Language of document :

Rikors ippreżentat fid-9 ta’ Awwissu 2021 – Vasallo Andrés vs Il-Parlament

(Kawża T-496/21)

Lingwa tal-kawża: l-Ispanjol

Partijiet

Rikorrent: Ángel Vasallo Andrés (Valladolid, Spanja) (rappreżentant: F. González Álvarez, avukat)

Konvenut: Il-Parlament Ewropew

Talbiet

Ir-rikorrent jitlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:

abbażi tal-Artikolu 263 TFUE, tintlaqa’ t-talba intiża sabiex tiġi kkunsidrata rikużata l-President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Dolors Montserrat Montserrat, kif ukoll kull impjegat attiv jew għad-dispożizzjoni tal-amministrazzjoni pubblika Spanjola jew li huwa jew li kien fi kwalunkwe mument marbut jew relatat magħha jew mal-poter leġiżlattiv jew eżekuttiv Spanjol, minħabba li l-parteċipazzjoni tagħhom f’din il-proċedura tippreżenta kunflitt ta’ interessi ċar li jikkostitwixxi, essenzjalment, ksur tar-rekwiżiti formali essenzjali li jwassal għall-annullament mitlub;

bl-istess mod, b’konformità mal-imsemmi Artikolu 263 TFUE, tirrikonoxxi d-dritt tar-rikorrent li jkun jaf il-ġustifikazzjoni u l-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li ttieħdu matul it-tfassil tad-deċiżjoni kkontestata, u b’mod konkret l-ammissibbiltà inizjali kif ukoll il-bdil tal-istatus tal-petizzjoni tar-rikorrent minn “miftuħa għal sostenn” għal “inammissibbli”, sa fejn dan iwassal għal ksur ulterjuri ta’ rekwiżiti formali essenzjali;

barra minn hekk, abbażi tal-imsemmi Artikolu 263 TFUE, tannulla d-Deċiżjoni D 200663, minħabba ksur tat-Trattati u regoli oħra tad-dritt tal-Unjoni relatati mal-applikazzjoni tagħhom kif imsemmi, u ksur ulterjuri ta’ rekwiżiti proċedurali essenzjali, minħabba li kkunsidrat mhux applikabbli għall-każ inkwistjoni u legalment mhux motivati r-raġunijiet tagħha sa fejn tiddikjara inammissibbli l-petizzjoni mressqa mir-rikorrent. Fid-dawl ta’ dan, il-Qorti Ġenerali għandha, wara li twettaq il-formalitajiet legali neċessarji: - prinċipalment, tiddikjara ammissibbli l-petizzjoni mressqa mir-rikorrent; jew sussidjarjament, tikkundanna lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet sabiex treġġa’ lura l-proċeduri għall-mument inizjali fejn l-imsemmi korp ikollu jerġa’ jiddeċiedi mill-ġdid il-petizzjoni mressqa, fir-rispett tad-drittijiet miksura u tiddikjara l-petizzjoni tar-rikorrent ammissibbli u miftuħa sabiex tiġi sostnuta;

bħala konsegwenza ta’ dan, u b’applikazzjoni tal-imsemmi Artikolu 263 TFUE, il-Qorti Ġenerali hija mitluba tiddikjara l-qsim korrispondenti tar-responsabbiltà individwali ta’ dawk li kisru l-liġi applikabbli, u li pparteċipaw għal dawk li b’mod ċar huma kkunsidrati atti irregolari mwettqa bl-uniku skop li l-petizzjoni tar-rikorrent ma tirnexxix fil-Parlament. Sussidjarjament, fil-każ li tali talba tmur lil hinn mill-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, tikkonstata fid-deċiżjoni li għandha tagħti, bħala fatt stabbilit, l-eżistenza ta’ atti irregolari rraportati, b’mod li l-imsemmija deċiżjoni tkun tista’ tkopri proċedura ulterjuri amministrattiva għal danni abbażi ta’ din ir-responsabbiltà;

fl-aħħar nett, skont l-Artikoli 133 et seq. tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, tikkundanna espressament lill-konvenut għall-ispejjeż ta’ din il-proċedura, fil-każ li din tilqa’ t-talbiet, u, fl-ipoteżi fejn waħda mit-talbiet ma tintlaqax, ma tikkundannax lir-rikorrent ibati parti mill-ispejjeż tal-parti l-oħra, fid-dawl tal-gravità tal-motivazzjoni fid-dritt tat-talbiet magħmula.

Motivi u argumenti prinċipali

Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka tliet motivi.

L-ewwel motiv ibbażat fuq ksur preliminari ta’ rekwiżiti formali essenzjali fit-teħid tad-deċiżjoni dwar il-każ mitlub.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent jinvoka l-passat professjonali kif ukoll in-nazzjonalità tal-President tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament Ewropew, Dolors Montserrat Montserrat, li kellhom iwassluha sabiex tastjeni fid-deċiżjoni kkontestata, peress li l-preżenti petizzjoni tippreżenta b’mod ċar kunflitt ta’ interessi f’dak li jikkonċernaha.

It-tieni motiv ibbażat fuq ksur tat-trattat tal-Unjoni Ewropea permezz tad-deċiżjoni kkontestata, kif ukoll nuqqas ta’ motivazzjoni rigward il-mertu ta’ din il-kwistjoni.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-kwistjoni mqajma mill-petizzjoni taqa’ proprjament taħt il-kamp ta’ azzjoni tal-Unjoni, b’mod li hemm lok li jiġi annullat l-att ikkontestat minħabba ksur tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni applikabbli.

It-tielet motiv ibbażat fuq ksur li jirriżulta mill-bdil tal-istatus tal-petizzjoni tar-rikorrent, flimkien ma’ nuqqas ta’ motivazzjoni tal-imsemmi bdil.

F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-istatus tal-petizzjoni nbidel b’mod irregolari u mhux ġustifikat, peress li huwa stabbilit li, wara li ntlaqgħet bl-istatus “miftuħa għal sostenn”, għaddiet fi ftit ħin, mingħajr raġuni magħrufa, għall-istatus “inammissibbli”.

____________