingħajr kontestazzjoni mir-rikorrent li l-Parlament qal, waqt is-seduta, li fi Franza, sa mill-1995, huwa l-Kumitat tal-Assemblea li minnu jifforma parti l-membru li għandu l-obbligu li jieħu deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-immunità tiegħu u mhux l-Assemblea li tippresjedi fil-plenarja.

182    Min-naħa l-oħra, għandu jiġi kkunsidrat l-Artikolu 7(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, li jipprovdi li l-membru kkonċernat minn talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu għandu jingħata l-possibbiltà li jispjega ruħu u jkun jista’ jippreżenta d-dokumenti u skritturi kollha li jidhrulu rilevanti. Huwa jista’ jkun irrappreżentat minn membru ieħor.

183    B’dan il-mod, jingħataw garanziji suffiċjenti, fir-rigward tad-drittijiet tad-difiża u tal-prinċipju ta’ kontradittorju, lill-persuna kkonċernata fil-kuntest tal-proċedura stabbilita mill-Parlament sabiex jittratta t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità tal-membri.

184    Konsegwentement, ir-rikorrent huwa żbaljat meta jsostni li l-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża u ta’ kontradittorju jipprekludu l-mekkaniżmu proċedurali li huwa fis-seħħ quddiem il-Parlament fil-kuntest tar-Regoli ta’ Proċedura, skont l-Artikoli 7 u 138 tal-istess regoli, sabiex jiġu ttrattati t-talbiet għat-tneħħija tal-immunità.

185    Barra minn hekk, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrent ma jikkontestax li kellu smigħ quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet Legali qabel ma dan adotta l-proposta għal deċiżjoni tiegħu.

186    Barra minn hekk, ir-rikorrent naqas milli juri liema punti ta’ fatt jew liema ċirkustanzi ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali jew mill-Parlament u li fuqhom huwa ma kienx f’pożizzjoni li jagħti l-fehma tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-immunità tiegħu.

187    Iktar minn hekk, mill-motivi tad-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent jirriżulta li l-Parlament irrisponda għaż-żewġ argumenti prinċipali li dan reġa’ ressaq quddiem il-Qorti Ġenerali, jiġifieri li huwa kien aġixxa fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet tiegħu u li kien jeżisti fumus persecutionis li jiġġustifika li l-immunità tiegħu ma titneħħiex.

188    Konsegwentement, għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrent ma ppruvax li, f’dan il-każ, id-drittijiet tad-difiża tiegħu jew il-prinċipju ta’ kontradittorju nkisru.

–       Fuq id-dritt tal-membru li jitkellem waqt id-diskussjoni prevista fl-Artikolu 7(8) tar-Regoli ta’ Proċedura

189    Fid-dawl tal-argumenti preċedenti, għandu jiġi kkunsidrat bħala ineffettiv l-argument tar-rikorrent li bih isostni li l-fatt li huwa ma għandux dritt jitkellem waqt id-diskussjoni fis-seduta plenarja waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-immunità imur kontra r-rispett tad-drittijiet tad-difiża.

190    Fil-fatt, għalkemm, skont l-Artikolu 138(2) tar-Regoli ta’ Proċedura, tista’ tiddaħħal fl-aġenda tas-seduta plenarja sabiex jittieħed vot mingħajr diskussjoni u mingħajr emendi proposta għal deċiżjoni intiża għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru, l-ilment ibbażat fuq il-fatt li huwa ma jistax jitkellem fil-kuntest ta’ dik id-diskussjoni huwa illegali u ineffettiv.

191    Minn dan isegwi wkoll li, f’dawn iċ-ċirkustanzi, A, li kienet tippresjedi s-seduta plenarja, ma tistax tkun akkużata li ma ħallietx lir-rikorrent jitkellem għall-finijiet tad-diskussjoni fuq it-tneħħija tal-immunità tiegħu, peress li ma kienet prevista ebda diskussjoni.

–       Fuq l-ilmenti l-oħra mressqa mir-rikorrent dwar l-iżvolġiment tal-proċedura

192    Għal dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq il-fatt li d-diskussjoni fi ħdan il-kumitat responsabbli saret fil-magħluq, għandu jiġi osservat li dan sar skont l-Artikolu 103(2) tar-Regoli ta’ Proċedura u li, skont l-artikolu, din il-proċedura tapplika dejjem għal dak li jikkonċerna l-eżami tat-talbiet għat-tneħħija tal-immunità, sabiex jiġi protett kemm il-membru kkonċernat kif ukoll il-kunfidenzjalità tad-diskussjonijiet kif jirriżulta mill-Artikolu 7(11) tar-Regoli ta’ Proċedura.

