Language of document :

Rikors ippreżentat fis-16 ta’ Lulju 2021 – L’union nationale des indépendants solidaires vs Il-Kummissjoni

(Kawża T-431/20)

Lingwa tal-kawża: il-Franċiż

Partijiet

Rikorrent: L’union nationale des indépendants solidaires (Lorient, Franza) (rappreżentant: F. Ortega, avukat)

Konvenut: Il-Kummissjoni Ewropea

Talbiet

Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

tikkonstata li l-Kummissjoni bbażat it-tweġiba tagħha għall-ilment fuq interpretazzjoni personali u, konsegwentement illegali, tal-Artikolu 153(4) TFUE;

tikkonstata n-nuqqas tal-Kummissjoni li twettaq l-obbligi tagħha li jirriżultaw mit-Trattati u, b’mod partikolari, dawk stabbiliti fl-Artikolu 105(1) TFUE;

taqta’ u tiddeċiedi li l-Caisse nationale d’assurance vieillesse (il-Fond Nazzjonali ta’ Assigurazzjoni għax-Xjuħija, Franza) u l-organi marbuta miegħu qegħdin jiksru r-regoli Ewropej tal-kompetizzjoni;

tikkundanna lill-Kummissjoni tħallas lill-union syndicale des indépendants solidaires (l-Unjoni Sindakali ta’ Ħaddiema Indipendenti Solidali, Franza) is-somma ta’ EUR 2 500 għall-onorarji tal-avukat tagħha;

tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż kollha.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ares(2021)3291074 tat-18 ta’ Mejju 2021, li tiċħad l-ilment tagħha, ir-rikorrenti tinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 267 TFUE li permezz tiegħu l-leġiżlatur ta biss lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea l-kompetenza sabiex tiddeċiedi dwar l-interpretazzjoni tat-Trattati. Ir-rikorrenti tikkonkludi minn dan li l-Kummissjoni hija obbligata tirrikonoxxi unikament l-interpretazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja lill-kontenut tat-Trattati.

It-tieni motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 153(4) TFUE. Ir-rikorrenti ssostni li l-interpretazzjoni ta’ dan l-artikolu mill-Kummissjoni li tgħid li t-tfassil u l-ġestjoni ta’ sistemi ta’ protezzjoni soċjali, inklużi ta’ sistemi ta’ irtirar, jibqgħu fundamentalment il-kompetenza tal-Istati Membri ma tistax tiġi aċċettata. Ir-rikorrenti żżid li l-Kummissjoni taqbeż il-prerogattivi tagħha sabiex tiġġustifika r-rifjut tagħha li tikkonstata l-ksur tar-regoli Ewropej tal-kompetizzjoni mwettqa mill-organu li dwaru jittratta l-ilment.

It-tielet motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikoli 101, 102 u 105 TFUE, għar-raġuni li, skont ir-rikorrenti, waħda mill-missjonijiet tal-Kummissjoni hija preċiżament li tinvestiga, ex officio, il-każijiet ta’ ksur tal-prinċipji mfakkra fl-artikoli msemmija iktar ’il fuq. Ir-rikorrenti tqis li l-organu li dwaru jittratta l-ilment jista’ jitqies biss bħala impriża u minn dan tiddeduċi li d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni fil-qasam tal-kompetizzjoni huma għalhekk applikabbli għalih. Ir-rikorrenti tikkonkludi li s-sitwazzjoni ta’ monopolju tal-Fond Nazzjonali ta’ Assigurazzjoni għax-Xjuħija u tal-organi marbuta miegħu hija illegali.

____________