193    Konsegwentement, ir-rikorrent ma kien suġġett ta’ ebda trattament differenti jew partikolari fir-rigward tat-trattament normalment irriżervat lill-membri tal-Parlament f’ċirkustanzi simili.

194    Għal dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq il-fatt li d-diskussjoni quddiem il-kumitat responsabbli saret qabel ma l-kontenut tal-abbozz tar-rapport ma kien mgħarraf lir-rikorrent, ħaġa li ma ppermettitlux li jiddefendi ruħu b’mod adegwat, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent baqa’ ma ppruvax li kien diġà jeżisti abbozz ta’ rapport fil-mument tas-smigħ tiegħu fis-26 ta’ Jannar 2011 u li dan ġie mgħarraf minn qabel lill-membri tal-kumitat responsabbli, iżda mhux lilu.

195    Fi kwalunkwe każ, għandu jitfakkar f’dan ir-rigward li r-rikorrent baqa’ ma pprovax liema punti ta’ fatt jew ċirkustanzi ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-Kumitat għall-Affarijiet Legali jew mill-Parlament u li fuqhom huwa ma kienx f’pożizzjoni li jagħti l-fehma tiegħu qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni dwar it-tneħħija tal-immunità tiegħu.

196    Minn dan isegwi li dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

197    Għal dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq il-fatt li l-membri li assistew għad-diskussjoni fil-kumitat ma kinux l-istess bħal dawk li ħadu sehem fil-vot ġewwa l-istess kumitat, fl-ewwel lok, għandu jiġi kkunisdrat li l-Parlament, ġustament, u mingħajr kontestazzjoni fuq dan il-punt min-naħa tar-rikorrent, sostna li ma teżisti ebda dispożizzjoni jew regola ta’ proċedura li teżiġi li l-kumitat għandu jkun kompost bl-istess mod waqt id-diskussjoni u waqt il-vot, sakemm ikunu rrispettati l-kworums, li huwa ġġustifikat mill-fatt li dawn ma humiex atti adottati individwalment mill-membri, iżda atti tal-kumitat parlamentari.

198    Fit-tieni lok, għandu jitfakkar li, skont il-proċedura stabbilita mill-Parlament, wara t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta’ membru ntbagħtet lill-kumitat responsabbli, il-membru jinstema’ mill-kumitat. Sussegwentement, jiġi ppreparat rapport mill-membru tal-kumitat maħtur bħala relatur, rapport li miegħu tiġi annessa l-proposta għal deċiżjoni. Dan ir-rapport, akkumpanjat bil-proposta għal deċiżjoni, jintbagħat sussegwentement għall-vot tal-membri tal-kumitat.

199    Issa, ir-rikorrent baqa’ ma pprovax li din il-proċedura ma ġietx segwita f’dan il-każ.

200    Barra minn hekk, għandu jiġi enfasizzat li l-proposta għal deċiżjoni suġġetta għall-vot tal-kumitat tesponi r-raġunijiet li għalihom il-Parlament sostna li r-rikorrent ma kienx aġixxa fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu bħala membru tal-Parlament u li ma kienx ġie pprovat fumus persecutionis.

201    Barra minn hekk, għandu jerġa’ jitfakkar li r-rikorrent baqa’ ma pprovax liema punti ta’ fatt jew ċirkustanzi ttieħdu inkunsiderazzjoni mill-membri tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali waqt il-vot tal-istess kumitat u li fuqhom huwa ma kienx f’pożizzjoni li jagħti l-fehma tiegħu.

202    Fl-aħħar nett, fit-tielet lok, fir-rigward ta’ att tal-Parlament li huwa ta’ natura politika (ara l-punt 59 iktar ’il fuq), ma jista’ jiġi stabbilit ebda paralleliżmu mar-regoli li jirregolaw il-proċeduri dixxiplinarji jew ġudizzjarji fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-entità li tieħu d-deċiżjoni responsabbli fir-rigward tal-proċeduri msemmija.

203    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

204    Għal dak li jikkonċerna l-ilment ibbażat fuq id-differenzi proċedurali eżistenti mad-dritt Franċiż, anki kieku kellhom jiġu preżunti pprovati (ara l-punt 181 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkonstatat li dan huwa ineffettiv peress li f’dan il-każ ma hijiex il-proċedura ta’ adozzjoni tad-deċiżjoni prevista mid-dritt Franċiż li tapplika, iżda l-proċedura prevista mir-Regoli ta’ Proċedura.

205    Konsegwentement, dan l-ilment għandu jiġi miċħud.

206    Is-sitt motiv għandu konsegwentement jiġi miċħud fl-intier tiegħu kif ukoll l-eċċezzjoni ta’ illegalità fir-rigward tat-tielet paragrafu tal-Artikolu 7(8) tar-Regoli ta’ Proċedura.

207    Bħala konklużjoni, ir-rikors għal annullament fil-kuntest tal-Kawża T-346/11 dwar it-tneħħija tal-immunità tar-rikorrent għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-rikors għad-danni fil-Kawża T-246/11, dwar it-tneħħija tal-immunità

208    Ir-rikorrent jillimita ruħu biex jifformula kap ta’ talbiet għal kumpens fir-rikors tiegħu.

209    Il-Parlament jikkontesta din it-talba.

210    Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni, fis-sens tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE, għal aġir illegali tal-organi tagħha hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-dannu u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (ara s-sentenza Gollnisch vs Il-Parlament, punt 58 iktar ’il fuq, punt 90, u l-ġurisprudenza ċċitata).

211    Dawn it-tliet kundizzjonijiet għar-responsabbiltà kuntrattwali tal-Komunità huma kumulattivi (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tad-9 ta’ Settembru 1999, Lucaccioni vs Il-Kummissjoni, C‑257/98 P, Ġabra p. I‑5251, punt 14, u tal-Qorti Ġenerali tas-6 ta’ Diċembru 2001, Emesa Sugar vs Il-Kunsill, T‑43/98, Ġabra p. II‑3519, punt 59). Għalhekk, in-nuqqas ta’ waħda minnhom huwa biżżejjed sabiex rikors għad-danni jiġi miċħud (sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Diċembru 2003, DLD Trading vs Il-Kunsill, T‑146/01, Ġabra p. II‑6005, punt 74).

212    Peress li, f’dan il-każ, il-kundizzjoni tal-illegalità tal-aġir li biha ġie akkużat il-Parlament ma ġietx sodisfatta, l-ebda illegalità ma tivvizzja d-deċiżjoni tiegħu li jneħħi l-immunità tar-rikorrent (ara l-punt 207 iktar ’il fuq), ir-responsabbiltà ta’ din l-istituzzjoni ma tistax tkun ibbażata fuq it-tieni paragrafu tal-Artikolu 340 TFUE u r-rikors għad-danni għandu jiġi miċħud.

 Fuq ir-rikors għal annullament u r-rikors għad-danni fil-Kawża T-347/11, dwar id-deċiżjoni tar-rifjut li tiġi mħarsa l-immunità tar-rikorrent

213    Ir-rikorrent iressaq sitt motivi, li jixbhu l-motivi mressqa fil-kuntest tal-Kawża T‑346/11, insostenn tar-rikors għal annullament li huwa jippreżenta kontra d-deċiżjoni tal-Parlament li ma jħarisx l-immunità tiegħu.

214    Huwa jinvoka, fl-ewwel lok, il-ksur tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, fit-tieni lok, il-ksur tal-“ġurisprudenza stabbilita” tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament, fit-tielet lok, il-ksur tal-prinċipji taċ-ċertezza legali u tal-aspettattiva leġittima, fir-raba’ lok, il-ksur tal-indipendenza tal-membru parlamentari, fil-ħames lok, il-ksur tad-dispożizzjonijiet tat-tieni paragrafu tal-Artikolu 3(4) tar-Regoli ta’ Proċedura, dwar il-proċedura li tista’ twassal għall-iskwalifika ta’ membru, u fis-sitt lok, il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u tad-drittijiet tad-difiża tiegħu.

215    Ir-rikorrent jillimita ruħu, barra minn hekk, biex fir-rikors tiegħu jagħmel talbiet għall-kumpens.

216    Il-Parlament jeċċepixxi, fis-sustanza, kemm l-inammissibbiltà tar-rikors, inkwantu d-deċiżjoni dwar il-ħarsien tal-immunità tikkostitwixxi biss opinjoni u ma tistax tbiddel is-sitwazzjoni legali tal-persuna kkonċernata, filwaqt li jipprevalixxi ruħu mill-ġurisprudenza li tirriżulta mis-sentenza Marra, punt 34 iktar ’il fuq (punt 44), u n-nuqqas ta’ interess ġuridiku tar-rikorrent, inkwantu d-deċiżjoni tiegħu għat-tneħħija tal-immunità ta’ dan tal-aħħar ġiet adottata b’mod konkomitanti mad-deċiżjoni tar-rifjut għall-ħarsien tal-immunità fil-kuntest ta’ dan ir-rikors.

217    Barra minn hekk, il-Parlament jikkontesta l-argument tar-rikorrent u jitlob li l-motivi tal-istess rikorrent insostenn tar-rikors għal annullament tiegħu jiġu miċħuda kif ukoll li tiġi miċħuda t-talba għall-kumpens tiegħu, għall-motivi li jixbhu lil dawk li huwa jeċċepixxi fil-kuntest tal-Kawża T-346/11.

218    Kif ġie rikonoxxut minn ġurisprudenza stabbilita, is-suġġett tal-kawża, kif ikun ġie ddeterminat mir-rikors promotur, irid jissussisti, bl-istess mod bħall-interess ġuridiku, sad-deċiżjoni finali, u fin-nuqqas ta’ dan, ma jkunx hemm lok li tingħata deċiżjoni, li tissupponi li r-rikors jista’, jekk dan jirnexxi, ikun ta’ vantaġġ lill-parti li tkun ippreżentat tali rikors (sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta’ Ġunju 2007, Wunenburger vs Il-Kummissjoni, C‑362/05 P, Ġabra p. I‑4333, punt 42 u tal-Qorti Ġenerali tal-24 ta’ Settembru 2008, Reliance Industries vs Il-Kunsill u Il-Kummissjoni, T‑45/06, Ġabra p. II‑2399, punt 35).

219    Inkwantu r-rikors dirett kontra d-deċiżjoni għat-tneħħija tal-immunità huwa miċħud (ara l-punt 207 iktar ’il fuq), għandu jiġi kkunsidrat li r-rikorrent ma jista’ jieħu ebda benefiċċju minn sentenza li tiddeċiedi dwar il-legalità tad-deċiżjoni tal-Parlament li ma jħarisx l-immunità tiegħu.

220    Fil-fatt, anki jekk, fl-impossibbiltà, peress li l-motivi mressqa jixbhu lil dawk li ġew preċedentement miċħuda f’dak li jikkonċerna d-deċiżjoni għat-tneħħija tal-immunità, id-deċiżjoni biex l-immunità tar-rikorrent ma tiġix imħarsa tiġi annullata, is-sentenza ta’ annullament tibqa’ ma taffettwax is-sitwazzjoni legali tiegħu, peress li l-immunità tiegħu tibqa’ kompletament imneħħija u għaldaqstant, hija ma tistax tkun simultanjament imħarsa mill-Parlament.

221    Konsegwentement, ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament fil-Kawża T-347/11, dwar id-deċiżjoni tal-Parlament biex ma jħarisx l-immunità tar-rikorrent.

222    Għal dak li jirrigwarda r-rikors għad-danni, għandu jitfakkar, fil-qasam tal-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Unjoni mfakkra fil-punt 210 iktar ’il fuq, li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-kundizzjoni dwar l-eżistenza ta’ rabta kawżali hija sodisfatta fil-mument li tkun teżisti rabta diretta ta’ kawża u effett bejn l-att imwettaq mill-istituzzjoni kkonċernata u d-dannu invokat, rabta li huwa r-rikorrent li għandu jipprova. L-Unjoni tista’ tinżamm responsabbli biss għal dannu li jirriżulta b’mod dirett biżżejjed mill-aġir irregolari tal-istituzzjoni kkonċernata, jiġifieri li dan l-aġir għandu jkun il-kawża determinanti tad-dannu. Min-naħa l-oħra, ma hijiex l-Unjoni li għandha tħallas għal kull konsegwenza dannuża, anki mill-bogħod, tal-aġir tal-organi tagħha (ara s-sentenza Gollnisch vs Il-Parlament, punt 58 iktar ’il fuq, punt 110, u l-ġurisprudenza ċċitata).

223    F’dan il-każ, peress li l-Parlament seta’ biss jikkonstata li ma kienx hemm lok li jiddeċiedi fuq it-talba għall-ħarsien tal-immunità tar-rikorrent inkwantu hu kellu quddiemu talba għat-tneħħija tal-immunità tiegħu, għandu jiġi kkunsidrat li kienet biss id-deċiżjoni li tiddeċiedi dik it-talba li setgħet tikkawżalu preġudizzju u li, waħedha, setgħet twassal għar-responsabbiltà tal-Parlament kieku kienet illegali, ħaġa li, madankollu, hija ma kinitx (ara l-punt 212 iktar ’il fuq).

224    Minn dan isegwi li, fi kwalunkwe każ, ebda rabta kawżali ma tista’ tiġi stabbilita bejn id-dannu morali allegat mir-rikorrent u l-illegalitajiet li, fil-fehma tiegħu, jivvizzjaw id-deċiżjoni tal-Parlament li ma jħarisx l-immunità.

225    Minn dan isegwi li r-rikors għad-danni għandu jiġi miċħud.

 Fuq l-ispejjeż

226    Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ntalbu.

227    Skont l-Artikolu 87(6) tar-Regoli tal-Proċedura, fil-każ fejn ma hemmx lok għal deċiżjoni dwar il-kawża, l-Qorti Ġenerali għandha tiddeċiedi dwar l-ispejjeż.

228    Peress li r-rikorrent fil-Kawża T-346/11 kif ukoll fil-kuntest tar-rikors għad-danni fil-Kawża T-347/11, hemm lok li jiġi kkundannat għall-ispejjeż, inklużi dawk li jirrigwardaw il-proċeduri għal miżuri provviżorji, kif mitlub mill-Parlament.

Għal dawn il-motivi,

IL-QORTI ĠENERALI (L-Ewwel Awla)

taqta’ u tiddeċiedi:

1)      Ir-rikors għal annullament u r-rikors għad-danni fil-Kawża T-346/11 huma miċħuda.

2)      Ma hemmx lok li tingħata deċiżjoni dwar ir-rikors għal annullament fil-Kawża T-347/11.

3)      Ir-rikors għad-danni fil-Kawża T-347/11 huwa miċħud.

4)      Bruno Gollnisch huwa kkundannat għall-ispejjeż, inklużi dawk li jirrigwardaw il-proċeduri għal miżuri provviżorji fil-Kawżi T-346/11 u T-347/11.

Azizi

Frimodt Nielsen

Kancheva

Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fis-17 ta’ Jannar 2013.

Werrej


Il-kuntest ġuridiku

Il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet

Ir-Regoli interni tal-Parlament

Il-fatti li wasslu għall-kawża

Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet

Id-dritt

Osservazzjonijiet preliminari

Fuq is-sistema tal-immunità parlamentari stabbilita mill-Protokoll

Fuq id-distinzjoni li għandha ssir bejn it-tneħħija tal-immunità u l-ħarsien tal-immunità fis-sens tal-protokoll

Fuq l-eżerċizzju ta’ dritt għal rimedju u fuq il-portata tal-istħarriġ magħmul mill-Qorti Ġenerali f’dan il-kuntest

Fuq ir-rikors għal annullament fil-Kawża T-346/11, dwar it-tneħħija tal-immunitŕ tar-rikorrent

Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 9 tal-Protokoll, u fuq ir-raba’ motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-indipendenza tal-membru parlamentari

Fuq it-tieni u t-tielet motiv, ibbażati, min-naħa waħda, fuq il-ksur tal-“ġurisprudenza stabbilita” tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Parlament fil-qasam tal-libertŕ ta’ espressjoni u tal-fumus persecutionis u, min-naħa l-oħra, fuq il-ksur tal-prinċipji ta’ ċertezza legali, tal-protezzjoni tal-aspettattivi leġittimi u ta’ ugwaljanza fit-trattament.

–  Fuq in-natura legali tal-Komunikazzjoni Nru 11/2003 u l-istħarriġ imwettaq mill-Qorti Ġenerali

–  Fuq l-att ikkontestat

Fuq il-ħames motiv, li huwa bbażat fuq il-ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regoli ta’ Proċedura dwar il-proċedura li tista’ twassal għall-iskwalifika ta’ membru

Fuq is-sitt motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ kontradittorju u d-drittijiet tad-difiża

–  Fuq iż-żamma ta’ dibattitu fis-seduta plenarja

–  Fuq id-dritt tal-membru li jitkellem waqt id-diskussjoni prevista fl-Artikolu 7(8) tar-Regoli ta’ Proċedura

–  Fuq l-ilmenti l-oħra mressqa mir-rikorrent dwar l-iżvolġiment tal-proċedura

Fuq ir-rikors għad-danni fil-Kawża T-246/11, dwar it-tneħħija tal-immunitŕ

Fuq ir-rikors għal annullament u r-rikors għad-danni fil-Kawża T-347/11, dwar id-deċiżjoni tar-rifjut li tiġi mħarsa l-immunitŕ tar-rikorrent

Fuq l-ispejjeż


* Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.